Language of document : ECLI:EU:T:2015:436

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

25 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali LUCEA LED — Trade mark Komunitarja verbali preċedenti LUCEO — Assenza ta’ preeżistenza — Invokazzjoni ta’ prijorità — Data ta’ prijorità mniżżla fir-reġistru — Dokumenti ta’ prijorità — Eżami ex officio — Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑186/12,

Copernicus-Trademarks Ltd, stabbilita fi Borehamwood (ir-Renju Unit), ġiet awtorizzata tissostitwixxi lil Verus EOOD, inizjalment irrappreżentata minn S. Vykydal, sussegwentement minn F. Henkel, avukati,

rikorrent/i,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Maquet SAS, stabbilita fi Ardon (Franza), irrappreżentata minn N. Hebeis, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-13 ta’ Frar 2012 (Każ R 67/2011‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Capella EOOD u Maquet SAS,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u billi għalhekk iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Fit-29 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti, Airbus SAS, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali LUCEA LED.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 10, skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Lampi kirurġiċi”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 31/2009, tad-17 ta’ Awwissu 2009.

5        Fis-16 ta’ Novembru 2009, Capella EOOD ippreżentat oppożizzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 8554974 tat-trade mark Komunitarja verbali LUCEO, tas-16 ta’ Settembru 2009, li tindika b’mod partikolari l-prodotti fil-klassi 10 li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni ta’ “[a]pparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji, riġlejn u dirgħajn, għajnejn u snien artifiċjali; oġġetti ortopediċi; materjali tal-ponti”, flimkien ma’ invokazzjoni ta’ prijorità skont l-applikazzjoni għal trade mark Nru 1533/2009, imressqa fil-Österreichisches Patentamt (Uffiċċju tal-Privattivi Awstrijaku) fis-16 ta’ Marzu 2009 għall-istess prodotti.

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

8        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2009, intitolata “Stedina sabiex jitressqu Dokumenti ta’ prijorità konformememnt mal-Artikolu 30 tar-Regolament [Nru 207/2009] u mar-Regola 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni [(KE) Nru 2868/95]”, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), l-eżaminatur stieden lil Capella tressaq “kopji eżatti tal-applikazzjoni” tat-trade mark Awstrijaka qabel it-22 ta’ Frar 2010 inkluż u speċifikat li, fl-ipoteżi fejn hija ma tirrispondix għal din l-istedina, hija tiġi mċaħħda mid-dritt ta’ prijorità.

9        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2010, Capella ressqet kopja tal-applikazzjoni għal tat-trade mark Awstrijaka

10      Fis-26 ta’ Ottubru 2010, it-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni ġiet irreġistrata mill-eżaminatur. Dan tal-aħħar aċċetta l-prijorità li Capella invokat għal din it-trade mark u niżżel fir-reġistru s-16 ta’ Marzu 2009 bħala data ta’ prijorità.

11      Fit-8 ta’ Novembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha u kkundannat lill-intervenjenti għall-ispejjeż. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat li t-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni kienet preċedenti t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom.

12      Fl-4 ta’ Jannar 2011, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fis-7 ta’ Marzu 2011, hija ppreżentat nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell.

13      Fis-16 ta’ Awwissu 2011, Capella ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

14      Fit-12 ta’ Ottubru 2011, l-intervenjenti pproduċiet is-sentenza tal-Landgericht Mannheim (Qorti Reġjonali ta’ Mannheim, il-Ġermanja) tat-23 ta’ Settembru 2011, 7 O 186/11, li tikkundanna lil Capella sabiex tħallas EUR 1 780.20 f’danni lill-intervenjenti minħabba li ppreżentat talba infondata għal mandat ta’ inibizzjoni abbażi tat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni. F’din is-sentenza, il-Landgericht Mannheim ikkunsidra li Capella aġixxiet b’mod abbużiv. F’dan ir-rigward, huwa rrileva, b’mod partikolari, li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni kienet ġiet mitluba bl-uniku għan li jitressqu t-talbiet għal mandat ta’ inibizzjoni u li r-reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka li fuqha ġiet ibbażata l-invokazzjoni ta’ prijorità u li għaliha saru diversi applikazzjonijiet mingħajr ma tħallas dritt fuq l-applikazzjoni. Fid-19 ta’ Ottubru 2011, l-intervenjenti pproduċiet traduzzjoni bl-Ingliż tal-imsemmija sentenza.

15      Fil-25 ta’ Novembru 2011, ir-reġistru tal-Bord tal-Appell stieden lil Capella sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ din is-sentenza.

16      Fis-6 ta’ Diċembru 2011, Capella ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni u kkundanna lil Capella għall-ispejjeż proċedimenti ta’ oppożizzjoni u tal-appell. Hija kkunsidrat li t-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni ma hijiex preċedenti għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, hija kkonstatat li d-data ta’ tressiq tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet id-29 ta’ Lulju 2009, filwaqt li dak tat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni kienet is-16 ta’ Settembru 2009, għaldaqstant data sussegwenti. Sussegwentement, hija rrilevat li d-dritt ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni ma ġietx validament invokata. Capella ma ressqitx id-dokument ta’ prijorità mitlub, peress li l-formula tal-applikazzjoni mimlija mressqa minnha ma kienx fiha timbru jew indikazzjoni tal-wasla tagħha attwali mill-Österreichisches Patentamt. Barra dan, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li huwa kellu dritt li jeżamina l-fondatezza ta’ invokazzjoni ta’ prijorità fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

 Il-proċedura, fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ April 2012, Verus EOOD, li, fis-6 ta’ Settembru 2011, ġiet inkluża fir-reġistru tat-trade marks Komunitarju bħala proprjetarja tat-trade mark li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni minn Capella, ippreżentat dan ir-rikors.

19      Fis-27 ta’ Awwissu 2012, Copernicus-Trademarks Ltd ġiet inkluża fir-reġistru tat-trade marks Komunitarju bħala l-proprjetarja l-ġdida ta’ din it-trade mark.

