Language of document : ECLI:EU:T:2024:301

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Ġermaniż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-Ġermanja lil kumpannija tal-ajru – Bidla fil-kundizzjonijiet tas-self mogħti mill-Ġermanja u tħassir parzjali ta’ djun – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Protezzjoni tad-drittijiet proċedurali – Diffikultajiet serji – Artikolu 107(3)(c) TFUE – Il-punt 67 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi mhux Finanzjarji f’Diffikultà – Qsim tal-piżijiet”

Fil-Kawża T‑28/22,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, S. Rating u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Barcew, V. Bottka u J. Ringborg, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, P.-L. Krüger u J. Buhl, bħala aġenti,

u minn

Condor Flugdienst GmbH, stabbilita fi Neu-Isenburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Rosenfeld, S. Lünenbürger, A. Birnstiel u S. Blazek, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, G. De Baere u K. Kecsmár, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1) 

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5729 final tas‑26 ta’ Lulju 2021 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.63203 (2021/N) – Il-Ġermanja – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal Condor (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

[omissis]

10      Fl-aħħar nett, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-[Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi Mhux Finanzjarji f’Diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida S&R”)], miżura ta’ għajnuna intiża sabiex issostni r-ristrutturazzjoni u t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Condor (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”), li tinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonsisti, minn naħa, fil-bidla tal-kundizzjonijiet tas-self COVID-19 tal‑2020 u, min-naħa l-oħra, fit-tħassir parzjali ta’ ammont ta’ EUR 90 miljun ta’ djun li jirriżultaw minn dan is-self. It-tieni parti tikkonsisti fit-tħassir ta’ dejn fl-ammont ta’ EUR 20.2 miljun, li jikkorrispondi għall-interessi li Condor kellha tħallas lura wara d-deċiżjoni dwar l-għajnuna COVID-19 tal‑2020, kif emendata.

 Ittalbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Condor jitolbu li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannat għall-ispejjeż.

 Iddritt

[omissis]

 Fuq ilmertu

[omissis]

 Fuq issitt indizju, ibbażat fuq lallegazzjoni li lKummissjoni ma stabbilixxietx ilproporzjonalità talmiżura inkwistjoni

[omissis]

202    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, sa fejn hija ma eżaminatx, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tipprevedi modalitajiet li kienu jiżguraw lill-Istat parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur ta’ Condor. Hija tirrileva li l-Kummissjoni kellha twettaq tali eżami peress li l-miżura inkwistjoni tejbet is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ekwità ta’ Condor, fis-sens tal-imsemmi punt.

203    Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li hija ma hijiex obbligata teżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibbenefikax minn parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur ta’ Condor, fis-sens tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, sa fejn, fil-fehma tagħha, dan ir-rekwiżit japplika biss meta, minn naħa, il-miżura kontenzjuża tkun tikkostitwixxi injezzjoni ta’ kapital u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru kkonċernat jkollu sehem fil-kapital tal-benefiċjarju, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

204    Mill-punt 65 tal-Linji Gwida S&R jirriżulta li, jekk l-appoġġ mill-Istat jieħu forma li ttejjeb is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju f’dak li jirrigwarda ekwità, pereżempju jekk l-Istat jagħti sussidji, jinjetta kapital jew iħassar djun, dan jista’ jkollu l-effett li jipproteġi lill-azzjonisti u lill-kredituri subordinati mill-konsegwenzi marbuta mal-għażla tagħhom li jinvestu fil-benefiċjarju, li jista’ joħloq perikolu morali u jippreġudika d-dixxiplina tas-suq. Konsegwentement, l-għajnuna intiża biex tkopri t-telf għandha tingħata biss skont modalitajiet li jinvolvu l-qsim adegwat tal-piżijiet bejn l-investituri eżistenti.

205    Skont il-punt 66 tal-Linji Gwida S&R, il-qsim ġust tal-piżijiet ġeneralment ifisser li l-azzjonisti storiċi u, jekk ikun il-każ, il-kredituri subordinati għandhom jassorbu kompletament it-telf tal-passat. Il-kredituri subordinati għandhom jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf, jew billi dan jiġi mibdul f’ekwità jew billi jitnaqqas il-valur tal-kapital tal-istrumenti relevanti. Għalhekk, l-intervent tal-Istat għandu jsir biss wara li t-telf ikun ġie kkontabilizzat b’mod sħiħ u attribwit kollu lill-azzjonisti eżistenti u lid-detenturi tad-dejn subordinat eżistenti.

