Language of document : ECLI:EU:T:2009:328

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑PRIM’ISTANZA (L‑Ewwel Awla)

15 ta’ Settembru 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Reġistrazzjoni internazzjonali − Talba għal estensjoni territorjali tal‑protezzjoni − Trade mark verbali TAME IT – Raġuni assoluta għal rifjut − Nuqqas ta’ karattru distintiv − Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil‑Kawża T‑471/07,

Wella AG, stabbilita f’Darmstadt (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn B. Klingberg u K. Sandberg, avukati,

rikorrenti,

vs

L‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d‑deċiżjoni tat‑Tieni Bord tal‑Appell tal‑UASI tal‑24 ta’ Ottubru 2007 (Każ R 713/2007‑2), fir‑rigward ta’ estensjoni territorjali, fil‑Komunità Ewropea, tal‑protezzjoni tar‑reġistrazzjoni internazzjonali tat‑trade mark verbali TAME IT,

IL‑QORTI TAL‑PRIM’ISTANZA TAL‑KOMUNITAJIET EWROPEJ (L‑Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili, President, F. Dehousse u I. Wiszniewska‑Białecka (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir‑rikors ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑21 ta’ Diċembru 2007,

wara li rat ir‑risposta ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza fid‑19 ta’ Marzu 2008,

wara s‑seduta tas‑17 ta’ Frar 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

1        Fl‑10 ta’ Jannar 2006, ir‑rikorrenti, Wella AG, kisbet, mingħand il‑Bureau Internazzjonali tal‑Organizzazzjoni Dinjija tal‑Proprjetà Intellettwali (WIPO), ir‑reġistrazzjoni internazzjonali tat‑trade mark verbali TAME IT għal prodotti fil‑klassi 3 skont il‑Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall‑finijiet tar‑registrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Gunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li tikkorrispondi għad‑deskrizzjoni li ġejja: “Sapun, prodotti ta’ fwieħa, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax‑xagħar, toothpaste”.

2        Fl‑20 ta’ April 2006, l‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) irċieva notifika, skont l‑Artikolu 3b tal‑Protokoll għall‑Ftehim ta’ Madrid dwar ir‑reġistrazzjoni internazzjonali ta’ marki [trade marks], adottat f’Madrid fis‑27 ta’ Ġunju 1989 (Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 317, iktar ’il quddiem il‑“Protokoll ta’ Madrid”), ta’ talba għal estensjoni territorjali lill‑Komunità Ewropea tal‑protezzjoni ta’ din ir‑reġistrazzjoni internazzjonali.

3        Fl‑20 ta’ Ottubru 2006, l‑UASI nnotifika rifjut provviżorju ex officio tal‑protezzjoni tat‑trade mark TAME IT fil‑Komunità Ewropea, skont l‑Artikolu 5 tal‑Protokoll ta’ Madrid u skont ir‑Regola 113 tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it‑trade mark tal‑Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat, għall‑prodotti kollha koperti bir‑reġistrazzjoni internazzjonali. Ir‑raġuni invokata kienet in‑nuqqas ta’ karattru distintiv tat‑trade mark TAME IT skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [li sar l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑ 26 ta’ Frar 2009, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

4        Fil‑21 ta’ Diċembru 2006, ir‑rikorrenti wieġbet għall‑oġġezzjonijiet imqajma fin‑notifika ta’ rifjut provviżorju.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Marzu 2007 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni tal‑eżaminatur”), l‑eżaminatur irrifjuta li jestendi l‑protezzjoni tat‑trade mark TAME IT fil‑Komunità Ewropea għall‑prodotti kollha minħabba li din it‑trade mark ma kellhiex karattru distintiv skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94.

6        Fid‑9 ta’ Mejju 2007, ir‑rikorrenti ppreżentat appell minn din id‑deċiżjoni quddiem il‑UASI, taħt l‑Artikoli 57 sa 62 tar‑Regolament Nru 40/94 (li saru l‑Artikoli 58 sa 64 tar‑Regolament Nru 207/2009).

