Language of document : ECLI:EU:C:2024:475

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑6 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C314/23

Sindicato de Tripulantes Auxiliares de Vuelo de Líneas Aéreas (STAVLA),

Ministerio Fiscal

vs

Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA,

Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO),

Unión General de Trabajadores (UGT),

Unión Sindical Obrera (USO),

Comité de empresa de Air Nostrum Líneas Aéreas del Mediterráneo SA,

Dirección General de Trabajo,

Instituto de las Mujeres,

filpreżenza ta’

Sindicato Español de Pilotos de Líneas Aéreas (SEPLA),

Sindicato Unión Profesional de Pilotos de Aerolíneas (UPPA)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 14 – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess – Ftehimiet kollettivi li jistabbilixxu l-ammonti differenti ta’ allowances ta’ kuljum li għandhom jiġu allokati lill-piloti u lill-membri tal-persunal tal-kabina bħala allowance għall-ikel tagħhom matul l-ivvjaġġar”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-fatt li l-membri tal-persunal tal-kabina ta’ kumpannija tal-ajru jirċievu, sabiex ikopru l-ispejjeż tal-ikel sostnuti waqt l-ivvjaġġar relatat max-xogħol, allowance ta’ kuljum ta’ ammont inqas minn dak tal-kumpens li jirċievu l-piloti jista’ jkun oġġettivament iġġustifikat, fir-rigward tad-Direttiva 2006/54/KE (2), meta din id-differenza tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żewġ ftehimiet kollettivi? Din il-mistoqsija hija ċentrali f’din il-kawża.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54.

3.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn sindakat li jirrappreżenta lill-membri tal-persunal tal-kabina u kumpannija tal-ajru, fir-rigward ta’ rikors għal annullament parzjali tal-ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-persunal tal-kabina ta’ din il-kumpannija.

4.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni ġdida sabiex terġa teżamina aspetti relatati mal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, u b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ miżura li tistabbilixxi inugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol meta din l-inugwaljanza tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żewġ ftehimiet kollettivi distinti nnegozjati bejn il-persuna li timpjega u sindakati differenti.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/54, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      ‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b'għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[…]”

6.        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[…]

(ċ)      Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 tat-Trattat;

[…]”

B.      Iddritt Spanjol

7.        Ir-Real Decreto Legislativo 2/2015 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 2/2015 dwar l-Approvazzjoni tat-Test Rivedut tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi, fl-Artikolu 3 tiegħu, intitolat “Sorsi tar-relazzjoni ta’ xogħol”:

“1.      Id-drittijiet u l-obbligi li jirrigwardaw ir-relazzjoni ta’ xogħol huma rregolati:

a)      mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tal-Istat;

b)      mill-ftehimiet kollettivi;

[…]”

8.        L-Artikolu 4(2)(c) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Fir-relazzjoni ta’ xogħol, il-ħaddiema għandhom id-dritt:

[…]

c)      fil-qasam tar-reklutaġġ, jew ladarba rreklutati, li ma jkunux suġġetti għal diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti bbażati fuq is-sess […].”

9.        L-Artikolu 17(1) tal-imsemmija liġi, huwa fformulat kif ġej:

“Għandhom jitqiesu nulli u mingħajr effett id-dispożizzjonijiet regolamentari, il-klawżoli ta’ ftehimiet kollettivi, il-ftehimiet individwali u d-deċiżjonijiet unilaterali tal-persuna li timpjega li joħolqu direttament jew indirettament, fil-qasam tal-impjieg, tar-remunerazzjoni, tal-ħin tax-xogħol u ta’ kundizzjonijiet oħra tax-xogħol, […] diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess […]”

10.      Skont l-Artikolu 26(2) tal-istess liġi:

“Huma esklużi mill-kunċett ta’ pagi s-somom li l-ħaddiem jirċievi bħala allowances jew rimbors tal-ispejjeż li huwa jsostni waqt l-attività professjonali tiegħu, il-benefiċċji u allowances tas-sigurtà soċjali u l-allowances korrispondenti għal trasferimenti, sospensjonijiet jew tkeċċijiet.”

11.      Skont l-Artikolu 87 tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema:

“1. Għandhom is-setgħa jinnegozjaw il-ftehimiet kollettivi ta’ kumpannija jew ta’ livell inqas, għan-nom tal-ħaddiema, il-kunsill tax-xogħol, jekk ikun il-każ id-delegati tal-persunal, jew it-taqsimiet sindakali jekk dawn flimkien jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri tal-kunsill.

In-negozjati għandhom isiru mit-taqsimiet sindakali jekk ikun ġie miftiehem hekk, bil-kundizzjoni li dawn jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri fil-kunsill tax-xogħol jew fost id-delegati tal-persunal.

[…]

Fil-każ ta’ ftehimiet intiżi għal grupp ta’ ħaddiema li għandhom profil professjonali speċifiku, għandhom is-setgħa jinnegozjaw it-taqsimiet sindakali maħtura mill-maġġoranza tar-rappreżentanti tagħhom permezz ta’ vot personali, dirett u sigriet.”

12.      Ir‑IV Convenio colectivo de Air Nostrum (personal de tierra y TCP’S [(4)]) (ir-Raba’ Ftehim Kollettiv ta’ Air Nostrum (Persunal tal-Art u tal-Ekwipaġġ Kummerċjali)), irreġistrat u ppubblikat permezz tar-Resolución de la Dirección General de Trabajo (ir-Riżoluzzjoni tad-Direttorat Ġenerali tax-Xogħol), tat‑18 ta’ Diċembru 2018 (5), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Ftehim PEK”), iffirmat mit-tmexxija tal-kumpannija u mis-sindakati Unión general de trabajadores (l-Unjoni Ġenerali tal-Ħaddiema, Spanja (UGT)), Comisiones obreras (il-Kumitat tal-Ħaddiema, Spanja (CCOO)), u Unión Sindical Obrera (l-Unjoni Sindakali tal-Ħaddiema, Spanja (USO)), jirregola, fl-Artikoli 59 sa 93 tiegħu, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-ekwipaġġ kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“PEK”).

13.      L-Artikolu 93, intitolat “Allowances ta’ kuljum”, tal-Ftehim PEK jiddefinixxi l-kunċett ta’ “allowances ta’ kuljum” bħala “l-ammont li jikkumpensa lill-[PEK] għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-ivvjaġġar tiegħu li jagħmel parti integrali mill-kontenut tal-provvista ta’ servizzi tiegħu”. Skont dan l-artikolu, “[h]uwa espressament miftiehem li din is-sistema ta’ allowances ta’ kuljum teżenta lill-kumpannija mir-responsabbiltà tal-ispejjeż ta’ għajxien waqt l-ivvjaġġar”.

14.      Il-Convenio Colectivo de Air Nostrum (pilotos) (il-Ftehim Kollettiv ta’ Air Nostrum (piloti)), irreġistrat u ppubblikat permezz tar-Resolución de la Dirección General de Trabajo (ir-Riżoluzzjoni tad-Direttorat Ġenerali tax-Xogħol), tal‑10 ta’ Marzu 2020 (6), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Ftehim PET”), iffirmat mit-tmexxija tal-kumpannija u t-taqsimiet sindakali tas-sindakati Sindicato Español de Pilotos de Líneas Aéreas (is-Sindakat Spanjol tal-Piloti tal-Linji tal-Ajru, Spanja (iktar ’il quddiem is-“SEPLA”) u Sindicato Unión Profesional de Pilotos de Aerolíneas (is-Sindakat Unjoni Professjonali ta’ Piloti ta’ Linji tal-Ajru, Spanja (UPPA), jirregola r-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-piloti (persunal tal-ekwipaġġ tekniku, iktar ’il quddiem il-“PET”)).

15.      L-Artikolu 16.19 tal-Ftehim PET, intitolat “Allowances ta’ kuljum”, jipprevedi li l-“allowance ta’ kuljum hija l-ammont li jirċievi l-pilota sabiex ikopri l-ispejjeż sostnuti waqt l-ivvjaġġar tiegħu għall-bżonnijiet tal-kumpannija jew waqt is-soġġorni tiegħu lil hinn mill-bażi. Din la tinkludi l-akkomodazzjoni u lanqas it-trasport”. Dan l-artikolu jipprevedi li huwa espressament miftiehem li din is-sistema ta’ allowances ta’ kuljum teħles lill-kumpannija mir-responsabbiltà ta’ kull tip ta’ ikel.

III. Ilfatti talkawża prinċipali, iddomanda preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

16.      Ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA (iktar ’il quddiem “Air Nostrum”) u l-PEK tagħhom huma rregolati mill-Ftehim PEK, u r-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn Air Nostrum u l-PET tagħha huma rregolati mill-Ftehim PET. L-Artikolu 93 tal-Ftehim PEK u l-Artikolu 16.19 tal-Ftehim PET jirregolaw l-allowances ta’ kuljum li jkopru, b’mod partikolari, l-ispejjeż sostnuti, mill-PEK u l-PET rispettivament waqt l-ivvjaġġar imwettaq fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi tagħhom (iktar ’il quddiem l-“allowances ta’ kuljum”).

17.      Fit‑8 ta’ Novembru 2022, is-Sindicato de Tripulantes Auxiliares de Vuelo de Líneas Aéreas (is-Sindakat tal-Persunal tal-Kabina tal-Kumpanniji tal-Ajru, Spanja, iktar ’il quddiem l-“iSTAVLA”), sindakat li jirrappreżenta l-PEK, ippreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju rikors intiż sabiex jipproteġi d-drittijiet fundamentali permezz tal-proċedura ta’ kontestazzjoni tal-ftehim kollettiv (“procedimiento de impugnación de convenio colectivo”) u intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tal-Artikolu 93 u tal-Anness I tal-Ftehim PEK sa fejn dan l-artikolu jiffissa l-ammont ta’ allowances ta’ kuljum. Skont dan is-sindakat, peress li, kif tindika l-qorti tar-rinviju, in-nisa jirrappreżentaw 94 % tal-PEK u l-irġiel 93.71 % tal-PET, il-fatt li, quddiem l-istess sitwazzjoni, l-ammont tal-allowances ta’ kuljum previst mill-Ftehim PEK huwa kunsiderevolment inqas minn dak previst mill-Ftehim PET, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, ipprojbita mill-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54.

