Language of document : ECLI:EU:T:2016:721

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

13 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Regolament (KE) Nru 881/2002 – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi finanzjarji ta’ persuna inkluża f’lista stabbilita minn organu tan-Nazzjonijiet Uniti – Inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna f’lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 – Rikors għal annullament – Terminu raġonevoli – Obbligu ta’ verifika u ta’ ġustifikazzjoni tal-fondatezza tal-motivi invokati – Stħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża T‑248/13,

Mohammed Al-Ghabra, residenti f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn E. Grieves, barrister, u J. Carey, solicitor,

ir-rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Konstantinidis, T. Scharf u F. Erlbacher, sussegwentement minn Konstantinidis u Erlbacher, bħala aġenti,

il-konvenuta,

sostnuta mir-

Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer u V. Kaye, sussegwentement minn Kaye, sussegwentement minn S. Brandon, u finalment minn C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn T. Eicke, QC,

u mill-

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix u E. Finnegan, bħala aġenti,

l-intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa waħda, tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 14/2007, tal-10 ta’ Jannar 2007, li jemenda għall-erbgħa u sebgħin darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t‑Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU 2007, L 6, p. 6), inkwantu jikkonċerna r-rikorrent, u min-naħa l‑oħra, tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni Ares (2013) 188023, tas-6 ta’ Marzu 2013, li tikkonferma ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t‑Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l‑esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l‑Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, E. Bieliūnas u I. S. Forrester (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-17 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-12 ta’ Diċembru 2006, fuq talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda, isem ir-rikorrent, Mohammed Al-Ghabra, żdied fil-lista stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit bir-Riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1267(1999), tal-15 ta’ Ottubru 1999, dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet” u l-“lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet” rispettivament), bħala persuna assoċjata mal-organizzazzjoni Al-Qaida.

2        Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 14/2007, tal-10 ta’ Jannar 2007, li emenda għall-erbgħa u sebgħin darba r-Regolament tal‑Kunsill Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t‑Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU 2007, L 6, p. 6, iktar ’il quddiem ir‑“regolament ikkontestat”), isem M. Al-Ghabra ġie miżjud mal-lista ta’ persuni u entitajiet li l-fondi u r-riżorsi finanzjarji oħra tagħhom għandhom jiġu ffriżati bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t‑Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l‑Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294) (iktar ’il quddiem il-“lista kkontestata”).

3        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2007, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth tar-Renju Unit (United Kingdom Foreign and Commonwealth Office, iktar ’il quddiem l-“FCO”) informa lir‑rikorrent li r-Renju Unit kien talab l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal‑Kumitat tas-Sanzjonijiet. Barra minn hekk, l-FCO ta lir-rikorrent “kopja tal-parti tas-sunt tar-raġunijiet li jistgħu jiġu żvelati” li mmotiva din it-talba, filwaqt li żied li, “minħabba raġunijiet ta’ siġurtà nazzjonali u fid-dawl tan-natura sensittiva tal-informazzjoni, ikun kuntrarju għall‑interess ġenerali li jiġi żvelat is-sunt tar-raġunijiet kollu kemm hu”.

4        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex teżamina mill-ġdid l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kkontestata u kkontesta l-legalità tagħha, fid-dawl tas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi I”, EU:C:2008:461).

5        Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni spjegat lir‑rikorrent li hija ma kellhiex is-sunt tar-raġunijiet li wasslet għall‑inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet (iktar ’il quddiem is-“sunt tar-raġunijiet”) u żiedet li kienet ser tibgħatulu hekk kif jiġi mibgħut lilha mill-imsemmi Kumitat.

6        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lir‑rikorrent bis-sunt tar-raġunijiet, kif mibgħut mill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet u li jipprovdi dan li ġej:

“Mohammed Al-Ghabra […] ġie inkluż [fil-lista tal-Kumitat tas‑Sanzjonijiet] fit-12 ta’ Diċembru 2006, bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1617 (2005) [tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] bħala persuna assoċjati ma’ Al-Qaida, ma’ Usama bin Laden jew it-Taliban sabiex ‘jipparteċipa fil-finanzjament, fl-ippjanar, fl‑iffaċilitar, fil-preparazzjoni jew fit-twettiq ta’ atti jew ta’ attivitajiet kommessi minn, flimkien ma’, għan-nom ta’ jew insostenn ta’ Al-Qaida u Harakat ul-Mujahidin (HuM), f’isimhom, għan-nom tagħhom jew insostenn tagħhom’, kif ukoll għall-attivitajiet tagħhom ta’ ‘reklutaġġ għan-nom tagħhom’.

Tagħrif addizzjonali

Mohammed Al-Ghabra kellu kuntatti regolari ma’ persuni b’responsabbilità għolja fi ħdan l-Al-Qaida. Fl-2002, M. Al-Ghabra ltaqa’ mad-direttur tal-operazzjonijiet tal-Al-Qaida, Faraj Al-Libi.

M. Al-Ghabra kellu rwol ċentrali fir-radikalizzazzjoni ta’ musulmani żgħażagħ fir-Renju Unit, kemm b’kuntatt dirett kif ukoll permezz ta’ distribuzzjoni ta’ materjal ta’ natura estremista. Wara li rradikalizza lil dawn il-persuni, huwa rreklutahom mal-Al-Qaida u sikwit iffaċilita l‑ivvjaġar tagħhom u, permezz ta’ netwerk estensiv ta’ kuntatti, irranġalhom sabiex ikunu jistgħu jattendu kampijiet ta’ taħriġ tal‑Al‑Qaida. Uħud minn dawn il-persuni mbagħad ħadu sehem fl‑ippjanar, mir-Renju Unit, f’attentati terroristiċi fl-esteru.

M. Al-Ghabra ta wkoll sostenn materjali u loġistiku lill-Al-Qaida u organizzazzjonijiet oħra, inkluż uħud li jipprovdu wkoll sostenn loġistiku lill-Al-Qaida. Huwa organizza żjarat fil-Pakistan sabiex jippermetti lil dawk reklutati jiltaqgħu ma’ persuni b’responsabbiltà għolja tal-Al-Qaida u sabiex jieħdu taħriġ terroristiku speċifiku. Uħud minn dawn il-persuni rritornaw fir-Renju Unit sabiex jipparteċipaw f’attivitajiet klandestini għan-nom tal-Al-Qaida. Barra minn hekk, M. Al-Ghabra għen b’mod dirett persuni involuti f’attivitajiet terroristiċi, fir-Renju Unit u f’postijiet oħra, billi tahom sostenn finanzjarju, loġistiku u materjali. Huwa ffaċilita wkoll l-ivvjaġġar lejn l‑Iraq ta’ persuni bbażati fir-Renju Unit sabiex jiġġieldu u jagħtu s‑sostenn lill-ġellieda oħra.

M. Al-Ghabra kellu rabtiet mill-qrib ma’ Harakat ul-Mujahidin/HuM […] u ħa sehem f’taħriġ terroristiku f’kamp tal-HuM. L-HuM reġa’ bagħat lil M. Al-Ghabra fir-Renju Unit sabiex hemmhekk jiġbor fondi għan-nom tiegħu.

[…]”

7        Ir-rikorrent bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu bħala risposta lill‑Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2010, sabiex jirribatti l-allegazzjonijiet magħmula fil-konfront tiegħu fis-sunt tar-raġunijiet u sabiex jitlob li jintbagħtu l-provi li allegatament isostnuhom.

8        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ddikjarat li rċeviet din l-ittra u informat lir-rikorrent li kienet ser tipproċedi b’eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kkontestata. Barra minn hekk, hija informatu li, bis-saħħa tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1904 (2009), huwa kellu l-possibbiltà li jagħmel talba għat-tħassir mil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet lill-Ombudsman tan-Nazzjonijiet Uniti.

9        Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni bagħtet l‑osservazzjonijiet tar-rikorrent tat-8 ta’ Lulju 2010 lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet u talbitu informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-imsemmi kumitat.

10      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrent reġa’ kkuntattja lill‑Kummissjoni.

11      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni spjegat lir‑rikorrent li kienet reġgħet bdiet teżamina l-inklużjoni ta’ ismu fil‑lista kkontestata u informatu li dan l-eżami mill-ġdid probabbilment kien ser idum diversi xhur oħra, peress li kienet għadha qed tistenna risposti għat-talbiet ta’ spjegazzjonijiet tagħha. F’din l-istess ittra, il‑Kummissjoni ssuġġeriet mill-ġdid lir-rikorrent sabiex jagħmel talba għat-tħassir lill-Ombudsman tan-Nazzjonijiet Uniti.

12      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrent irrisponda lill‑Kummissjoni billi indika li d-dewmien fl-eżami tal-kawża u fl‑adozzjoni ta’ deċiżjoni finali kien inaċċettabbli, fid-dawl tal‑preġudizzju għall-ħajja privata tiegħu. Huwa talab ukoll spjegazzjoni għal dan id-dewmien.

13      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Awwissu 2011, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet bagħat lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista tal-imsemmi kumitat.

14      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni indikat lir‑rikorrent li l-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kkontestata kien għadu għaddej. Hija rreferiet ukoll għall-fatt li l-Kumitat tas‑Sanzjonijiet kien reċentement għaddielha informazzjoni addizzjonali “iktar speċifika” fir-rigward tas-sunt tar-raġunijiet (iktar ’il quddiem l‑“ewwel sett ta’ raġunijiet”), jiġifieri dan li ġej:

“Mohammed Al-Ghabra huwa estremist importanti, ibbażat fir-Renju Unit, assoċjat ma’ numru sinjifikattiv ta’ estremisti. M. Al-Ghabra ilu għal żmien twil f’kuntatt regolari ma’ persuni b’responsabbiltà għolja tal-Al-Qaida bbażati fil-Pakistan. Fl-2002, huwa ltaqa’ mad-direttur tal‑operazzjonijiet tal-Al-Qaida, kmandant għoli tal-Al-Qaida li ġie arrestat mill-awtoritajiet Pakistani fl-2005 u li bħalissa jinsab arrestat fl‑Istati Uniti. M. Al-Ghabra qagħad fid-dar ta’ F. Al-Libi ġimgħa. M. Al-Ghabra kien ukoll f’kuntatt regolari ma’ numru ta’ estremisti bbażati fir-Renju Unit u ħa sehem fir-radikalizzazzjoni ta’ individwi bbażati fir-Renju Unit permezz tad-distribuzzjoni ta’ materjal estremista.

