Language of document : ECLI:EU:T:2012:596

Kawża T-135/09

      Nexans France SAS u

Nexans SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rikors għal annullament — Atti adottati matul spezzjoni — Miżuri intermedjarji — Inammissibbiltà — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Protezzjoni tal-ħajja privata — Indizji suffiċjentement serji — Stħarriġ ġudizzjarju”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Novembru 2012

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Indikazzjoni ċara ta’ indizji serji li jippermettu li jiġi suspettat ksur — Stħarriġ ġudizzjarju

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Obbligu li jiġu indikati s-setturi koperti mill-allegat ksur — Esklużjoni tal-obbligu li jiġi ppreċiżat is-suq ikkonċernat mill-investigazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Limiti — Użu tad-dokumenti jew informazzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni — Użu li jkopri biss is-setturi ta’ attività indikati fid-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Limiti — Eżami ta’ dokumenti dwar l-aġir li jipproduċu effetti barra mis-suq komuni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

5.      Proċedura ġudizzjarja — Trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali — Protezzjoni mogħtija lill-partijiet kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali — Portata — Konsultazzjoni ta’ dawn id-dokumenti minn persuni oħra mhux avukati — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Struzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 5(3) u 7)

6.      Proċedura ġudizzjarja — Replika — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Replika li tirreferi għal dokumenti annessi man-noti — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

7.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Proċedura amministrattiva għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni — Miżuri meħuda matul proċedura ta’ spezzjoni — Atti li huma inseparabbli mid-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(1) u (3), u Artikolu 20 (2) u (4))

8.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti li jibdlu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent — Deċiżjoni li tirrifjuta l-benefiċċju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn avukati u klijenti — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 230 KE)

9.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 230 KE)

1.      Il-ħtieġa ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati mill-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-attivitajiet privati ta’ kwalunkwe persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

B’hekk, għandu jingħad li, f’Deċiżjoni li tordna spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur, u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, hija għandha, min-naħa l-oħra, tindika b’mod ċar il-preżunzjonijiet li hija biħsiebha tinvestiga.

Il-qorti tal-Unjoni tista’ tintalab twettaq stħarriġ ta’ deċiżjoni bħal din sabiex jiġi żgurat li din ma tkunx arbitrarja, jiġifieri, li ma tkunx ġiet adottata fin-nuqqas ta’ fatti li jistgħu jiġġustifikaw l-ispezzjoni. Sa fejn l-ispezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni huma intiżi sabiex jippermettulha tiġbor l-evidenza dokumentarja neċessarja sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi partikolari li dwarha l-Kummissjoni diġà tipposjedi informazzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tiżgura ruħha dwar l-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi suspettat ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni mill-impriża kkonċernata.

(ara l-punti 40, 42, 43, 72)

2.      Jekk, f’deċiżjoni li tordna spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tiddelimita bi preċiżjoni s-suq ikkonċernat permezz tal-investigazzjoni tagħha, hija għandha minn naħa l-oħra tippreċiża b’mod suffiċjenti s-setturi koperti mill-allegat ksur ikkonċernat mill-investigazzjoni, sabiex jippermetti, minn naħa, lill-impriża inkwistjoni tillimita l-kollaborazzjoni tagħha għall-attivitajiet ta’ din l-impriża dwar is-setturi li għalihom il-Kummissjoni għandha indizji suffiċjentement serji li jippermettulha tissuspetta ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġġustifikaw interferenza fl-isfera ta’ attività privata ta’ din l-impriża u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ, jekk ikun il-każ, jekk dawn l-indizji għadhom karattru suffiċjenti jew le f’dan ir-rigward.

(ara l-punt 45)

3.      Meta l-Kummissjoni twettaq spezzjoni fil-bini ta’ impriża skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, hija marbuta tillimita r-riċerki tagħha għall-attivitajiet ta’ din l-impriża għas-setturi indikati fid-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni u, b’hekk, ladarba tiġi kkonstatata, wara eżami, li dokument jew informazzjoni ma jaqgħux taħt dawn l-attivitajiet, li tastjeni milli tużahom għall-finijiet tal-investigazzjoni tagħha.

Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għal din il-limitazzjoni, l-ewwel nett, hija fil-prattika jkollha l-possibbiltà, kull darba li hija jkollha indikazzjoni li tippermettilha tissupponi li impriża wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’qasam speċifiku tal-attivitajiet tagħha, li twettaq spezzjoni li tirrigwarda dawn l-attivitajiet kollha u li għandhom bħala għan finali li tiġi ddikjarata l-eżistenza ta’ kull ksur tal-imsemmija regoli li setgħu jitwettqu minn din l-impriża, li huwa inkompatibbli mal-protezzjoni tal-isfera ta’ attività privata tal-persuni ġuridiċi garantita bħala dritt fundamentali f’soċjetà demokratika.