18.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-somom imħallsa bħala allowances ta’ kuljum ma humiex ikkunsidrati bħala pagi, la mill-perspettiva tad-dritt tax-xogħol Spanjol, peress li huma espressament esklużi mill-kunċett ta’ “paga” previst fl-Artikolu 26(2) tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema, u lanqas mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 157 TFUE u l-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva 2006/54. Din il-qorti targumenta li, dawn l-allowances ma humiex remunerazzjoni ta’ xogħol speċifiku kkalkolata għal kull unità ta’ ħin jew unità ta’ xogħol, u għalhekk il-valur differenti tax-xogħol imwettaq mill-PET u mill-PEK ma jistax jikkostitwixxi fatt li jiġġustifika inugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-ammont ta’ dawn l-allowances. Dawn l-allowances, imħallsa sabiex ikopru l-ispejjeż sostnuti wara l-ivvjaġġar, bħall-ikel ta’ kuljum barra mill-post ta’ residenza abitwali, jaqgħu għalhekk taħt il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

19.      Skont din il-qorti, minn dan jirriżulta li, fi ħdan Air Nostrum, grupp ta’ ħaddiema fil-parti l-kbira kompost minn nisa, jirċievi bħala kumpens tal-ispejjeż, b’mod partikolari tal-ikel, sostnuti waqt l-ivvjaġġar tiegħu, ammont kunsiderevolment inqas minn dak li jirċievi bl-istess dritt grupp ieħor ta’ ħaddiema, fil-parti l-kbira kompost minn irġiel, sabiex ikopri l-istess spejjeż.

20.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li kienet tkun teżisti diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess kieku l-allowances ta’ kuljum differenti kienu stabbiliti fl-istess ftehim kollettiv (7). Mill-banda l-oħra, hija għandha dubji dwar l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni f’dan il-każ sa fejn id-differenza fit-trattament tirrigwarda l-fatt li l-kumpannija tapplika żewġ ftehimiet kollettivi differenti nnegozjati ma’ rappreżentanti sindakali differenti. Għalhekk, għandu jiġi preżunt li, f’kull proċess ta’ negozjar, kull rappreżentanza sindakali tat prijorità, fir-rigward tal-kumpannija, lil ċerti pretensjonijiet meta mqabbla ma’ oħrajn.

21.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, meta Air Nostrum innegozjat il-Ftehim PET, il-Ftehim PEK kien diġà ffirmat u li għalhekk Air Nostrum kienet taf bl-ammonti ffissati għall-allowances ta’ kuljum tal-PEK.

22.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2023 li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Mejju 2023, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt li [AIR NOSTRUM] tikkumpensa grupp bħall-[PEK], li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kompost minn nisa, għall-ispejjeż li [dan il-persunal jkollu jsostni] waqt l-ivvjaġġar [tiegħu], għajr dawk relatati mat-trasport u mal-akkomodazzjoni, b’ammont inferjuri għal dak li huwa rċevut [bl-istess dritt] għall-istess spejjeż minn grupp ieħor ta’ impjegati li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kompost minn irġiel, bħal ma huwa dak tal-piloti, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u li hija pprojbita mill-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva [2006/54], meta r-raġuni għal tali trattament differenti tkun li kull grupp huwa suġġett għal ftehim kollettiv differenti, u ż-żewġ ftehimiet ikunu ġew innegozjati mill-istess kumpannija iżda ma’ rappreżentanti sindakali differenti, skont l-Artikolu 87 tal-[Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema]?”

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja,), is-SEPLA, il-Gvern Spanjol, Daniż u Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

24.      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li fil‑21 ta’ Settembru 2023, l-iSTAVLA rrinunzja għar-rikors tiegħu. Minkejja li l-partijiet l-oħra fil-kawża prinċipali ma opponewx għar-rinunzja u t-tħassir tal-kawża, mill-banda l-oħra, l-Uffiċċju tal-Prosekutur qies li r-rikors għandu jinżamm (8).

25.      Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Ottubru 2023, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li ħadet nota tar-rinunzja tal-iSTAVLA, żammet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, billi kkunsidrat l-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala r-rikorrent li ssostitwixxa lill-iSTAVLA.

26.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur, Air Nostrum, l-UGT, u s-SEPLA, il-Gvern Spanjol, Daniż u Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fid‑19 ta’ Marzu 2024.

IV.    Analiżi

27.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi li permezz tagħha kumpannija tal-ajru tħallas lill-PEK, fil-parti kbira kompost minn nisa, allowance ta’ kuljum, sabiex tkopri l-ispejjeż tal-ikel sostnuti waqt l-ivvjaġġar relatat max-xogħol tiegħu, ta’ ammont inqas minn dak tal-kumpens imħallas bl-istess dritt lill-PET, fil-parti l-kbira kompost minn irġiel, meta din l-inugwaljanza fit-trattament tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żewġ ftehimiet kollettivi differenti nnegozjati bejn il-persuna li timpjega u sindakati differenti.

28.      F’dan ir-rigward, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar jekk teżistix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għad-detriment tal-PEK. Air Nostrum u s-SEPLA kif ukoll il-Gvern Daniż u Svediż ma jiċħdux l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni iżda jikkunsidrawha ġġustifikata mill-awtonomija tal-imsieħba soċjali li jinnegozjaw u jikkonkludu l-ftehimiet kollettivi li japplikaw għall-ħaddiema li huma jirrappreżentaw. Għalhekk, ftehim kollettiv għandu japplika mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ftehimiet kollettivi oħra li l-istess persuna li timpjega setgħet ikkonkludiet mar-rappreżentanti sindakali ta’ gruppi oħra ta’ ħaddiema.

29.      Mill-banda l-oħra, l-UGT tikkunsidra li teżisti diskriminazzjoni indiretta sa fejn id-differenza fit-trattament inkwistjoni ma tistax tkun oġġettivament iġġustifikata abbażi tad-dritt għan-negozjar kollettiv. Hija tippreċiża li l-fatt li d-differenza fit-trattament tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żewġ ftehimiet kollettivi distinti nnegozjati bejn il-persuna li timpjega u sindakati differenti ma għandu ebda effett fuq l-assenza ta’ ġustifikazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54. L-Uffiċċju tal-Prosekutur isostni li l-Ftehim PEK jinkludi diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fi ħdan l-istess kumpannija li ma tistax tiġi aċċettata, indipendentement mis-sors ta’ din id-diskriminazzjoni, sa fejn l-eżerċizzju tad-dritt għan-negozjar kollettiv ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kriterju ta’ ġustifikazzjoni oġġettiv. Fil-fatt, id-dritt għan-negozjar kollettiv jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi eżerċitat b’konformità miegħu. Il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jargumentaw li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-diskriminazzjoni inkwistjoni hijiex iġġustifikata. Madankollu, għal dan il-għan, is-sempliċi fatt li din id-diskriminazzjoni tirriżulta minn żewġ ftehimiet kollettivi ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54.

30.      F’dan il-kuntest, sabiex inkun f’pożizzjoni li nipproponi risposta utli għall-qorti tar-rinviju, għandu qabelxejn, jiġi evalwat jekk l-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali previsti mill-Ftehim PEK jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54 (Taqsima B), u mbagħad, jiġi eżaminat jekk il-ħlas ta’ dawn l-allowances jistax jinkludi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ipprojbita minn din id-direttiva (Taqsima C). Qabel nipproċedi għal din l-analiżi, inqis li huwa neċessarju li jsiru xi kummenti preliminari fil-qosor dwar il-kuntest tad-dritt primarju u sekondarju relatat mal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni li fih taqa’ din il-kawża (Taqsima A).

A.      Kummenti preliminari

31.      Qabelxejn nirrileva li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq sett ta’ valuri kontenuti fl-Artikolu 2 TUE. Dawn il-valuri, fosthom ir-“rispett tal-ugwaljanza” huma parti integrali, flimkien mad-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-Istat tad-Dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, u “jikkostitwixxu l-qalba tal-identità tal-Unjoni” (9). Skont din id-dispożizzjoni, dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu, b’mod partikolari, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE jipprovdi li l-Unjoni tiġġieled, fil-kuntest tal-istabbiliment tas-suq intern, id-diskriminazzjonijiet u tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprevedi l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, u din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi espressjoni partikolari ta-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament irrikonoxxut fl-Artikolu 20 tal-Karta (10). L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija stabbilita wkoll fl-Artikolu 23 tal-Karta.

32.      Fir-rigward tad-Direttiva 2006/54, il-premessa 2 tagħha tistabbilixxi li “[l]-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa [hija] ‘kompitu’ u ‘mira’ tal-[Unjoni]”. Din il-premessa tfakkar ukoll l-istatus ta’ “prinċipju fundamentali tal-liġi [tal-Unjoni]” ta’ tali ugwaljanza skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) TFUE (11). Barra minn hekk, din id-direttiva kienet adottata abbażi tal-Artikolu 141(3) KE (li sar l-Artikolu 157(3) TFUE). Skont il-premessa 4 tagħha, l-imsemmija direttiva tipprovdi “bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta’ miżuri […] biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol”. Għalhekk, id-Direttiva 2006/54 hija intiża, skont l-Artikolu 1 tagħha, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. B’konformità ma’ dan il-għan, l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol.

33.      Għalhekk, dan huwa il-kuntest li fiha taqa’, b’mod ġenerali, id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq leżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq issess, ipprojbita midDirettiva 2006/54

34.      Il-punt tat-tluq tal-analiżi tiegħi jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-ħlas tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54.