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ottubru 2007 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), it‑Tieni Bord tal‑Appell tal‑UASI laqa’ parzjalment l‑appell. Essenzjalment, il‑Bord tal‑Appell qies li l‑prodotti li għalihom saret l‑applikazzjoni għall‑estensjoni territorjali tal‑protezzjoni fil‑Komunità Ewropea kienu prodotti ta’ konsum ta’ kuljum, li l‑pubbliku rilevanti kien kompost minn konsumaturi medji li jitkellmu bl‑Ingliż fil‑Komunità, normalment informati u raġonevolment attenti u avżati, li l‑verb “to tame” ifisser b’mod partikolari “tagħmel iktar mieles”, “tirregola jew tikkontrolla” jew “trażżan” kif ukoll li s‑sekwenza tal‑kliem “tame it” kienet konformi mar‑regoli ta’ grammatika u ta’ sintassi tal‑lingwa Ingliża. Il‑Bord tal‑Appell ikkonstata minn dan kollu li, fir‑rigward tal‑lozjonijiet tax‑xagħar, tal‑kożmetiċi u taż‑żjut essenzjali – fejn dawn l‑aħħar żewġ kategoriji ta’ prodotti jistgħu ukoll jintużaw biex ix‑xagħar isir iktar mieles –, il‑pubbliku rilevanti jipperċepixxi l‑espressjoni “tame it” b’mod ċar, immedjat u mingħajr ebda ħsieb ieħor bħala messaġġ purament pubbliċitarju, li jinformah dwar l‑effetti li jistgħu jantiċipaw bl‑użu ta’ dawn il‑prodotti. Huwa kkonkluda minn dan li t‑trade mark TAME IT kienet nieqsa minn kull karattru distintiv fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 fir‑rigward ta’ dawn il‑prodotti. Min‑naħa l‑oħra, il‑Bord tal‑Appell ikkunsidra li ma setgħet tiġi stabbilita ebda rabta rilevanti bejn it‑trade mark TAME IT u s‑“sapun, prodotti ta’ fwieħa u toothpaste” kif ukoll li, għaldaqstant, huwa ma setax jikkonkludi li ma kienx hemm karattru distintiv fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 fir‑rigward ta’ dawn il‑prodotti. Fid‑dawl ta’ dawn l‑elementi, il‑Bord tal‑Appell, minn naħa, ċaħad l‑appell u kkonferma d‑deċiżjoni tal‑eżaminatur sa fejn din kienet irrifjutat in‑nomina tal‑Komunità Ewropea fir‑reġistrazzjoni internazzjonali tat‑trade mark TAME IT għaż‑“żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet għax‑xagħar” u, min‑naħa l‑oħra, annullat id‑deċiżjoni tal‑eżaminatur u, konsegwentement, awtorizzat in‑nomina tal‑Komunità Ewropea fir‑reġistrazzjoni internazzjonali tat‑trade mark TAME IT għas‑“sapun, prodotti ta’ fwieħa u toothpaste”.

 It‑talbiet tal‑partijiet

8        Ir‑rikorrenti titlob lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d‑deċiżjoni kkontestata sa fejn tiċħad l‑appell ippreżentat mid‑deċiżjoni tal‑eżaminatur;

–        tikkundanna lill‑UASI għall‑ispejjeż.

9        L‑UASI jitlob lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Id‑dritt

10      Insostenn tar‑rikors tagħha, ir‑rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94. Hija ssostni, essenzjalment, li t‑trade mark TAME IT mhijiex nieqsa minn karattru distintiv fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni fir‑rigward tal‑prodotti “żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax‑xagħar”.

11      L‑UASI jikkontesta l‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti.

12      Skont l‑Artikolu 146(1) tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 151(1) tar‑Regolament Nru 207/2009), kull reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill‑Komunità Ewropea għandha, mid‑data tal‑estensjoni lill‑Komunità Ewropea prevista fl‑Artikolu 3b (2) tal‑Protokoll ta’ Madrid, ikollha l‑istess effett bħal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. L‑Artikolu 149(1) tal‑istess regolament (li sar l‑Artikolu 154(1) tar‑Regolament Nru 207/2009) jipprovdi li reġistrazzjonijiet internazzjonali li jinnominaw lill‑Komunità Ewropea għandhom ikunu suġġetti għal eżami għal raġunijiet assoluti għal ċaħda, filwaqt li jsegwu l‑istess proċedimenti bħal fil‑każ ta’ applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja.