20      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2013, Copernicus-Trademarks ġiet awtorizzata tissostitwixxi ruħha għal Verus bħala rikorrenti.

21      Fit-13 ta’ Novembru 2013, Ivo Kermartin GmbH ġiet inkluża fir-reġistru tat-trade marks Komunitarju bħala l-proprjetarja l-ġdida tat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni.

22      Permezz ta’ ittra mressqa fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ April 2014, l-intervenjenti ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-fatt li t-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni ġiet ttrasferita mir-rikorrenti lill-Ivo Kermartin.

23      Permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu għal mistoqsijiet fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet sabiex iwieġbu xi mistoqsijiet fil-kuntest ta’ miżura fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-Proċedura, konformement mal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

24      Ir-rikorrenti, Copernicus-Trademarks, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll għall-ispejjeż quddiem il-Bord tal-Appell.

25      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Copernicus-Trademarks għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

26      Kif irrimarkat l-intervenjenti fl-ittra tagħha tal-1 ta’ April 2014, it-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni ma għadhiex proprjetà tar-rikorrenti.

27      Skont il-partijiet, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex bħala konsegwenza li tirrendi r-rikors inammissibbli, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti li jibqa’ minħabba l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt li abbażi tiegħu ġiet ttrasferita t-trade mark lil Ivo Kermartin.

28      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il-mertu mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑118, punti 51 u 52).

29      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, għal finijiet ta’ ekonomija tal-proċedura, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tar-rikors għal annullament tar-rikorrenti, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, li huwa, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondat.

 Fuq il-fondatezza tar-rikors

30      Ir-rikors huwa bbażat b’mod partikolari fuq erba’ motivi.

31      L-ewwel motiv huwa bbażat b’mod partikolari fuq ksur tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed huwa bbażat b’mod partikolari fuq ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 ta’ dan ir-regolament, it-tielet huwa bbażat b’mod partikolari fuq ksur tar-Regola 6(4) tar-Regolament Nru 2868/95, moqrija flimkien mad-deċiżjoni tal-President tal-UASI EX‑05‑5, tal-1 ta’ Ġunju 2005, li tirrigwarda d-dokumenti li għandhom jiġu prodotti għal invokazzjoni ta’ prijorità jew ta’ anzjanità, u r-raba’ huwa bbażat b’mod partikolari fuq ksur tal-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament Nru 207/2009.

32      Barra minn hekk, mingħajr ma tippreżentah b’mod awtonomu, essenzjalment, ir-rikorrenti ressqet ukoll il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi billi bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq il-kunsiderazzjoni skont liema Capella kienet qed taġixxi b’ mala fide meta ressqet l-applikazzjoni tat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni, billi, minn naħa waħda, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, tali ċirkustanza ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni u li, Capella ma kinitx qed taġixxi b’mala fide.

33      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli li teżamina mill-bidu nett l-ewwel motiv u sussegwentement ir-raba’, it-tielet, it-tieni u l-ħames motivi.

 Fuq l-ewwel motiv

34      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 billi eżamina jekk Capella kinitx ressqet id-dokument meħtieġ insostenn tal-invokazzjoni ta’ prijorità tagħha għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni. Dan l-ilment ma ġiex imressaq mill-intervenjenti, li llimita ruħu li jinvoka l-mala fide ta’ Capella. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-data ta’ prijorità li l-eżaminatur inkluda fir-reġistru ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

35      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

36      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-UASI għandu jagħmel eżami ex officio tal-fatti, iżda li, fi proċedura li tirrigwarda raġunijiet relattivi ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami tiegħu huwa limitat għall-motivi invokati u t-talbiet mressqa mill-partijiet. L-Artikolu 76(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-UASI ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux ipproduċew fiż-żmien xieraq.

37      It-tieni lok, għandu jitfakkar li, ukoll f’proċeduri li jirrigwardaw il-motivi ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jipprekludix li l-Bord tal-Appell jeżamina ċerti elementi ex officio. Fil-fatt, il-kwistjonijiet ta’ dritt li għandhom jiġu riżolti sabiex tassigura l-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward tal-motivi u tat-talbiet mill-partijiet għandu jiġu deċiżi mill-UASI, anki jekk ma jkunux ġew imqajma mill-partijiet [is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra, EU:T:2005:29, punt 21].

38      F’dan il-każ, Capella ressqet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 41(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jista’ jitlob ir-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni f’każ ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks.

39      Madankollu, f’proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-eżistenza ta’ raġunijiet relattivi għal rifjut skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009 jippresupponi li t-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni teżisti u ġiet qabel it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant, huma elementi li għandhom jiġu eżaminati ex officio mill-UASI u li ma għandhomx jitħallew għad-disponibbiltà tal-partijiet [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2008, El Corte Inglés vs UASI – Abril Sánchez u Ricote Saugar (BoomerangTV), T‑420/03, Ġabra, EU:T:2008:203, punt 77].

40      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, anki f’sitwazzjoni fejn l-intervenjent ma jikkontestax l-invokazzjoni ta’ prijorità sabiex it-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx jipprekludi il-Bord tal-Appell jeżamina ex officio l-fondatezza ta’ din l-invokazzjoni.

41      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju tal-argument magħmul mir-rikorrenti, fil-kuntest tar-rikors quddiem l-UASI, l-intervenjent ma huwiex limitat li jinvoka l-mala fide ta’ Capella, iżda jista’ jikkontesta wkoll l-invokazzjoni ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni u għaldaqstant il-preċedenza tagħha meta mqabbla mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, fis-sottomissjonijiet tagħha dwar il-motivi tar-rikors tas-7 ta’ Marzu 2011, l-intervenjenti sostniet li l-invokazzjoni ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni fiha numru ta’ żbalji u li d-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark biss, jiġifieri s-16 ta’ Settembru 2009, li tista’ għaldaqstant tiġi kkunsidrata. F’dan il-kuntest, l-intervenjenti semma b’mod partikolari li l-imsemmija invokazzjoni hija bbażata fuq l-applikazzjoni għal trade mark Awstrijaka u li Capella ma kinitx ħallset id-dritt fuq l-applikazzjoni għal din it-trade mark lill-Österreichisches Patentamt kien biss wara li għamlet applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja tagħha.