M. Al-Ghabra kellu rabtiet mill-qrib mal-grupp militanti tal-Cachemire Harakat Ul Mujahidin (HuM). Huwa maħsub li M. Al-Ghabra ħa taħriġ tal-jihadi f’kamp ta’ taħriġ tal-HuM f’Aza, f’Cachemire, fl-2002. Matul iż-żjara tiegħu f’dan il-kamp, M. Al-Ghabra tgħallem kif juża armi tal‑assalt AK-47 u pistoli. Huwa maħsub ukoll li kellu l-intenzjoni li jiġġieled f’Cachemire iżda li twaqqaf milli jagħmel dan mill-HuM, li kellu bżonn li persuni jirritornaw fir-Renju Unit biex minn hemm jiġbru fondi. Matul iż-żjara tiegħu fil-Pakistan, M. Al-Ghabra ltaqa’ wkoll ma’ Haroon Rashid Aswat, li ġie arrestat sussegwentement u mkeċċi mir‑Renju Unit talli ħa sehem f’attivitajiet marbuta mat-terroriżmu. H.R. Aswat bħalissa jinsab arrestat fir-Renju Unit, fejn qed jistenna l‑estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti għal atti terroristiċi. Minkejja li l-beni tiegħu huma ffriżati, M. Al-Ghabra għadu f’kuntatt ma’ estremisti u għadu għaddej b’attivitajiet estremisti.

Sa minn Diċembru 2009, M. Al-Ghabra kien qed jipprepara attentati terroristiċi kontra impriżi stabbiliti fir-Renju Unit, iżda ma kellux ir‑riżorsi meħtieġa sabiex iwettaqhom.

[…]”

15      F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni spjegat li din l-informazzjoni kienet ikkomunikata lir-rikorrent sabiex ikun jista’ jagħti l-perspettiva tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid, u li huwa kellu sal‑11 ta’ Novembru 2011 sabiex jagħmel dan.

16      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrent irrisponda lill‑Kummissjoni sabiex jirribatti l-elementi ġodda ta’ informazzjoni fil‑konfront tiegħu fl-ewwel sett ta’ raġunijiet, li huwa kkunsidra, fil‑maġġoranza tagħhom, bħala “simili għal dawk imsemmija fis-sunt tar-raġunijiet”, sabiex jitlob spjegazzjonijiet kif ukoll li jiġu kkomunikati lilu l-provi intiżi sabiex isostnu r-raġunijiet.

17      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2012, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet bagħat lill-Kummissjoni informazzjoni ġdida addizzjonali dwar ir‑raġunijiet tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-imsemmi kumitat.

18      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni informat lir‑rikorrent li l-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kkontestata kien għadu għaddej. Hija rreferiet ukoll għall-fatt li l‑Kumitat tas-Sanzjonijiet kien reċentement għaddielha informazzjoni ġdida addizzjonali “iktar speċifika” fir-rigward tas-sunt tar-raġunijiet (iktar ’il quddiem it-“tieni sett ta’ raġunijiet”), jiġifieri dan li ġej:

“F’Awwissu 2006, M. Al-Ghabra ngħata numru ta’ oġġetti, fosthom vidjos li jigglorifikaw il-martri, minn persuna bl-inizjali A. Y. li l‑identità tagħha nżammet anonima mill-qrati tar-Renju Unit, sabiex jintbagħtu lill-estremisti ta’ Al-Qaida fil-Pakistan. Dawn il-vidjos tal‑martri kienu rreġistrati minn persuna li jiffurmaw parti minn netwerk ta’ estremisti bbażati fir-Renju Unit li kienu qed jippreparaw diversi attakki kontra ajruplani tal-passiġġieri li jitilqu mir-Renju Unit. Dan seħħ wara serje ta’ laqgħat bejn dawn iż-żewġ persuna fl-Afrika ta’ Isfel f’April/Mejju 2006, li hu maħsub li kellhom l-għan sabiex jiġu diskussu kwistjonijiet estremisti Iżlamiċi.

AY kien arrestat u akkużat b’assoċjazzjoni għal qtil u preparazzjoni ta’ atti terroristiċi, iżda ġie lliberat wara l-proċess tiegħu, minkejja li membri oħra tan-netwerk instabu ħatja u ġew ikkundannati għal priġunerija għal diversi reati, fosthom l-assoċjazzjoni għal qtil, l-assoċjazzjoni għal attentati ta’ bombi u għal atti terroristiċi.

Wara li ġie lliberat, AY ġie suġġett għal miżuri restrittivi imposti permezz ta’ digriet ta’ kontroll ġudizzjarju [“control order”] u għadu suġġett għal miżuri antiterroristiċi imposti mill-Ministeru tal-Intern tar‑Renju Unit bis-saħħa tat-Terrorism Prevention and Investigation Measures Act 2011 [Liġi tal-2011 dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu u ta’ miżuri ta’ investigazzjoni], abbażi tal-fatt li kienu jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex jiġi kkunsidrat li kien ipparteċipa f’attivitajiet marbuta mat-terroriżmu u li dawn il-miżuri kienu neċessarji sabiex ma jippermttulux jerġa’ jibda mill-ġdid f’dawn l-attivitajiet.”

19      F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni spjegat li din l-informazzjoni kienet intbagħtet lir-rikorrent sabiex ikun jista’ jagħti l-perspettiva tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid u li huwa kellu sal-15 ta’ Ġunju 2012 sabiex jagħmel dan.

20      Permezz ta’ ittri tal-20 ta’ Ġunju u tal-10 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrent irrisponda lill-Kummissjoni sabiex jirribatti l-informazzjoni ġdida fil‑konfront tiegħu mogħtija fit-tieni sett ta’ raġunijiet, filwaqt li enfasizza, b’mod partikolari, li ma kellhiex saħħa probatorja. Huwa talab ukoll lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi l-eżami mill-ġdid tagħha, fid-dawl tad-dewmien sinjifikattiv.

21      Permezz tad-Deċiżjoni Ares (2013) 188023, tas-6 ta’ Marzu 2013, innotifikata lill-avukati tar-rikorrent fil-11 ta’ Marzu 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet, wara l‑eżami mill-ġdid, li żżomm l-isem tar-rikorrent fil-lista kkontestata.

22      Fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l‑informazzjoni inkluża fis-sunt tar-raġunijiet kif ukoll fl-ewwel u fit‑tieni settijiet ta’ raġunijiet kienu jikkostitwixxu r-“raġunijiet kollha” ta’ din id-deċiżjoni.

23      Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “wara li kkunsidrat l-osservazzjoni tar-rikorrent, ikkonsultat mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u ħadet inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi finanzjarji bis-saħħa tar-Regolament Nru 881/2002, hija kienet għadha tal-opinjoni li l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kkontestata kienet iġġustifikata”. F’dan ir‑rigward, hija spjegat li, “b’mod partikolari, fl-osservazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent ma kienx ta raġunijiet sabiex jiġi konkluż li l-allegazzjonijiet magħmula kontra tiegħu ma kinux veri, u lanqas ta xi informazzjoni insostenn taċ-ċaħdiet tiegħu”.

24      Fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l‑kriterju li hija implementat, fir-rigward tal-oneru tal-prova, kien dak ifformulat mill-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja (GAFI) fin-nota ta’ interpretazzjoni tar-rakkomandazzjoni speċjali Nru III dwar il‑finanzjament tat-terroriżmu, jiġifieri li “l-inklużjoni tal-isem ta’ individwu fil-lista kkontestata għandha tkun ibbażata fuq bażi jew motivi raġonevoli ta’ suspett jew ta’ twemmin li l-individwu […] huwa terrorist jew jiffinanzjar t-terroriżmu jew organizzazzjoni terroristika”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Fit-23 ta’ April 2013, ir-rikorrent ressaq talba għall-għajnuna legali, li ġiet irreġistrata bir-referenza T‑248/13 AJ, sabiex jippreżenta dan ir‑rikors.

26      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrent ġie ammess għall-benefiċċju tal‑għajnuna legali u J. Carey u E. Grieves ġew innominati sabiex jirrappreżentawh.

27      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

28      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Mejju 2014, ir-Renju Unit u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

29      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet domandi bil-miktub lill‑partijiet, u stednithom jirrispondu, waħda minnhom, bil-miktub qabel is-seduta u, l-oħrajn, waqt is-seduta.

30      Fid-29 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent ressaq talba ta’ għajnuna legali addizzjonali.

31      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil‑miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ Frar 2016.

32      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ April 2016, huwa laqa’ parzjalment it-talba ta’ għajnuna legali addizzjonali.

33      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r‑regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernah;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli inkwantu jitlob l-annullament tar‑regolament ikkontestat;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

35      Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissabbli inkwantu jitlob l-annullament tar‑regolament ikkontestat;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors bħala infondat.

36      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

37      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit u mill-Kunsill, issostni li dan ir-rikors għal annullament huwa manifestament tardiv u, għalhekk, inammissibbli inkwantu intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat, sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrent.

38      Ir-rikorrent jopponi dan il-motiv ta’ inammissibbiltà.

39      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[i]l-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill‑pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir‑rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir‑rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ”.

40      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal annullament tar‑regolament ikkontestat hija manifestament tardiva, u dan indipendentement mill-avveniment li minnu t-terminu tar-rikors beda jiddekorri. Fil-fatt, minn naħa waħda, li kieku t-terminu beda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tar-regolament ikkontestat fil-Ġurnal Uffiċjali talUnjoni Ewropea, ikun biżżejjed li jiġi rrilevat li dan ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat iktar minn sitt snin wara din id-data. Minn naħa l-oħra, li kieku l-imsemmi terminu tar-rikors beda jiddekorri mid‑data tal-komunikazzjoni li għandha ssir lill-persuna kkonċernata jew, fin-nuqqas, mill-jum li fih hija kisbet konnoxxenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punti 55 sa 59), għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent kien kiseb konoxxenza tar-regolament ikkontestat mhux iktar tard mit-13 ta’ Frar 2009, li hija d-data li fiha huwa ikkomunika mal-Kummissjoni, permezz tal-avukati tiegħu, sabiex jitlob l-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kkontestata u jikkontesta l-legalità tagħha, għalkemm huwa ppreżenta t-talba għal għajnuna legali, qabel l-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors, mhux qabel it‑23 ta’ April 2013.

41      Barra minn hekk, ir-rikorrent ma stabbilixxix, u lanqas allega, l‑eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fis-sens tal‑Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippermettilu jerġa’ jistabbilixxi d-dritt li kien ippreġudikat bl-iskadenza tat-terminu sabiex jiġi ppreżentat rikors għal annullament tar‑regolament ikkontestat.

42      Madankollu r-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali hija “kompetenti sabiex tannulla r-regolament ikkontestat” inkwantu dan huwa “manifestament illegali” ab initio, peress li ma ngħatatlu l-ebda raġuni fil-mument tal-inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-lista kkontestata. Filwaqt li jenfasizza li r-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom ikunu effettivi u mhux illużorji, ir-rikorrent jikkunsidra li, sakemm ir‑raġunijiet kollha invokati mill-Kummissjoni fil-konfront tiegħu ġew ikkomunikati lilu, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu u lanqas li jippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għal annullament.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li la d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u lanqas id-dritt għal smigħ ma huma affettwati mill-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni dwar it-termini tal-proċeduri, li, skont ġurisprudenza stabbilita, tissodisfa r-rekwiżit taċ‑ċertezza legali u tan-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara s‑sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fuq kollox, xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrent milli jippreżenta rikors għall‑annullament tar-regolament ikkontestat qabel ma ġew ikkomunikati r-raġunijiet li wasslu għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kkontestata, rikors ibbażat, preċiżament, fuq dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli inkwantu huwa indirizzat kontra r‑regolament ikkontestat, sa fejn jirrigwarda r-rikorrent.