206    Skont il-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, il-qsim adegwat tal-piżijiet ifisser ukoll li kull għajnuna mill-Istat li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju għandha tingħata fuq il-bażi ta’ modalitajiet li jiżguraw lill-Istat parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur tal-benefiċjarju, minħabba l-ammont ta’ ekwità tal-Istat injettat meta mqabbel mal-ekwità rimanenti tal-kumpannija wara li t-telf ikun ġie kontabbilizzat.

207    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-miżura inkwistjoni kinitx konformi mar-rekwiżiti previsti fil-punt 67 tal-Linji Gwida S&R. Fil-fatt, ma hemm xejn fid-deċiżjoni kkontestata li jagħti x’jifhem li l-Kummissjoni indirizzat il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx ingħatat skont modalitajiet li jiżguraw lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja parti raġonevoli taż-żidiet fil-valur ta’ Condor.

208    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, hija setgħetx, mingħajr ma jkollha dubji, tqis li l-miżura inkwistjoni ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 67 tal-Linji gwida S&R, b’tali mod li hija ma kinitx obbligata teżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk l-imsemmija miżura kinitx konformi mar-rekwiżit previst fl-imsemmi punt.

209    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li minnu din tagħmel parti (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S, C‑579/21, EU:C:2023:501, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

210    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni letterali tal-punt 67 tal-Linji gwida S&R, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-formulazzjoni tal-imsemmi punt, ir-rekwiżit li jiġu previsti modalitajiet li jiżguraw lill-Istat parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur tal-benefiċjarju japplika għal “kull għajnuna mill-Istat li ttejjeb is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju fil-qasam tal-fondi proprji”.

211    Il-punt 65 tal-Linji Gwida S&R jipprovdi tliet eżempji ta’ għajnuna mill-Istat li tieħu “forma li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju”, jiġifieri sussidji, injezzjonijiet ta’ kapital u tħassir ta’ djun.

212    F’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni tieħu l-forma speċifika ta’ tħassir parzjali tad-dejn, b’tali mod li għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju” fis-sens tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R.

213    Għalhekk, il-formulazzjoni tal-parti introduttiva tal-punt 67 tal-Linji gwida S&R, moqrija flimkien ma’ dik tal-punt 65 tagħhom, tissuġġerixxi li l-miżura inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R.

214    Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni, li abbażi tagħha l-punt 67 tal-Linji Gwida S&R japplika biss għall-injezzjonijiet ta’ kapital u biss meta l-Istat ikkonċernat ikollu sehem fil-kapital tal-benefiċjarju, tmur kontra l-formulazzjoni tal-parti introduttiva tal-imsemmi punt, moqrija flimkien mal-punt 65 tal-Linji Gwida S&R, li minnha jirriżulta li r-rekwiżit previst fil-punt 67 huwa intiż li japplika kemm għall-injezzjonijiet ta’ kapital kif ukoll għat-tħassir tad-djun u, għaldaqstant, kemm fl-ipoteżi fejn l-Istat ikollu sehem fil-kapital tal-benefiċjarju kif ukoll fil-każ fejn huwa kreditur tiegħu.

215    Madankollu, huwa wkoll minnu, kif tirrileva l-Kummissjoni, li l-parti tal-frażi “minħabba l-ammont ta’ ekwità tal-Istat injettat meta mqabbel mal-ekwità li jifdal tal-kumpanija wara li t-telf ikun ġie kontabbilizzat”, li tinsab fil-punt 67 in fine tal-Linji Gwida S&R, tirreferi biss għall-każ ta’ injezzjoni ta’ kapital.

216    Għalhekk, jidher li teżisti ċerta inkoerenza fil-formulazzjoni tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, sa fejn, minn naħa, il-parti introduttiva tagħha tindika li hija intiża li tapplika għal “kull għajnuna mill-Istat li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju”, jiġifieri sussidji, injezzjonijiet ta’ kapital u tħassir ta’ djun, filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-parti finali tagħha tirreferi għall-“ammont ta’ ekwità tal-Istat injettat”.

217    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat ukoll li din l-aħħar parti tal-frażi ssegwi immedjatament ir-rekwiżit li jiġi żgurat lill-Istat “proporzjon raġonevoli” miż-żiediet futuri fil-valur tal-benefiċjarju. Għalhekk, din tista’ tinftiehem bħala indikazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi, f’termini kwantitattivi, “proporzjon raġonevoli”, li għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-proporzjon li jirrappreżenta l-ammont imħallas mill-Istat meta mqabbel mal-ammont tal-ekwità tal-benefiċjarju rimanenti wara l-kontabilizzazzjoni tat-telf. Din l-interpretazzjoni tippermetti għalhekk li jiġu kkonċiljati l-partijiet introduttorji u finali tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R.

