Language of document : ECLI:EU:T:2013:163

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

10 ta’ April 2013 (*)

“Għajnuna għall-finanzjament ta’ proġett ta’ turiżmu ekoloġiku – Rimbors tal-ammonti rkuprati – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni preċedenti intiża għat-tħassir tal-għajnuna – Interessi kumpensatorji – Interessi moratorji – Kalkolu”

Fil-Kawża T‑671/11,

IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Pitschas, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Dintilhac, G. Wilms u G. Zavvos, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2011 [ENTR/R1/HHO/lsa – entre.r.l(2011)1183091] li tħallas lir-rikorrenti ammont totali ta’ EUR 720 579.90, inkluż ammont ta’ EUR 158 618.27 bħala interessi kumpensatorji,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, S. Soldevila Fragoso u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikors preżenti jagħmel parti minn serje ta’ kawżi bejn l-istess partijiet u li huma s-suġġett, mill-1994, ta’ bosta kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

2        L-aħħar fost dawn il-kawżi ġiet deċiża definittivament permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ April 2011, IPK International vs Il-Kummissjoni (T‑297/05, Ġabra p. II‑1859, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-15 ta’ April 2011”), li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2005 [ENTR/01/Audit/RVDZ/ss D(2005) 11382] dwar l-annullament tad-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Awwissu 1992 (003977/XXIII/A/3 – S92/DG/ENV8/LD/kz) li kienet tagħti lir-rikorrenti, IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH (iktar ’il quddiem “IPK”), għajnuna finanzjarja ta’ EKUS 530 000 fil-kuntest tal-proġett Ecodata (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2005”). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li l-Kummissjoni Ewropea kellha raġun tikkonstata irregolaritajiet imwettqa minn IPK li kienu jiġġustifikaw, bħala prinċipju, l-annullament tal-għajnuna finanzjarja (punti 128 sa 145), iżda li l-imsemmija deċiżjoni kellha madankollu tiġi annullata minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ preskrizzjoni rilevanti (punti 147 sa 166).

3        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, IPK talbet lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Intrapriża u Industrija” tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ ammont totali ta’ EUR 911 987.86. Dan l-ammont kien diviż fi tliet partijiet, jiġifieri l-ewwel parti ta’ EUR 212 000 mhux imħallsa lil IPK, jiġifieri 40 % mill-għajnuna finanzjarja mogħtija lil IPK fl-1992, it-tieni parti ta’ EUR 318 000, li fil-frattemp kienu rrimborsati minn IPK qabel ma l-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq, jiġifieri 60 % tal-imsemmija għajnuna finanzjarja, kif ukoll it-tielet parti ta’ EUR 31 961.63, li tikkorrispondi għall-interessi moratorji li IPK kienet tat lill-Kummissjoni flimkien mar-rimbors tat-tieni parti. Barra minn hekk, f’din l-ittra, IPK talbet għall-ħlas tal-interessi moratorji tal-ammont ta’ EUR 252 394.36 mill-1 ta’ Jannar 1994 rigward l-ewwel parti u EUR 97 631.87 mit-18 ta’ Mejju 2007 rigward it-tieni parti, li l-kalkolu tagħhom jidher fl-anness ta’ din l-ittra. Fl-aħħar nett, IPK iffissat lill-Kummissjoni terminu sas-26 ta’ Awwissu 2011 sabiex tkun tista’ tonora t-talba għall-ħlas.

4        Permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Awwissu 2011, IPK fakkret lill-Kummissjoni bit-talba tagħha għall-ħlas.

5        Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni informat lil IPK dwar il-fatt li hija kienet ser tipproċedi għal analiżi dettaljata tal-elementi tal-fajl u li kien beħsiebha tosserva l-obbligi tagħha skont is-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq. Hija wkoll informatha li l-proċedura amministrattiva intiża sabiex timplementa l-obbligi eventwali kollha għaldaqstant setgħet tieħu żmien kunsiderevoli.

6        Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2011, IPK sostniet, b’mod partikolari, li ma setgħetx tifhem id-dewmien ikkawżat mill-istudju tal-Kummissjoni tas-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq, u ffisatilha terminu sas-16 ta’ Settembru 2011 sabiex hija tinformaha bl-azzjoni li kien beħsiebha tieħu.