 Fuq il-mertu

46      Ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, ħames motivi insostenn tar-rikors tiegħu, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ dewmien raġonevoli, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni li tevalwa b’mod utli hija stess jekk ir-rikorrent issodisfax il-kriterji rilevanti sabiex ismu jinżamm fil-lista kkontestata, it-tielet, fuq ksur tar-regoli relatati mal-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova, ir-raba’, fuq żbalji li jivvizzjaw is-sunt tar-raġunijiet u, l-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ dewmien raġonevoli

47      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità, minn naħa, inkwantu s-sunt tar-raġunijiet u l-ewwel u t-tieni settijiet ta’ raġunijiet ma ġewx ikkomunikati kollha kemm huma f’terminu raġonevoli wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u, min-naħa l‑oħra, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata f’terminu raġonevoli minn meta ġew riċevuti l-osservazzjonijiet tiegħu bħala risposta għal din il-komunikazzjoni, li pprekluda għalhekk li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali f’tali terminu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni inġustament tawlet il-proċess billi kkomunikat, l-ewwel sett, imbagħad it-tieni sett, ta’ raġunijiet, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li r-raġunijiet kollha għandhom jiġu kkomunikati “kemm jista’ jkun malajr”.

48      Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑Kunsill, tikkontesta dawn l‑argumenti.

49      Sa fejn ir-rikorrent jilmenta mal-Kummissjoni li ma kkomunikatlux is‑sunt tar-raġunijiet u l-ewwel u t-tieni settijiet ta’ raġunijiet, kollha kemm huma, f’terminu raġonevoli wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, huwa veru li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 348 u 349 tas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), li l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, meta ddeċidiet li tiffriża l-fondi ta’ persuna skont ir-Regolament Nru 881/2002, hija obbligata, sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, li tikkomunika mal-persuna interessata l-provi użati kontra tiegħu jew li tagħtiha d-dritt li jiksbu konoxxenza tagħhom f’terminu raġonevoli wara li tinħareġ din il-miżura.

50      Madankollu, f’dan il-każ, diġà ġie kkonstatat li r-rikors għal annullament tad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi tar-rikorrenti, li saret bir-regolament ikkontestat, huwa inammissibbli. Peress li l-unika deċiżjoni valida suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali kienet id‑deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid, adottata wara l-ħruġ ta’ proċedura mibdija bit-talba għal eżami mill-ġdid tat-13 ta’ Frar 2009, il-perijodu qabel din l-aħħar data ma għandux jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu li fih din l-aħħar deċiżjoni ttieħdet.

51      Fir-rigward tal-perijodu ta’ wara t-13 ta’ Frar 2009, jidher li l‑Kummissjoni segwiet, f’dan il-każ, il-proċedura implementata wara li ngħatat is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), preċiżament sabiex tinbeda proċedura li tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati. Din il‑proċedura ġiet sussegwentement ikkodifikata, b’effett mis-26 ta’ Diċembru 2009, bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009, tat‑22 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament Nru 881/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294). Fir-rigward ta’ “inklużjonijiet storiċi” fil-lista kkontestata, jiġifieri dawk magħmula, bħal dik tar-rikorrent, qabel it-3 ta’ Settembru 2008, jiġifieri qabel ma ngħatat l-imsemmija sentenza, il-proċedura hija dik prevista bl‑Artikolu 7(c) tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat.

52      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 7(c) tar-Regolament Nru 881/2002 u lanqas xi test ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jimponu terminu li fih għandha tiġi adottata, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kompetenti, deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-inklużjoni tal-isem ta’ persuna fil-lista kkontestata.

53      F’tali sitwazzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura “raġonevoli” tat-terminu użat mill-istituzzjoni sabiex tadotta l‑att inkwistjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha partikolari ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kwistjoni li għandha tiġi solvuta tal-persuna kkonċernata, tal-kumplessità tal-kawża u tal-aġir tal-partijiet preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-każ, huwa ċertament veru li l-Kummissjoni, kif hija tosserva, ikkomunikat mar-rikorrent ir-raġunijiet suċċessivi tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kkontestata malli hija kisbithom mill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet.

55      Huwa veru wkoll li ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża allegati mill‑Kummissjoni, u b’mod partikolari i) il-ħtieġa għall-awtoritajiet tal‑Unjoni li jaqblu mal-intervenjenti internazzjonali kkonċernati fuq il‑miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġu osservati l-prinċipji mħabbra mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), ii) il-ħtieġa tal‑Kummissjoni li tikseb minn qabel is-sunt tar-raġunijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, iii) in-natura u l-karatteristiċi stess tal-iskema ta’ sanzjonijiet internazzjonali inkwistjoni fil-kawża, iv) in-natura partikolarment sensittiva tax-xogħol tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u v) in‑numru kbir ta’ talbiet għal eżami mill-ġdid li l-Kummissjoni kellha titratta b’mod simultanju wara li ngħatat is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), jispjegaw minn naħa id-dewmien relattivament twil tal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni tal-isem tal-persuni kkonċernati fil-lista kkontestata, kif seħħew wara l-għoti tas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461).

56      Xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, id-dewmien ta’ iktar minn erba’ snin li kien hemm bejn id-data tat-talba għal eżami mill-ġdid tat-13 ta’ Frar 2009 u dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tas-6 ta’ Marzu 2013 jeċċedi b’mod kunsiderovoli d-dewmien li jista’ jiġi kkunsidrat bħala “normali” sabiex issir b’mod korrett proċedura ta’ eżami mill-ġdid, anki fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha partikolari hawn fuq imsemmija.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2014, Yusef vs Il-Kummissjoni (T‑306/10, EU:T:2014:141, punt 102), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “ma huwiex aċċettabli” li, iktar minn erba’ snin wara li ngħatat is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), il-Kummissjoni għadha ma hijiex f’pożizzjoni li twettaq l-obbligu tagħha ta’ eżami bir‑reqqa u imparzjali tal-każ ta’ Hani El Sayyed Elsebai Yusef, jekk hemm bżonn b’“kooperazzjoni utli” mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Ministry of Energy of Iran vs Il-Kunsill (T‑564/12, EU:T:2015:599, punti 71 u 72), li kienet tikkonċerna skema oħra ta’ sanzjonijiet internazzjonali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li terminu ta’ risposta għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent ta’ iktar minn ħmistax-il xahar kien “manifestament mhux raġonevoli”.

58      Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-perijodi kunsiderevolment iqsar li fihom saret proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ persuni oħra li isimhom kien inkluż fil-lista kkontestata u li ressqu rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, minkejja li ċ-ċirkustanzi partikolari elenkati fil-punt 55 hawn fuq kienu japplikaw ukoll għall-każ tagħhom. B’hekk, kif jirriżulta mis-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Ayadi vs Il-Kummissjoni (T‑527/09 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2015:205), is-sunt tar‑raġunijiet li kienu jikkonċernawh ġie kkomunikat lil Chafiq Ayadi fl-24 ta’ Ġunju 2009, li dan ippreżenta osservazzjonijiet bħala risposta fit-23 ta’ Lulju 2009 u li d-deċiżjoni, wara eżami mill-ġdid, li ismu jinżamm fil-lista kkontestata ġiet adottata fit-13 ta’ Ottubru 2009. Mis‑sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2015, Al-Faqih et vs Il-Kummissjoni (T‑134/11, mhux ippubblikata, appell pendenti, EU:T:2015:812, punt 69), jirriżulta wkoll li l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar‑rikorrenti kkonċernati sar f’inqas minn sitt xhur.

59      B’hekk, l-istess japplika b’mod speċjali, fir-rigward tal-każ tar‑rikorrent, peress li s-sunt tar-raġunijiet li fuqhom ġiet ibbażata l‑inklużjoni ta’ ismu fil-lista sommarja tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kif ikkomunikati lilu mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Mejju 2010, jaqblu, essenzjalment, ma’ dawk li kienu diġà ġew ikkomunikati mill‑awtoritajiet tar-Renju Unit, bħala punti li mmotivaw it-talba għal tali inklużjoni minn dan l-Istat Membru, mit-12 ta’ Ġunju 2007 (ara l-punt 3 hawn fuq).

60      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti ma invokaw l-ebda ċirkustanza partikolari oħra, partikolari għall-każ tar-rikorrenti, li tista’ tispjega dan it-tul mhux normali tal-proċedura tal-eżami mill-ġdid tal-każ tiegħu.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li kien hemm ksur tal‑prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli.

62      Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda wara proċedura amministrattiva sakemm ma twassalx ukoll għal ksur tad-drittijiet tad‑difiża tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, peress li ma ġiex stabbilit li t-tul eċċessiv affettwa l-kapaċità tal-persuni kkonċernati sabiex jiddefendu ruħhom b’mod effettiv, in-nuqqas ta’ osservanza tal‑prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli ma għandux effett fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Ministry of Energy of Iran vs Il‑Kunsill, T‑564/12, EU:T:2015:599, punti 73 sa 77; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, EU:C:2006:594, punti 72 u 73, u tal‑25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑66/01, Ġabra, EU:T:2010:255, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Issa, f’dan il-każ, ma huwiex ipprovat, u lanqas allegat serjament, li l‑kapaċità tar-rikorrent li jiddefendi ruħu b’mod effettiv kienet kompromessa minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jillimita ruħu fil-fatt sabiex jesponi kunsiderazzjonijiet purament ipotetiċi fir-replika, billi jsostni li, la s-sunt tar-raġunijiet ma ġiex ikkomunikat lilu ħlief wara snin li seħħew l‑avvenimenti msemmija, huwa iktar diffiċli għalih li jipprepara d-difiża tiegħu, peress li l-provi li għandhom jintużaw sabiex jiskaġunaw “jistgħu” jirriżultaw li ma għadhomx disponibbli jew iktar diffiċli sabiex jinkisbu, il-memorja tiegħu “kienet ser” tibda tonqos maż-żmien u li xhieda prinċipali “jistgħu” ma jibqgħux disponibbli jew mhux f’pożizzjoni li jipproduċu provi utli.

64      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li minħabba t-tul mhux raġonevoli rriżulta ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkwantu, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mmotivata, huwa ma setax iressaq rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, sabiex jiġi miċħud, li t-Trattat FUE jipprevedi, fl-Artikolu 265 tiegħu, rimedju speċifikatament ikkonċepit sabiex jilqa’ għan-nuqqas ta’ azzjoni minn istituzzjoni, taħt il-forma ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni. F’kull mument bejn it-13 ta’ Frar 2009 u s-6 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrent seta’ għalhekk jistieden lill‑Kummissjoni sabiex tħassar ismu mil-lista kkontestata u, fil-każ li n-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tagħha kien imur lil hinn mit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 265 TFUE, jippreżenta rikors għal nuqqas ta’ azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2014, Yusef vs Il-Kummissjoni, T‑306/10, EU:T:2014:141, punti 62, 63 u 68).

