Language of document : ECLI:EU:T:2009:328

Kawża T-471/07

Wella AG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Reġistrazzjoni internazzjonali — Talba għal estensjoni territorjali tal-protezzjoni — Trade mark verbali TAME IT — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt l-istess kategorija

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Proċedura ta’ reġistrazzjoni — Irtirar, restrizzjoni u emenda tal-applikazzjoni għal trade mark — Restrizzjoni tal-lista tal-prodotti jew servizzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 44(1) u 149(1))

1.      Peress illi saret applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja jew għall‑protezzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fil‑Komunità Ewropea għall‑prodotti kollha li jaqgħu taħt kategorija, mingħajr ma saret distinzjoni bejn dawn il‑prodotti, il‑fatt li t‑trade mark inkwistjoni mhijiex ta’ karattru distintiv biss fir‑rigward ta’ ċerti prodotti li jaqgħu taħt din il‑kategorija ma jipprekludix l‑għarfien tan‑nuqqas ta’ karattru distintiv tat‑trade mark inkwistjoni fir‑rigward tal‑prodotti kollha ta’ din il‑kategorija.

(ara l‑punt 18)

2.      Is‑sinjal verbali TAME IT, li għalih saret applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni għal “żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax‑xagħar” għal prodotti fil‑klassi 3 skont il‑Ftehim ta’ Nice, mhuwiex ta’ karattru distintiv skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja.

Fir‑rigward tal‑lozjonijiet tax‑xagħar, tal‑kożmetiċi tax‑xagħar u taż‑żjut essenzjali li jistgħu jintużaw għax‑xagħar, it‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tinfthiem mill‑konsumatur medju li jitkellem bl‑Ingliż bħala ordni jew stedina sabiex dawn il‑prodotti jintużaw biex ix‑xagħar isir iktar mieles, jew biex jiġi kkontrollat jew biex jitrażżan. Il‑kontenut semantiku ta’ din it‑trade mark jindika għaldaqstant lill‑konsumatur rilevanti karatteristika pożittiva ta’ dawn il‑prodotti, li tikkonċerna l‑valur kummerċjali tagħhom, peress li l‑effett mieles jew ta’ kontroll tax‑xagħar għandu funzjonalità importanti mfittxija mill‑konsumatur meta jużahom.

Għaldaqstant, it‑trade mark TAME IT, fir‑rigward tal‑lozjonijiet tax‑xagħar, tal‑kożmetiċi tax‑xagħar u taż‑żjut essenzjali li jistgħu jintużaw għax‑xagħar, u sa fejn hija tħajjar lill‑konsumatur sabiex juża dawn il‑prodotti u/jew tinformah dwar l‑effetti li għandu jistenna meta jużahom, tiġi pperċepita b’mod immedjat mill‑pubbliku rilevanti bħala messaġġ ta’ reklamar, pjuttost milli bħala indikazzjoni tal‑oriġini kummerċjali ta’ dawn il‑prodotti.

(ara l‑punti 25, 28)

3.      Skont l‑Artikolu 44(1) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja, l‑applikant għat‑trade mark jista’ f’kull ħin jirtira l‑applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jirrestrinġi l‑lista tal‑prodotti jew tas‑servizzi li jkunu jinsabu fiha. B’hekk, il‑possibbiltà li l‑lista tal‑prodotti u tas‑servizzi tiġi ristretta tappartjeni biss lill‑applikant għal trade mark Komunitarja, li jista’, f’kull ħin, jindirizza talba f’dan is‑sens lill‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni). Skont l‑Artikolu 149(1) tar‑Regolament Nru 40/94, l‑istess għandu jgħodd fil‑kuntest ta’ talba għal nomina tal‑Komunità Ewropea f’reġistrazzjoni internazzjonali.

(ara l‑punt 29)