Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2016 – Al-Ghabra vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-248/13)1

[“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Regolament (KE) Nru 881/2002 – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi finanzjarji ta’ persuna inkluża f’lista stabbilita minn organu tan-Nazzjonijiet Uniti – Inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna f’lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 – Rikors għal annullament – Terminu raġonevoli – Obbligu ta’ verifika u ta’ ġustifikazzjoni tal-fondatezza tal-motivi invokati – Stħarriġ ġudizzjarju”]

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Mohammed Al-Ghabra (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: E. Grieves, barrister u J. Carey, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment M. Konstantinidis, T. Scharf u F. Erlbacher, sussegwentement M. Konstantinidis u F. Erlbacher, aġenti)

Partijiet intervenjenti in sostenn tal-konvenuta: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: inizjalment S. Behzadi Spencer u V. Kaye, sussegwentement V. Kaye, sussegwentement S. Brandon, u finalment C. Crane, aġenti, assistiti minn T. Eicke, QC), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J. P. Hix u E. Finnegan, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa waħda, tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 14/2007, tal-10 ta’ Jannar 2007, li jemenda għall-erbgħa u sebgħin darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU 2007, L 6, p. 6), inkwantu jikkonċerna r-rikorrent, u min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares (2013) 188023, tas-6 ta’ Marzu 2013, li tikkonferma ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294)

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli inkwantu jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 14/2007, tal-10 ta’ Jannar 2007, li jemenda għall-erbgħa u sebgħin darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 sa fejn jikkonċerna lil  Mohammed Al-Ghabra.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud bħala infondat.

M. Al-Ghabra huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Ir-Renju tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ibatu l-ispejjeż tagħhom.

____________

1  ĠU C 9, 11.1.2014.