42      Minn dan jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi miċħud.

43      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, suġġett għall-ilment li jallega li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, Bord tal-Appell għandu l-ebda dritt li jikkontesta data ta’ prijorità inkluża fir-reġistru, li tkun eżaminata fil-kuntest tal-analiżi tar-raba’ motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv

44      Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, il-preċedenza tat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni ġiet stabbilita minħabba d-data ta’ prijorità tas-16 ta’ Marzu 2009 inkluża fir-reġistru. Il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, hija kellha d-dritt li teżamina l-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ prijorità, hija żbaljata. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Bord tal-Appell ma għandux id-dritt li jikkontesta l-validità tal-informazzjoni inkluża fir-reġistru. Għaldaqstant, billi ma llimitax ruħu li jerġa’ jibda fis-16 ta’ Marzu 2009 inkluża fir-reġistru, iżda billi jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ prijorità previsti fl-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament Nru 207/2009, fir-Regola 6 tar-Regolament Nru 2868/95 u tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni EX-05-5 huma ssodisfatti, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament Nru 207/2009.

45      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

46      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, id-data ta’ tressiq tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, jiġifieri s-16 ta’ Settembru 2009, hija sussegwenti għal dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri d-29 ta’ Lulju 2009. Għaldaqstant, il-preċedenza tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni tiddependi mill-fondatezza tal-invokazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2009 bħala data ta’ prijorità.

47      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk Bord tal-Appell huwiex obbligat li jibbaża ruħu fuq id-data ta’ prijorità li l-eżaminatur ikun inkluda fir-reġistru, mingħajr ma jkun jista’ jeżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ prijorità jkunu ssodisfatti, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-UASI huwa, bħala prinċipju, obbligat li jevalwa l-materjalità tal-fatti invokati u s-saħħa probatorja tal-elementi mressqa mill-partijiet [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ), T‑318/03, Ġabra, EU:T:2005:136, punti 34 u 35].

48      Madankollu, dan il-prinċipju għandu l-limiti tiegħu. Għalhekk, kif ssostniet ġustament ir-rikorrenti, il-validità ta’ trade mark Komunitarja li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fil-fatt, meta l-applikant ta’ trade mark, li jiffaċċja oppożizzjoni bbażata fuq trade mark Komunitarja, jixtieq jikkontesta l-validità ta’ din tal-aħħar, huwa obbligat li jagħmel dan fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-UASI [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2011, Bodegas y Viñedos Puerta de Labastida vs UASI – Unión de Cosecheros de Labastida (PUERTA DE LABASTIDA), T‑345/09, EU:T:2011:173, punt 65].

49      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-ġurisprudenza, li tirrigwarda l-validità ta’ trade mark Komunitarja li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, ma tistax tiġi applikata għall-invokazzjoni ta’ prijorità għal din it-trade mark.

50      Fil-fatt, f’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-inklużjoni fir-reġistru ta’ data ta’ prijorità għal trade mark Komunitarja ma tistax, jew għallinqas ma tistax utilment, tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Minn naħa waħda, ma tirrigwardax raġuni ta’ invalidità assoluta skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009, li jirregola r-raġunijiet relattivi ta’ invalidità, ma jippermettix li jikkontesta b’mod utli d-data ta’ prijorità li l-eżaminatur ikun inkluda fir-reġistru. Huwa ċertament minnu, li skont il-paragrafu (1)(a) tal-imsemmi artikolu, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark irreġistrata tista’ tiġi mitluba meta teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejnha u bejn trade mark preċedenti skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu (2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, l-applikazzjonijiet għat-trade marks jistgħu jikkostitwixxu “trade marks preċedenti” għall-finijiet tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu. Madankollu, l-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jippreċiża li dan huwa l-każ “bla ħsara għar-reġistrazzjoni tagħhom”. Minn dan jirriżulta li t-talbiet għall-annullament ta’ trade marks ta’ trade mark irreġistrati li huma bbażati fuq applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni jistgħu jiġu bblukkati minn oppożizzjoni bbażata fuq l-imsemmija trade mark rreġistrata u fir-rigward tal-imsemmija applikazzjonijiet tar-reġistrazzjoni. Għaldaqstant, f’dan il-każ, talba għal annullament tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rimedju effettiv sabiex tiġi kkontestata l-invokazzjoni ta’ prijorità ta’ din it-trade mark.

51      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix proċedura oħra speċifika li, minn naħa waħda, tippermetti lil terz li jikkontesta d-data ta’ prijorità inkluża fir-reġistru għal trade mark Komunitarja u, min-naħa l-oħra, tista’ tiġi mqabbla mal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li waħda mill-partikolaritajiet tagħha hija li ma tistax tiġi mibdija ex officio mill-UASI.

52      L-ewwel nett, rikors skont l-Artikoli 58 sa 61 tar-Regolament Nru 207/2009 ma jikkostitwixxix tali proċedura. Fil-fatt, skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, huma biss il-partijiet fil-proċedimenti li wasslu għal deċiżjoni tad-diviżjonijiet tal-UASI jistgħu jappellaw minnha quddiem il-Bordijiet tal-Appell. Madankollu, l-applikant ta’ trade mark Komunitarja oħra ma huwiex ġeneralment parti f’proċedura ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li fuqha l-oppożizzjoni fir-rigward l-applikazzjoni tiegħu tkun ibbażata u għaldaqstant ma tkunx tista’ tiġi kkontestata l-invokazzjoni ta’ prijorità li tirrigwarda din l-aħħar trade mark permezz ta’ rikors. Għalhekk f’dan il-każ, l-intervenjent ma setax jippreżenta rikors quddiem l-UASI bil-għan li jikkontesta d-deċiżjoni tal-eżaminatur f’dak li jirrigwarda l-prijorità tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tagħha.