35.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li dawn l-allowances ta’ kuljum, sa fejn jikkostitwixxu kumpens imħallas mill-kumpannija tal-ajru lill-impjegati tagħha sabiex ikopri l-ispejjeż sostnuti waqt l-ivvjaġġar tagħhom relatat max-xogħol, essenzjalment, bħall-ikel ta’ kuljum barra mill-post ta’ residenza abitwali, jaqgħu taħt “kundizzjonijiet tax-xogħol” (12).

36.      Għaldaqstant, ma hemm l-ebda dubju li l-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tad-Direttiva 2006/54 sa fejn din hija intiża, skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tagħha, sabiex timplimenta l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-“kundizzjonijiet tax-xogħol”. Għalhekk, nikkunsidra li din id-direttiva hija applikabbli għal din il-kawża.

37.      Fir-rigward tal-eżami tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, infakkar, qabelxejn, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ dan il-każ, jekk il-ħlas tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistabbilixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, ipprojbita mid-Direttiva 2006/54.

38.      Skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, diskriminazzjoni indiretta hija ddefinita bħala s-sitwazzjoni li fiha dispożizzjoni, kriterju jew prassi li tkun tidher newtrali tpoġġi fi żvantaġġ b’mod partikolari lil persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk din id-dispożizzjoni, kriterju jew prassi tkun oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa (13). Minn din id-definizzjoni jirriżulta li diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, hija stabbilita meta jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet hawn fuq imsemmija.

39.      Għaldaqstant, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta pprojbita mid-Direttiva 2006/54, għandha tiġi segwita l-istruttura normattiva tal-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva u ssir analiżi fi tliet stadji. Għal dan il-għan, ser nindirizza, qabelxejn, il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tidhirx li hija newtrali (Taqsima 1) (14). Imbagħad ser neżamina, jekk din il-miżura twassalx għal żvantaġġ partikolari fir-rigward tal-persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ dawk tas-sess l-ieħor (Taqsima 2). Fl-aħħar, ser nevalwa jekk tali żvantaġġ partikolari huwiex iġġustifikat minn fatturi oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (Taqsima 3).

1.      Ilprassi inkwistjoni filkawża prinċipali tidher li hija newtrali?

40.      Qabelxejn infakkar li, għall-kuntrarju tad-diskriminazzjoni diretta, id-diskriminazzjoni indiretta ma hijiex ikkaratterizzata mill-apparenza (jew l-intenzjoni tal-awtur) ta’ miżura nazzjonali iżda mill-eventwali effett dannuż tagħha. Għaldaqstant, b’mod ġenerali, il-punt huwa jekk miżura jew prassi partikolari, newtrali fl-apparenza biss, jistax ikollha “effett dannuż jew negattiv” fuq persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ dawk tas-sess l-ieħor (15). Fi kliem ieħor, tali miżura jew prassi ma hijiex direttament bbażata fuq raġuni ta’ diskriminazzjoni pprojbita peress li l-element determinanti għall-finijiet tal-analiżi ta’ diskriminazzjoni indiretta huwa d-disparità bejn iż-żewġ gruppi (16).

41.      F’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-ħlas tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni direttament ibbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, peress li d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi li jipprevedu dawn l-allowances (jew l-ammont tal-allowances li jagħti lok għal differenza fit-trattament) huma formalment newtrali. Fil-fatt, l-imsemmija allowances jitħallsu mill-kumpannija tal-ajru mingħajr distinzjoni bejn il-ħaddiema maskili u femminili kkonċernati (17).

42.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju donnha tikkunsidra li l-ħlas tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwassal għal diskriminazzjoni indiretta, ipprojbita mill-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li tali prassi apparentement newtrali tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-PEK u l-PET, u, konsegwentement, bejn in-nisa u l-irġiel.

2.      Ilprassi inkwistjoni filkawża prinċipali twassal għal żvantaġġ partikolari firrigward talpersuni ta’ sess meta mqabbla ma’ dawk tassess lieħor?

43.      L-ispeċifiċità ta’ din il-kawża tinstab fil-fatt li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-ħlas mill-persuna li timpjega ta’ allowances ta’ kuljum tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Ftehimiet PEK u PET. Skont il-qorti tar-rinviju, l-ammont tal-ispejjeż tal-ikel fil-każ ta’ vjaġġar relatat max-xogħol mħallas lill-PEK, fil-parti l-kbira kompost minn nisa, huwa inqas minn dak imħallas lill-PET, fil-parti l-kbira kompost minn irġiel, bl-istess dritt. Skont din il-qorti, tali prassi apparentement newtrali tagħti lok għal differenza fit-trattament peress li l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet tista’ twassal għal żvantaġġ għad-detriment tal-PEK.

44.      Qabel nanalizza jekk il-prassi inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax twassal għal tali żvantaġġ komparattiv, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, jidher li huwa utli li jsiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

a)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar leżami talparagun

45.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li diskriminazzjoni “tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet komparabbli jew fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti” (18). Kif jirrilevaw l-awturi tal-kummentarji, id-definizzjonijiet ibbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-diskriminazzjonijiet diretti u indiretti jibqgħu essenzjali fl-oqsma li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddefinixxiex dawn il-kunċetti. F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-għanijiet tad-dritt soċjali tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta” huwa qabel kollox marbut mat-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli (19).

46.      Għal dak li jirrigwarda l-oqsma li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni kkodifika kunċetti ta’ forom differenti ta’ diskriminazzjoni żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (20), hija l-qorti nazzjonali, li hija biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tat-tilwima li biha hija adita u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li għandha tiddetermina b’mod konkret, fil-kuntest ta’ dawn il-kunċetti u ta’ din il-ġurisprudenza, jekk wieħed huwiex fil-preżenza tad-diskriminazzjoni allegata, jew jekk ikun il-każ, ta’ forma oħra ta’ diskriminazzjoni (21).

47.      Kif diġà esponejt, diskriminazzjoni diretta jew indiretta, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, hija stabbilita biss meta l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet rispettivi jkunu ssodisfatti. B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni, fil-kuntest tal-kunċett ta’ “diskriminazzjoni diretta” (Artikolu 2(1)(a)), tal-kundizzjoni dwar il-“komparabbiltà ta’ sitwazzjonijiet”, u fil-kuntest tad-diskriminazzjoni indiretta (Artikolu 2(1)(b)), dwar dik tal-“[i]żvantaġġ partikolari ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor”, jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li l-eżami tal-paragun jinbidel skont it-tip ta’ diskriminazzjoni inkwistjoni, u għalhekk, tal-istruttura normattiva tad-dispożizzjoni li taħtha taqa’ din il-kundizzjoni (22).

48.      F’dan ir-rigward, id-definizzjoni ta’ “diskriminazzjoni diretta”, li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, issemmi espressament ir-rekwiżit dwar il-komparabbiltà ta’ sitwazzjonijiet (“f’sitwazzjoni komparabbli”) (23). Għalhekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni tippreżupponi li s-sitwazzjonijiet imqabbla jkunu paragunabbli (24).

49.      Mill-banda l-oħra, id-definizzjoni ta’ “diskriminazzjoni indiretta”, prevista fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, ma ssemmix ir-rekwiżit tal-komparabbiltà ta’ sitwazzjonijiet. Fil-fatt, il-kliem “persuni ta’ sess partikolari […] meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor”, li jinsabu f’din it-tieni dispożizzjoni, jirreferu sempliċement għall-iżvantaġġ partikolari li jirriżulta mid-dispożizzjoni, mill-kriterju jew mill-prassi apparentement newtrali fir-rigward ta’ grupp ta’ persuni meta mqabbla ma’ grupp ieħor ta’ persuni pjuttost milli għal xi komparabbiltà ta’ sitwazzjonijiet (25). Għalhekk, l-eżami tal-paragun, minkejja li huwa essenzjali fiż-żewġ każijiet, ma huwiex eżattament l-istess fil-każ ta’ diskriminazzjoni diretta u f’dak ta’ diskriminazzjoni indiretta, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva (26).

50.      Fir-rigward tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, l-awturi tal-kummentarji jirrilevaw li “il-konstatazzjoni ta-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta ma teħtieġx il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ dawk li jibbenefikaw minn trattament vantaġġuż u ta’ dawk li jsofru trattament żvantaġġuż” (27). Fi kliem ieħor, mill-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, ma jirriżultax li l-paragun għandu jsir biss ma’ ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni identika jew simili (pereżempju, il-ħaddiema part-time biss) (28). Il-gruppi mqabbla għandhom pjuttost jinkludu l-ħaddiema kollha li huma affettwati mill-miżura, jiġifieri d-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prassi kkontestata (pereżmpju, il-ħaddiema part-time mal-ħaddiema full-time) (29). Fil-fatt, sa fejn id-differenzi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni tal-grupp partikolarment żvantaġġat huma kkunsidrati mhux importanti fir-rigward tal-kriterju ta’ paragun applikat (li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza tad-differenza kkontestata), il-kwistjoni li tqum hija biss dwar jekk, minkejja li jeżisti żvantaġġ komparattiv għad-detriment ta’ wieħed miż-żewġ gruppi, id-distinzjoni bejn dawn il-gruppi hijiex xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħaq għan leġittimu.

51.      Għalhekk, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, għandu jiġi identifikat żvantaġġ partikolari, il-kriterju ta’ paragun, b’mod partikolari ċertu numru ta’ gruppi mqabbla, jiġifieri gruppi ta’ ħaddiema affettwati mill-miżura, u assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva. L-awturi tal-kummentarji jenfasizzaw b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ direttivi dwar l-ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha fil-qasam ta’ diskriminazzjoni indiretta, ħafna drabi teżamina l-kwistjoni tal-paragun fil-kuntest tal-eżami tal-ġustifikazzjoni oġġettiva (30).