13      Skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rregistrati trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv. L‑Artikolu 7(2) tal‑istess regolament (li sar l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 207/2009) jipprovdi li s‑subparagrafu 1 tiegħu huwa applikabbli minkejja li r‑raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal‑Komunità.

14      It‑trade marks imsemmija taħt l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 huma dawk li jitqiesu li ma jistgħux jeżerċitaw il‑funzjoni essenzjali tat‑trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l‑oriġini kummerċjali tal‑prodott jew tas‑servizz inkwistjoni sabiex il‑konsumatur li jkun akkwista l‑prodott jew is‑servizz, li t‑trade mark tidentifika, ikun jista’ jagħmel l‑istess għażla f’akkwist sussegwenti jekk l‑esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva [sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tas‑27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra p. II‑683, punt 37, u tal‑20 ta’ Jannar 2009, Pioneer Hi‑Bred International vs UASI (OPTIMUM), T‑424/07, Ġabra p. II‑3, punt 20].

15      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir‑reġistrazzjoni ta’ trade mark komposta minn sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw ukoll bħala slogans pubbliċitarji, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħeġġu x‑xiri tal‑prodotti jew tas‑servizzi koperti minn din it‑trade mark mhijiex fiha nnifisha eskluża minħabba tali użu. Madankollu, trade mark li, bħal fil‑każ ta’ slogan pubbliċitarju, taqdi funzjonijiet differenti minn dawk ta’ trade mark fis‑sens tradizzjonali hija distintiva, fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, biss jekk tista’ tiġi pperċepita immedjatament bħala indikazzjoni tal‑oriġini kummerċjali tal‑prodotti jew tas‑servizzi koperti sabiex il‑pubbliku kkonċernat ikun jista’ jiddistingwi, mingħajr ebda possibbiltà ta’ konfużjoni, il‑prodotti jew is‑servizzi tal‑proprjetarju tat‑trade mark minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali differenti [sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Best Buy Concepts vs UASI (BEST BUY), T‑122/01, Ġabra p. II‑2235, punt 21, u tas‑26 ta’ Novembru 2008, Avon Products vs UASI (ANEW ALTERNATIVE), T‑184/07, Ġabra p. II‑295, punt 22].

16      Biex jiġi kkonstatat in‑nuqqas ta’ karattru distintiv, huwa biżżejjed li l‑kontenut semantiku tat‑trade mark verbali inkwistjoni jindika lill‑konsumatur karatteristika tal‑prodott jew tas‑servizz relatata mal‑valur kummerċjali tiegħu li, mingħajr ma tkun preċiża, tkun ġejja minn informazzjoni ta’ natura promozzjonali jew pubbliċitarja li l‑pubbliku rilevanti jipperċepixxi mill‑ewwel impatt bħala tali, iktar milli bħala indikazzjoni tal‑oriġini kummerċjali tal‑prodott jew tas‑servizz inkwistjoni [sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑30 ta’ Ġunju 2004, Norma Lebensmittelfilialbetrieb vs UASI (Mehr für Ihr Geld), T‑281/02, Ġabra p. II‑1915, punt 31, u tat‑12 ta’ Marzu 2008, Suez vs UASI (Delivering the essentials of life), T‑128/07, Ġabra p. II‑36, punt 20].

17      Barra minn hekk, il‑karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir‑rigward tal‑prodotti jew servizzi li għalihom saret l‑applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni jew għall‑protezzjoni fil‑Komunità Ewropea u, min‑naħa l‑oħra, fir‑rigward tal‑perċezzjoni li għandu tiegħu l‑pubbliku rilevanti, li huwa l‑konsumatur medju ta’ dawn il‑prodotti jew ta’ dawn is‑servizzi [sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tas‑7 ta’ Frar 2002, Mag Instrument vs UASI (Forma ta’ torċijiet), T‑88/00, Ġabra p. II‑467, punt 30, u Delivering the essentials of life, punt 16 iktar ’il fuq, punt 21].

