Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta' Apríl 2011 minn Florence Barbin mis-sentenza mogħtija fil-15 ta' Frar 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-68/09, Barbin vs Il-Parlament

(Kawża T-228/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Florence Barbin (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis, É. Marchal, D. Abreu Caldas, avukati)

Appellat: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi,

is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta' Frar 2011 (Kawża F-68/09, Barbin vs Il-Parlament), li tiċħad l-azzjoni tar-rikorrenti, hija annullata;

tiddeċiedi permezz ta' dispożizzjonijiet ġodda,

tiddikjara u tiddeċiedi,

id-deċiżjoni tal-10 ta' Novembru 2008, li r-rikorrenti ma tiġix promossa għall-grad AD12 matul il-proċedura ta' promozzjoni tal-2006, hija annullata;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta' Frar 2011, mogħtija fil-Kawża F-68/09, Barbin vs Il-Parlament, li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors tagħha li kellu bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-10 ta' Novembru 2008, li r-rikorrenti ma tiġix promossa għall-grad AD12 fil-proċedura ta' promozzjoni tal-2006.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji bbażati fuq:

żball ta' liġi, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra b'mod żbaljat li l-Parlament ma wettaqx żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċieda, minn naħa, li dan tal-aħħar ma kienx marbut josserva r-regoli interni dwar l-evalwazzjoni u dwar il-promozzjoni u, min-naħa l-oħra, li dan seta' legalment jippromwovi uffiċjali li għandhom inqas punti ta' mertu mir-rikorrenti fuq il-bażi ta' raġunijiet li jmorru kontra s-sistema ta' paragun tal-merti rispettivi tal-uffiċjali intitolati għal promozzjoni kif stabbilit bid-deċiżjonijiet tal-uffiċċju u tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew;

ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali kif ukoll tal-obbligu tal-Parlament li jagħti prova tan-nuqqas ta' kull diskriminazzjoni mġarrba mir-rikorrenti minħabba l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal leave parentali.

____________