52.      Fid-dawl ta’ dan, u fl-ispirtu tal-elementi li għadni kemm żviluppajt, ser neżamina issa l-argument ta’ Air Nostrum u tas-SEPLA bbażat fuq l-allegata assenza ta’ rilevanza tal-identifikazzjoni tal-PET bħala grupp ta’ riferiment għall-finijiet tal-paragun sabiex jiġi stabbilit jekk il-grupp żvantaġġat, jiġifieri l-PEK, huwiex is-suġġett ta’ diskriminazzjoni indiretta. Fil-fatt, peress li mill-perspettiva kunċettwali, l-identifikazzjoni tal-grupp ta’ riferiment għall-paragun tiġi qabel l-analiżi tal-ġustifikazzjoni oġġettiva, għall-finijiet ta’ kjarezza, ser nindirizza dan il-punt qabel ma nagħmel eżami konkret tal-iżvantaġġ partikolari li twassal għalih il-prassi inkwistjoni għall-PEK, meta mqabbel mal-PET (31).

b)      Fuq lallegata assenza ta’ rilevanza talidentifikazzjoni talPET bħala grupp ta’ riferiment għallfinijiet talparagun filkuntest taddiskriminazzjoni indiretta allegata

53.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-proċedura prinċipali, Air Nostrum u s-SEPLA argumentaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom li s-sitwazzjoni tal-PEK “ma hijiex paragunabbli” ma’ dik tal-PET sa fejn l-allowances ta’ kuljum inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala “remunerazzjoni” u sa fejn il-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni japplika biss meta dawn iż-żewġ gruppi ta’ ħaddiema jwettqu xogħol identiku jew tal-istess valur, li ma huwiex il-każ tal-PEK u tal-PET.

54.      Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument. Huwa joħloq konfużjoni bejn, minn naħa, il-“komparabbiltà ta’ sitwazzjonijiet” inkwistjoni fl-eżami tad-diskriminazzjoni diretta mal-identifikazzjoni tal-grupp ta’ riferiment li tapplika għall-finijiet tal-paragun sabiex jiġi ddeterminat l-iżvantaġġ partikolari fil-kuntest tad-diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tad-Direttiva 2006/54 (32), u min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-inugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ remunerazzjoni ma’ dik tal-inugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol, fis-sens ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, dawn il-partijiet ifittxu effettivament li jiddefinixxu mill-ġdid l-għan imfittex mill-paragun, li jirrigwarda l-allowances ta’ kuljum li jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet tax-xogħol, sabiex jagħmlu minnu kwistjoni ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni (33).

55.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-inugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ “kundizzjonijiet tax-xogħol”, il-qorti tar-rinviju tispjega li s-somom mħallsa bħala allowances ta’ kuljum ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “remunerazzjoni” peress li dawn huma espressament esklużi mill-kunċett ta’ “paga” fl-Artikolu 26(2) tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema. Fil-fatt, skont din il-qorti, dawn l-allowances ma jvarjawx skont il-valur tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernati iżda, kif diġà esponejt (34), jaqgħu taħt il-“kundizzjonijiet tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, peress li jitħallsu biss sabiex ikopru l-ispejjeż sostnuti waqt l-ivvjaġġar relatat max-xogħol, essenzjalment, bħall-ikel ta’ kuljum barra mill-post ta’ residenza abitwali.

56.      Il-Gvern Spanjol, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-Kummissjoni jaqblu dwar din il-perspettiva fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom billi jsostnu li l-allowances ta’ kuljum inkwistjoni ma għandhomx natura ta’ paga. Fil-fatt, fil-fehma tagħhom, dawn l-allowances ma jirremunerawx xogħol speċifiku kkalkolat f’unità ta’ ħin jew ta’ xogħol, iżda jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “extra mill-paga”, u għalhekk, jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-PEK u tal-PET waqt l-ivvjaġġar tagħhom relatat max-xogħol. Waqt is-seduta, l-UGT sostniet l-istess perspettiva. Kif tosserva l-Kummissjoni, l-imsemmija allowances ma jiddependux mill-esperjenza ta’ pilota jew ta’ membru tal-PEK (35). Għalhekk, jidher li waqt titjira tal-kumpannija tal-ajru kkonċernata, minn naħa, pilota abbord jirċievi l-istess allowance ta’ kuljum bħal kopilota, u min-naħa l-oħra, kap tal-kabina jirċievi l-istess allowance ta’ kuljum bħala membru tal-PEK, għalkemm probabbilment dawn ma jirċevux l-istess paga.

57.      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-kriterju ta’ paragun, jiġifieri l-grupp ta’ riferiment għall-finijiet tal-paragun, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, diġà esponejt li, fil-kuntest tad-diskriminazzjoni diretta, għandu jsir paragun ta’ sitwazzjonijiet simili, filwaqt li, fil-kuntest tad-diskriminazzjoni indiretta, għandu jiġi identifikat l-iżvantaġġ komparattiv ta’ wieħed miż-żewġ gruppi ta’ persuni affettwati mill-miżura (36). Fil-fatt, id-diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess tirrigwarda essenzjalment l-effett ta’ miżura fuq gruppi differenti ta’ persuni. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk din il-miżura tistax tkun ta’ żvantaġġ jew ta’ vantaġġ għall-grupp kompost minn sess meta mqabbel mal-ieħor u tistabbilixxix għalhekk, żvantaġġ komparattiv għal wieħed minnhom (37).

58.      F’dan il-każ, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ trattament differenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis il-ħlas tal-allowances ta’ kuljum imwettaq mill-persuna li timpjega, u għalhekk tidentifika bħala kriterju ta’ paragun rilevanti (it-tertium comparationis), il-gruppi ta’ persuni li jibbenefikaw mill-ħlas tal-allowances li jagħtu lok għad-differenza li għandha tiġi ġġustifikata. Għalhekk, din il-qorti tidentifika l-grupp ta’ ħaddiema żvantaġġat (il-PEK) li, f’sitwazzjoni ta’ vjaġġar relatat max-xogħol, huwa s-suġġett ta’ trattament differenti meta mqabbel ma’ grupp ieħor (il-PET) fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, fis-sens tad-Direttiva 2006/54 (38).

59.      Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li l-ammont tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkunsidrat mill-qorti tar-rinviju huwa l-element ta’ paragun validu li juri l-iżvantaġġ partikolari għall-PEK meta mqabbel mal-PET f’sitwazzjoni ta’ vjaġġar relatat max-xogħol. Barra minn hekk, nirrileva li l-identifikazzjoni tal-iżvantaġġ komparattiv għandha ssir mhux b’mod astratt iżda biss fir-rigward tad-dispożizzjoni, tal-kriterju jew tal-prassi kkonċernata li twassal għal tali żvantaġġ partikolari (39). Fi kliem ieħor, għandu jiġi kkunsidrat l-għan ġenerali tal-miżura inkwistjoni.

60.      F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat l-iżvantaġġ komparattiv tal-PEK meta mqabbel mal-PET, għandu jiġi eżaminat liema hu l-għan tal-ħlas tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan il-għan huwa identiku għaż-żewġ gruppi ta’ ħaddiema kkonċernati, jiġifieri l-kumpens mill-persuna li timpjega tal-ispejjeż tal-ikel li dawn il-ħaddiema jkollhom isostnu fil-kuntest tal-ivvjaġġar tagħhom relatat max-xogħol, minbarra dawk marbuta mat-trasport u l-akkomodazzjoni. Dan kien ikkonfermat waqt is-seduta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-Kummissjoni.

61.      Għalhekk, mill-perspettiva tal-għan tiegħu, il-ħlas tal-allowances ta’ kuljum jippermetti li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ żvantaġġ partikolari ta’ grupp ta’ persuni fil-parti l-kbira tiegħu femminili (il-PEK) meta mqabbel ma’ grupp ieħor ta’ persuni fil-parti l-kbira tiegħu maskili (il-PET), bħala kriterju ta’ paragun validu.

c)      Fuq leżistenza ta’ żvantaġġ partikolari għallpersuni ta’ sess meta mqabbla ma’ dawk tassess lieħor

62.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ żvantaġġ partikolari tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk jiġi pprovat li dispożizzjoni, kriterju jew prassi apparentement newtrali taffettwa b’mod negattiv proporzjon kunsiderevolment ikbar ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla mal-persuni tas-sess l-ieħor. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali (40).

63.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ilha ħafna li rrikonoxxiet l-utilità tal-istatistika fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta (41). F’dan il-kuntest, id-data statistika tgawdi rwol fundamentali fil-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ żvantaġġ fattwali għall-persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ dawk tas-sess l-ieħor. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-affidabbiltà ta’ din id-data u jekk tistax tittieħed inkunsiderazzjoni (42). Jekk hija tikkunsidra li perċentwali ikbar ta’ nisa milli rġiel huwa kkonċernat mill-ħlas tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-ħlas ikun jikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament ipprojbita mill-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54.

64.      Sabiex tiġi evalwata din id-data, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti tar-rinviju li għandha, minn naħa, tieħu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha toriġina d-differenza fit-trattament (43), u min-naħa l-oħra, tqabbel il-proporzjonijiet rispettivi tal-ħaddiema li huma u li ma humiex affettwati mill-allegata differenza fit-trattament fi ħdan il-ħaddiema rġiel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni u l-istess proporzjonijiet fi ħdan il-ħaddiema nisa li jaqgħu fih (44).

65.      F’dan il-każ, kif diġà indikajt, skont id-data statistika li għandha l-qorti tar-rinviju, in-nisa jirrappreżentaw 94 % tal-PEK (6 % huma rġiel) u l-irġiel 93.71 % tal-PET (6.29 % huma nisa). Issa l-ammont tal-allowances ta’ kuljum previst mill-ftehim PEK huwa kunsiderevolment inqas minn dak previst mill-ftehim PET fl-istess sitwazzjoni ta’ vjaġġar relatat max-xogħol (45). Għalhekk, minn din id-data jirriżulta li l-proporzjon tal-ħaddiema impjegati ta’ sess femminili affettwat mid-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-ħlas tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kunsiderevolment ikbar minn dak tal-ħaddiema ta’ sess maskil.

