Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Keramag Keramische Werke a.o. vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-379/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Keramag Keramische Werke AG (Ratingen, il-Ġermanja); Koralle Sanitärprodukte GmbH (Vlotho, il-Ġermanja); Koninklijke Sphinx BV (Maastricht, l-Olanda); Allia SAS (Avon, Franza); Produits Céramique de Touraine SA (PCT) (Selles sur Cher, Franza); u Pozzi Ginori SpA (Milan, l-Italja) (rappreżentanti: J. Killick, Barrister, P. Lindfelt, avukat, I. Reynolds, Solicitor, u K. Struckmann, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata b'mod sħiħ jew parzjalment;

tiddikjara li r-rikorrenti mhumiex responsabbli għall-attività anti-kompetittiva fis-settur tal-vitijiet u, jekk ikun neċessarju, tannulla d-deċiżjoni sa fejn hija tikkonstata li r-rikorrenti huma hekk responsabbli;

addizzjonalment jew sussidjarjament, tnaqqas il-livell tal-multa;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

tagħti kull ordni oħra li tista' tkun xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali tat-23 ta' Ġunju 2010 dwar proċedura taħt l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Każ COMP/39.092) sa fejn din iżżommhom responsabbli għall-parteċipazzjoni fi ftehim jew prattika miftiehma kontinwata fit-tagħmir tal-kmamar tal-banju u fis-settur ta' istallazzjonijiet fissi li jkopru t-territorju tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tal-Italja, ta' Franza, tal-Belġju u tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba' motivi.

L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa u tinvestiga l-kuntest ekonomiku u għaldaqstant naqset milli tistabbilixxi l-għan anti-kompetittiv tal-allegat ksur sal-livell legali meħtieġ. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx legalment intitolata li tippreżumi (jew ukoll li tikkonstata) li diskussjonijiet (i) bejn persuni li mhumiex kompetituri u (ii) fuq prezz mhux ekonomiku li l-ebda parteċipant fis-suq ma jħallas, kellhom għan anti-kompetittiv.

It-tieni nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni kienet tkun żbaljata li tikkonstata li r-rikorrenti kienu responsabbli għal ksur fis-settur tal-vitijiet fid-dawl tal-ewwel motiv u tal-fatt li r-rikorrenti ma jipproduċux vitijiet.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur allegat sal-livell legali meħtieġ, b'mod partikolari peress li l-analiżi tagħha tal-provi kienet żbaljata fi Franza, fl-Italja u fir-rigward ta' Keramag Keramische Werke Aktiengesellschaft fil-Ġermanja.

Ir-raba' nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx interess li jiġi kkonstatat ksur fl-Pajjiżi l-Baxxi li kien preskritt.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset

    (i)    milli tesponi b'mod adegwat l-allegazzjonijiet fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet u

    (ii)    milli tiġbor u tiżvela provi rilevanti u li potenzjalment jiskaġunaw.

Dawn in-nuqqasijiet proċedurali ppreġudikaw, fil-fehma tar-rikorrenti, id-dritttijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sitt nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-investigazzjoni f'dan il-każ kienet ta' natura selettiva u artbitrarja peress li ħafna kumpanniji li allegatament ipparteċipaw f'dawn il-laqgħat jew diskussjonijiet allegatament illegali qatt ma tressqu proċedura kontrihom.

Is-seba' nett, huma jsostnu li l-multa ma kienet għolja b'mod inġustifikat u spoporzjonat, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' implementazzjoni jew effetti fuq is-suq. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni illimitata tagħha taħt l-Artikolu 261 TFUE sabiex tnaqqas il-multa.

____________