218    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-inkoerenza fil-formulazzjoni tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, irrilevata fil-punt 215 iktar ’il fuq, li hija barra minn hekk imputabbli lill-Kummissjoni, awtriċi tal-imsemmija Linji Gwida, kellha tqajjem dubji f’moħħ il-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R u twassalha sabiex teżamina b’mod iktar iddettaljat din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet li hija kienet issegwi, ħaġa li hija naqset milli tagħmel.

219    Fil-fatt, meta l-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tippreżenta diffikultajiet ta’ interpretazzjoni, din għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għanijiet tal-att li hija tagħmel parti minnu u, jekk din tista’ tkun suġġetta għal diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata prijorità lil dik li hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑403/99, EU:C:2001:507, punt 28).

220    Għalhekk, it-tieni nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, għandu jiġi kkonstatat li dan il-punt jagħmel parti mit-Taqsima 3.5.2.2 ta’ dawn il-Linji Gwida, intitolata “Il-qsim tal-piżijiet”. Din it-taqsima hija introdotta mill-punt 65, li, kif tfakkar fil-punt 204 iktar ’il fuq, jirreferi, mingħajr ebda distinzjoni, għas-sussidji, għall-injezzjonijiet ta’ kapital u għat-tħassir tad-djun bħala forom ta’ għajnuna mill-Istat li jtejbu s-sitwazzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju.

221    Bl-istess mod, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-punt 66 tal-Linji Gwida S&R, li jagħmel parti mill-istess taqsima tal-imsemmija Linji Gwida u li jipprovdi li, essenzjalment, l-Istat għandu jintervjeni biss wara li t-telf ikun ġie kkontabilizzat b’mod sħiħ u attribwit lill-azzjonisti u lid-detenturi ta’ dejn subordinat eżistenti, li tissuġġerixxi li din ir-regola hija intiża li tapplika biss għal ċerti forom ta’ għajnuna mill-Istat, bl-esklużjoni ta’ oħrajn. Għall-kuntrarju, ir-riferiment f’termini ġenerali għal intervent mill-Istat (“l-intervent tal-Istat għandu jsir biss”) u l-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni oħra fis-sens kuntrarju jindikaw li l-punt 66 japplika irrispettivament mill-forma li jieħu dan l-intervent.

222    Għalhekk, il-parti introduttiva tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, sa fejn din tirrigwarda “kull għajnuna mill-Istat li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju”, taqbel mal-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-punti 65 u 66 tal-imsemmija linji gwida.

223    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rekwiżit previst fil-punt 67 tal-Linji Gwida S&R jiżdied ma’ dawk previsti fil-punti 65 u 66 tal-imsemmija linji gwida, kif turi l-preċiżazzjoni li “l-qsim adegwat tal-piżijiet ifisser ukoll”. Huwa daqstant ieħor importanti li jiġi rrilevat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni ma għandhom ebda marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligu tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżit previst fil-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, peress li l-imsemmi punt jipprevedi li “kull” għajnuna mill-Istat li ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju “għandha” tingħata skont modalitajiet li jiżguraw lill-Istat parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur tal-benefiċjarju. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-punt 68 tal-Linji Gwida S&R, li jipprevedi eċċezzjonijiet għall-implimentazzjoni integrali tar-rekwiżiti previsti fil-punt 66 tagħhom, iżda mhux għal dik inkluża fil-punt 67. Għalhekk, il-fatt li, f’każ partikolari, ir-rekwiżiti previsti fil-punti 65 u 66 tal-Linji Gwida S&R ikunu ssodisfatti, ma jeżentax lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni milli jiżguraw li dak previst fil-punt 67 tal-Linji Gwida jiġi ssodisfatt ukoll.

224    Minn dan isegwi li l-punti 66 u 67 tal-Linji Gwida S&R jipprevedu żewġ rekwiżiti awtonomi li l-kontenut u l-applikazzjoni tagħhom ratione temporis huma differenti. Minn naħa, ir-rekwiżit tal-punt 66 jikkonċerna l-assorbiment tat-telf tal-benefiċjarju, mill-azzjonisti u mid-detenturi ta’ dejn subordinat eżistenti, li għandu jiġi implimentat qabel l-intervent tal-Istat. Min-naħa l-oħra, il-punt 67 jirrigwarda sitwazzjoni futura, jiġifieri dik taż-żieda fil-valur tal-benefiċjarju, u jipprevedi li, f’tali każ, l-Istat għandu jikseb parti raġonevoli minn din iż-żieda fil-valur.