18      Fl‑aħħar nett, jirriżulta mill‑ġurisprudenza li, peress illi saret applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja jew għall‑protezzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fil‑Komunità Ewropea għall‑prodotti kollha li jaqgħu taħt kategorija, mingħajr ma saret distinzjoni bejn dawn il‑prodotti, il‑fatt li t‑trade mark inkwistjoni mhijiex ta’ karattru distintiv biss fir‑rigward ta’ ċerti prodotti li jaqgħu taħt din il‑kategorija ma jipprekludix l‑għarfien tan‑nuqqas ta’ karattru distintiv tat‑trade mark inkwistjoni fir‑rigward tal‑prodotti kollha ta’ din il‑kategorija [ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tas‑7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth), T‑359/99, Ġabra p. II‑1645, punt 33, u tad‑9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra p. II‑1927, punt 92].

19      F’dan il‑każ, ir‑rikorrenti tikkontesta r‑rifjut, mill‑Bord tal‑Appell, tan‑nomina tal‑Komunità Ewropea fir‑reġistrazzjoni internazzjonali tat‑trade mark TAME IT għall‑prodotti “żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax‑xagħar” (iktar ’il quddiem il‑“prodotti inkwistjoni”).

20      Qabel kollox, fid‑dawl tan‑natura tal‑prodotti inkwistjoni, li huma prodotti ta’ konsum ta’ kuljum, kif ukoll tal‑fatt li t‑trade mark TAME IT hija komposta minn kliem derivanti mil‑lingwa Ingliża, għandu jiġi osservat li l‑Bord tal‑Appell ikkonstata, ġustament, li l‑pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi medji li jitkellmu bl‑Ingliż, normalment informati u raġonevolment attenti u avżati, liema konstatazzjoni hija wara kollox paċifika bejn il‑partijiet. Huwa għaldaqstant fir‑rigward tal‑perċezzjoni ta’ konsumatur medju li jitkellem bl‑Ingliż li għandu jiġi evalwat jekk il‑Bord tal‑Appell ikkunsidrax ġustament li t‑trade mark TAME IT ma kinitx ta’ karattru distintiv għall‑prodotti inkwistjoni.

21      L‑ewwel nett, f’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li, bħal ma kkonstata l‑Bord tal‑Appell, il‑verb Ingliż “to tame” ifisser b’mod partikolari “tagħmel iktar mieles”, “tirregola jew tikkontrolla” jew “trażżan”. Il‑Bord tal‑Appell indika barra minn hekk, mingħajr ma ġie kkontestat mir‑rikorrenti, li din tal‑aħħar tuża fis‑sit Internet tagħha, fir‑Renju Unit, il‑verb “to tame” fis‑sens ta’ “tagħmel iktar mieles” sabiex tippromwovi wħud mill‑prodotti tagħha għall‑kura tax‑xagħar.

22      It‑tieni nett, bħal ma ssostni r‑rikorrenti, il‑pronom newtrali Ingliż “it”, jista’, teoretikament, ikollu tifsiriet differenti, fejn b’hekk il‑konsumatur ikollu ċerti marġni ta’ interpretazzjoni fir‑rigward ta’ x’jirreferi l‑verb “to tame”. Madankollu, bħal ma jindika l‑UASI, jirriżulta mill‑ġurisprudenza mfakkra fil‑punt 17 iktar ’il fuq li l‑karattru distintiv ta’ trade mark ma għandux jiġi evalwat fl‑astratt, iżda fir‑rigward tal‑prodotti li għalihom saret l‑applikazzjoni għall‑protezzjoni. F’dan il‑każ, il‑prodotti inkwistjoni huma lozjonijiet tax‑xagħar, kożmetiċi u żjut essenzjali. Fir‑rigward tal‑lozjonijiet tax‑xagħar, bħala definizzjoni, dawn huma intiżi għax‑xagħar. Fir‑rigward tal‑kożmetiċi u taż‑żjut essenzjali, ċertament, bħal ma ssostni r‑rikorrenti, dawn il‑kategoriji jinkludu prodotti li mhumiex prodotti intiżi għax‑xagħar. Madankollu, hekk kif osserva l‑Bord tal‑Appell, xorta jibqa’ l‑fatt li l‑kategorija tal‑kożmetiċi inġenerali tinkludi l‑kożmetiċi tax‑xagħar kif ukoll li, fost iż‑żjut essenzjali, uħud minnhom jistgħu jintużaw sabiex ix‑xagħar isir iktar mieles. Fuq dan il‑punt, wara kollox, ir‑rikorrenti barra minn hekk sempliċement tallega li ż‑żjut essenzjali huma prodotti “mhux tas‑soltu” għall‑kura tax‑xagħar u li l‑kategorija tal‑kożmetiċi tinkludi “pjuttost il‑prodotti ta’ kura tal‑ġilda […], iż‑żjut u l‑melħ tal‑banju, kif ukoll il‑kożmetiċi dekorattivi […]”, mingħajr ma tissostanzja dawn l‑allegazzjonijiet.