53      It-tieni nett, fir-rigward tal-proċeduri, invokati mir-rikorrenti, li jippermettu l-kanċellamenti jew revoki, li huma previsti fl-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mar-Regola 53a tar-Regolament Nru 2868/95, jew dawk li jippermettu xi korrezzjonijiet, li huma previsti fir-Regoli 27 u 53 tar-Regolament Nru 2868/95, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jiġi pparagunati ma’ proċedimenti ta’ invalidità, peress li l-UASI jista’ jiftaħ proċedura ta’ kanċellazzjoni, ta’ revoka jew ta’ korrezzjoni skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, billi ma teżistix din il-possibbiltà għall-proċedimenti ta’ invalidità. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ kanċellament jew ta’ revoka previsti fl-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, filwaqt li jiġi preżunt li huma japplikaw f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont il-paragrafu (2) ta’ din id-dispożizzjoni, huma jistgħu jiġu mitluba biss minn parti fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, kif ġie espost fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-applikant ta’ trade mark Komunitarja ma jkunx ġeneralment parti fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja l-oħra li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha. Fir-rigward tal-proċeduri ta’ korrezzjoni, skont ir-Regola 27 tar-Regolament Nru 2868/95, jekk jiġi presuppost li huma applikabbli f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tipprevedi li tista’ titwettaq korrezzjoni ex officio jew b’rikors tal-proprjetarju.

54      Minn dan jirriżulta li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, skont liema l-validità ta’ trade mark Komunitarja ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ma hijiex trasponibbli għall-kontestazzjoni tal-fondatezza ta’ invokazzjoni ta’ prijorità minn din it-trade mark.

55      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball billi eżamina jekk ġewx issodisfatti il-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ prijorità previsti fl-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament Nru 207/2009, fir-Regola 6 tar-Regolament Nru 2868/95 u fl-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni EX-05-5.

56      Minn dan jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud sa fejn ir-rikorrenti tinvoka li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament Nru 207/2009 billi eżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ prijorità humiex issodisfatti. Għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv u bbażat fuq il-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell ma għandux id-dritt li jikkontesta data ta’ prijorità inkluża fir-reġistru (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).

57      Sa fejn, permezz ta’ ċerti argumenti mressqa fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkontesta mill-ġdid il-fatt li l-kwistjoni tal-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ prijorità li tifforma parti mis-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell, l-imsemmija argumenti għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv.

58      Għalhekk, l-ewwel u r-raba’ motivi għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq it-tielet motiv

59      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell skont liema Capella ma ressqitx id-dokument meħtieġ sabiex tipprova l-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni. Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, ir-rekwiżiti previsti mir-Regola 6(4) tar-Regolament Nru 2868/95, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni EX‑05‑5, huma issodisfatti.

60      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

61      F’dan ir-rigward, b’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li persuna li tkun validament irreġistrat trade mark fi jew għal xi Stat kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, tal-20 ta’ Marzu 1883, kif riveduta u emendata, jew għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jew is-suċċessuri tagħha, tgawdi, sabiex tressaq l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-istess trade mark u għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li din it-trade mark qed tiġi mressqa jew li qegħdin f’dawn tal-aħħar, minn dritt ta’ prijorità matul it-terminu ta’ sitt xhur mid-data ta’ tressiq tal-ewwel applikazzjoni. Skont il-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu, għandu jiġi rrikonoxxut bħala li jistabbilixxi dritt ta’ prijorità kull tressiq nazzjonali validu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat li fih twettaq jew bi ftehim bilaterali jew multilaterali. Mill-paragrafu (3) tal-imsemmi artikolu jirriżulta li, [tressiq nazzjonali validu] tfisser kull preżentata li hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita d-data ta’ meta ġiet imressqa l-applikazzjoni, irrispettivament mill-eżitu tal-applikazzjoni. Il-paragrafu (4) tal-imsemmi artikolu jipprevedi li, hija kkunsidrata bħala l-ewwel applikazzjoni, li d-data ta’ tressiq tagħha huwa l-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ prijorità, applikazzjoni sussegwenti għall-istess trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi, u li tkun ġiet imressqa fi jew għall-istess Stat għandha titqies bħala l-ewwel applikazzjoni preċedenti, sakemm, din l-applikazzjoni preċedenti, fid-data ta’ tressiq tal-applikazzjoni sussegwenti, l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet irtirata, abbandunata jew miċħuda, mingħajr ma tkun ġiet esposta għal spezzjoni pubblika u mingħajr ma tkun ħalliet drittijiet mhux issodisfatti, u sakemm ma tkunx intużat bħala bażi għal talba għad-dritt ta’ prijorità. L-applikazzjoni preċedenti ma tistax tintuża wara bħala bażi għal applikazzjoni għal dritt ta’ prijorità.

62      Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Talbiet ta’ prijorità”, l-applikant li jixtieq igawdi l-prijorità ta’ tressiq preċedenti għandu jipproduċi dikjarazzjoni ta’ prijorità u kopja tat-trade mark preċedenti.

63      Skont ir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95, jekk il-prijorità ta’ applikazzjoni jew applikazzjonijiet preċedenti skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 207/2009 tiġi invokata fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 207/2009, l-applikant għandu terminu ta’ tliet xhur mid-data ta’ tressiq sabiex jindika n-numru tal-fajl assenjat għall-applikazzjoni preċedenti u sabiex jipproduċi kopja tagħha. Skont ir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95, il-kopja għandha tkun awtentikata skont l-applikazzjoni preċedenti mill-awtorità li tkun irċevitha u għandha tkun akkumpanjata minn ċertifikat minn din l-awtorità li tindika d-data ta’ tressiq tal-applikazzjoni preċedenti.

