Language of document : ECLI:EU:T:2016:721

Kawża T-248/13

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Mohammed Al-Ghabra

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Regolament (KE) Nru 881/2002 – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi finanzjarji ta’ persuna inkluża f’lista stabbilita minn organu tan-Nazzjonijiet Uniti – Inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna f’lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 – Rikors għal annullament – Terminu raġonevoli – Obbligu ta’ verifika u ta’ ġustifikazzjoni tal-fondatezza tal-motivi invokati – Stħarriġ ġudizzjarju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2016

1.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Att li jwassal għal miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità – Att ippubblikat u kkomunikat lid-destinatarji – Data ta’ komunikazzjoni tal-att

(Artikolu 263, is-sitt paragrafu, TFUE)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Dekadenza – Applikazzjoni stretta tar-regoli tal-Unjoni

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-inklużjoni tal-isem tal-persuna kkonċernata fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Ksur – Konsegwenzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Obbligu li jiġu kkomunikati r-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni meħuda – Stħarriġ ġudizzjarju

(Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002)

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Proporzjonalità – Natura proporzjonata ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 39, 40)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 43)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 52, 53, 62-65)

4.      L-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll, f’dan il-każ, l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minn naħa waħda, jirrikjedu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill‑persuna kkonċernata s-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew żamma tal-isem tal-imsemmija persuna fil-lista kkontestata, li hija tippermettilu u li tagħraf utilment l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan is‑suġġett u li hija teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal‑motivi allegati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati u ta’ eventwali provi li jiskaġunaw prodotti minn din il-persuna

Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet u tal-imsemmi prinċipju jimplika, min-naħa l-oħra, li, fil-każ ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ, b’mod partikolari, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tar-raġunijiet invokati f’dan is-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif ukoll, skont il-każ, in-natura stabbilita tal-materjalità tal-fatti li jikkorrispondu mal-motiv ikkonċernat fid-dawl tal-elementi li ġew ikkomunikati.

Min-naħa l-oħra, il-fatt, għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni, li ma tagħmilx aċċessibbli għall-persuna kkonċernata u, ulterjorment, għall-qorti tal-Unjoni informazzjoni jew provi, li huma biss f’idejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew ta’ membru tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) ikkonċernat, relatati mas-sunt tar-raġunijiet li huwa l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni, ma jistax, inkwantu tali, jistabbilixxi konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn l-istess drittijiet u prinċipju.

Madankollu, f’tali sitwazzjoni, il-qorti tal-Unjoni, li hija mitluba tistħarreġ il-fondatezza fattwali tal-motivi li jinsabu fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet u provi li jiskaġunaw eventwalment prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll tat-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet, ma jkollhiex informazzjoni supplimentari jew provi. Bħala konsegwenza, ikun impossibbli għaliha li tikkonstata l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux iservu bħala bażi għad-deċiżjoni dwar inklużjoni kkontestata.

(ara l-punti 70-72)

5.      Fir-rigward ta’ għan ta’ interess ġenerali wkoll fundamentali għall-Komunità internazzjonali bħall-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid fir-rigward tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali li hemm wara l-atti ta’ terroriżmu, l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuni identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li huma assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban ma jistax, fih innisfu, jitqies li huwa inadegwat jew sproporzjonat.Madankollu, jeħtieg li jiġi żgurat li, waqt l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, id-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati, u b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża tagħhom, ġew irrispettati.

Għaldaqstant, meta, fil-kuntest tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddeċieda li jinkludi l-isem ta’ organizzazzjoni, ta’ entità jew ta’ persuna fil-lista rikapitolattiva tagħha, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha, sabiex tagħti segwitu għal din id-deċiżjoni f’isem Stati Membri, tieħu d-deċiżjoni li tinkludi isimha, jew li żżomm din l-inklużjoni, fil-lista li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 abbażi tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut minn dan il-kumitat. F’dan il-kuntest, l‑uniki obbligi li għandha l-awtorità kompetenti tal-Unjoni huma dawk tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, tal-eżami, bir-reqqa u imparzjali tal-fondatezza tal-motivi allegati u tal-motivazzjoni li tidenfika raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi.

(ara l-punti 187, 188)