23      Issa, kif jenfasizza l‑UASI, il‑pronom “it” jista’, fil‑lingwa Ingliża, jissostitwixxi ruħu għall‑kelma “xagħar”, peress li l‑kelma Ingliża “hair” tintuża ġeneralment fis‑singular. B’hekk, fir‑rigward tal‑lozjonijiet tax‑xagħar, tal‑kożmetiċi tax‑xagħar u taż‑żjut essenzjali li jistgħu jintużaw għax‑xagħar, il‑pronom “it” jinfthiem bħala riferiment għax‑xagħar.

24      It‑tielet nett, huwa paċifiku li l‑espressjoni “tame it” hija komposta skont ir‑regoli tal‑grammatika u tas‑sintassi Ingliżi. Barra minn hekk, l‑espressjoni “tame it” tinkludi verb ikkonġugat fl‑imperattiv.

25      Isegwi li, fir‑rigward tal‑lozjonijiet tax‑xagħar, tal‑kożmetiċi tax‑xagħar u taż‑żjut essenzjali li jistgħu jintużaw għax‑xagħar, it‑trade mark TAME IT tinfthiem mill‑konsumatur medju li jitkellem bl‑Ingliż bħala ordni jew stedina sabiex dawn il‑prodotti jintużaw biex ix‑xagħar isir iktar mieles, jew biex jiġi kkontrollat jew biex jitrażżan. Il‑kontenut semantiku tat‑trade mark TAME IT jindika għaldaqstant lill‑konsumatur rilevanti karatteristika pożittiva ta’ dawn il‑prodotti, li tikkonċerna l‑valur kummerċjali tagħhom, peress li l‑effett mieles jew ta’ kontroll tax‑xagħar għandu funzjonalità importanti mfittxija mill‑konsumatur meta jużahom.

26      Għaldaqstant, quddiem it‑trade mark TAME IT, b’konnessjoni ma’ lozjonijiet tax‑xagħar, kożmetiċi tax‑xagħar u żjut essenzjali li jistgħu jintużaw għax‑xagħar, il‑konsumatur jipperċepiha qabel kollox bħala informazzjoni promozzjonali jew ta’ reklamar, li tħajru sabiex juża dawn il‑prodotti u/jew li tinformah dwar l‑effetti li għandu jantiċipa meta jużahom, pjuttost milli bħala indikazzjoni tal‑oriġini kummerċjali tagħhom.

27      Ir‑rikorrenti b’mod żbaljat issostni li, peress li l‑verb “to tame” għandu tifsiriet differenti fejn il‑konnotazzjoni prinċipali tiegħu tirreferi għad‑domestikazzjoni ta’ annimali selvaġġi, din l‑informazzjoni promozzjonali jew ta’ reklamar mhijiex trażmessa b’mod ċar, dirett u immedjat. Fil‑fatt, skont il‑ġurisprudenza mfakkra fil‑punt 17 iktar ’il fuq, il‑fatt li l‑verb “to tame” jew l‑espressjoni “tame it”, ikkunsidrati mingħajr konnotazzjoni mal‑prodotti inkwistjoni, għandu tifsiriet oħra differenti minn dik ikkonstatata mill‑Bord tal‑Appell – u li kieku kellu jitqies ukoll li l‑prova ppreżentata f’dan ir‑rigward mir‑rikorrenti hija ammissibbli – huwa rrilevanti. Għall‑istess raġuni, lanqas ma jista’ jiġi utilment ilmentat lill‑Bord tal‑Appell talli injora l‑ħafna tifsiriet issuġġeriti mill‑assoċjazzjoni tal‑kliem “tame” u “it”.