66.      Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, jekk il-qorti tar-rinviju, abbażi tad-data statistika li għadni kemm eżaminajt, u jekk ikun il-każ, ta’ elementi oħra rilevanti, tasal għall-konklużjoni li l-prassi inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq żvantaġġ partikolari għall-PEK kompost fil-parti l-kbira minn nisa, ikun hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-prassi tmur kontra l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, sakemm ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (46).

3.      Sa fejn hija oġġettivament iġġustifikata lprassi allegatament diskriminatorja?

67.      Qabelxejn, infakkar li d-Direttiva 2006/54 tagħmel distinzjoni bejn id-diskriminazzjonijiet direttament u indirettament ibbażati fuq is-sess fis-sens li dawk tal-ewwel ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn għan leġittimu (47). Mill-banda l-oħra, skont l-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet, kriterji jew prassi li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjonijiet indiretti jistgħu jiġu esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ “diskriminazzjoni” taħt il-kundizzjoni li jkunu “oġġettivament [iġġustifikati] b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa”.

a)      Fuq illeġittimità talgħan invokat għall-ġustifikazzjoni talprassi inkwistjoni filkawża prinċipali

68.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja li fl-aħħar lok hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddetermina jekk u sa fejn il-prassi kkonċernata hija ġġustifikata minn tali fatturi oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa sabiex tipprovdi lil din b’risposti utli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ppreżentati quddiemha, ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali tasal għal deċiżjoni (48).

69.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, hija l-persuna li timpjega li għandha turi li ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi tipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva li tirrigwarda d-differenza fit-trattament għad-detriment tal-grupp ta’ ħaddiema żvantaġġat (49).

70.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, Air Nostrum, is-SEPLA, kif ukoll il-Gvern Daniż u Svediż argumentaw li d-differenza fit-trattament fir-rigward tal-PEK hija oġġettivament iġġustifikata mill-awtonomija tal-imsieħba soċjali għal dak li jirrigwarda n-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehimiet kollettivi li japplikaw għall-ħaddiema li huma jirrappreżentaw. l-UGT, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni ma jaqblux ma’ dan l-approċċ (50).

71.      F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-awtonomija tal-imsieħba soċjali tistax tikkostitwixxi, waħedha, raġuni suffiċjenti għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ differenza fit-trattament, bħal dik eżaminata fil-kawża prinċipali (Titolu 1), jew jekk, għall-kuntrarju, id-differenzi fir-rigward tal-ammont tal-allowances ta’ kuljum ta’ żewġ gruppi ta’ ħaddiema għandhomx ikunu ġġustifikati minn fatturi oħra oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (Titolu 2).

1)      Fuq lawtonomija talimsieħba soċjali bħala raġuni suffiċjenti għallfinijiet talġustifikazzjoni oġġettiva

72.      Ser neżamina l-ġustifikazzjoni oġġettiva bbażata fuq l-awtonomija tal-imsieħba soċjali fil-kuntest ta’ negozjar kollettiv uniku qabel neżamina l-ġustifikazzjoni bbażata fuq negozjati kollettivi distinti.

i)      Fuq ilġustifikazzjoni oġġettiva bbażata fuq lawtonomija talimsieħba soċjali filkuntest ta’ negozjar kollettiv uniku

73.      Qabelxejn, nirrileva li l-awtonomija tan-negozjar kollettiv tgawdi minn rikonoxximent partikolari fit-tradizzjonijiet ġuridiċi u l-prassi nazzjonali tal-Istati Membri, u tikkostitwixxi għalhekk il-kunċett ewlieni sabiex wieħed jifhem l-iżvilupp tad-dritt Ewropew tax-xogħol, li madwaru jitwaqqfu r-regoli tas-sistemi demokratiċi ta’ rappreżentazzjoni u jiġu stabbiliti l-limiti tal-liġi quddiem il-libertà ta’ sħubija f’sindakat (51).

74.      Fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-awtonomija tan-negozjar kollettiv jaqa’ taħt l-Artikolu 28 tal-Karta, li jistabbilixxi d-dritt fundamentali għan-negozjar kollettiv, li għalih jirreferi l-Artikolu 6 TUE permezz tar-rikonoxximent ġenerali tad-drittijiet, libertajiet u prinċipji stabbiliti mill-Karta (52). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura ta’ miżuri adottati permezz ta’ ftehim kollettiv hija differenti min-natura ta’ miżuri adottati unilateralment permezz ta’ leġiżlazzjoni jew regoli mill-Istati Membri, sa fejn l-imsieħba soċjali, fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fundamentali, ħadu ħsieb jilħqu ekwilibriju bejn l-interessi rispettivi tagħhom (53). Għalhekk, ma hemm ebda dubju dwar l-importanza tal-funzjoni tan-negozjar kollettiv, illum iggarantit mill-Karta (54).

75.      Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li peress li d-dritt għan-negozjar kollettiv stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi dritt, jiġi eżerċitat b’konformità miegħu (55). Għalhekk, meta jadottaw miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54 (li, kif diġà indikajt fil-kummenti preliminari tiegħi, tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont is-sess), l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu f’osservanza ta’ din id-direttiva (56). Fil-fatt, sa mis-sentenza Defrenne (57), jirriżulta minn ġurisprudenza abbondanti li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema ta’ sess maskil u dawk ta’ sess femminili testendi għall-ftehimiet kollha intiżi sabiex jirregolaw b’mod kollettiv ix-xogħol imħallas (58).

76.      B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2006/54 jirriżulta b’mod ċar li l-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali għandhom josservaw “id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni nazzjonali relevanti”. Bl-istess mod, skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex “dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta’ trattament ugwali [fil-ftehimiet] kollettivi […] għandhom ikunu jew jistgħu ikunu ddikkjarati nulli u bla effett jew ikunu emendati”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-ftehimiet kollettivi għandhom, l-istess bħad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi, josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (59).

77.      Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li fil-kuntest tad-Direttiva 2006/54, l-awtonomija tal-imsieħba soċjali ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

78.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi miżura li tinsab fi ftehim kollettiv ma jippreġudikax id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehimiet kollettivi rrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta (60) peress li l-partijiet ikkonċernati huma liberi li jipproċedu bir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn il-ftehimiet. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew Air Nostrum u s-SEPLA, tali reviżjoni timplika n-negozjar mill-ġdid mhux tal-ftehim kollettiv kollu inkwistjoni iżda sempliċement tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-allowances ta’ kuljum sabiex jinżamm l-ekwilibriju nnegozjat bejn il-partijiet.

79.      Fid-dawl ta’ dan, u peress li l-ġurisprudenza li għadni kemm eżaminajt tirrigwarda diskriminazzjonijiet li joriġinaw, direttament jew indirettament, minn ftehim kollettiv wieħed, ser neżamina issa l-partikolarità ta’ din il-kawża, jiġifieri l-ġustifikazzjoni oġġettiva bbażata fuq l-awtonomija tal-imsieħba soċjali fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi separati u distinti.

ii)    Fuq ilġustifikazzjoni oġġettiva bbażata fuq lawtonomija talimsieħba soċjali filkuntest ta’ negozjati kollettivi distinti

80.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li, fil-kawża prinċipali, id-differenza fit-trattament ikkonstatata tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żewġ ftehimiet kollettivi distinti nnegozjati minn sindakati differenti, huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġġustifika b’mod oġġettiv id-diskriminazzjoni indiretta allegata fir-rigward tad-Direttiva 2006/54.

81.      Fl-ewwel lok, għandu jsir riferiment, fil-kuntest tal-ugwaljanza fir-remunerazzjoni, għall-kawża li tat lok għas-sentenza Enderby, li kienet tirrigwarda diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-Artikolu 157 TFUE (ex Artikolu 119 KEE u Artikolu 141 KE). F’din il-kawża, il-gruppi kkonċernati kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ terapisti tad-diskors u ta’ spiżjara, dawk tal-ewwel kienu komposti kważi esklużivament minn nisa, u tat-tieni, prinċipalment minn irġiel, u kienet teżisti differenza fir-remunerazzjoni għad-detriment tat-terapisti tad-diskors. Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“fatt li d-determinazzjoni tar-remunerazzjonijiet inkwistjoni tirriżulta minn negozjati kollettivi li kienu saru separatament għal kull wieħed miż-żewġ gruppi ta’ professjonisti kkonċernat u li ma kellhiex effett diskriminatorju ġewwa kull wieħed minn dawn iż-żewġ gruppi ma jostakolax il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni apparenti peress li dawn in-negozjati wasslu għal riżultati li juru differenza fit-trattament bejn żewġ gruppi li jaqgħu taħt l-istess persuna li timpjega u taħt l-istess sindakat” (61). Imbagħad, hija kkunsidrat li “[k]ieku, sabiex tiġġustifika d-differenza fir-remunerazzjoni, kien suffiċjenti li tinvoka l-assenza ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn in-negozjati meħuda b’mod iżolat, il-persuna li timpjega setgħet faċilment […] tevita l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni permezz ta’ negozjati separat” (62). Fl-aħħar nett, hija ddeċidiet li ma huwiex suffiċjenti, sabiex tiġi ġġustifikata oġġettivament tali differenza fir-remunerazzjoni, li jiġi invokat il-fatt li r-remunerazzjonijiet rispettivi ta’ dawn iż-żewġ funzjonijiet kienu ddeterminati “minn proċessi ta’ negozjati kollettivi, li minkejja li saru mill-istess partijiet, huma distinti u kull wieħed minnhom, meħud separatament, ma għandux fih innifsu effett diskriminatorju” (63).