225    Issa, xejn ma jindika li l-punti 65, 66 u 67 tal-Linji Gwida S&R għandu jkollhom kampijiet ta’ applikazzjoni differenti minn xulxin, skont il-forma li jieħu l-appoġġ mill-Istat, sakemm dan itejjeb is-sitwazzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju. B’mod partikolari, l-istruttura tar-rekwiżiti previsti fil-punti 66 u 67 tal-Linji Gwida S&R u n-natura kumulattiva tagħhom jissuġġerixxu li dawn huma intiżi li japplikaw, bħall-punt 65 tal-imsemmija Linji Gwida, għal kull għajnuna mill-Istat li għandha bħala għan tali titjib. Fil-fatt, l-obbligu li t-telf jiġi assorbit qabel l-intervent tal-Istat u r-rekwiżit li jiġi żgurat lilu parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur tal-benefiċjarju jsaħħu u jikkomplementaw lil xulxin, sa fejn il-ġestjoni tat-telf tal-benefiċjarju u l-appoġġ tal-Istat huma kundizzjoni indispensabbli sabiex jiġi żgurat ulterjorment ir-ritorn għall-vijabbiltà tal-benefiċjarju u, b’hekk, il-profittabbiltà tiegħu. Għalhekk, l-ebda raġuni leġittima ma tidher li tista’ tiġġustifika l-esklużjoni ta’ ċerti forom ta’ għajnuna mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu previst fil-punt 67 tal-Linji Gwida S&R.

226    It-tielet nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 9, 11, 65, 87 u 90 tagħhom li d-dispożizzjonijiet dwar it-tqassim adegwat tal-piżijiet huma intiżi b’mod partikolari sabiex jipprevjenu l-perikolu morali. Għalhekk, kif ġie rrilevat fil-punt 204 iktar ’il fuq, skont il-punt 65 ta’ dawn il-Linji Gwida, jekk l-appoġġ mill-Istat jieħu forma li ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju, pereżempju jekk l-Istat jagħti sussidji, jinjetta kapital jew iħassar djun, dan jista’ jkollu l-effett li jipproteġi lill-azzjonisti u lill-kredituri subordinati mill-konsegwenzi marbuta mal-għażla tagħhom li jinvestu fil-benefiċjarju. Dan jista’ joħloq perikolu morali u jippreġudika d-dixxiplina tas-suq.

227    Issa, il-Kummissjoni ma tipproduċi ebda prova li tista’ turi li r-riskju ta’ perikolu morali jeżisti biss meta Stat Membru jinjetta kapital fil-benefiċjarju, iżda mhux meta jħassar id-djun tiegħu jew meta jagħti sussidju lill-imsemmi benefiċjarju. Fir-realtà, l-ebda silta mil-Linji Gwida S&R ma tippermetti li tinsilet tali konklużjoni. Għall-kuntrarju, skont il-punt 65 tal-Linji Gwida S&R, tali riskju jeżisti għal kull appoġġ mill-Istat li jieħu forma li ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju, bħal sussidji, injezzjonijiet ta’ kapital u tħassir ta’ djun.

228    Barra minn hekk, għandu jitfakkar, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 9 tal-Linji Gwida S&R, li r-riskju ta’ perikolu morali jikkonsisti fil-fatt li impriżi li jserrħu fuq salvataġġ u fuq ristrutturazzjoni probabbli f’każ ta’ diffikultajiet jista’ jkollhom tendenza jadottaw strateġiji kummerċjali mhux vijabbli li jġegħluhom jieħdu riskji eċċessivi. Issa, kemm ir-rekwiżit tal-punt 66 tal-Linji Gwida S&R, dwar l-assorbiment tat-telf tal-benefiċjarju mill-azzjonisti u l-kredituri subordinati eżistenti tiegħu, kif ukoll dak tal-punt 67 tal-imsemmija Linji Gwida, dwar l-obbligu li jiġi żgurat lill-Istat parti mill-profitti futuri tal-benefiċjarju, jikkontribwixxu sabiex jitnaqqsu l-inċentivi li impriża jista’ jkollha sabiex tieħu riskji eċċessivi bl-għan li tagħmel iktar profitti.

229    Minn dan isegwi li l-għan li fuqu huwa bbażat il-punt 67 tal-Linji Gwida S&R ma jistax jintlaħaq kompletament jekk ċerti tipi ta’ miżuri ta’ għajnuna, bħat-tħassir tad-djun, kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, minkejja li jtejbu s-sitwazzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju u joħolqu l-istess perikolu morali bħal dak li jirriżulta minn injezzjoni ta’ kapital.