28      Fid‑dawl ta’ dawn l‑elementi, għandu jiġi konkluż li t‑trade mark TAME IT, fir‑rigward tal‑lozjonijiet tax‑xagħar, tal‑kożmetiċi tax‑xagħar u taż‑żjut essenzjali li jistgħu jintużaw għax‑xagħar, u sa fejn hija tħajjar lill‑konsumatur sabiex juża dawn il‑prodotti u/jew tinformah dwar l‑effetti li għandu jistenna meta jużahom, tiġi pperċepita b’mod immedjat mill‑pubbliku rilevanti bħala messaġġ ta’ reklamar, pjuttost milli bħala indikazzjoni tal‑oriġini kummerċjali ta’ dawn il‑prodotti. Għaldaqstant, fid‑dawl tal‑prinċipju mfakkar fil‑punt 18 iktar ’il fuq, il‑kunsiderazzjoni tal‑Bord tal‑Appell li t‑trade mark TAME IT ma kinitx ta’ karattru distintiv għall‑prodotti kollha inkwistjoni kienet fondata.

29      F’dan ir‑rigward għandu jintqal ukoll li, skont l‑Artikolu 44(1) tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 43(1) tar‑Regolament Nru 207/2009), l‑applikant għat‑trade mark jista’ f’kull ħin jirtira l‑applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jirrestrinġi l‑lista tal‑prodotti jew tas‑servizzi li jkunu jinsabu fiha. B’hekk, il‑possibbiltà li l‑lista tal‑prodotti u tas‑servizzi tiġi ristretta tappartjeni biss lill‑applikant għal trade mark Komunitarja, li jista’, f’kull ħin, jindirizza talba f’dan is‑sens lill‑UASI [sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tas‑27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T‑219/00, Ġabra p. II‑753, punt 61, u tal‑10 ta’ Novemrbu 2004, Storck vs UASI (Forma ta’ ħelwa mgeżwra), T‑402/02, Ġabra p. II‑3849, punt 33]. Skont l‑Artikolu 149(1) tar‑Regolament Nru 40/94, l‑istess għandu jgħodd fil‑kuntest ta’ talba għal nomina tal‑Komunità Ewropea f’reġistrazzjoni internazzjonali.

30      F’dan il‑każ, ir‑rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tipproċedi għal tali limitazzjoni, hekk kif jipprovdi l‑Artikolu 149(2) tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 154(2) tar‑Regolament Nru 207/2009), b’mod partikolari bi tweġiba għan‑notifika ta’ rifjut provviżorju ta’ protezzjoni li kienet tagħtiha, skont ir‑Regola 112(1) u r‑Regola 113(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 2868/95, terminu ta’ xahrejn sabiex tikkoreġi n‑nuqqasijiet li mmotivaw dan ir‑rifjut provviżorju – jiġifieri n‑nuqqas ta’ karattru distintiv tat‑trade mark TAME IT fir‑rigward tal‑prodotti li għalihom saret l‑applikazzjoni għall‑protezzjoni fil‑Komunità Ewropea, fid‑dawl tal‑fatt li din tiġi pperċepita bħala messaġġ li jirrigwarda l‑effetti pożittivi li dawn il‑prodotti għandhom fuq ix‑xagħar. Madankollu, ir‑rikorrenti ma llimitatx il‑lista tal‑prodotti li fir‑rigward tagħhom hija ppreżentat applikazzjoni għall‑protezzjoni tat‑trade mark TAME IT fil‑Komunità Ewropea. Għaldaqstant, u fid‑dawl tal‑ġurisprudenza mfakkra fil‑punt 18 iktar ’il fuq, ir‑rikorrenti ma tistax fil‑preżent issostni utilment li, fir‑rigward ta’ ċerti kożmetiċi u ċerti żjut essenzjali li mhumiex intiżi għax‑xagħar, it‑trade mark TAME IT għandha karattru distintiv.

31      L‑argumenti l‑oħra mressqa mir‑rikorrenti lanqas ma jippermettu li tinbidel il‑konklużjoni li tgħid li t‑trade mark TAME IT mhijiex ta’ karattru distintiv fir‑rigward tal‑prodotti inkwistjoni kollha.