65      Mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-rikorrent li jitlob kumpens għad‑dannu li, jekk ikun il-każ, huwa sofra minħabba d-dewmien tal‑Kummissjoni sabiex teżegwixxi l-obbligi tagħha, skont l‑Artikolu 340 TFUE, ir-rikorrent ma setax għalhekk jipprevalixxi ruħu mid-dewmien inkwistjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Ministry of Energy of Iran vs Il-Kunsill, T‑564/12, EU:T:2015:599, punt 77).

66      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli kkonstatat f’dan il-każ ma jistax jiġġustifika l‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li l-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li kellha l-Kummissjoni li tevalwa b’mod utli hija stess jekk ir-rikorrent kienx jissodisfa l-kriterji rilevanti sabiex ismu jinżamm fil-lista kkontestata

67      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità inkwantu l-Kummissjoni kisret l-obbligu li kellha li tevalwa b’mod utli hija stess jekk ir-rikorrent kienx jissodisfa l-kriterji rilevanti sabiex ismu jinżamm fil-lista kkontestata. Dan il-motiv jinqasam f’erba’ partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

68      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent jikkritika lill‑Kummissjoni, billi jirreferi għall-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ppruvatx tikseb mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet u lanqas mill‑Istat ta’ nomina, il-provi insostenn tal-allegazzjonijiet li saru fil‑konfront tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għamlet stħarriġ purament formali u artifiċjali, inkwantu llimitat ruħha sabiex tirriproduċi s-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, u l-allegat teħid inkunsiderazzjoni minn naħa tagħha tal‑osservazzjonijiet tar-rikorrent hija illużorja. Ir-rikorrent jinvoka, f’dan is-sens, il-konstatazzjonijiet użati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2014, Yusef vs Il-Kummissjoni (T‑306/10, EU:T:2014:141, punti 103 u 104). Fl-opinjoni tiegħu, l-idea li l‑Kummissjoni għandha tar-rwol tagħha hija tali li hija qatt ma tħassar l‑isem ta’ persuna mil-lista kkontestata inkontradizzjoni għall‑evalwazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Billi sempliċement tirriproduċi l-lista tal-imsemmi kumitat, filwaqt li tirrifjuta li titlob u tevalwa b’mod kritiku l-provi li fuqhom hija bbażata u billi tirreferi mbagħad d-deċiżjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħmel tali evalwazzjoni kritika, il-Kummissjoni qed tabdika r-responsabbiltà prinċipali tagħha, li hija li tevalwa, hija stess, il-fondatezza ta’ inklużjoni fil-lista kkontestata.

69      Sabiex tingħata risposta għall-argument tar-rikorrent, għandhom jiġu kkunsidrati l-kunsiderazzjonijiet kollha stabbiliti mill-Qorti tal‑Ġustizzja, fil-punti 104 sa 134 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi II”, EU:C:2013:518), fir-rigward tal‑obbligi li jaqgħu, minn naħa waħda, fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni, f’dan il-każ il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ inklużjoni u ta’ żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-inklużjoni tal-isem ta’ organizzazzjoni, ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kkontestata, u, min‑naħa l-oħra, fuq il-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva meħuda fi tmiem l-imsemmija proċedura.

70      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll, f’dan il-każ, l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minn naħa waħda, jirrikjedu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill‑persuna kkonċernata s-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew żamma tal-isem tal-imsemmija persuna fil-lista kkontestata, li hija tippermettilu u li tagħraf utilment l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan is‑suġġett u li hija teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal‑motivi allegati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati u ta’ eventwali provi li jiskaġunaw prodotti minn din il-persuna (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 135).

71      Ir-rispett tal-imsemmija drittijiet u tal-imsemmi prinċipju jimplika, min‑naħa l-oħra, li, fil-każ ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tal‑Unjoni tistħarreġ, b’mod partikolari, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tar-raġunijiet invokati f’dan is-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif ukoll, skont il-każ, in-natura stabbilita tal-materjalità tal-fatti li jikkorrispondu mal-motiv ikkonċernat fid-dawl tal-elementi li ġew ikkomunikati (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 136).

72      Min-naħa l-oħra, il-fatt, għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni, li ma tagħmilx aċċessibbli għall-persuna kkonċernata u, ulterjorment, għall‑qorti tal-Unjoni informazzjoni jew provi, li huma biss f’idejn il‑Kumitat tas-Sanzjonijiet jew ta’ membru tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) ikkonċernat, relatati mas-sunt tar-raġunijiet li huwa l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni, ma jistax, inkwantu tali, jistabbilixxi konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn l-istess drittijiet u prinċipju. Madankollu, f’tali sitwazzjoni, il-qorti tal-Unjoni, li hija mitluba tistħarreġ il-fondatezza fattwali tal-motivi li jinsabu fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet u provi li jiskaġunaw eventwalment prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll tat-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet, ma jkollhiex informazzjoni supplimentari jew provi. Bħala konsegwenza, ikun impossibbli għaliha li tikkonstata l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux iservu bħala bażi għad-deċiżjoni dwar inklużjoni kkontestata (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 137).

73      Fid-dawl ta’ dawn il-punti mfakkra u ta’ dawn il-prinċipji, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. B’mod partikolari, mill-punt 107 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u li, għall-kuntrarju, ma huwiex previst, f’dan l-istadju li l-imsemmi kumitat iqiegħed spontanjament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, għall-finijiet tal-adozzjoni minn din tal-aħħar tad-deċiżjoni tagħha, provi oħra minbarra dan is-sunt tar‑raġunijiet. Barra minn hekk, mill-punt 108 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat u vvalidat, jew tal-inqas bl-ebda mod ma kkritikat, il-proċedura prevista, f’dan ir‑rigward mill-Artikolu 7c tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1286/2009, li jsemmi “esklużivament” il‑komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

74      Ċertament, fil-punti 114 u 115 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), il‑Qorti tal-Ġustizzja spjegat li kienet il-Kummissjoni, minħabba l‑obbligu tagħha li teżamina b’mod diliġenti u imparzjali l-fondatezza tal-motivi allegati, li kellha tevalwa, fir-rigward b’mod partikolari tal‑kontenut tal-osservazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata, in-neċessità li titlob il-kollaborazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet sabiex tikseb informazzjoni jew provi addizzjonali.

75      Issa, din hija preċiżament il-proċedura li ġiet segwita f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l‑Kummissjoni, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, iddeċidiet li żżomm isem ir-rikorrent fil-lista kkontestata wara li bagħtet l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, talbet il-kollaborazzjoni ta’ dan il‑kumitat darbtejn sabiex tippermettilu jirrispondi għal dawn l‑osservazzjonijiet u kisbet, konsegwentement, iktar informazzjoni jew provi addizzjonali, fil-forma tal-ewwel u tat-tieni settijiet ta’ raġunijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 115). Huwa stabbilit ukoll li l-Kummissjoni kkommunikat lir-rikorrent is-sunt tar-raġunijiet u l-ewwel u t-tieni settijiet kumplimentari pprovduti mill‑Kumitat tas-Sanzjonijiet, u dawn tal-aħħar wasslu għal skambju ġdid ta’ osservazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

76      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kkritikata f’dan il‑każ, sempliċement abbażi tal-punt 114 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), talli ma kisbitx mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Istat ta’ nomina, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-informazzjoni jew il-prova insostenn tal-allegazzjonijiet li saru kontra r-rikorrent u li għalhekk, li għamlet stħarriġ “purament formali u artifiċjali” tal-fondatezza tar‑raġunijiet allegati, fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula mill‑persuna kkonċernata dwar is-sunt tar-raġunijiet.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), u kuntrarjament għall-fatti ta’ dan il-każ, il‑Kummissjoni ma ppruvatx tikseb iktar mingħand il-Kumitat tas‑Sanzjonijiet jew l-Istat ta’ nomina xi informazzjoni jew prova li tista’ ssostni l-allegazzjonijiet magħmula kontra Yassin Abdullah Kadi fis-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-imsemmi Kumitat tas-Sanzjonijiet. Madankollu, ma huwiex minħabba dan il-motiv li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-annullament tar-regolament ikkontestat, iżda minħabba l‑fatt li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-legalità ta’ dan ir‑regolament, dehrilha li l-ebda waħda minn dawn l-allegazzjonijiet ma kienu ta’ natura li jiġġustifikaw l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ miżuri restrittivi kontra Y. A. Kadi, u dan minħabba kemm ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, kif ukoll minħabba l-assenza ta’ informazzjoni jew ta’ provi fl-istadju ġudizzjarju li jsostnu l-motiv ikkonċernat quddiem ċaħdiet ċirkustanzjali tal-persuna kkonċernata [ara l-analiżi ta’ dawn l-allegazzjonijiet fil-punti 151 sa 162 u l-konklużjoni ġenerali fil-punt 163 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518)].

78      Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat il‑konstatazzjoni tagħha fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni mill‑Kummissjoni għal Y.A. Kadi u għaliha nnifisha ta’ informazzjoni jew provi inerenti għar-raġunijiet taż-żamma tal-inklużjoni tal-isem tal‑persuna kkonċernata fil-lista kkontestata, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex dawn l-informazzjoni u provi (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 138 u 139).

79      Huwa għalhekk inkompatibbli mal-prinċpji stabbiliti mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), li l-Kummissjoni tiġi ssanzjonata f’dan il-każ, minħabba allegat nuqqas tal-obbligu tagħha li teżamina bir-reqqa u b’mod imparzjali l-fondatezza tal-motivi allegati fil-konfront tar-rikorrent, jew iktar għaliex ma kisbitx mingħand il‑Kumitat tas-Sanzjonijiet l-informazzjoni jew il-provi li kienu jippermettulha taqdi dan id-dmir ta’ eżami bir-reqqa u imparzjali, minkejja li, fiċ-ċirkustanzi analogi tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabet l-ebda ksur ta’ dan l-obbligu, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, tad-drittijiet tad-difiża min-naħa tal‑Kummissjoni.

80      Barra minn hekk, l-ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, ma eżaminatx, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-informazzjoni kollha li kellha, inkluż l-osservazzjonijiet tar-rikorrent. Kif indikat fil-punt 7 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni baqgħet konvinta li l‑inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kkontestata kienet għadha ġġustifikata, peress li b’mod partikolari l-persuna kkonċernata ma ressqet l-ebda raġuni li tista’ tikkontesta l-veraċità tal-allegazzjonijiet li saru kontra tagħha.