64      Skont ir-Regola 6(4) tar-Regolament Nru 2868/95, il-president tal-UASI jista’ jiddeċiedi li r-rekwiżiti fil-qasam tal-provi li għandhom jinġiebu mill-applikant jistgħu ikunu jikkonsistu f’inqas minn dak mitlub taħt il-paragrafu (1), sakemm l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli lill-UASI minn sorsi oħra.

65      Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa waħda, il-president tal-UASI adotta d-Deċiżjoni EX‑05‑5, li l-Artikolu 1, li huwa intitolat “Sostituzzjoni ta’ ċertifikati ta’ prijorità b’informazzjoni disponibbli fuq siti [tal-internet]”, jipprevedi:

“Il-provi li għandhom jiġu pprovduti mill-applikant f’invokazzjoni ta’ prijorità jistgħu jkunu inqas stretti minn dawk li huma mitluba konformement mar-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95 […] sakemm l-[UASI] jista’ jikseb l-informazzjoni meħtieġa minn sit [tal-internet] ta’ uffiċċju prinċipali tal-proprjetà industrijali ta’ Stat kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprejtà industrijali jew tal-Ftehim li jistabilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.”

66      L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Proċedura”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      F’invokazzjoni ta’ prijorità, u peress li d-dokumenti msemmija fir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95 […] għadhom ma ġewx prodotti mill-applikant, l-Uffiċċju jivverifika sistematikament jekk l-informazzjoni dwar in-numru tal-fajl, id-data ta’ tressiq, f’isem l-applikant jew tal-proprjetarju, ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark u l-lista ta’ prodotti u servizzi tal-applikazzjoni għal trade mark preċedenti li l-prijorità tagħha qed tiġi invokata, hija disponibbli fuq sit [tal-internet] tal-uffiċċju prinċipali tal-proprjetà industrijali ta’ Stat li fih jew għalih qed jiġi invokat it-tressiq ta’ applikazzjoni għal trade mark preċedenti.

(2)      Meta l-[UASI] jista’ jikseb l-informazzjoni meħtieġa fuq dan is-sit [tal-internet], huwa jirreferi f’dan ir-rigward, fil-fajl tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Fil-każ kuntrarju, l- [UASI] joħroġ invit, skont ir-Regola 9(3)(ċ) tar-Regolament Nru 2868/95 […] sabiex jiġu pprovduti d-dokumenti msemmija fir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95 […]”

67      Abbażi tar-Regola 6(4) tar-Regolament Nru 2868/95, min-naħa l-oħra, il-president tal-UASI ħa d-Deċiżjoni EX‑03‑5, tal-20 ta’ Jannar 2003, li tirrigwarda l-kundizzjonijiet formali dwar invokazzjoni ta’ anzjanità jew ta’ prijorità, li l-Artikolu 1 tiegħu huwa intitolat “Dokumenti ta’ prijorità għat-trade marks Komunitarji” jipprevedi:

“L-applikant ta’ trade mark Komunitarja jista’ jressaq il-provi insostenn ta’ invokazzjoni ta’ prijorità mressqa mill-awtorità li tkun irċiviet l-aplikazzjoni preċedenti, kif previst fir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95 […] (‘dokument ta’ prijorità’), jew l-oriġinali, jew fotokopja vera […]”

68      Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li Capella ssottomettiet id-dokument ta’ prijorità meħtieġ.

69      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni li jeżiġu l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni EX-05-5 huma disponibbli fuq is-sit tal- internet tal-Österreichisches Patentamt.

70      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni EX-05-5, il-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi tal-applikazzjoni għal trade mark li fuqha hija bbażata l-invokazzjoni ta’ prijorità tifforma parti mill-informazzjoni li għandha tkun disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-uffiċċju inkwistjoni fil-mument fejn l-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ prijorità tiġi eżaminata. F’dan il-każ, għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk il-lista ta’ servizzi u ta’ prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka, hijiex disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Österreichisches Patentamt, fil-mument li l-eżaminatur eżamina l-invokazzjoni ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni.

72      Ir-rikorrenti sostniet li din l-informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Österreichisches Patentamt. Madankollu, l-intervenjenti, li tikkontesta din l-allegazzjoni, ipproduċiet notifika tal-imsemmi uffiċċju tad-29 ta’ April 2013, li minnha jirriżulta li, fl-2009, għalhekk fil-mument meta l-eżaminatur eżamina l-invokazzjoni ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni, għal dak li jirrigwarda t-trade marks Awstrijaċi, kienu jeżistu żewġ sorsi ta’ informazzjoni, jiġifieri, minn naħa waħda, mutur ta’ riċerka mingħajr ħlas aċċessibbli mis-sit tal-internet tal-Österreichisches Patentamt u, min-naħa l-oħra, mutur ta’ riċerka ta’ impriża privata kkontrollat mill-imsemmi uffiċċju. Minn din in-notifika jirriżulta wkoll li, sakemm l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Awstrijaka ma jkollhiex eżitu pożittiv, la l-mutur ta’ riċerka mingħajr ħlas aċċessibbli mis-sit tal-internet ta’ dan l-uffiċċju u lanqas il-mutur ta’ riċerka tal-impriża kkontrollata mill-imsemmi uffiċċju ma jippermettu l-aċċess għal-lista ddettaljata tal-oġġetti u tas-servizzi, iżda biss għan-numri tal-klassijiet li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni.

73      Madankollu, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Awstrijaka li fuqha hija bbażata l-invokazzjoni ta’ prijorità ma kellhiex eżitu pożittiv u għaldaqstant l-ebda trade mark Awstrijaka ma ġiet irreġistrata.

74      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u tal-fatt li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jista’ jikkontesta l-kredibbiltà tad-dokument imressaq mill-intervenjenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ġie stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li, fil-mument fejn l-eżaminatur analizza l-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni, il-lista eżatta tal-oġġetti u ta’ servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka kienet diġà ntalbet la kienet disponibbli fuq is-sit tal-Österreichisches Patentamt u lanqas fuq is-sit tal-impriża privata kkontrollata minn dan l-uffiċċju.