32      Fl‑ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, bil‑kontra ta’ dak li ssostni r‑rikorrenti, il‑fatt li l‑espressjoni “tame it” tinkludi verb ikkonjugat fl‑imperattiv ma jagħtix karattru distintiv lit‑trade mark TAME IT. Bħal ma josserva l‑UASI, l‑użu ta’ verbi kkonjugati fl‑imperattiv huwa komuni fil‑qasam promozzjonali. Għaldaqstant, dan isaħħaħ il‑fatt li, qabel kollox, din it‑trade mark tiġi pperċepita bħala messaġġ promozzjonali li jħeġġeġ lill‑konsumatur rilevanti sabiex juża l‑prodotti inkwistjoni u/jew li jinformah dwar l‑effetti li għandu jantiċipa meta jużahom.

33      Fit‑tieni lok, bil‑kontra tal‑affermazzjonijiet tar‑rikorrenti, ma jirriżultax mid‑deċiżjoni kkontestata li l‑Bord tal‑Appell kien naqas milli jikkunsidra l‑impressjoni komplessiva prodotta mit‑trade mark TAME IT. Fil‑fatt, il‑Bord tal‑Appell irrefera, minn naħa, għas‑“sekwenza tal‑kliem li jikkostitwixxu s‑sinjal inkwistjoni” sabiex jikkonstata li din is‑sekwenza kienet konformi mal‑kompożizzjoni u mar‑regoli ta’ pronunzja komuni Ingliżi u, min‑naħa l‑oħra, għall‑espressjoni “tame it” ikkunsidrata b’mod sħiħ sabiex jikkonstata li din tinfthiem bħala messaġġ purament ta’ reklamar. Huwa kkonkluda wkoll li “[l‑eżaminatur] ġustament ikkunsidra li s‑sekwenza ta’ kliem ‘tame it’ mhijiex ta’ karattru distintiv fir‑rigward tal‑[prodotti inkwistjoni]”. Għaldaqstant, ma jistax jiġi lmentat fil‑konfront tal‑Bord tal‑Appell talli ma ħax inkunsiderazzjoni l‑impressjoni sħiħa prodotta mit‑trade mark TAME IT fuq il‑pubbliku rilevanti.

34      Fit‑tielet lok, ir‑rikorrenti ssostni li l‑fatt li l‑Bord tal‑Appell ma pprovda ebda eżempju dwar l‑użu tal‑espressjoni “tame it” biex jiġu indikati l‑prodotti inkwistjoni juri li t‑trade mark TAME IT hija tali li tiddistingwi dawn il‑prodotti minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra. F’dan ir‑rigward, għandu sempliċement jitfakkar li, jekk il‑fatt li trade mark tista’ tintuża komunement fil‑kummerċ sabiex tippreżenta l‑prodotti jew is‑servizzi kkonċernati huwa kriterju rilevanti fil‑kuntest tal‑Artikolu 7(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 7(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 207/2009], dan il‑kriterju mhuwiex dak li fid‑dawl tiegħu l‑Artikolu 7(1)(b) tal‑istess regolament għandu jiġi interpretat (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C‑329/02 P, Ġabra p. I‑8317, punt 36, u tal‑15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C‑37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punti 61 u 62). Isegwi li, il‑Bord tal‑Appell, peress li kien ikkonstata li t‑trade mark TAME IT ma kinitx ta’ karattru distintiv fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, ma kellux jipprovdi t‑tali eżempji. Dan l‑argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala rrilevanti.