81      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2014, Yusef vs Il-Kummissjoni (T‑306/10, EU:T:2014:141), dan għandu jiġi miċħud peress li l-fatti u ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma humiex identiċi għal dawk ta’ dan il-każ. Fil-kawża li wasslet għal din is‑sentenza, fil-fatt, kien “stabbilit” (ara l-punt 94 ta’ din is-sentenza) li l-persuna kkonċernata ma kienet ibbenefikat mill-ebda prinċipju jew garanziji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), sal-preżentata tar-rikors u li din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas damet sad-data tal-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura (punt 100 tal-imsemmija sentenza). Barra minn hekk skont id-dikjarazzjonijiet tagħha fis-seduta (punt 103 tal-istess sentenza), il-Kummissjoni kompliet tikkunsidra lilha nnifsiha b’mod persistenti bħala strettament marbuta mal-evalwazzjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u bħala li ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni awtonoma f’dan ir-rigward, b’kontradizzjoni mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), u tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 114, 115 u 135). Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien b’mod purament formali u artifiċjali li l-Kummissjoni ppretendiet li tirrimedja, bl‑implementazzjoni tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ A. A. Yusef, għall-illegalitajiet tal-istess natura kkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461). Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il‑Kummissjoni indikat fis-seduta li hija disposta li tiddisassoċja ruħha mill-evalwazzjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet jekk dawn kienu jidhrulha manifestament żbaljati jew kontradetti bil-provi li jiskaġunaw imressqa mill-persuna kkonċernata.

82      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

[omissis]

–       Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv

89      Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent jikkritika lill‑Kummissjoni li ma evalwatx jekk l-allegazzjonijiet magħmula kontra tiegħu mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kinux ibbażati fuq informazzjoni miksuba bit-tortura, minkejja li kien irrefera għal dan il‑punt fl-ittra tiegħu tat-28 ta’ Ġunju 2010. Il-preżunzjoni li minħabba fiha l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jibbażax ruħu fuq tali informazzjoni, invokata mill-Kummissjoni, ma hijiex iġġustifikata. Fuq is-sit internet tiegħu, l-Uffiċċju tal-Ombudsman tal-Nazzjonijiet Uniti jirrikonoxxi barra minn hekk li s-servizzi sigrieti ta’ ċerti Stati ta’ nomina jistgħu jużaw informazzjoni ivvizzjata b’dan il-mod. F’dan il-każ, ir-rikorrent jikkunsidra bħala “possibbli” li informazzjoni li kienet tikkonċernah setgħet kienet miksuba minn individwi f’detenzjoni fl-Istati Uniti jew fil-Pakistan, li kontrihom setgħu ntużaw miżuri ta’ koerżjoni ekwivalenti għal tortura. Huwa jirreferi wkoll għall-fatt li Faraj Al-Libi nqabad fil-Pakistan fit-2 ta’ Mejju 2005 mis-servizzi sigrieti ta’ dan il‑pajjiż, imbagħad ġie ttrasferit fl-Istati Uniti, u nżamm f’postijiet ta’ detenzjoni sigrieti għal iktar minn sena u finalment ġie ttrasferit f’Guantánamo. Issa, skont rapport tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib Aħmar (ICRC) tal-14 ta’ Frar 2007, erbatax-il persuna arrestati f’Guantánamo, fosthom Al-Libi, iddeskrivew trattament u proċeduri ta’ interrogazzjoni bħala li jikkostitwixxu forma ta’ tortura.

90      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument.

91      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrent, fl-ittra tiegħu tat-28 ta’ Ġunju 2010, ma ressaq l-ebda allegazzjoni preċiża, u lanqas xi motiv plawżibbli, li ċertu informazzjoni li tinsab fis-sunt tar-raġunijiet inkisbet bit-tortura. L-iktar, f’din l-ittra, huwa talab il‑“konferma li l‑Kummissjoni Ewropea ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tkun tista’ tiżgura li l-ebda informazzjoni li fuqha kien ibbażat is‑sunt tar-raġunijiet ma nkisbet bit-tortura”.

92      Huwa korrett li l-Kummissjoni tikkunsidra li, b’ċirkustanzi simili, huwa raġonevoli li tibbaża l-kunsiderazzjonijiet fuq preżunzjoni li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jibbażax ruħu fuq provi miksuba bit-tortura. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Kummissjoni tapplika wkoll l-istess kriterju bħal dak użat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman tan‑Nazzjonijiet Unit, billi tfittex l-ewwel nett li tkun taf jekk jeżistux “biżżejjed provi sabiex titwemmen b’mod raġonevoli l-allegazzjoni ta’ tortura”, kif jirriżulta mis-sit internet tiegħu.

93      F’dan il-każ, l-ebda prova tal-proċess ma tippermetti li titwemmen tali allegazzjoni, fir-rigward ta’ provi miġjuba kontra r-rikorrent. B’mod iktar speċifiku, l-ebda informazzjoni li tinsab fil-proċess ma tidher li setgħet tiġi attribwita lil Faraj Al-Libi u lanqas lil xi persuna oħra miżmuma f’Guantánamo jew fil-Pakistan.

94      F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit josserva wkoll, b’mod astut, li l‑maġġoranza tal-provi prodotti mill-Kummissjoni huma bbażati fuq deċiżjonijiet ġudizzjarji tar-Renju Unit mogħtija minn qrati li, skont ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-House of Lords (Chambre des Lords, Royaume-Uni) fid-deċiżjoni tagħha A and others v Secretary of State for the Home Department (No 2) [2006] 2 A.C. 221, kienu obbligati jeżaminaw il-kwistjoni dwar jekk kinux saru allegazzjonijiet ta’ użu ta’ tortura quddiemhom.

95      Barra minn hekk, mir-risposta tal-FCO quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Qorti tal-Ġustizzjat) [Qorti Suprema tal-Ġustizzja (L-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Queen’s Bench (qorti amministrattiva), iktar ’il quddiem il-“High Court”], ippreżentata fil-kuntest tar-rikors ippreżentat mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni tal-FCO li ċaħad li jilqa’ t-talba tiegħu sabiex l-FCO jistieden lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet iħassar ismu mil‑lista tal-imsemmi kumitat, jirriżulta li matul din il-proċedura, ir-rikorrent kien ukoll spekula dwar il-punt jekk ċerti provi użati kontra tiegħu kinux ġejjin mill-interrogazzjoni ta’ Al-Libi mis-servizzi sigrieti Pakistani jew Amerikani. L-FCO indika, matul din l-istess proċedura, li l-ebda allegazzjoni magħmula kontra r-rikorrent ma kienet ibbażata fuq ir‑riżultat tal-interrogazzjonijiet tal-persuni detenuti. Peress li r-rikorrent imbagħad ma kompliex b’dan ir-rikors, il-High Court ma kellhiex l‑opportunità li tikkonferma dan il-punt. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indizju kuntrarju, ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi kkontestata din id-dikjarazzjoni tal-FCO.

96      It-tielet parti tat-tieni motiv tidher għalhekk infondata.

–       Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv

[omissis]

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli dwar l-oneru u l-livell mitlub tal-prova

100    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità inkwantu l-Kummissjoni kisret ir-regoli dwar l-oneru u l-livell tal-prova mitlub. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

101    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li, kif jirriżulta mill-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qalbet l‑oneru tal-prova sabiex tpoġġiha fuqu, b’interpretazzjoni żbaljata tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121) li tipprovdi li hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi użati fil-konfront tal-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li tressaq il-prova negattiva tan-nuqqas ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi.

102    Dan l-argument huwa bbażat madankollu fuq komprensjoni żbaljata tal‑obbligi li, skont is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), jaqgħu fuq il‑Kummissjoni, bħala oneru tal-prova, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew jinżamm l-isem ta’ persuna partikolari fil-lista kkontestata.

103    Kif il-Kummissjoni tirrileva b’mod korrett, fil-fatt, it-“test ġuridiku” li għandu jiġi applikat minnha, fl-istadju amministrattiva tal-eżami mill‑ġdid tad-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni fil-lista kkontestata, kif deskritt fil-punti 111 sa 116 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), huwa differenti minn dak applikabbli fl-istadju tal-istħarriġ ġudizzjarju, kif deskritt fil-punti 117 sa 134 tal-imsemmija sentenza.

104    B’hekk, jekk l-oneru tal-prova jaqa’ mingħajr dubju fuq il‑Kummissjoni, din ma għandhiex tiġi amministratta minnha fl-istadju tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, iżda biss fl-istadju ulterjuri tal‑proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tagħha ta’ żamma wara l-eżami mill-ġdid. Dan joħroġ b’mod ċar mill-punt 121 tas‑sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), li jagħmel parti mill-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibdew mill‑punt 117 tal-istess sentenza, li jikkonċernaw il-“proċedura ġudizzjarja”.

105    B’mod iktar speċifiku, u kif il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni, il‑punt tat-tluq tal-eżami mill-ġdid li għandu jsir minnha, fuq talba ta’ persuna kkonċernata, huwa l-konstatazzjonijiet tal-Kumitat tas‑Sanzjonijiet, kif esposti fis-sunt tar-raġunijiet u li jservu huma wkoll bħala bażi għall-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni. Jekk din il‑motivazzjoni hija preċiża u konkreta biżżejjed, il-Kummissjoni ma tkunx żbaljata meta tikkunsidra li ma tistax, bħala regola, terġa’ tikkontestaha ħlief jekk il-persuna kkonċernata tipproduċi provi speċifiċi u ċirkustanzjali li jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet inkwistjoni, mingħajr preġudizzju għall-oneru tal-prova li jaqa’ ulterjorment fuq il‑Kummissjoni, waqt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità u tal-fondatezza tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew jinżamm l-isem tal-persuna kkonċernata fil-lista kkontestata.

106    Il-Kummissjoni kkonformat ruħha b’mod xieraq ma’ dawn il-prinċipji f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, u l-bidu tagħha huwa ċċitat fil-punt 23 hawn fuq. Wara dan il-punt, il‑Kummissjoni barra minn hekk ma llimitatx ruħha sabiex tirrileva li r‑rikorrent ma kien ressaq l-ebda motiv sabiex ipoġġi f’dubju l-veraċità tal-allegazzjonijiet magħmula kontra tiegħu. B’mod partikolari hija tat analiżi fattwali ddettaljata ta’ ċerti ċaħdiet minn naħa tagħha, sabiex tikkonkludi li ma kinux rilevanti jew kredibbli.

107    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet motiv hija infondata.

–       Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

108    Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li r-riferiment għal-livel ta’ prova użata mill-FAFI, jiġifieri dak ta’ “motivi raġonevoli ta’ suspett jew ta’ twemmin”, fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa irrilevanti u, fi kwalunkwe każ, żbaljat, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja talbet, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), “bażi fattwali solida biżżejjed”. Fir-rigward tal-punt 149 tal-imsemmija sentenza, invokat mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit, ir-rikorrent isostni li ma jikkontestax dan ir-rekwiżit u li ma jistabbilixxix il-kriterju ġuridiku determinanti. Ir-Renju Unit stess abbanduna l-kriterju ta’ “motivi raġonevoli ta’ suspett”, favur il-kriterju iktar rigoruż ta’ “motivi raġonevoli ta’ twemmin”, waqt l-adozzjoni tal-Liġi tal-2011 dwar il‑Prevenzjoni tat-terroriżmu u ta’ Miżuri ta’ investigazzjonijiet.