75      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonkluda li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni EX-05-5 ma kinux issodisfatti, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk il-mutur ta’ riċerka msemmi iktar ’il fuq offert mill-impriża privata kkontrollata mill-Österreichisches Patentamt tistax tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti mis-sit tal-internet tal-imsemmi uffiċċju skont l-imsemmijin dispożizzjonijiet. Għalhekk, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

76      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, meta, fil-21 ta’ Diċembru 2009, l-eżaminatur stieden lil Capella, konformement mal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni EX-05-5, sabiex tipproduċi kopji eżatti tal-applikazzjoni għal trade mark Awstrijaka invokata insostenn tal-invokazzjoni ta’ prijorità, hija ressqet id-dokument meħtieġ. Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni EX‑03-5, huwa suffiċjenti li tiġi mressqa kopja vera tal-applikazzjoni għal trade mark.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni EX‑05-5 li l-informazzjoni meħtieġa li ma hijiex disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-uffiċċju inkwistjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi mressqa fil-forma tad-dokument imsemmi mir-Regola 6(1) tar- Regolament Nru 2868/95, jiġifieri fil-forma ta’ kopja vera awtentikata tal-applikazzjoni preċedenti mill-awtorità li tkun irċiviet din tal-aħħar, li tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta’ din l-awtorità li jindika d-data ta’ tressiq tal-applikazzjoni preċedenti.

78      Ċertament, ir-rikorrenti ġustament issostni li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni EX-03-5 jattenwa dawn ir-rekwiżiti, peress li jillimita ruħu li jeżiġi kopja vera tad-dokument ta’ prijorità skont ir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni li kopja tal-formula ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni li mtela minn Capella jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, anki jekk il-kopja tad-dokument ta’ prijorità ma għandhiex għalfejn tkun awtentikata mill-awtorità li quddiemha tkun tressqet l-applikazzjoni, jibqa’ dejjem dokument li permezz tiegħu l-eżaminatur jkun jista’ jivverifika jekk u meta l-applikazzjoni għal trade mark ġiet riċevuta mill-uffiċċju inkwistjoni. Madankollu, il-kopja tal-formula tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mressqa minn Capella ma kinitx tikkonferma r-riċezzjoni tagħha mill-Österreichisches Patentamt.

79      Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell skont liema Capella ma ressqitx id-dokumenti ta’ prijorità meħtieġa ma hijiex vvizzjata minn żbalji.

80      Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti skont liema kien u baqa’ abitwali, għall-eżaminaturi tal-UASI, li jaċċettaw kopji ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bħal dawk li Capella ressqet, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-deċiżjonijiet li huma msejħa biex jieħdu l-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, skont ir-Regolament Nru 207/2009, li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza marbuta jew mhux marbuta ma setgħa diskrezzjonali, [is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra, EU:C:2007:252, punt 65, u tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra, EU:T:2005:420, punt 71]. Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata biss abbażi tad-dispożizzjonijiet applikabbli, kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni, iżda mhux abbażi ta’ xi prassi preċedenti tal-UASI.

81      Sa fejn, qed jiġi invokat il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, ir-rikorrenti tixtieq ukoll issostni, qabel ma jonqos milli japplika l-prassi abitwali tal-UASI, il-Bord tal-Appell kellu dmir li jinforma lil Capella dwar id-dubji tiegħu li jirrigwardaw id-dokumenti li ressaq, dan l-argument għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni motiv.

82      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li kien ikun possibbli, għall-eżaminatur, li jitlob il-komunikazzjoni tal-lista eżatta tal-oġġetti u tas-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Awstrijaka ġiet mitluba lill-Österreichisches Patentamt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mill-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni EX‑05-5 u mir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95 li, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni li fiha l-informazzjoni meħtieġa hija disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-uffiċċju li quddiemu ġiet imressqa l-applikazzjoni, huwa l-applikant li għandu jinvoka d-dritt ta’ prijorità għal trade mark li jressaq id-dokumenti ta’ prijorità meħtieġa. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni rilevanti ma tipprevedi li, fl-ipoteżi fejn l-informazzjoni meħtieġa hija disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-uffiċċju li ġiet imressqa quddiemu, huwa l-eżaminatur li għandu jikkuntattja direttament l-imsemmi uffiċċju. Għall-kuntrarju, f’din l-ipoteżi, skont il-każ, wara li jkun ġie mistieden mill-eżaminatur skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni EX-05-5 u skont ir-Regola 9(3)(ċ) tar-Regolament Nru 2868/95, bħalma ġara f’dan il-każ, huwa l-applikant stess li għandu jressaq dawn id-dokumenti.

83      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-fatt li ġie mressaq għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ risposta tar-rikorrenti għal domanda tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

84      Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud, bla ħsara għall-eżami tal-ilment, jekk jiġi preżunt li ġie mqajjem, fir-rigward tal-fatt li, minħabba l-aspettattivi leġittimi bbażati fuq il-prassi abitwali tal-UASI, il-Bord tal-Appell kellu d-dmir jinforma lil Capella dwar id-dubji tiegħu li jirrigwardaw id-dokumenti li hija kienet ressqet (ara punt 81 iktar ’il fuq).