230    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kemm il-Linji Gwida S&R kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2012) 209 final tat‑8 ta’ Mejju 2012, dwar il-modernizzazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, li għaliha jirreferu l-imsemmija linji gwida, jenfasizzaw l-importanza tal-prinċipju ta’ effettività jew ta’ effiċjenza tal-infiq pubbliku. Barra minn hekk, l-imsemmija komunikazzjoni tenfasizza l-importanza tal-użu għaqli tar-riżorsi pubbliċi, tal-użu aħjar tal-flus tal-kontribwenti u tal-konsolidazzjoni fiskali, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi evitata l-ħela ta’ riżorsi pubbliċi. L-għoti lill-Istat, meta jagħti għajnuna għar-ristrutturazzjoni, kemm permezz ta’ sussidju, injezzjoni ta’ kapital jew tħassir ta’ djun, ta’ parti raġonevoli taż-żidiet futuri fil-valur tal-benefiċjarju huwa konsistenti ma’ dawn l-għanijiet.

231    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, huwa żbaljat li jiġi ddikjarat li Stat jista’ jikseb biss “proporzjon raġonevoli ta’ qligħ futur għall-valur tal-ekwità tal-benefiċjarju” kif previst mill-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, sakemm ikollu sehem fih. Fil-fatt, kif ġustament tirrileva r-rikorrenti, anki meta l-Istat ma jkollux sehem fil-kapital tal-benefiċjarju u b’hekk ikun biss kreditur ta’ dan tal-aħħar, huwa xorta waħda jkun jista’ jibbenefika miż-żidiet futuri fil-valur jew mill-profitti futuri tal-benefiċjarju, iġġenerati, tal-inqas parzjalment, permezz tal-għajnuna, billi jipprevedi, pereżempju, fil-każ ta’ tħassir parzjali tad-djun, bħal dak f’dan il-każ, rata ta’ interessi varjabbli fuq il-parti mhux imħassra tal-kreditu tiegħu li tiżdied skont iż-żieda fil-valur jew fil-profitti tal-benefiċjarju. Mekkaniżmu ieħor li permezz tiegħu Stat li jkun ħassar parti mill-krediti tiegħu fil-konfront ta’ benefiċjarju jkun jista’ jipparteċipa miż-żidiet futuri fil-valur jew fil-profitti futuri ta’ dan tal-aħħar huwa, pereżempju, dak ta’ wegħda mill-benefiċjarju li jħallas lura d-dejn imħassar kollu tiegħu, jew parti minnu, f’każ ta’ ritorn għal sitwazzjoni ta’ ekwità aħjar.

232    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Condor li fuq il-bażi tiegħu l-ħlas lura fil-futur tal-parti rimanenti tad-djun li jirriżultaw mis-self COVID-19 tal‑2020 jista’ jitqies bħala li jiggarantixxi lill-Istat “proporzjon raġonevoli ta’ qligħ futur għall-valur tal-ekwità” ta’ Condor, fis-sens tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R. Fil-fatt, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jissuġġerixxi li l-Kummissjoni qieset li s-sempliċi ħlas lura eventwali tal-parti mhux imħassra tad-djun jiżgura lill-Istat “proporzjon raġonevoli ta’ qligħ futur għall-valur tal-ekwità” ta’ Condor, fis-sens tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkompletata fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑565/19, EU:T:2021:904, punt 275 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, l-argument ta’ Condor ma jistax jintlaqa’ mingħajr ma jkun hemm riskju li jirrendi ineffettiv ir-rekwiżit previst fil-punt 67 tal-Linji Gwida S&R. Fil-fatt, min-natura tiegħu stess, tħassir parzjali tad-djun jimplika l-ħlas lura tal-parti tagħhom li ma tkunx tħassret. Dan l-argument għalhekk jeskludi de facto t-tħassir parzjali tad-djun mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, li jmur, madankollu, kontra l-intepretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika ta’ dan il-punt.

233    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-punt 67 tal-Linji gwida S&R, il-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma jkollha dubji, tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi punt u tonqos milli teżamina jekk l-imsemmija miżura kinitx konformi mar-rekwiżiti previsti f’dan il-punt.

234    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tissodisfa r-rekwiżit previst fil-punt 67 tal-Linji Gwida S&R.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5729 final tas26 ta’ Lulju 2021 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.63203 (2021/N) – Il-Ġermanja – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal Condor, għandha tiġi annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll għal dawk sostnuti minn Ryanair DAC.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Condor Flugdienst huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

De Baere

Kecsmár

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu,

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.