82.      Ċertament, huwa preċiż li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Enderby, id-differenza fit-trattament kienet toriġina minn proċessi ta’ negozjati kollettivi distinti li kienu twettqu bejn l-istess partijiet, jiġifieri l-persuna li timpjega u s-sindakat li jirrappreżenta ż-żewġ professjonijiet ikkonċernati. Madankollu, jirriżulta b’mod ċar minn din is-sentenza li l-element ċentrali tal-eżami tal-ġustifikazzjoni mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja kien il-fatt li n-negozjar kollettiv relattiv għat-terapisti tad-diskors kien twettaq “b’mod separat u indipendenti” min-negozjar kollettiv relattiv għall-ispiżjara.

83.      Għalhekk, minkejja li f’dan il-każ, id-differenza fit-trattament ikkonstatata tirrigwarda l-fatt li ż-żewġ ftehimiet kollettivi kienu nnegozjati ma’ sindakati differenti, madankollu, il-fatt determinanti, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Enderby, huwa li ftehimiet kollettivi distinti kienu nnegozjati b’mod separat u indipendenti. Minn dan isegwi li, peress li fiż-żewġ kawżi, il-ftehimiet kollettivi kienu nnegozjati b’mod separat u indipendenti, u, għalhekk, jirrigwardaw negozjati kollettivi differenti, il-fatt li, f’din il-kawża, il-ftehimiet kollettivi kienu nnegozjati ma’ sindakati differenti ma huwiex suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi eskluża t-traspożizzjoni tat-tagħlimiet li jirriżultaw mis-sentenza Enderby għal dan il-każ (64).

84.      Fit-tieni lok, kif indika l-Gvern Spanjol bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 89 tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema, il-fakultà li jintalbu negozjati u l-għażla tal-interlokuturi sabiex isiru dawn in-negozjati tappartjeni kemm lill-persuna li timpjega kif ukoll lir-rappreżentanti tal-ħaddiema (65). Skont dan il-gvern, iż-żewġ partijiet jistgħu jirrifjutaw li jidħlu fin-negozjati mitluba mill-parti l-oħra fil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan il-kuntest, il-marġni ta’ manuvra tal-persuna li timpjega kienet tirrigwarda l-possibbiltà li jintgħażlu l-interlokuturi leġittimi billi jiġu osservati ċerti regoli (66).

85.      Meta jkunu l-ħaddiema li jitolbu n-negozjati u jkollhom l-awtorizzazzjoni f’dan ir-rigward, il-persuna li timpjega għandha d-dmir li tinnegozja. Waqt is-seduta, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-persuna li timpjega tista’ tinnegozja ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema “billi tiddeċiedi liberament jekk taċċettax jew le li tasal għal ftehim fuq kwistjonijiet konkreti”.

86.      Huwa minnu li, minkejja li, kif tippreżupponi l-qorti tar-rinviju, f’kull proċess ta’ negozjar, kull rappreżentazzjoni sindakali kienet tat prijorità, vis-à-vis Air Nostrum, lil ċerti pretensjonijiet meta mqabbla ma’ oħrajn, madankollu, din il-qorti tirrileva li, meta din il-kumpannija nnegozjat il-Ftehim PET, il-Ftehim PEK kien diġà ffirmat u għalhekk Air Nostrum kienet taf l-ammonti stabbiliti għall-allowances ta’ kuljum tal-PEK. Għalhekk, wieħed jista’ faċilment jikkunsidra li din il-kumpannija kienet taf bil-fatt li d-differenza fit-trattament li tirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, li kienet tirriżulta mill-ħlas tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni, kienet toħloq żvantaġġ komparattiv għad-detriment tal-PEK, bi ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2006/54, u għalhekk, bi ksur ta’ din id-direttiva stess.

87.      Fit-tielet lok, huwa minnu li wieħed jista’ jikkunsidra, mal-ewwel daqqa t’għajn, li l-fatt li ma tiġix aċċettata l-ġustifikazzjoni sostnuta minn Air Nostrum jista’ jkollu l-konsegwenza li ftehim kollettiv jiġi applikat, għalkemm indirettament, għal ħaddiema li r-rappreżentanti sindakali tagħhom la nnegozjaw, u lanqas, a fortiori, ikkonkludew dan il-ftehim.

88.      Madankollu, jekk wieħed jaċċetta l-awtonomija tal-imsieħba soċjali bħala unika raġuni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ diskriminazzjoni bħal dik inkwistjoni, dan iwassal, fl-opinjoni tiegħi, sabiex tiġi aċċettata l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni indiretta fil-każijiet kollha fejn ikun hemm ftehimiet kollettivi distinti li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fil-fatt, hekk kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kieku sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, ikun suffiċjenti li l-persuna li timpjega tinvoka l-assenza ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn in-negozjati, meħud b’mod iżolat, il-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza fit-trattament ikun jista’ jiġi faċilment evitat permezz ta’ negozjati separati (67).

89.      Fir-raba’ lok, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet konkreti dwar l-iżvolġiment tan-negozjar, li jiġi aċċettat li l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u l-possibbiltà għall-partijiet li jadottaw strateġiji ta’ negozjar distinti jkunu invokati b’mod ġenerali jista’, l-iktar l-iktar, joskura l-fatt li, anki jekk is-sindakati jaħdmu sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kollha, kemm il-persuna li timpjega kif ukoll is-sindakati jista’ jkollhom preġudizzji inkonxjenti li jwassluhom jissottovalutaw il-bżonnijiet tal-ħaddiema nisa meta mqabbla ma’ dawk tal-ħaddiema rġiel, u għalhekk, sabiex jaċċettaw kundizzjonijiet differenti għal gruppi komposti fil-parti l-kbira minn nisa (68).

90.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jikkunsidra, mal-ewwel daqqa t’għajn, il-possibbiltà li tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ żewġ ftehimiet kollettivi distinti bħala ġustifikazzjoni oġġettiva tad-differenza fit-trattament inkwistjoni, għandu jitfakkar li, peress li l-Ftehim PEK jirrigwarda fil-parti l-kbira lil nisa u l-Ftehim PET jirrigwarda fil-parti l-kbira lil irġiel, ma huwiex possibbli li jiġi identifikat, fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni indiretta, il-fatt preċiż li jikkawża l-iżvantaġġ komparattiv, peress li l-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta ma’ għan differenti u li ma huwiex relatat ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (69).

91.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, taħt piena li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2006/54 jiġi mċaħħad mil-effett utli tiegħu, l-awtonomija tal-imsieħba soċjali fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi separati u distinti ma hijiex, waħedha, raġuni oġġettiva u li ma hijiex relatata ma’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, u għalhekk, ma hijiex suffiċjenti, waħedha, bħala raġuni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ differenza fit-trattament, bħal dik inkwistjoni.

2)      Fuq leżistenza ta’ fatturi oħra oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq issess sabiex tiġi ġġustifikata ddifferenza fittrattament inkwistjoni

92.      Jidhirli li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fatt li jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-inugwaljanza fit-trattament tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żewġ ftehimiet kollettivi distinti jista’ jikkostitwixxi waħdu bażi suffiċjenti għall-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess, u min-naħa l-oħra, il-fatt li jiġi kkunsidrat li din il-ġustifikazzjoni tista’, flimkien ma’ kriterji oħra, tikkontribwixxi għall-formazzjoni ta’ raġuni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva u li ma hijiex relatata ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fir-rigward tad-Direttiva 2006/54.

93.      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar fatt, hekk kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ żewġ ftehimiet kollettivi sabiex tevalwa jekk jeżistux differenzi bejn l-allowances ta’ kuljum taż-żewġ gruppi kkonċernati u jekk dawn id-differenzi humiex dovuti għal fatturi oħra oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (70).

94.      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li tali fatturi ma jirriżultawx la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ta’ Air Nostrum. F’dan ir-rigward, nirrileva li, anki jekk jiġi preżunt li l-ġustifikazzjoni allegata hija intiża sabiex targumenta għan leġittimu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sempliċi affermazzjoni ta’ ordni ġenerali ma hijiex suffiċjenti biex turi li l-għan tal-miżura inkwistjoni ma huwiex marbut ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (71).

95.      Mill-banda l-oħra, jekk il-persuna li timpjega tipproduċi provi preċiżi u konvinċenti tal-fatt li d-differenza fit-trattament tirriżulta effettivament minn għan leġittimu, u mhux mid-differenza tas-sess, tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha tevalwa jekk dan huwiex effettivament il-każ. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, dawn il-provi jistgħu jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-eżistenza tal-prijoritajiet rispettivi tas-sindakati li jirrappreżentaw lill-ħaddiema.

96.      F’dan il-kuntest, u hekk kif dan jirriżulta mill-punti preċedenti, ma huwiex suffiċjenti li l-persuna li timpjega tirreferi għall-fatt li kien hemm żewġ negozjati kollettivi distinti; hija għandha tipprova b’mod konkret li l-prijoritajiet ta’ kull grupp kienu differenti, li dawn kienu nnegozjati b’mod reali u indipendenti u li l-partijiet effettivament innegozjaw skont il-prijoritajiet rispettivi tagħhom, billi insistew fuq ċerti aspetti u kienu flessibbli fuq oħrajn sabiex jaslu għal ftehim li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi taż-żewġ partijiet. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li l-qorti tar-rinviju tivverifika li l-grupp a priori żvantaġġat, li jaf bid-differenzi fir-rigward tal-ammonti tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni, aċċetta dawn id-differenzi billi ta prijorità, bi tpattija, lil elementi oħra relatati, b’mod partikolari, mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħall-kwalità tal-lukandi jew in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali.

b)      Fuq ladegwatezza u lħtieġa talprassi inkwistjoni filkawża prinċipali sabiex jintlaħaq lgħan invokat

97.      Fid-dawl tal-analiżi tiegħi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-adegwatezza tal-prassi inkwistjoni sabiex jintlaħaq l-għan previst. Madankollu, nixtieq nindika li, fil-każ li jiġu pprodotti provi tal-eżistenza ta’ għan leġittimu, il-qorti tar-rinviju jkollha tivverifika jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan leġittimu humiex xierqa u meħtieġa, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54.