7        Waqt telefonata tal-14 ta’ Settembru 2011, aġent tal-Kummissjoni informa lill-avukati ta’ IPK li kien beħsiebha tħallas u tirrimborsa l-għajnuna finanzjarja kollha kif ukoll l-interessi moratorji li jammontaw għal EUR 31 961.63. Il-Kummissjoni madankollu kienet għadha ma ddeċiditx jekk u sa fejn hemm lok li jitħallsu l-interessi fuq dawn l-ammonti.

8        Fil-11 ta’ Ottubru 2011, waqt telefonata oħra mal-avukati ta’ IPK, il-Kummissjoni informat lil din tal-aħħar, b’mod informali, li hija kienet ħadet id-deċiżjoni li tħallasha l-għajnuna finanzjara ta’ ammont totali ta’ EUR 530 000, kif ukoll l-interessi moratorji li jammontaw għal EUR 31 961.63 li IPK kienet ħallset. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tħallasha l-interessi għal ammont totali ta’ EUR 158 000. Għaldaqstant IPK irċeviet ammont totali ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 720 000 f’terminu ta’ xahar.

9        Fl-14 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat u nnotifikat lil IPK bid-deċiżjoni tagħha bir-referenza ENTR/R1/HHO/lsa – entre.r.l(2011)1183091 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

10      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet, minn naħa, l-ammont totali, inklużi l-interessi, li kellu jitħallas lil IPK, jiġifieri EUR 720 579.90 u, min-naħa l-oħra, l-ammont tal-interessi kumpensatorji li hija kienet iddeċidiet li tħallas, jiġifieri EUR 158 618.27, ikkalkolat skont ir-rata tal-interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-Istitut Monetarju Ewropew (IME), predeċessur tal-BĊE, għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, indikat li kienet ikkalkolat dawn l-interessi għall-ammonti ta’ EUR 318 000 u ta’ EUR 31 961.63 mit-18 ta’ Mejju 2007 kif ukoll għall-ammont ta’ EUR 212 000 mill-1 ta’ Jannar 1994, u dan sal-31 ta’ Ottubru 2011.

11      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2011 IPK ikkontestat il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-Artikolu 296 TFUE u talbet li tiġi informata, qabel il-31 ta’ Ottubru 2011, bil-bażi legali tal-imsemmija deċiżjoni, bil-ġustifikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-interessi bħala “kumpensatorji” u mhux bħala “moratorji”, bir-rati preċiżi tal-interessi applikati għal kull waħda mill-partijiet tal-ammont li għandu jitħallas, u r-raġuni li għaliha r-rati tal-interessi tal-BĊE u tal-IME għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid ma kinux ġew miżjuda bi 3.5 punti.

12      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-Artikolu 266 TFUE. Hija sostniet ukoll li ma kinitx marbuta tħallas interessi moratorji minħabba l-fatt li r-“Regolament Finanzjarju tal-1977”, applikabbli għall-għajnuna finanzjarja inkwistjoni u kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEFA, KEE) Nru 610/90, tat-13 ta’ Marzu 1990, li jemenda r-Regolament Finanzjaru tal-21 ta’ Diċembru 1977 applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 70, p. 1), ma kienx jipprevedi regoli dwar il-ħlas tal-interessi favur benefiċjarji. Bl-istess mod, ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom, KEFA, KE) Nru°3418/93, tad-9 ta’ Diċembru 1993, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 (ĠU L 315, p. 1), daħal fis-seħħ biss wara l-firma tal-kuntratt dwar l-għajnuna finanzjarja u, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 94(1) tal-imsemmi regolament japplika biss għat-talbiet għall-ħlas magħmula mill-Kummissjoni u mhux fil-każ kuntrarju (ara wkoll it-Titolu XIV u l-Artikolu 92 tal-istess regolament). Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru°1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru°2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), ma humiex applikabbli għal kuntratti ffirmati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2003. Madankollu mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar obbligu sabiex il-Kummissjoni tħallas interessi kumpensatorji f’konformità mas-sentenza ta’ annullament. Il-Kummissjoni għaldaqstant iddeċidiet li tħallas l-interessi skont ir-rati tal-interessi tal-BĊE u tal-IME għal kull waħda mill-partijiet tal-ammont totali li għandu jitħallas skont il-kalkolu muri fit-tabella li tidher fl-anness tal-ittra. F’din it-tabella, il-Kummissjoni kkalkolat l-interessi fuq kull waħda mill-partijiet tal-kreditu msemmi fil-punt 3 hawn fuq billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rati tal-interessi tal-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, u dan sat-13 ta’ Lulju 2011. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fin-nuqqas ta’ regola li tawtorizza l-applikazzjoni ta’ interessi moratorji, ma kienx hemm lok li jiġu mgħollija r-rati tal-interessi bi 3.5 punti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li kienet ser tissospendi l-ħlas sa meta IPK tirrispondi għall-ittra tagħha.