109    Fir-replika, ir-rikorrent jinsisti, barra minn hekk, dwar il-gravità tal‑effett tal-miżuri restrittivi fuq il-persuni kkonċernati, li tiġġustifika livell ta’ prova li jirrikjedi, sabiex jiġi evitat riskju ta’ ksur tal‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tal‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”). F’dan il-kuntest, ir-rikorrent isostni li l-livell ta’ prova rikjest huwa prattikament impossibbli li jiġi distint minn dak mitlub fil‑qasam kriminali, minkejja li l-proċedura inkwistjoni ma għandhiex natura strettament kriminali. Huwa jistieden lill-Qorti Ġenerali tadotta l‑approċċ segwit mill-Court of Appeal (England & Wales) [Qorti tal‑Appell (Ingilterra u Wales)] fis-sentenza tagħha Gough and Another v Chief Constable of Derbyshire [2002] EWCA Civ 351, fir‑rigward tal‑każ ta’ persuna li tkun suġġetta għal projbizzjoni milli tivvjaġġa minħabba l-allegati tendenzi tagħha li tipparteċipa fil-vjolenza marbuta mal-football.

110    Fir-rigward ta’ dan l-argument, il-kunsiderazzjonijiet espressi fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-imsemmi motiv japplikaw, mutatis mutandis. Huwa għalhekk biss fl-istadju tal-istħarriġ ġudizzjarju tal‑legalità u tal-fondatezza tal-motivi li fuqhom hija bbażata deċiżjoni li jiġi inkluż jew miżmum, wara eżami mill-ġdid, l-isem ta’ persuna fil‑lista kkontestata li tqum il-kwistjoni tal-livell tal-prova rikjesta.

111    F’dan ir-rigward, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura li d‑deċiżjoni kkontestata “hija bbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed” (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119), filwaqt li tivverifika jekk il‑fatti allegati fis-sunt tar-raġunijiet humiex “sostnuti” (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 122) u, għalhekk, materjalment “stabbiliti” (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 136).

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti ta’ dan il-motiv tista’ tiġi miċħuda qabelxejn bħala ineffettiva, peress li eventwali żball ta’ liġi kommess mill-Kummissjoni fid-definizzjoni tal-livell ta’ prova rikjest jew fl‑implementazzjoni tagħha ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika l‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata jekk din tissodisfa barra minn hekk il-kundizzjonijiet ta’ prova stabbiliti fil-punt preċedenti, li hija l‑Qorti Ġenerali li għandha tivverifika fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv.

113    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kkommettietx żball meta rreferriet, fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-kriterju operazzjonali fformulat mill-GAFI fin-nota ta’ interpretazzjoni tar‑rakkomandazzjoni speċjali tagħha Nru III dwar il-finanzjament tat‑terroriżmu, jiġifieri li l-inklużjoni tal-isem ta’ individwu fil-lista kkontestata u, bħala konsegwenza, l-iffriżar tal-fondi tagħha għandhom jkunu bbażati “fuq motivi raġonevoli jew bażi raġonevoli ta’ suspett jew ta’ twemmin li dawn il-fondi jew dawn il-beni l-oħra jistgħu jservu għall-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi”, peress li dan il-livell ta’ prova huwa konformi mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518).

114    Ċertament, dan il-kriterju ma jidhirx li ma huwiex kompletament mingħajr ambigwità, peress li “suspett” u “twemmin” huma operazzjonijiet mentali differenti, li jwasslu għal livelli ta’ konvinzjoni differenti.

115    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li Qorti tal-Ġustizzja vvalidat, fis‑sentenza tagħha tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), l-użu tal-inqas livell ta’ provi minn dawn it-tnejn disponibbli, jiġifieri dak ta’ suspetti, waqt l‑eżami tagħha tal-fondatezza ta’ motiv partikolari użat kontra l-persuna kkonċernata.

116    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 149 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), li l-motivi ta’ inklużjoni fil-lista kkontestata setgħu jkunu bbażati fuq “suspetti ta’ implikazzjoni f’attivitajiet terroristiċi, mingħajr preġudizzju tal-verifika tal-fondatezza ta’ dawn is-suspetti”. Fid-dawl tal-punt 162 tal-imsemmija sentenza, għandu jiżdied li, sabiex suspetti ta’ implikazzjoni f’attivitajiet terroristiċi jkunu jistgħu validament jintużaw kontra persuna, jeħtieġ li jitressqu informazzjoni jew provi sabiex isostnuhom, li jirriżulta minn evalwazzjoni każ b’każ.

117    Jekk din il-formulazzjoni ma tikkontestax ir-rekwiżit ta’ “bażi fattwali solida biżżejjed”, stipulati f’termini ġenerali fil-punt 119 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), għandu jiġi ammess li dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfatt permezz tal-użu tal-kriterju tal-“motivi raġonevoli ta’ suspett”, sa fejn dawn huma sostnuti b’informazzjoni jew bi provi suffiċjenti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għalihom fil‑punti 149 u 162 tal-imsemmija sentenza.

118    Fir-rigward tal-fatt li r-Renju Unit abbanduna l-kriterju ta’ “motivi raġonevoli ta’ suspett”, favur il-kriterju iktar rigoruż ta’ “motivi raġonevoli ta’ twemmin”, waqt l-adozzjoni tal-Liġi tal-2011 dwar il‑Prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-Miżuri ta’ investigazzjonijiet, dan huwa irrilevanti. Għall-kuntrarju, il-kriterju ta’ “motivi raġonevoli ta’ suspett” sa fejn dawn huma sostnuti minn informazzjoni jew provi biżżejjed, jidher adegwat f’ċirkustanzi bħal dawk maħsuba bir‑Regolament Nru 881/2002, bir-rakkomandazzjonijiet tal-GAFI u bir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, b’mod partikolari r‑Riżoluzzjoni tiegħu 2161 (2014) tas-17 ta’ Ġunju 2014, fil-paragrafu 11 tagħha. Din kienet ukoll l-opinjoni tal-Court of Appeal (England & Wales) (Qorti tal-Appell) fil-Kawża Youssef v. Secretary of State for Foreign & Commonwealth Affairs [2013] EWCA Civ 1302 [2014] 2 WLR 1082.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrent li l‑livell ta’ prova rikjest f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ ikun prattikament impossibbli li jiġi distint minn dak rikjest f’materja kriminali, jiġifieri dak “lil hinn minn dubju raġonevoli”, ma jistax ma jkunx miċħud ukoll. Qabelxejn, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li mis-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), il-miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni fil-każ ma għandhomx natura kriminali. Issa, n-natura preventiva jew mhux ripressiva tal-miżuri restrittivi neċessarjament tinfluwenza n‑natura, il-mod u l-intensità tal-prova li tista’ tintalab mill-Kummissjoni (Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawżi Anbouba vs Il-Kunsill, C‑605/13 P u C‑630/13 P, EU:C:2015:2, punt 111).

120    Fir-rigward tal-argument żviluppat f’dan ir-rigward fir-replika, il‑Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, ġustament tirribatti li l-qrati Ingliżi kompetenti ċaħdu l-kriterju kważi kriminali użat fil-kawża li tat lok għas-sentenza Gough and Another v Chief Constable of Derbyshire [2002] EWCA Civ 351, fir-rigward tal-miżuri preventivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda fil-livell tan-Nazzjonijiet Unit, l-approċċ korrett fid-dritt Ingliż, kif ġie stabbilit mill-Court of Appeal (England & Wales) (Qorti tal-Appell) fil-Kawżi Secretary of State for the Home Department v. MB [2006] EWCA Civ 1140, [2007] QB 415 u Youssef v. Secretary of State for Foreign & Commonwealth Affairs [2013] EWCA Civ 1302 [2014] 2 WLR 1082, huwa bbażat fuq test ta’ “suspett raġonevoli” (jiġifieri l‑eżistenza ta’ elementi li jistgħu jqajmu suspetti).

121    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji li jivvizzjaw is-sunt tar-raġunijiet

122    Dan il-motiv kien is-suġġett ta’ argumenti sinjifikattivi wara l‑komunikazzjoni ta’ informazzjoni u ta’ provi ġodda waqt il-proċeduri.

123    Fir-rikors, ir-rikorrent essenzjalment sostna li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn illegalitajiet ta’ mertu inkwantu, l-ewwel nett, l‑allegazzjonijiet magħmula kontra tiegħu ma kinux stabbiliti, it-tieni nett, ċerti allegazzjonijiet ma kinux spjegati biżżejjed sabiex jippermettulu jikkontestahom b’mod utli; it-tielet nett, ċerti allegazzjonijiet kienu tant antiki jew vagi li ma kellhom l-ebda rabta razzjonali mal-kriterji rilevanti; u, ir-raba’ nett, ċerti allegazzjonijiet kienu kontradetti minn provi li jiskaġunaw.

124    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit u mill‑Kunsill, sostniet li r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista kkontestata kkomunikata lir-rikorrent kienu preċiżi, iddettaljati, speċifiċi u konkreti biżżejjed, fis-sens tal-ġurisprudenza (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 116, 130 u 142 sa 149), u li kienu jissodisfaw ir-rekwiżit tal-motivazzjoni (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 102 u 116).

125    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għal ċerti prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 117, 119 sa 122), li jikkonċernaw il-proċess ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni jew ta’ żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-isem ta’ persuna fil-lista kkontestata, b’mod iktar partikolari fir‑rigward tal-verifika, mill-qorti tal-Unjoni, tal-allegazzjonijiet fattwali li jinsabu fis-sunt tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati dawn id‑deċiżjonijiet.

126    Il-Kummissjoni mbagħad spjegat li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u fid-dawl tar-rikors ippreżentat mir-rikorrent, “[hija kienet iddeċidiet li ma tillimitax ruħha sabiex tiddefendi d-deċiżjoni kkontestata abbażi [biss] tal-elementi tal-proċedura amministrattiva, iżda li tindirizza, fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni utili msemmi fl‑Artikolu 220(1)TFUE, lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet […] kif ukoll, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, bħala membru tal-ONU li ppropona l‑inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista” tal-Kumitat tas‑Sanzjonijiet.

127    Wara li għamlet dawn il-kuntatti, il-Kummissjoni pproduċiet, minn naħa waħda, bħala Anness B.4 tar-risposta tagħha, ittra li kien bagħtilha l-Kumitat tas-Sanzjonijiet fl-20 ta’ Jannar 2014, sabiex jinformaha li, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid annwali tiegħu tal-inklużjonijiet fil-lista, dan il-kumitat kien reġa’ eżamina l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent u ddeċieda li kienet għadha xierqa.

128    Minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni pproduċiet, bħala Anness B.5 tar‑risposta tagħha, informazzjoni u provi ddettaljati, li l-awtoritajiet tar‑Renju Unit bagħtulha u li hija ddeċidiet, b’koordinazzjoni mill-qrib ma’ dawn l-awtoritajiet, li tissottometti lill-Qorti Ġenerali, sabiex tpoġġiha f’pożizzjoni li tiżgura li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet korrettament adottata fuq bażi fattwali soda biżżejjed, tal-inqas f’dak li jikkonċerna ċerti motivi tal-inklużjoni fil-lista kkontestata (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 130). Skont ir-Renju Unit, dawn il-provi jinkludu dokumenti użati insostenn tal-proposta magħmula lill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet għall-inklużjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil‑lista tal-imsemmi kumitat.

