Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2023 – Asociația Inițiativa pentru Justiție vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1126/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Asociația Inițiativa pentru Justiție (Constanţa, ir-Rumanija) (rappreżentant: V.-D. Oanea, avukat, u C. Zatschler, SC)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1786 tal-15 ta’ Settembru 2023 li tħassar id-Decision 2006/928/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni 1 ; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ twettiq ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi  billi ġie konkluż li l-punti ta’ riferiment stabbiliti bid- Deċiżjoni 2006/928/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (“l-MKV”) kienu ntlaħqu.

It-tieni motiv ibbażat fuq, l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, l-Artikolu 41 TUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv ibbażat fuq, l-allegazzjoni ta’ ksur ta-Artikoli 2 u 49 TUE u r- rekwiżiti formali essenzjali peress li ma nkisibx il-qbil tal-Parlament u tal-Kunsill qabel ma ntemmet l-applikazzjoni tal-MKV u qabel ma tħassret.

L-MKV kien meħtieġ kemm politikament kif ukoll legalment sabiex jippermetti lir-Rumanija ssir Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minkejja li ma ssodisfatx il-Kriterji ta’ Copenhagen kollha u ma kkonformatx bis-sħiħ mal-Artikolu 49 TUE, li jipprevedi konformità sħiħa mal-Artikolu 2 TUE bħala conditio sine qua non għall-adeżjoni.

L-istabbiliment tal-MKV għalhekk ma kienx deċiżjoni diskrezzjonali unilaterali tal-Kummissjoni u sabiex jiġi żgurat paralleliżmu mal-kundizzjonijiet tal-istabbiliment tagħha, it-tħassir tal-MKV kien jirrikjedi bl-istess mod, minn tal-inqas, il-kunsens kemm tal-Parlament kif ukoll tal-Kunsill. Mingħajr ma kien meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-maġġoranzi preskritti mill-Artikolu 49 TUE (unanimità fil-Kunsill u maġġoranza sempliċi fil-Parlament) kinux ikunu meħtieġa, l-ebda kunsens effettiv min-naħa ta’ xi waħda minn dawn l-istituzzjonijiet ma ġie mitlub jew miksub mill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma baqħetx tissorvelja skont l-MKV mingħajr ma stenniet il-feedback taż-żewġ istituzzjonijiet l-oħra, u b’hekk ippreżentat lill-istituzzjonijiet l-oħra b’fait accompli u ssabotat il-kapaċità tagħha stess li twettaq l-evalwazzjoni li kienet mistennija minnha billi iktar tard ipproponiet li tħassar l-MKV.

____________

1 ĠU 2023, L 229, p. 94.