Language of document : ECLI:EU:T:2009:101

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

2 ta’ April 2009

Kawża T-473/07 P

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Michael Berrisford

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2005 – Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Eżami komparattiv tal-merti – Obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwalità ta’ ‘riżerva’ tal-uffiċjal ikkonċernat”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tal-10 ta’ Ottubru 2007, Berrisford vs Il-Kummissjoni (F-107/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Michael Berrisford fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Inammissibbiltà – Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju minn dan it-Tribunal – Ammissibbiltà

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 138(1)(ċ))

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

1.      Mill-Artikolu 225 KE, mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li appell għandu jindika, b’mod preċiż, l-elementi kkritikati mis-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti ta’ dritt li fuqhom, b’mod speċifiku, hija bbażata din it-talba. Għalhekk, din il-ħtieġa ta’ motivazzjoni ma tkunx sodisfatta meta l-appell sempliċement jirrepeti jew jirripproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li kienu tressqu fl-ewwel istanza, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament irrifjutati mill-qorti tal-ewwel istanza. Fir-realtà, tali appell jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tat-talba mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, liema eżami ma jaqax taħt il-kompetenza tal-qorti tal-appell. Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti tal-ewwel istanza, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq il-motivi u l-argumenti li diġà ntużaw fl-ewwel istanza, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha.

(ara l-punt 37)

Referenza: Il-Qorti-Ġustizzja, 4 ta’ Ottubru 2007, Olsen vs Il-Kummissjoni, C‑320/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 48 sa 50, u l-ġurisprudenza ċċitata.

2.      Waqt l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kandidati għall-promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kandidat ikun ġie propost għal promozzjoni jew anki jkun tniżżel fil-lista tal-iktar uffiċjali meritevoli waqt l-eżerċizzju ta’ promozzjoni preċedenti, bil-kundizzjoni li sadanittant il-merti tiegħu ma ġewx imnaqqsa. Fil-fatt, meta l-amministrazzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, kif inhu l-każ tal-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward ta’ promozzjonijiet, hija tkun marbuta teżamina, b’kura u b’mod imparzjali, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. F’tali każ, huwa biżżejjed li tiġi stabbilita n-natura rilevanti tal-element inkwistjoni sabiex jiġi konkluż li l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tinkludih fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, peress li tali natura rilevanti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kliem, tal-għan u tal-kuntest tal-liġijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha.

Madankollu, tali rikonoxximent tan-natura rilevanti tal-kwalità ta’ “riżerva” tal-uffiċjal ikkonċernat bħala element ta’ mertu huwa bla ħsara għall-eventwali konsegwenzi prattiċi derivanti mill-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni din il-kwalità u, b’mod partikolari, għall-importanza li l-Awtorità tal-Ħatra jkollha tattribwixxi lil din il-kwalità, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, f’kull każ partikolari ta’ paragun tal-merti. Din għandha biss l-effett li tobbliga lil din l-awtorità li ma tinjorax jew li ma tiċħadx il-kwalità ta’ “riżerva” tal-uffiċjal ikkonċernat f’tali kuntest.

(ara l-punti 42, 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14