129    Dawn id-dokumenti jikkonsistu f’dikjarazzjoni uffiċjali bil-miktub (“first statement”, iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni uffiċjali”), redatta għall-finijiet ta’ din il-proċedura u datata 18 ta’ Marzu 2014, iffirmata mill-Kap tad-Dipartiment tal-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-FCO, kif ukoll minn ċertu numru ta’ dokumenti intiżi sabiex iservu bħala provi. Kif jirriżulta mill-punti 12 sa 14 tad-dikjarazzjoni uffiċjali, din hija bbażata fuq opinjoni u evalwazzjoni tas-Security Service (servizz ta’ sigurtà), li huwa s-servizz ta’ investigazzjoni u sigurtà interna tar-Renju Unit, inkarigat mill-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (iktar ’il quddiem is-“Security Service”).

130    Fir-replika, ir-rikorrent jopponi għall-invokazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-allegazzjonijiet, tal‑ispjegazzjonijiet u tal-provi ġodda prodotti fl-Anness B.5 tar‑risposta, li ma kinux invokati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas ġew ikkunsidrati meta din ġiet adottata. Għandu jiġi sostnut li, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), u tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 115), il-provi kollha addizzjonali kellhom jintalbu mill-Kummissjoni mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Istat Membru kkonċernat u jintbagħtulha “mill-bidu nett” sabiex jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża u ta’ aċċess għal qorti tiegħu. Fl-opinjoni tiegħu, l-iżvelar eżawrjenti ta’ dawn il‑provi ma jiddependix mill-introduzzjoni ta’ proċedura ġudizzjara, iżda fi kwalunkwe każ għandu jippreċediha, b’tali mod li jiżgura l‑eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

131    Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li hija kellha tfittex li ssir taf il-provi kollha kunfidenzjali invokati u kellha tkun hi mbagħad li tiddeċiedi dwar dak li għandu jiġi kkomunikat lill-persuna kkonċernata, skont il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:36). F’dan il-każ, ir-Renju Unit qed ifittex li jiskarta l-garanziji ġudizzjarji tal-Qorti Ġenerali kollha, billi jitlobha tistrieħ fuq il-ġudizzju tagħha stess li l-informazzjoni mogħtija hija konformi mal-kriterji stabbiliti fl-imsemmija sentenza. L‑argument li kull Stat li jipproponi nomina lill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet għandu mbagħad jiddeċiedi x’informazzjoni għandha tingħata lill-Qorti Ġenerali huwa fundamentalment żbaljat.

132    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-dokumenti misjuba fid‑domiċilju tiegħu waqt tfittxija, ir-rikorrent ifakkar li huwa kien ġie liberat wara proċess kriminali kontra tiegħu, fir-rigward ta’ dawn il‑provi. Huwa jsostni li, li kieku kien jaf li l-Kummissjoni kellha l‑ħsieb li tuża dawn il-provi kontra tiegħu, huwa kien jipprova jindirizzahom ukoll. Sabiex jikseb traskrizzjonijiet jew dokumenti oħra tal-proċess inkwistjoni jieħu ż-żmien u sforzi kunsiderevoli, filwaqt li l-Gvern tar-Renju Unit għandu traskrizzjonijiet u provi li jiskaġunaw li abbażi tagħhom il-ġurija lliberat lir-rikorrent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex ġust li tistenna lir-rikorrent jipproduċi l-provi li jiskaġunaw b’ħafna spejjeż u sforzi. Ir-rikorrent isostni li dan l-eżempju juri l-bżonn li jiġu żvelati lill-Qorti Ġenerali, fuq talba tal-Kummissjoni, il-provi li jiskaġunaw fil-pussess tar-Renju Unit.

133    Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tistrieħ fuq konstatazzjonijiet sfavorevoli għalih użati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji fir-Renju Unit li ma kienx parti fihom u li kontrihom huwa għalhekk ma setax jiddefendi ruħu. Fir-rigward tal-fatt, allegat mir‑Renju Unit, li dawn il-proċeduri ġudizzjarji saru skont l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta, ir-rikorrent jirribatti li, jekk dan huwa veru fir-rigward tal-persuni kkonċernati, dan ma huwiex il-każ fil‑konfront tiegħu peress li huwa lanqas ma kien parti f’dawn il‑proċeduri.

134    Finalment, sa fejn ir-Renju Unit jirreferi għal proċeduri ġudizzjarji li fihom huwa kien parti, b’mod partikolari, kontra l-kundizzjonijiet imposti mill-HM Treasury (Ministeru tal-Finanzi tar-Renju Unit) u kontra d-deċiżjoni tal-FCO li ma jitlobx it-tħassir ta’ ismu mil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ir‑rikorrent isostni li dawn il-proċeduri ma humiex ekwivalenti għal din il-proċedura u li għandhom soluzzjoni differenti.

135    F’dan ir-rigward, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-punt 136 tas‑sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal‑persuna kkonċernata, b’mod iktar partikolari d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ifissru li, f’każ ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ, b’mod partikolari, jekk il-motivi invokati fis-sunt tar-raġunijiet mogħtija mill‑Kumitat tas-Sanzjonijiet humiex preċiżi u konkreti biżżejjed, kif ukoll, jekk ikun il-każ, jekk il-materjalità tal-fatti li jikkorrispondi mal‑motiv ikkonċernat hijiex stabbilita fid-dawl tal-provi li ġew ikkomunikati lilha.

136    F’dan il-każ, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza, l‑indikazzjonijiet li jinsabu fis-sunt tar-raġunijiet u l-ewwel u t-tieni settijiet ta’ raġunijiet jidentifikaw b’mod ċert, tal-inqas, raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li r-rikorrent għandu jkun s-suġġett ta’ miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 140).

137    B’mod partikolari, il-motivi u, fuq kollox, l-ewwel u t-tieni settijiet ta’ raġunjiiet ikkomunikati lir-rikorrent ma jikkonsistux biss f’sempliċi dikjarazzjonijiet ġenerali, iżda fihom ukoll numru ta’ dettalji u indikazzjonijiet preċiżi li jirrigwardaw kemm l-identità tal-persuni kkonċernati kif ukoll iż-żmien, il-post, il-kuntest u ċirkustanzi oħra tal‑aġir ikkonċernat.

138    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-materjalità tal-fatti li jikkorrispondu ma’ dawn il-motivi tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita fid-dawl tal-provi li ġew ikkomunikati, fis-sens tal-punt 136 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), hija timplika li għandu jiġi vverifikat jekk dawn il-fatti humiex “sostnuti biżżejjed” sabiex jiġi permess li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata tistrieħ fuq “bażi fattwali solida biżżejjed” (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119), peress li l-motivi ta’ inklużjoni fil-lista kkontestata jistgħu jkunu bbażati fuq “suspetti ta’ implikazzjoni f’attivitajiet terroristiċi, mingħajr preġudizzju għall‑verifika tal-fondatezza ta’ dawn is-suspetti” (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 149).

139    F’dan il-każ, huwa veru li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienet ġiet ippreżentata l-ebda informazzjoni jew prova sabiex issostni l-motivi użati fiha kontra r-rikorrent.

140    Fir-rigward ta’ informazzjoni jew provi ġodda prodotti fl-Anness B.5 tar-risposta, kif ukoll l-annessi korrispondenti tagħhom, huwa korrett li l-Kummissjoni tirrispondi għall-argument tar-rikorrent miġbur fil-qosor fil-punt 130 hawn fuq li dan kien qed iħawwad żewġ kwistjonijiet differenti, jiġifieri, minn naħa waħa, ir-rekwiżit proċedurali ta’ dikjarazzjoni tal-motivi speċifika biżżejjed u l-komunikazzjoni tagħha lill-persuna kkonċernata matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 sa 116) u, min-naħa l-oħra, il-verifika, li għandha ssir mill-qorti tal-Unjoni, li s-sunt tar-raġunijiet hekk ikkomunikat jistrieħ fuq bażi fattwali solida, wara li tkun talbet, jekk ikun il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew le, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 117 sa 120). L‑elementi ġodda prodotti fl-Anness B.5 fir-risposta huma preċiżament intiżi sabiex jilħqu dan il-għan u huma konformi mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), li jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex isir l-istħarriġ ta’ legalità li għandu jsir mill‑Qorti Ġenerali.

141    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-Kummissjoni ma tistax tistrieħ fuq informazzjoni jew provi ġodda li għalihom ma kienx hemm il-possibbiltà li tirrispondi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrent kellu l-possibbiltà li jirrispondi għal dawn il-provi ġodda fir-replika kif ukoll waqt is-seduta.

142    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent, imqassar fil-punt 131 hawn fuq, li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tfittex li tingħata l-provi kunfidenzjali kollha invokati u li tiddeċiedi hija stess liema għandhom jiġu kkommunikati lill-persuna kkonċernata, dan jirriżulta minn qari manifestament żbaljat tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518). Fil-punt 122 tal-imsemmija sentenza, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li ma kienx mitlub li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi quddiem il‑qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fis-sunt tar-raġunijiet mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, peress li, jekk l-awtorità kompetenti tal-Unjoni ma tistax taċċedi għat‑talba tal-qorti tal-Unjoni (pereżempju għaliex l-Istat ta’ nomina jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jirrifjutaw li jikkomunikawlha l‑informazzjoni jew il-provi inkwistjoni), allura din tal-aħħar ikollha tibbaża ruħha biss fuq il-provi li ntbagħtulha, bil-konsegwenzi msemmija fil-punt 123 ta’ din is-sentenza. Fir-rigward tal-argumenti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 125 et seq. tal-imsemmija sentenza, dwar l-implimentazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ tekniki partikolari ta’ eżami ta’ provi kunfidenzjali, dawn jitilqu mill-premessa, imsemmija fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, li tali provi ġew volontarjament ikkomunikati lilha minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni, flimkien ma’ talba għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Qabelxejn, anki f’tali eventwalità, il-Qorti tal‑Ġustizzja spjegat, fil-punt 127 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), filwaqt li rreferiet għall-punt 63 tas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363), li, jekk din l-awtorità topponi għall‑komunikazzjoni ta’ kull jew parti mill-informazzjoni jew provi kkomunikati lill-qorti tal-Unjoni moħbija wara talba għal kunfidenzjalità fil-konfront tal-persuna kkonċernata, l-imsemmija qorti tipproċedi mbagħad għall-eżami tal-legalità tal-att ikkontestat abbażi biss tal-provi li ġew ikkomunikati lilha.

143    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent dwar il-provi li nstabu fid‑domiċilju tiegħu waqt tfittxija (ara l-punt 132 hawn fuq), dan ma għandux jintlaqa’, peress li kien permezz ta’ konstatazzjonijiet li saru b’mod sovran mill-High Court abbazi ta’ dawn il-provi li dawn ittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dikjarazzjoni uffiċjali. Inkwantu r-rikorrent ifakkar li huwa kien ġie lliberat wara proċess kriminali mibdi kontra tiegħu, fil-konfront ta’ dawn il-provi, huwa biżżejjed li jitfakkar, filwaqt li jsir riferiment għall-evalwazzjoni tat-tieni parti tat-tielet motiv, li l‑livell ta’ prova applikabbli f’dan il-każ ma huwiex dak tal-prova kriminali.

