Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-11 ta’ Mejju 2022 – Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden, parti oħra fil-proċedura: BASF Nederland BV (BASF)

(Kawża C-310/22)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

College van Beroep voor het bedrijfsleven

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Pesticide Action Network Europe (PAN Europe)

Konvenut: College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden

Parti oħra fil-proċedura: BASF Nederland BV (BASF)

Domandi preliminari

Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE 1 , moqri flimkien mal-punt 3.6.5 tal-Anness II tal-istess regolament, jirriżulta li l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina li sustanza attiva jista’ jkollha ma għandhomx jiġu iktar evalwati waqt l-evalwazzjoni fil-livell nazzjonali ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti?

Jekk l-ewwel domanda tiġi risposta fl-affermattiv, dan ifisser li l-għarfien xjentifiku u tekniku fuq il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina, bħal pereżempju dak li huwa l-bażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 283/2013 tal-1 ta’ Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-dejta għas-sustanzi attivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti 1 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 tad-19 ta’ April 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali 2 ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti? Dan kif jirrelata ruħu mar-rekwiżit tal-Artikolu 29(1)(e) tar-Regolament Nru 1107/2009, fejn skont dan l-evalwazzjoni għandha titwettaq fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali?

Jekk l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv, kif organizzazzjoni mhux governattiva bħall-appellanti għandha rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sabiex tissuġġetta approvazzjoni ta’ sustanza attiva għall-istħarriġ ta’ qorti?

Jekk l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fin-negattiv, dan ifisser li, fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni huwa t-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali dwar dawn il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina li huwa determinanti?

____________

1     ĠU 2009, L 309, p. 1.

1     ĠU 2013, L 93, p. 1.

1     ĠU 2018, L 101, p. 33, rettifika fil-ĠU 2018, L 111, p. 10.