98.      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, jidhirli rilevanti li l-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni elementi bħall-plawżibbiltà tal-indikazzjonijiet li jirrigwardaw l-allowances ta’ kuljum inkwistjoni mogħtija mill-persuna li timpjega, b’mod partikolari l-fatt li dawn l-allowances jissodisfaw jew le l-għan tagħhom li jkopru l-ispejjeż tal-ikel sostnuti waqt l-ivvjaġġar relatat max-xogħol.

V.      Konklużjoni

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja):

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi prassi li permezz tagħha kumpannija tal-ajru tħallas lill-persunal tal-kabina kummerċjali, fil-parti l-kbira kompost minn nisa, allowance ta’ kuljum, sabiex tkopri l-ispejjeż tal-ikel sostnuti waqt l-ivvjaġġar relatat max-xogħol, ta’ ammont inqas minn dak tal-kumpens li hija tħallas bl-istess dritt lill-persunal tal-kabina tekniku, fil-parti l-kbira kompost minn irġiel, meta din l-inugwaljanza fit-trattament tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żewġ ftehimiet kollettivi distinti nnegozjati bejn il-persuna li timpjega u sindakati differenti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).


3      BOE Nru 255, tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224.


4      “Tripulantes de cabina de pasajeros”.


5      BOE Nru 12, tal‑14 ta’ Jannar 2019, p. 2519, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://www.boe.es/eli/es/res/2018/12/18/(14).


6      BOE Nru 134, tat‑13 ta’ Mejju 2020, p  32752, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://www.boe.es/eli/es/res/2020/03/10/(12).


7      Dan jirriżulta wkoll mis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennings u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560).


8      Dwar il-pożizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Waqt is-seduta l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-Gvern Spanjol spjegaw ir-raġunijiet għaliex żammew il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju.


9      Ara Lenaerts, K., u Gutièrrez-Fons, J.A., “Epilogue. High Hopes: Autonomy and the Identity of the EU”, European Papers, 2023, Vol. 8, Nru 3, p. 1495 sa 1511.


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries (C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 29).


11      Infakkar li d-Direttiva 2006/54 tintegra ċerti elementi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tiġbor id-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ direttivi differenti dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE tal‑10 ta’ Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179), id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad‑9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), id-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE tal‑24 ta’ Lulju 1986 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 327) u d-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264).


12      Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑21 ta’ Marzu 2021, INSS (C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 24). Dawn is-sentenzi jimmarkaw żvilupp mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta” meta mqabbla mal-ġurisprudenza preċedenti, li tipprovdi li “jirriżulta li teżisti diskriminazzjoni indiretta meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li fformulata b’mod newtru, tqiegħed fil-fatt fi żvantaġġ numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel”. Korsiv miżjud minni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández (C‑527/13, EU:C:2015:215, punt 28), u tad‑9 ta’ Novembru 2017, Espadas Recio (C‑98/15, EU:C:2017:833, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Il-miżura inkwistjoni tirrigwarda l-prassi tal-persuna li timpjega li tikkonsisti fil-ħlas lill-PEK u lill-PET ta’ allowances ta’ kuljum ta’ ammont differenti, previsti minn żewġ ftehimiet kollettivi distinti.


15      Fuq l-influwenza tal-kummentarju Amerikan dwar id-“disparate impact” fil-kuntest tad-diskriminazzjonijiet indiretti fid-dritt soċjali tal-Unjoni, ara b’mod partikolari, Tobler, C., Indirect Discrimination. A Case Study into the Development of the Legal Concept of Indirect Discrimination under EC Law, Intersentia, Antwerpen-Oxford, 2005, p. 91 sa 96 u 235, kif ukoll Mulder, J., Indirect sex discrimination in employment. Theoretical analysis and reflections on the CJEU case law and national application of the concept of indirect sex discrimination, Directorate-General for Justice and Consumers (EC), 2021, p. 44. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1981, Jenkins (96/80, EU:C:1981:80, p. 925, premessa 13). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fil-kawża Jenkins (96/80, EU:C:1981:21, p. 936 u 937), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:61, punt 19).


16      Kif enfasizzaw l-awturi tal-kummentarju, għandu jsir eżami iktar kwalitattiv dwar x’inhuma l-eventwali effetti żvantaġġużi ta’ miżura fuq persuni li jissodisfaw kriterji partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra. Id-definizzjoni ta’ “diskriminazzjoni indiretta” tippermetti li jiġu eżaminati d-differenzi fit-trattament marbuta ma’ kriterji li fir-rigward tagħhom ma hemmx data kwantitattiva. Ara, Miné, M., “Les concepts de discrimination directe et indirecte”, ERA Forum, Vol. 4, 2003, p. 30 sa 44, b’mod partikolari p. 38 u 39, u Tridimas, T., The General Principles of EU Law, Oxford University Press, Oxford, 2005, it-tieni edizzjoni, p. 67 sa 72. Ara wkoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 93 u l-Anness I tal-Ftehim PEK u l-Artikolu 16.19 tal-Ftehim PET jidhru newtrali peress li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw, rispettivament, kemm għall-PEK u għall-PET maskili kif ukoll għall-PEK u għall-PET femminili.


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et (C‑411/96, EU:C:1998:506, punt 39); tal‑21 ta’ Ottubru 1999, Lewen (C‑333/97, EU:C:1999:512, punt 36); tat‑30 ta’ Marzu 2004, Alabaster (C‑147/02, EU:C:2004:192, punt 45); u tas‑16 ta’ Lulju 2009, Gómez‑Limón Sánchez‑Camacho (C‑537/07, EU:C:2009:462, punt 56).


19      Ara, b’mod partikolari, Tobler, C., Limites et potentiel du concept de discrimination indirecte, op. cit., p. 24 u 26. Fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto” (Xogħol ta’ billejl) (C‑529/21 sa C‑536/21 u C‑732/21 sa C‑738/21, EU:C:2023:374, punt 52).


20      Il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta” kien ikkunsidrat għall-ewwel darba fis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 1986, Bilka‑Kaufhaus (170/84, EU:C:1986:204), dwar l-aċċess għal skema ta’ pensjonijiet ta’ kumpannija. Ara f’dan ir-rigward, Prechal, S., “Combating Indirect Discrimination in Community Law Context”, Legal Issues of European Integration, Vol. 19, Nru 1, 1993, p. 81 sa 97, b’mod partikolari p. 84.


21      Fuq l-iżvilupp tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta fid-dritt tal-Unjoni”, ara Ellis, E., u Watson, P., EU Anti-Discrimination Law, it-tieni edizzjoni, Oxford European Union Law Library, Oxford, 2012, p. 148 sa 155.


22      Ara l-punti 38 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54 jiddefinixxi d-“diskriminazzjoni diretta” bħala “fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli”.


24      Fir-rigward tar-rekwiżit li jirrigwarda n-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet fil-kuntest tad-diskriminazzjoni diretta, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, li ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli, u min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din in-natura paragunabbli ma għandux isir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 33), kif ukoll tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 25).


25      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Korsiv miżjud minni.


26      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, Tobler, C., Indirect Discrimination Under Directives 2000/43 et 2000/78, Universiteit Leiden, Leiden, p. 100, kif ukoll Tobler, C., Limites et potentiel du concept de discrimination indirecte, op. cit., p. 54.


27      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, Mulder, J., Indirect sex discrimination in employment., op. cit., p. 50 u 51, u Tobler, C., Indirect Discrimination Under Directives 2000/43 et 2000/78, op. cit., p. 23, 99 u 100. Għandu jiġi rrilevat li l-elementi li għandhom jiġi eżaminati fil-kuntest tal-paragun ma humiex l-istess bħal dawk li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-leġittimità tar-raġuni tal-ġustifikazzjoni invokata. Għalhekk, l-eżistenza ta’ ftehim kollettiv wieħed jew iktar hija element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk id-differenzi bejn l-allowances ta’ kulljum inkwistjoni humiex dovuti għal fatturi oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 1995, Royal Copenhagen (C‑400/93, EU:C:1995:155, punt 46). Ara l-punti 92 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, Mulder, J., Indirect sex discrimination in employment, op. cit., p. 12. Mill-banda l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni, li ma huwiex inkwistjoni f’din il-kawża, il-gruppi ta’ ħaddiema mqabbla għandhom iwettqu xogħol ta valur ugwali.


29      Ara Mulder, J., Indirect sex discrimination in employment, op. cit., p. 12 u 50.


30      Ara, f’dan is-sens, Tobler, C., Limites et potentiel du concept de discrimination indirecte, op. cit., b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 127.


31      Dwar l-importanza ta-identifikazzjoni tal-grupp ta’ riferiment fil-kuntest tad-diskriminazzjoni indiretta, ara, b’mod partikolari, Ellis, E., u Watson, P., EU Anti-Discrimination Law, op. cit., p. 152.


32      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2022:120, punti 49 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “[l]-allegata assenza ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjoni tal-impjegati domestiċi meta mqabbla ma’ dik ta’ ħaddiema impjegati oħra […] allegata […] sabiex isostni l-assenza ta’ tali diskriminazzjoni indiretta, hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-kuntrarju tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar) (C‑451/16, EU:C:2018:492), […], id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess li tista’ tiġi kkontestata mill-allegata assenza ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjoni tal-impjegati domestiċi meta mqabbla ma’ dik ta’ ħaddiema impjegati oħra”. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2021:777, punt 47).


33      Fil-kuntest ta’ din il-kwistjoni, il-gruppi ta’ ħaddiema suġġetti għall-paragun għandhom iwettqu xogħol ta’ valur ugwali. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fiż-żewġ ftehimiet kollettivi inkwistjoni, l-allowances ta’ kuljum ma humiex ikkunsidrati bħala remunerazzjoni.


