Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' April 2009 - Il-Kummissjoni vs Galor

(Kawża T-136/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A.­M. Rouchaud-Joët, F. Mirza, aġenti, assistiti minn B. Katan u M. van der Woude, avukati)

Konvenut: Benjamin Galor (Jupiter, United States of America)

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lil B. Galor iħallas lill-Komunità EUR 205 611 flimkien mal-interessi statutorji skont l-Artikolu 6.119 tal-Kodiċi Ċvili Olandiż mill-1 ta' Marzu 2003 sad-data li fiha l-Komunità tkun irċeviet il-ħlas kollu;

tornda lil B. Galor iħallas lill-Komunità l-interessi statutorji skont l-Artikolu 6.119 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż fuq EUR 9 231.25 mit-2 ta' Settembru 2003 (jew, sussidjarjament, mill-10 ta' Marzu 2007) sad-data li fiha l-Komunità tkun irċeviet il-ħlas kollu;

tikkundanna lil B. Galor għall-ispejjeż tal-kawża preżenti, stmati b'mod provviżorju għal EUR 17 900, flimkien mal-interessi statutorji skont l-Artikolu 6.119 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż mid-data tas-sentenza sad-data li fiha l-Komunità tkun irċeviet il-ħlas kollu

Motivi u argumenti prinċipali

Fit-23 ta' Diċembru 1997, il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni daħlet fil-kuntratt IN/004/97 mal-Prof. Benjamin Galor u tliet kumpanniji għall-implementazzjoni tal-proġett "Self-Upgrading of Old-Design Gas Turbines in Land & Marine Industries by Energy-Saving Clean Jet-Engine Technologies" taħt l-attivitajiet Komunitarji fil-qasam tal-enerġija mhux nukleari1. Permezz ta' dan il-kuntratt, il-Kummissjoni għamlet ħlas minn qabel tal-kontribuzzjoni tagħha għall-proġett lill-kuntratturi. Il-ħlas ġie rċevut mill-mexxej tal-proġett Prof. Benjamin Galor.

Minħabba raġunijiet marbutin ma' xi diffikultajiet għall-partijiet kontraenti sabiex isibu kontraent assoċjat għall-proġett u peress li ma kien hemm ebda progress fl-implementazzjoni tal-proġett, il-Kummissjoni ddeċidiet li tħassar il-kuntratt. Fl-ittra tagħha lill-partijiet kontraenti, il-Kummissjoni speċifikat li l-kontribuzzjoni Komunitarja setgħat biss titħallas (jew tinżamm mill-partijiet kontraenti) sa fejn kienet relatata mal-proġett u ġġustifikata permezz tar-rapport tekniku u finanzjarju finali.

Ir-rapport finali ppreżentat mill-partijiet kontraenti ma ġiex approvat mill-Kummissjoni u l-Kummissjoni bdiet il-proċedura għall-irkupru tal-ħlas minn qabel.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-konvenut ma ħallasx lura l-ammont li rċieva, iżda minflok talab li l-Kummissjoni tħallsu kontribuzzjoni prevista taħt il-kuntratt li minnha kellu jitnaqqas il-ħlas minn qabel. Barra minn hekk, il-konvenut beda proċedimenti legali quddiem il-qrati Olandiżi sabiex jirkupra dan l-ammont. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati Olandiżi ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-klawżola ta' ġurisdizzjoni fil-kuntratt li tindika lill-Qorti tal-Prim'Istanza bħala l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi kwalunkwe kawża bejn il-partijiet kontraenti.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob l-irkupru tal-flus imħallsin minn qabel. Il-Kummissjoni ssostni li setgħat tħassar il-kuntratt bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt peress li l-konvenut kiser l-obbligi kuntrattwali tiegħu billi, inter alia, kien għadda żmien twil sakemm ingħata bidu għall-proġett u ma kien hemm ebda progress, il-konvenut ma rnexxielux isib il-mezzi tekniċi neċessarji għar-riċerka li għaliha ġew ipprovduti l-fondi u r-rapporti tekniċi u finanzjarji ma ssosdifawx l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li hija intitolata titlob il-ħlas lura tal-ħlas minn qabel.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 94/806/KE tat-23 ta' Novembru 1994 li tadotta programm speċifiku għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inkluża d-dimostrazzjoni, fil-qasam tal-enerġija mhux nukleari (1994-1998) ĠU L 334, 22.12.1994, p. 87