144    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent, imqassar fil-punt 133 hawn fuq, li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tikkunsidra konstatazzjonijiet magħmula mill-qrati tar-Renju Unit fi proċeduri li fihom huwa ma kienx parti, il-Kummissjoni korrettament tosserva li, safejn dawn il‑konstatazzjonijiet inkwistjoni jikkontribwixxu sabiex tintwera l‑eżistenza ta’ motivi raġonevoli ta’ suspett, jiġifieri ta’ twemmin, li r‑rikorrent huwa marbuta ma’ Al-Qaida, u sabiex b’hekk isostnu l‑allegazzjonijiet li saru fis-sunt tar-raġunijiet, dawn huma rilevanti u jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali. Huwa korrett ukoll li l‑Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali tista’ tagħti importanza partikolari għal dawn il-konstatazzjonijiet, peress illi saru minn qorti nazzjonali kompetenti, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li saru skont l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta.

145    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ proċeduri ġudizzjari fir-Renju Unit, invokati mir-Renju Unit, li fihom ir-rikorrent kien parti, huwa irrilevanti li dawn il-proċeduri ma humiex ekwivalenti għal din il-proċedura u li jirrigwardaw soluzzjoni differenti, sa fejn fihom provi li jistgħu jsostnu l-allegazzjonijiet magħmula kontra r-rikorrent fis-sunt tar-raġunijiet tal‑Kumitat tas-Sanzjonijiet.

146    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni u l-provi ġodda annessi fl‑Anness B.5 tar-risposta.

[omissis]

177    Fi tmiem din il-ħarsa ġenerali tad-dikjarazzjoni uffiċjali u wara li rat l‑informazzjoni u l-provi ġodda kollha annessi fl-appendiċi tagħha, il‑Qorti Ġenerali tikkunsidra ruħha konvinta li tal-inqas uħud mill‑motivi li jinsabu fis-sunt tar-raġunijiet u fl-ewwel u t-tieni settijiet ta’ raġunijiet, kif ikkomunikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, huma sostnuti biżżejjed mill-imsemmija informazzjoni jew provi sabiex jidhru li jistrieħu fuq bażi fattwali partikolarment soda, u li jirreżistu għal xi tentattiv vag ta’ ċaħda minn naħa tar-rikorrent.

100    Għandu wkoll jiġi kkunsidrat li jeżistu rimedji oħra tad-dritt li kienu għad-dispożizzjoni tar-rikorrent, iżda li dan għażel li ma jeżerċitax.

101    Minn naħa waħda, ir-Renju Unit enfasizza li r-rikorrent, sa mill‑inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, qatt ma fittex li jikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Ombudsman innominat mill‑Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Unit skont ir-Riżoluzzjoni tiegħu 1904 (2009) sabiex jikseb mingħandu il-bidu ta’ investigazzjoni fid-dettall li tista’ twassal għat-tħassir ta’ ismu mil-lista tal-Kumitat tas‑Sanzjonijiet, minkejja li r-Riżoluzzjoni 2161 (2014) tal-Kunsill tas‑Sigurtà (paragrafu 48) tistieden lill-Istati Membri sabiex “tħeġġeġ lill-persuni u entitajiet li jixtiequ jikkontestaw l-inklużjoni tagħhom fil‑[lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet] sabiex jużaw istanzi ġudizzjarji nazzjonali jew reġjonali, jew li diġà bdew jagħmlu dan, li jfittxu t‑tħassir ta’ isimhom mil-lista billi jagħmlu talba f’dan is-sens lill‑Uffiċċju tal-Ombudsman”. Ma teżisti ebda raġuni razzjonali talli dan ma sarx, peress li r-rikorrent jallega li għandu argumenti favur it-tħassir ta’ ismu mil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

102    Minn naħa l-oħra, wara li ppreżenta rikors quddiem il-High Court, fit‑28 ta’ Jannar 2013, kontra d-deċiżjoni tal-FCO tal-1 ta’ Novembru 2012 li ma jippreżentax f’ismu talba għat-tħassir tal‑inklużjoni ta’ ismu mill-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ir-rikorrent waqqaf dan ir-rikors permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ kunsens (consent order), fis-17 ta’ Ottubru 2013 (Appendiċi 4 tad-dikjarazzjoni uffiċjali), wara li l-High Court kienet aċċettat li l-FCO kien uża, sabiex jiġġustifika din id-deċiżjoni, provi kunfidenzjali, aċċessibbli biss għall‑qorti u mhux għar-rikorrent.

103    Filwaqt li r-rikorrent ma jistax jiġi kkritikat talli adotta din l-istrateġija ġudizzjarja, din xorta ma tikkontribwixxix sabiex itaffi s-suspetti li raġonevolment kien hemm kontra tiegħu, fid-dawl tal-informazzjoni u tal-provi ikkunsidrati hawn fuq.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, tal-inqas, ċerti motivi msemmija fis-sunt tar-raġunijiet u fl-ewwel u fit-tieni settijiet ta’ motivi huma preċiżi u konkreti biżżejjed, li huma sostnuti u li jikkostitwixxu fihom infushom bażi biżżejjed sabiex isostnu d-deċiżjoni kkontestata (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 130).

105    Minn dawn isegwi li, tal-inqas, uħud mill-allegazzjonijiet magħmula kontra r-rikorrent fis-sunt tar-raġunijiet u fl-ewwel u fit-tieni settijiet ta’ raġunijiet kienu tali li jiġġustifikaw l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ miżuri restrittivi kontra tiegħu.

106    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

107    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn illegalità inkwantu l-Kummissjoni naqset milli tagħmel eżami ta’ proporzjonalità, billi tibbilanċja d-drittijiet fundamentali tiegħu u r‑riskju effettiv li huwa suppost jirrappreżenta realment.

108    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument u tirreferi għall-punti 360 sa 363 tas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461).

109    Fil-fatt, mis-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), jirriżulta li, fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali tant fundamentali għall-Komunità internazzjonali bħall-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid fir-rigward tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali li hemm wara l-atti ta’ terroriżmu, l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuni identifikati mill-Kunsill tas‑Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li huma assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban ma jistax, fih innifsu, jitqies li huwa inadegwat jew sproporzjonat (ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 363 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is‑sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 120 sa 130). Madankollu, jeħtieg li jiġi żgurat li, waqt l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, id-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati, u b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża tagħhom, ġew irrispettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 367 sa 370). Issa, f’dan il-każ, minn eżami ta’ motivi oħra tar-rikors jirriżulta li d-drittijiet proċedurali tar-rikorrent ġew rispettati b’mod xieraq matul il-proċess tal-eżami mill-ġdid tal-motivi tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kkontestata.

110    Inkwantu r-rikorrent jilmenta b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma pproċedietx hija stess għall-ibbilanċjar tar-restrizzjonijiet li għalihom huwa ġie suġġett mad-drittijiet fundamentali tiegħu u r-riskju li huwa suppost jirrappreżenta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali bbilanċjar ma huwiex previst la fil-leġiżlazzjoni applikabbli u lanqas bil‑ġurisprudenza. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil‑punt 107 tas-sentenza tagħha tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), li meta, fil‑kuntest tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, il‑Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddeċieda li jinkludi l-isem ta’ organizzazzjoni, ta’ entità jew ta’ persuna fil-lista rikapitolattiva tagħha, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha, sabiex tagħti segwitu għal din id-deċiżjoni f’isem Stati Membri, tieħu d-deċiżjoni li tinkludi isimha, jew li żżomm din l-inklużjoni, fil-lista kkontestata abbażi tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut minn dan il-kumitat. F’dan il-kuntest, l‑uniki obbligi li għandha l-awtorità kompetenti tal-Unjoni huma dawk identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 111 u 112 (rispett tad-drittijiet tad-difiża), 114 (eżami, bir-reqqa u imparzjali tal-fondatezza tal-motivi allegati) u 116 (motivazzjoni li tidenfika raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi) tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518). Issa, f’dan il‑każ, mill-eżami tal-motivi l-oħra tar-rikors jirriżulta wkoll li dawn l‑obbligi ġew osservati b’mod xieraq matul il-proċess ta’ eżami mill‑ġdid tar-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kkontestata.

111    Fir-rigward tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl taż‑żmien li għadda mill-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kkontestata, huwa veru li l-fondi tar-rikorrent kienu ffriżati għal ftit iktar minn sitt snin mid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li hija l-unika deċiżjoni suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju li qed isir mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

112    Madankollu, kif ġie espost hawn fuq, iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u, konsegwentement, fil-lista kkontestata, wara l-eżami mill-ġdid, hija bbażata mhux biss fuq is-sunt tar-raġunijiet inizjali tal-imsemmi kumitat, iżda wkoll fuq diversi evalwazzjonijiet iktar reċenti tal-perikolu għas-sigurtà nazzjonali u internazzjonali li r-rikorrent kompla jirrappreżenta, li saru kemm l-ONU kif ukoll mill-awtoritajiet u qrati tar-Renju Unit kompetenti. Huwa għalhekk, b’mod partikolari, li meta d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata, kienu għaddew inqas minn sena u nofs minn meta l-High Court kienet ivvalidat l-evalwazzjoni tas-Security Service li r-rikorrent kien għadu estremist Iżlamiku prominenti bbażat fir-Renju Unit u li kellu rabtiet ma’ numru sinjifikattiv ta’ persuni estremisti (ara l‑punt 175 hawn fuq).

113    Barra minn hekk, kif diġà ġie espost fil-punt 181 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, billi naqas milli jieħu xi inizjattiva fi ħdan l-Ombudsmann tan-Nazzjonijiet Uniti (ara l-punt 179 hawn fuq) u billi rtira r-rikors tiegħu quddiem il-High Court (ara l-punt 180 hawn fuq), ir-rikorrent adotta aġir li ma jservix sabiex itaffi s-suspetti li raġonevolment kien hemm fuqu, fid-dawl tal-informazzjoni u l-provi kkunsidrati hawn fuq.

114    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jressaq l-ebda informazzjoni jew prova konkreta li tista’ turi li ma kienx għadu theddida għas-sigurtà nazzjonali jew internazzjonali.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata fid-dawl taż-żmien li għadda mill-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kkontestata.

116    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, miegħu, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il‑kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall‑ispejjeż tal-Kummissjoni, skont it-talbiet tagħha.

118    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli inkwantu jitlob lannullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 14/2007, tal-10 ta’ Jannar 2007, li jemenda għall-erbgħa u sebgħin darba rRegolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ AlQaida u tTaliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 sa fejn jikkonċerna lil Mohammed Al-Ghabra.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud bħala infondat.

3)      M. Al-Ghabra huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Ir-Renju tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Kunsill talUnjoni Ewropea ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Papasavvas

Bieliūnas

Forrester

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.