(ara l-punti 64, 65)

4.      Hekk kif jirriżulta mit-titolu tar-Regolament Nru 1/2003, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni minn dan ir-regolament għandhom bħala għan l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprojbixxu ċerta mġiba minn naħa tal-impriżi sa fejn dawn ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li għandhom bħala għan jew effett li jwaqqfu, jillimitaw jew ixekklu l-kompetizzjoni ġewwa s-suq Komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha ta’ spezzjoni biss għall-finijiet li tiżvela mġiba bħal din. Il-Kummissjoni b’hekk ma tistax twettaq spezzjoni fil-bini ta’ impriża jekk hija tissuspetta l-eżistenza ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma li l-effetti tagħhom seħħew esklużivament f’suq wieħed jew iktar barra mis-suq komuni. Min-naħa l-oħra, xejn ma jwaqqaf li din teżamina dokumenti dwar dawn is-swieq sabiex tinstab imġiba li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandhom bħala għan jew effett li jwaqqfu, jillimitaw jew ixekklu l-kompetizzjoni ġewwa s-suq Komuni.

(ara l-punt 99)

5.      L-awturi ta’ opinjoni legali annessa man-nota tal-partijiet li ma humiex avukati tal-partijiet jew persuni debitament awtorizzati minn dawn sabiex jikkonsultaw il-fajl ma setgħux jiġu kkunsidrati terzi li ma għandhomx id-dritt li jaċċedu għall-fajl, fis-sens tal-Artikolu 5(3) u (7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali.

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teħtieġ li parti li tingħata l-aċċess għall-atti proċedurali ta’ partijiet oħra tuża dan id-dritt biss għall-finijiet tad-difiża tal-kawża tagħha, bl-esklużjoni ta’ kull għan ieħor.

Konsegwentement, il-komunikazzjoni ta’ atti ta’ proċedura minn parti lil terzi f’sitwazzjoni fejn dawn l-atti ma kinux trażmessi għall-finijiet tad-difiża tal-kawża ta’ din il-parti tammonta għal abbuż ta’ proċedura. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(3) u (7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali ma jipprekludux li parti għal kawża tippermetti lil espert li jikkonsulta att proċedurali, meta dan għandu bħala għan li jiffaċilita t-tfassil mill-imsemmi espert ta’ dokument għall-finijiet tad-difiża tal-kawża ta’ din il-parti, użata biss għall-finijiet tal-proċeduri.

(ara l-punti 107-109)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 112, 113)

7.      Kull spezzjoni ordnata bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 timplika selezzjoni ta’ dokumenti li għandhom jiġu eżaminati u, jekk ikun il-każ, li jiġu kkupjati kif ukoll selezzjoni ta’ domandi li għandhom jiġu mistoqsija lill-impjegati jew lir-rappreżentanti tal-impriżi kkonċernati li jirrigwardaw is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni. Issa, huwa bis-saħħa tad-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni li dawn l-impriżi huma marbuta jawtorizzaw lill-Kummissjoni tikkopja d-dokumenti inkwistjoni u li jawtorizzaw lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom li jfornu l-ispjegazzjonijiet mitluba, u mhux skont att ieħor distint adottat fl-ispezzjoni.

B’hekk għandu jiġi kkunsidrat li l-kopja ta’ kull dokument u l-ifformular ta’ kull domanda li saret fl-ispezzjoni ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala att separabbli mid-deċiżjoni li permezz tagħha l-ispezzjoni ġiet ordnata, iżda bħala miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

B’hekk, id-deċiżjoni li jsiru l-kopji-imaġni ta’ bosta fajls informatiċi u ta’ ħard disk sabiex jiġu eżaminati sussegwentement fl-uffiċċji tal-Kummissjoni, kif ukoll tad-deċiżjoni li jiġi interrogat impjegat ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala atti suġġetti għal rikors għall-annullament fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

(ara l-punti 121, 125, 132)

8.      Id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiċħad it-talba għall-protezzjoni, abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti, ta’ dokumenti li kienet talbet il-produzzjoni tagħhom f’verifika ordnata skont ir-Regolament Nru 1/2003 tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tal-impriżi kkonċernati, sa fejn il-Kummissjoni tirrifjuta l-benefiċċju ta’ protezzjoni prevista mid-dritt Komunitarju u d-deċiżjoni għandha karattru definittiv u indipendenti mid-deċiżjoni finali li tikkonstata ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni.

Madankollu, meta l-impriża ma ssostnix li d-dokumenti kkupjati mill-Kummissjoni jew l-informazzjoni miksuba minn din bis-saħħa ta’ dawn l-atti jibbenefikaw minn protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni simili għal dik mogħtija lill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u l-klijenti, il-Kummissjoni meta tiddeċiedi li tikkopja dawn id-dokumenti u li titlob lir-rikorrenti jfornu din l-informazzjoni, ma tadottax deċiżjoni li tirrifjuta lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni.

F’sitwazzjoni bħal din, id-deċiżjoni, meħuda mill-Kummissjoni, li tikkopja dokumenti jew li tikseb informazzjoni mill-impjegati tal-impriża, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala att suġġett għal rikors għall-annullament fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

(ara l-punti 128, 129, 132)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 136)