36      Irrid infakkar li l-metodu ta’ identifikazzjoni tal-grupp ta’ riferiment għall-finijiet tal-paragun fil-kuntest tad-diskriminazzjoni indiretta ma huwiex eżattament l-istess bħal fil-każ tad-diskriminazzjoni diretta. Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, Mulder, J., Indirect sex discrimination in employment., op. cit., p. 12.


38      Fi kliem ieħor, il-persuni li għandhom ikunu s-suġġett tal-paragun (il-gruppi mqabbla), huma, minn naħa, il-PEK, kompost fil-parti l-kbira minn nisa, u min-naħa l-oħra, il-PET, kompost fil-parti l-kbira minn irġiel. Dan il-paragun (it-tertium comparationis) jirrigwarda l-ammont tal-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


39      F’dan il-każ, tali identifikazzjoni tirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet relattivi għall-allowances ta’ kuljum f’kull ftehim kollettiv u mhux dispożizzjonijiet oħra ta’ dawn il-ftehimiet.


40      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dwar l-oneru tal-prova, ara l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, hija il-persuna li tqis ruħha leża min-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandha, fl-ewwel lok, tistabbilixxi l-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Huwa biss fil-każ fejn din il-persuna tkun stabbilixxiet dawn il-fatti li l-konvenut għandu, fit-tieni lok, jipprova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Meister (C‑415/10, EU:C:2012:217, punt 36). Ara, f’dan ir-rigward, Burri, S., u Prechal, S., L’égalité des genres dans le droit de l’Union européenne, Il-Kummissjoni Ewropea, Lussemburgu, 2008, p. 17.


41      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1981, Jenkins (96/80, EU:C:1981:80, p. 925, premessa 13), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fil-kawża Jenkins (96/80, EU:C:1981:21, p. 936 u 937).


42      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS (C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi rrilevat li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita bil-mezzi kollha, u mhux biss abbażi ta’ data statistika. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 46), u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch‑Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 54). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2006/54 ma tagħmilx riferiment “għall-elementi kwantitattivi fl-eżami tad-diskriminazzjoni indiretta. Fil-fatt, l-imsemmija definizzjoni tadotta approċċ kwalitattiv, jiġifieri li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni tistax, min-natura tagħha stess, ‘tpoġġi fi żvantaġġ partikolari’ lil persuni ta’ sess partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor”. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawżi magħquda IK u CM (C‑184/22 u C‑185/22, EU:C:2023:879, punt 36).


43      F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi kkonċernati.


44      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS (C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 26). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punti 39 u 45).


45      B’mod iktar preċiż, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ammont tal-allowances ta’ kuljum tal-PEK ivarja bejn EUR 37.06 u EUR 59.06 skont jekk ikunx vjaġġar nazzjonali jew internazzjonali. F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol jirrileva li l-PEK jirċievi allowance sħiħa jekk jaqbeż erba’ sigħat sħaħ ta’ xogħol. Fil-każ fejn il-PEK huwa fis-servizz għal erba’ sigħat jew inqas, huwa jirċievi nofs l-allowance ta’ kuljum. Mill-banda l-oħra, l-allowances ta’ kuljum tal-PET huma, għall-istess tip ta’ vjaġġar, ta’ ammont bejn EUR 65 u EUR 100. F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-allowances ta’ kuljum tal-PET jitħallsu bil-possibbiltà li jiġu applikati koeffiċjenti addizzjonali taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ vjaġġar li jimmultiplikaw dawn l-allowances minn 1.2 sa 2.


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 47).


47      Għalhekk, fil-każ fejn is-sitwazzjonijiet eżaminati ma jkunux paragunabbli, id-differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta. Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni diretta tista’ tiġi ġġustifikata biss abbażi ta’ raġunijiet speċifiċi espressament previsti mil-liġi. Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2021:777, punt 47 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).


48      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 58), u tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Kenny et (C‑427/11, EU:C:2013:122, punt 41).


50      Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Ara, Sciarra, S., “The evolution of collective bargaining: observations on comparison in the countries of the European Union”, Comparative Labor Law & Policy Journal, Vol. 29, Nru 1, p. 1 sa 28, b’mod partikolari p. 7. Fuq l-importanza tan-negozjar kollettiv, ara b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawżi Brentjens' Handelsonderneming (C‑67/96, C‑115/97 u C‑219/97, punt 181), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:321, punti 41 sa 46).


52      Ara, Rodière, P., “Droit à la négociation et d’actions collectives”, Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne, Picod, F., u Van Drooghenbroeck, S., (edituri), it-tieni edizzjoni., Bruyland, Pariġi, 2018, p. 621 sa 646.


53      Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennings u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/54, l-importanza tal-funzjoni tal-ftehimiet kollettivi, bħala parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, għall-“implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”, tirriżulta mill-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, skont l-Artikolu 21(1) tal-imsemmija direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom […] jieħdu miżuri adegwati sabiex jippromwovu djalogu soċjali bejn il-partijiet soċjali bil-ħsieb li jrawmu trattament ugwali”.


54      Fil-livell tal-Unjoni, id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali huwa rrikonoxxut fl-Artikolu 155 TFUE.


55      Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennings u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 67); tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 44); kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:809), punt 91).


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennings u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 68), kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 1993, Enderby (C‑127/92, iktar ’il quddiem is-“sentenza Enderby”, EU:C:1993:859, punt 22).


57      Sentenza tat‑8 ta’ April 1976 (43/75, EU:C:1976:56, punt 39).


58      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 1990, Kowalska (C‑33/89, EU:C:1990:265, punt 12); tat‑18 ta’ Novembru 2004, Sass (C‑284/02, EU:C:2004:722, punt 25); tad‑9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek (C‑19/02, EU:C:2004:779, punt 43); tat‑18 ta’ Novembru 2020, Syndicat CFTC (C‑463/19, EU:C:2020:932, punt 48); u tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Tesco Stores (C‑624/19, EU:C:2021:429, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      Fir-rigward tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), ekwivalenti għall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2006/54, ara, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennings u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 63); tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 49); kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Kenny et (C‑427/11, EU:C:2013:122, punt 47).


60      Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennings u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 78).


61      Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1993, Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:859, punt 22). Korsiv miżjud minni. Fuq l-effett dannuż, ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1993, Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:859, punt 22).


63      Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1993, Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:859, punt 23). Korsiv miżjud minni.


64      Għalhekk, sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess “ma huwiex suffiċjenti li l-persuna li timpjega komuni tinvoka l-eżistenza ta’ ftehimiet kollettivi differenti, anki jekk ikkunsidrati separatament kull wieħed minnhom ma jinkludix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess”, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:313, punt 50).


65      F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol jispjega li l-Artikolu 89(1) tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi l-possibbiltà li r-“rappreżentanti tal-ħaddiema jew tal-persuni li jimpjegaw” (li skont l-Artikolu 87 ta’ dan l-istatut, għandhom ikunu awtorizzati jinnegozjaw ftehim kollettiv) jitolbu negozjati, permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub lill-parti l-oħra. Il-parti li tirċievi l-komunikazzjoni tista’ tirrifjuta li tidħol f’negozjati biss għal raġuni legali jew konvenzjonali jew meta ma jkunux jirrigwardaw reviżjoni ta’ ftehim li diġà skada.


66      Skont l-Artikolu 89(2) tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema, f’terminu massimu ta’ xahar minn meta tirċievi l-komunikazzjoni, għandu jiġi kkostitwit il-kumitat ta’ negozjar. Il-parti li tirċievi l-komunikazzjoni għandha mbagħad twieġeb għall-proposta ta’ negozjar u ż-żewġ partijiet jistabbilixxu l-kalendarju jew il-pjan ta’ negozjar.


67      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1993, Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:859, punt 22).


68      Kif irrilevaw l-awturi tal-kummentarju, “iċ-ċaħda ta’ proċessi distinti ta’ negozjar kollettiv bħala ġustifikazzjoni oġġettiva tad-diskriminazzjoni indiretta abbażi tas-sess fir-rigward tal-opportunitajiet indaqs, peress li ma huwiex suffiċjenti li wieħed jistaqsi jekk il-kisba ta’ żewġ livelli differenti ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol hijiex dovuta għall-applikazzjoni ta’ żewġ proċessi differenti. Huwa neċessarju li jiġi eżaminat x’hemm wara dawn il-proċessi u li wieħed jistaqsi għaliex ftehim kollettiv setgħa jwassal għal riżultat iktar vantaġġuż mill-ieħor” fir-rigward tal-istess miżura. Ara Hervey, T. K., “EC Law on Justifications for sex Discrimination in Working Life”, Collective bargaining, discrimination, social security and European integration, Bulletin of comparative labour relations, 48, 2003, p. 103 sa 152, b’mod partikolari p. 133. Ara wkoll, Vogel-Polsky, E., “Genre et droit: les enjeux de la parité”, Cahiers du GEDISST (Groupe d’étude sur la division sociale et sexuelle du travail), Nru 17, 1996, “Principes et enjeux de la parité”, p. 11 sa 31: “Is-segregazzjoni professjonali […] tan-nisa fl-ekonomija u fid-dinja tax-xogħol toriġina mir-relazzjoni soċjali ta’ sess kollha [jew] mill-iżvilupp ta’ sterjotipi mħaddma fil-kultura, l-edukazzjoni, is-sistema skolastika, il-familja, il-midja […]”. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2021:777, punt 78).


69      Fir-rigward ta’ grupp ta’ ħaddiema part-time żvantaġġat u kompost essenzjalment minn nisa, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi (C‑196/02, EU:C:2005:141, punt 51). Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, Tobler, C., Limites et potentiel du concept de discrimination indirecte, op. cit., p. 37.


70      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 1995, Royal Copenhagen (C‑400/93, EU:C:1995:155, punt 46), kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Kenny et (C‑427/11, EU:C:2013:122, punt 49).


71      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi (C‑196/02, EU:C:2005:141, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).