35      Fir‑raba’ lok, fir‑rigward tal‑argument ibbażat fuq ir‑reġistrazzjoni, mill‑United Kingdom Intellectual Property Office (Uffiċċju tal‑proprjetà intelletwali tar‑Renju Unit), tat‑trade mark verbali TAME għal prodotti fil‑klassi 3 skont il‑Ftehim ta’ Nice, u jekk jitqies li dan l‑argument kif ukoll il‑prova ppreżentata insostenn tiegħu huma ammissibbli, liema argument l‑UASI jikkontesta, għandu sempliċement jitfakkar li s‑sistema tat‑trade mark Komunitarja hija sistema legali awtonoma b’għanijiet speċifiċi għaliha, fejn l‑applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T‑32/00, Ġabra p. II‑3829, punt 47, u tal‑21 ta’ Jannar 2009, giropay vs UASI (GIROPAY), T‑399/06, Ġabra p. II‑5, punt 46]. B’hekk, in‑natura reġistrabbli jew proteġibbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi tal‑leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. Għaldaqstant, il‑UASI u, jekk ikun il‑każ, il‑qorti Komunitarja, mhumiex marbuta minn deċiżjoni mogħtija fuq livell ta’ Stat Membru, jew ta’ pajjiż terz, li tilqa’ n‑natura reġistrabbli ta’ dan l‑istess sinjal bħala trade mark nazzjonali. Dan huwa l‑każ anki jekk it‑tali deċiżjoni ttieħdet skont leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata mal‑Ewwel Direttiva tal‑Kunsill 89/104/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l‑liġijiet tal‑Istati Membri dwar it‑trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), jew ulterjorment f’pajjiż li jappartjeni għaż‑żona lingwistika li fiha t‑trade mark verbali kkonċernata ssib l‑oriġini tagħha [sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tas‑27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T‑106/00, Ġabra p. II‑723, punt 47, u GIROPAY, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46]. Għaldaqstant dan l‑argument għandu wkoll jiġi miċħud.

36      Fil‑ħames lok, għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza, fir‑rigward ta’ sinjal kompost minn kliem, karattru distintiv eventwali jista’ jiġi eżaminat, b’mod parzjali, għal kull wieħed mill‑elementi tiegħu, meħuda separatament, iżda għandu, f’kull każ, jiddependi minn eżami tal‑impressjoni globali tagħhom. Fil‑fatt, is‑sempliċi ċirkustanza li kull wieħed minn dawn l‑elementi, meħuda separatament, mhuwiex ta’ karattru distintiv ma jeskludix li s‑sekwenza li dawn l‑elementi jifformaw tista’ tippreżenta karattru distintiv [sentenza SAT.1 vs UASI, punt 34 iktar ’il fuq, punt 28, u s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tad‑9 ta’ Lulju 2008, BYK‑Chemie vs UASI (Substance for Success), T‑58/07, Ġabra p. II‑134, punt 18]. Skont din il‑ġurisprudenza, meta l‑Bord tal‑Appell isostni li “s‑sinjal li għalih saret applikazzjoni [kien] ikkostitwit biss mis‑sempliċi somma tal‑elementi li jikkomponuh”, huwa kkonstata biss li t‑trade mark TAME IT ma kellhiex tifsira oħra għajr is‑sempliċi sekwenza tal‑kliem “tame” u “it” kif ukoll li, minħabba dan, b’mod globali, hija tiġi pperċepita qabel kollox mill‑pubbliku rilevanti bħala messaġġ purament ta’ reklamar. Din l‑affermazzjoni ma kinitx għaldaqstant intiża, bħal ma tallega r‑rikorrenti, sabiex tindika nuqqas ta’ kreattività jew ta’ immaġinazzjoni tat‑trade mark TAME IT. Dan l‑argument għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud ukoll.

37      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l‑Bord tal‑Appell ġustament irrifjuta n‑nomina tal‑Komunità Ewropea fir‑reġistrazzjoni internazzjonali tat‑trade mark verbali TAME IT għaż‑żjut essenzjali, il‑kożmetiċi u l‑lozjonijiet tax‑xagħar, fir‑rigward tar‑raġuni msemmija fl‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94.

38      Għaldaqstant, l‑uniku motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament 40/94, għandu jiġi miċħud bħala infondat, l‑istess bħar‑rikors kollu kemm hu.

 Fuq l‑ispejjeż

39      Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż, kif mitlub mill‑UASI.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI TAL‑PRIM’ISTANZA (L‑Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir‑rikors huwa miċħud.

2)      Wella AG hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Tiili

Dehousse

Wiszniewska‑Białecka

Mogħtija fil‑Qorti bil‑miftuħ fil‑Lussemburgu, fil‑15 ta’ Settembru 2009.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: l‑Ingliż.