Language of document : ECLI:EU:C:2009:633

Kawża C-324/08

Makro Zelfbedieningsgroothandel CV et

vs

Diesel SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Direttiva 89/104/KEE — Dritt tat-trade marks — Eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti fiż-Żona Ekonomika Ewropea minn terz — Kunsens impliċitu — Kundizzjonijiet”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark — Prodott imqiegħed fis-suq direttament fiż-Żona Ekonomika Ewropea minn terz li ma għandu l-ebda rabta ekonomika mal-proprjetarju tat-trade mark — Kunsens impliċitu tal-proprjetarju — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 7(1))

L-Artikolu 7(1) tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks, kif emendata bil-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunsens ta’ proprjetarju ta’ trade mark għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’din it-trade mark li ssir direttament fiż-ŻEE minn terzi persuni li ma għandhom l-ebda rabta ekonomika ma’ dan il-proprjetarju jista’ jkun impliċitu, sakemm tali kunsens jirriżulta minn elementi u fatti preċedenti, simultanji jew sussegwenti għat-tqegħid fis-suq f’din iż-żona, li, evalwati mill-qorti nazzjonali, juru b’mod ċert rinunzja tal-imsemmi proprjetarju għad-dritt esklużiv tiegħu.

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark u sabiex tkun possibbli l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ prodotti bit-trade mark mingħajr ma l-proprjetarju tagħha jkun jista’ jopponi għal dan, huwa essenzjali li dan tal-aħħar ikun jista’ jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti fiż-ŻEE.

Għalhekk, iċ-ċirkustanza ta’ natura purament fattwali li l-prodotti li għandhom it-trade mark ikkonċernata tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fiż-ŻEE jew barra minnha ma għandu, bħala tali, l-ebda rilevanza għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola ta’ eżawriment stabbilita fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104.

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-limitazzjoni tal-possibbiltà li jiġi dedott minn ċerti ċirkustanzi u minn ċerti elementi kunsens impliċitu tal-proprjetarju tat-trade mark biss għal dawk il-każijiet fejn l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni tkun saret barra ż-ŻEE, fis-sens tas-sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss (C‑414/99 sa C‑416/99), ma hija konformi la mal-liġi u lanqas mal-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 7(1).

(ara l-punti 32-35 u d-dispożittiv)