13      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Novembru 2011, IPK informat lill-Kummissjoni li hija tqis li l-motivazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar kienet biżżejjed sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 296 TFUE u stiednet lill-Kummissjoni “sabiex tipproċedi għall-ħlas [favuriha]”.

14      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkonfermat li kienet irċeviet l-ittra ta’ IPK tat-3 ta’ Novembru 2011, fejn IPK aċċettat l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni u kienet stednitha tipproċedi għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 720 579.90, u, min-naħa l-oħra, indikat li l-ħlas kien ġie awtorizzat fis-16 ta’ Novembru 2011. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li, fl-opinjoni tagħha, il-krediti kollha ta’ IPK marbuta mas-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq, ġew estinti kollha kemm huma u b’mod irrevokabbli b’dan il-ħlas.

15      Fit-22 ta’ Novembru 2011, l-ammont ta’ EUR 720 579.90 ġie kkreditat fil-kont ta’ IPK mal-(i)Stadtsparkasse München.

16      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2011, IPK irrispondiet għall-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2011. Qabel kollox hija enfasizzat li l-ittra tagħha tat-3 ta’ Novembru 2011 ma kellhiex tinftiehem bħala qbil mal-kontenut tar-raġunijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, iżda hija sempliċement kienet qed tgħid li dawn ir-raġunijiet kienu biżżejjed sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE. Imbagħad IPK allegat li l-motivazzjoni esposta fl-ittra tal-25 ta’ Ottubru 2011 kienet ġuridikament żbaljata. Fil-fatt, skont IPK, il-kalkolu tal-interessi li sar f’din l-ittra ma kienx konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, kif invokata mill-Kummissjoni, skont liema kull waħda mir-rati ta’ interessi tal-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid kellha tiżdied b’2 punti. Għalhekk, IPK talbet lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi, sad-9 ta’ Diċembru 2011, il-metodu tagħha ta’ kalkolu ta’ interessi biż-żieda ta’ 2 punti fir-rati ta’ interessi li kienet applikatilha, u fin-nuqqas ta’ dan inkella IPK kienet se tippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

17      Il-Kummissjoni ma tatx risposta lil IPK fit-terminu stabbilit.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      B’att irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2011, IPK ippreżentat dan ir-rikors.

19      Peress li membru tal-Awla ma setax jassumi postu, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

20      Fis-16 ta’ April 2012, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li ma kienx hemm bżonn skambju ieħor ta’ noti.

21      Permezz ta’ att separat irreġistrat fil-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2012, fid-dawl tal-argumenti tal-Kummissjoni, IPK talbet sabiex tiġi awtorizzata tikkompleta l-proċess dwar l-interessi kumpensatorji u l-interessi moratorji. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2012, il-Qorti Ġenerali informat lil IPK dwar id-deċiżjoni tagħha li tawtorizza s-sottomissjoni ta’ replika limitata għall-punti ċċitati iktar ’il fuq. IPK issottomettiet din ir-replika fit-13 ta’ Ġunju 2012. Il-Kummissjoni ssottomettiet il-kontroreplika fl-24 ta’ Lulju 2012.

22      IPK titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-ammont tal-interessi li ġie allokat lilha huwa biss ta’ EUR 158 618.27;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil IPK għall-ispejjeż.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012.