 Fuq it-tieni motiv

85      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 billi kkonkluda li Capella ma ressqitx id-dokumenti ta’ prijorità meħtieġa, mingħajr ma stedinha minn qabel sabiex tesprimi ruħha f’dan ir-rigward. Ċertament, permezz tad-Deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2011, ir-reġistru tal-Bord tal-Appell kien stedinha sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-ittra tal-intervenjenti tat-12 ta’ Ottubru 2011. Madankollu, peress li d-data ta’ prijorità invokata ġiet aċċettata u inkluża fir-reġistru mill-eżaminatur u l-intervenjenti ma kkontestatx l-invokazzjoni ta’ prijorità, Capella ma kellhiex raġuni għala tippreżumi li l-Bord tal-Appell seta’ qiegħed f’dubju dan l-element. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-Bord tal-Appell, huwa ma setax jimmaġina li hija ma kinitx issodisfatta bl-analiżi tal-eżaminatur, li kienet konformi ma’ prassi abitwali tal-UASI. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kellu d-dmir li jinformaha bid-dubji tiegħu.

86      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

87      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat, minn dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kellu d-dmir li jinforma lil Capella bid-dubji tiegħu fir-rigward in-natura suffiċjenti tad-dokumenti li hija ressqet. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu eżaminati mhux biss l-argumenti direttament ibbażati fuq ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 u dawk ibbażati fuq ksur tal- prinċipju ta’ aspettativi leġittimi, iżda wkoll hekk l-iżball imwettaq mill-eżaminatur jistax jobbliga l-Bord tal-Appell li jinforma lil Capella bid-dubji tiegħu.

–       Fuq l-argumenti fir-rigward tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

88      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet li fuqhom il-partijiet kellhom il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni.

89      Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment bbażat fuq il-fatt li Capella ma kinitx qed tistenna li l-Bord tal-Appell kien se jiċċaqlaq mid-data ta’ prijorità li l-eżaminatur inkluda fir-reġistru, l-ewwel nett, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell għandu l-obbligu li jeżamina jekk it-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni hijiex preċedenti għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara l-punti 37 sa 40 iktar ’il fuq) u, f’dan il-kuntest, skont il-każ, huwa wkoll obbligat li jeżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ prijorità ġewx issodisfatti (ara l-punti 46 sa 55 iktar ’il fuq). It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, fin-nota li tesponi l-motivi tar-rikors tas-7 ta’ Marzu 2011, l-intervenjenti kkonstatat l-invokazzjoni ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni u għaldaqstant il-preċedenza tagħha fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara l-punt 41 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, din il-kwistjoni tifforma parti minn tilwima li nġibet quddiem il-Bord tal-Appell u, anki fl-assenza ta’ indikazzjoni espressa min-naħa tal-Bord tal-Appell, Capella kellha tistenna li l-konklużjoni tal-eżaminatur li tirrigwarda l-invokazzjoni ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni għandha tiġi eżaminata mill-ġdid mill-Bord tal-Appell.

90      F’dan il-kuntest, Għandu jiġi rrilevat ukoll li Capella kienet awtorizzata li tressaq xi osservazzjonijiet fir-rigward tan-nota tal-intervenjenti tesponi r-raġunijiet tal-appell tas-7 ta’ Marzu 2011 u li hija kellha wkoll opportunità oħra li tesprimi ruħha f’dan ir-rigward meta il-Bord tal-Appell stedinha, fil-25 ta’ Novembru 2011, sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għall-osservazzjonijiet tal-intervenjenti tat-12 u d-19 ta’ Ottubru 2011, ibbażati fuq is-sentenza tal-Landgericht Mannheim tat-23 ta’ Settembru 2011 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

91      Barra dan, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat li jinforma lil Capella li ma kellhiex tikkonferma l-konklużjoni tal-eżaminatur li tirrigwarda l-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ prijorità. Fil-fatt, id-dritt għal smigħ skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 ikopri l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li jikkostitwixxu l-pedament tal-att deċiżjonali, iżda mhux il-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta [is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, L & D vs UASI – Sämann (Aire Limpio), T‑168/04, Ġabra, EU:T:2006:245, punt 116].

92      Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq ksur fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

93      F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-aspettattivi leġittimi fl-entrati fir-reġistru, huwa biżżejjed li jitfakkar li, minħabba l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 89 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax teskludi li l-Bord tal-Appell jeżamina l-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ prijorità.

94      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti tixtieq ukoll tinvoka l-fatt li, qabel jonqos milli japplika l-prassi abitwali tal-UASI, skont liema dokumenti bħal dawk li hija ressqet kienu jiġu aċċettati bħala dokumenti ta’ prijorità, il-Bord tal-Appell kellu l-obbligu li jinforma lil Capella dwar id-dubji tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda element li jista’ jipprova l-eżistenza ta’ tali prassi. Fil-fatt, id-dokumenti li r-rikorrenti tressaq insostenn tal-argument tagħha huma ittri, li fihom l-eżaminatur tal-UASI stieden lil Capella sabiex tressaq id-dokumenti ta’ prijorità “konformement mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 207/2009 u fir-Regola 6 tar-Regolament Nru 2868/95” u li f’xi wħud minnhom huwa indika li, skont id-Deċiżjoni EX-03-5, ma humiex neċessarji kopji awtentikati. Madankollu, ma jirriżulta la minn dawn l-indikazzjonijiet u lanqas mid-dispożizzjonijiet li l-eżaminatur jagħmel riferiment li formula ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni mimlija, li minnha wieħed ma jistax jippreżumi jekk u meta ġiet riċevuta mill-uffiċċju inkwistjoni, tista’ tiġi kkunsidrata bħala dokument ta’ prijorità li huwa biżżejjed skont ir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95 u tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni EX-03-5 (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

95      Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jkun hemm deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti insostenn ta’ dawn l-argumenti, li r-rikorrenti ressqet sussegwentement fir-rikors u fir-risposta, fil-kuntest ta’ tweġiba għal domanda tal-Qorti Ġenerali.

–       Fuq il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-iżball imwettaq mill-eżaminatur

96      Għandu jiġi preżunt, li permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti riedet ukoll tinvoka il-fatt li, minħabba l-iżball imwettaq mill-eżaminatur, il-Bord tal-Appell kellu l-obbligu li jinforma lil Capella bid-dubji tiegħu, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda wkoll.

97      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-iżball tal-eżaminatur huwa limitat għall-konklużjoni żbaljata li d-dokumenti mressqa minn Capella jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni EX-03-5.

98      Madankollu, f’dan il-każ, dan l-iżball tal-eżaminatur ma kienx jobbliga lill-Bord tal-Appell sabiex jistieden lil Capella sabiex tieħu pożizzjoni speċifikament fuq din il-kwistjoni jew sabiex jinformaha bid-dubji tiegħu f’dan ir-rigward, peress, minħabba l-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 89 sa 91 iktar ’il fuq, il-kwistjoni ta’ jekk il-konklużjoni tal-eżaminatur li tirrigwarda l-invokazzjoni ta’ prijorità kinitx żbaljata ġiet imqajma mill-intervenjenti.

99      Sussegwentement, fl-ipoteżi fejn, bl-argumenti tagħha, ir-rikorrenti riedet issostni, minħabba l-iżball tal-eżaminatur, Capella ma setgħetx tressaq id-dokumenti mitluba, dan l-ilment ukoll għandu miċħud.

100    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-iżball tal-eżaminatur bla ebda mod ma llimita l-possibbiltajiet ta’ Capella li tressaq id-dokumenti ta’ prijorità mitluba, iżda li, f’dan ir-rigward, l-eżaminatur osserva b’mod sħiħ il-proċedura prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti.

101    Kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni EX-05-5, bħala prinċipju, hija Capella li għandha teżamina jekk l-informazzjoni mitluba kinitx disponibbli fuq is-sit tal-internettal-Österreichisches Patentamt u, sa fejn dan ma kienx il-każ, li tressaq id-dokument ta’ prijorità mitlub. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-tnax-il premessa tal-imsemmija deċiżjoni, skont liema “l-applikant bħala tali huwa f’qagħda li jivverifika, f’invokazzjoni ta’ prijorità jew ta’ anzjanità, jekk l-informazzjoni mitluba hija disponibbli fuq sit tal-internet, biex b’hekk tippermettilu li jkun jaf jekk għandux jipproduċi dokument ta’ prijorità jew ta’ anzjanità”. Madankollu, kif ġie espost fil-punti 76 sa 79 iktar ’il fuq, Capella ma ressqitx id-dokument meħtieġ.

102    Konformement mar-Regola 9(3)(ċ) tar-Regolament Nru 2868/95, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2009, l-eżaminatur għaldaqstant stieden lil Capella sabiex tressaq id-dokument ta’ prijorità meħtieġ mir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95 sat-22 ta’ Frar 2010 inkluż, filwaqt li speċifikat li, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni EX-03-5, huwa biżżejjed li tiġi mressqa kopja vera u li, fl-ipoteżi fejn hija ma kinitx tikkonforma ruħha ma’ din l-istedina hija titlef id-dritt ta’ prijorità. Madankollu, kif ġie espost fil-punti 76 sa 78 iktar ’il fuq, id-dokument li Capella ressaq fit-22 ta’ Frar 2010, jiġifieri l-għada tat-terminu li kien imponilha l-eżaminatur, ma kienx id-dokument ta’ prijorità meħtieġ.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx l-obbligu tal-eżaminatur li jistiden mill-ġdid lil Capella sabiex tressaq id-dokument meħtieġ. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mir-Regola 9(6) tar-Regolament Nru 2868/95, meta d-dokument ta’ prijorità meħtieġ ma kienx ġie mressaq fit-terminu impost mill-eżaminatur, il-persuna kkonċernata titlef id-dritt ta’ prijorità invokat.

104    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-iżball imwettaq mill-eżaminatur ma jobbligax lill-Bord tal-Appell li jinforma lil Capella dwar id-dubji tiegħu fuq il-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ prijorità għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni.

105    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda ċirkustanza invokata mir-rikorrenti ma obbligat lill-Bord tal-Appell sabiex jinforma lil Capella bid-dubji tiegħu u li jistedinha sabiex tesprimi ruħha f’dan ir-rigward.

106    Barra dan u fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li dan l-obbligu kien jeżisti, il-ksur tiegħu ma setax jannulla d-deċiżjoni kkontestata.

107    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li rikorrenti ma għandha l-ebda interess leġittimu fl-annullament ta’ deċiżjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżit proċedurali fil-każ fejn l-annullament tad-deċiżjoni jista’ biss jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, identika, fis-sustanza, għad-deċiżjoni annullata [is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T‑16/02, Ġabra, EU:T:2003:327, punti 97 sa 99, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, DeTeMedien vs UASI (suchen.de), T‑117/06, EU:T:2007:385, punt 49].

108    Madankollu, f’dan il-każ, anki jekk il-Bord tal-Appell kien informa lil Capella bid-dubji tiegħu fir-rigward tal-invokazzjoni ta’ prijorità u li din ressqet id-dokument ta’ prijorità meħtieġ matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, din ma setgħetx tbiddel id-dispożittiv tad-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien obbligat li jadotta. Fil-fatt, peress li Capella ma ressqitx dan id-dokument fit-terminu impost, minkejja li d-drittijiet proċedurali tagħha kienu ġew iggarantiti b’mod sħiħ, fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell kellu l-obbligu li jikkonstata d-dekadenza tad-dritt ta’ prijorità skont ir-Regola 9(6) tar-Regolament Nru 2868/95.

109    Għalhekk, it-tieni motiv kif ukoll l-ilmenti fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi mressqa fil-kuntest tat-tielet motiv għandhom jiġu miċħuda wkoll.

 Fuq il-ħames motiv

110    Minn dan isegwi li anki l-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-mala fide ta’ Capella, meta tali ċirkustanza ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni skont liema t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet preċedenti għat-trade mark li ġiet ibbażata fuqha l-oppożizzjoni, l-invokazzjoni tal-prijorità għal din tal-aħħar għandha tiġi miċħuda.

111    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)     Ir-rikors huwa miċħud.

2)     Copernicus-Trademarks Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u dawk ta’ Maquet SAS.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ġunju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.