 Id-dritt

26      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, IPK tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE inkwantu l-Kummissjoni allegatament wettqet żbalji fil-kalkolu tal-interessi dovuti.

27      IPK tinnota li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-obbligu tagħha li tħallasha, il-partijiet kollha flimkien, l-ammont ta’ EUR 561 961.63 abbażi tas-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq. Fl-imsemmija deċiżjoni hija rrikonoxxiet ukoll li kienet obbligata tħallasha l-interessi, mill-1 ta’ Jannar 1994 għall-parti tal-ammont ta’ EUR 212 000 u mit-18 ta’ Mejju 2007 għall-partijiet li jammontaw għal EUR 318 000 u EUR 31 961.63 rispettivament. Skont IPK, dawn l-obbligi ta’ ħlas tal-Kummissjoni ma humiex is-suġġett ta’ din il-kawża, b’tali mod li, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata saret definittiva. Madankollu, huwa b’mod żbaljat u bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE li l-Kummissjoni kkalkolat l-interessi dovuti, minn naħa, billi ma żiditx b’2 punti r-rati ta’ interessi tal-BĊE u tal-IME għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, li hija applikat għal kull waħda mit-tliet partijiet iċċitati iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, billi wettqet żball manifest fil-kalkolu tal-interessi moratorji li jibdew jgħoddu mill-għoti tas-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv waħdieni invokat minn IPK jiġi miċħud.

29      Il-Kummissjoni tqis li l-ħlas ta’ interessi kumpensatorji huwa biss intiż sabiex jikkumpensa t-telf li jirriżulta mir-rata ta’ inflazzjoni matul il-perijodu mid-data meta seħħ id-dannu sad-data tal-għoti tas-sentenza. Ir-rati ta’ finanzjament mill-ġdid prinċipali tal-BĊE huma applikati għall-għanijiet tal-kalkolu uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha tal-interessi intiżi sabiex jikkumpensaw l-inflazzjoni medja fl-Istati Membri, peress li r-rati ta’ inflazzjoni jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Għaldaqstant, fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il-Kummissjoni (T‑88/09, Ġabra p. II‑7833), il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni ċara rigward ir-rata ta’ interessi applikabbli skont fejn tkun is-sede tal-kumpannija, f’dan il-każ l-Italja.

30      Min-naħa l-oħra, IPK hija stabbilita fil-Ġermanja fejn l-inflazzjoni medja kienet inqas mill-valur tar-rata prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid. Matul il-perijodu bejn l-1994 u l-2010, din ir-rata kienet xi drabi biċ-ċar ogħla mir-rata ta’ inflazzjoni fil-Ġermanja. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, matul dan il-perijodu, ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Ġermanja kienet ta’ 1.6 %, filwaqt li r-rata ta’ finanzjament mill-ġdid prinċipali kienet, fil-medja, ta’ madwar 3.3 %. Minn dan hija tikkonkludi li, jekk l-applikazzjoni tar-rata prinċipali tal-finanzjament mill-ġdid tagħti diġà lil IPK vantaġġ kunsiderevoli, li għandu jiġi aċċettat fid-dawl tan-neċessità li tiġi applikata rata ta’ interessi unika, hija jkollha bħala effett li IPK tkun qiegħdha tiġi kkumpensata iktar minn darbtejn ir-rata ta’ inflazzjoni. Barra minn dan, żieda tar-rata prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid b’2 punti tippermetti lil IPK tiġi kkumpensata, bħala medja, iktar minn tliet darbiet ir-rata ta’ inflazzjoni (5.3 % kontra 1.6 %), mingħajr l-ebda bażi legali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ekonomika tal-Ġermanja hija differenti ħafna minn dik tal-Italja, fejn, matul il-perijodi bejn l-1995 sal-1996 u mill-2002 sal-2005, ir-rata ta’ inflazzjoni xi drabi qabżet ir-rata prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid.

31      Madankollu, il-ġurisprudenza tipprovdi biss għal kumpens għall-inflazzjoni u mhux kumpens li jiġġustifika żieda tar-rata prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, u lanqas il-possibbiltà lir-rikorrenti sabiex tieħu vantaġġ finanzjarju mill-annullament ta’ miżura. Dan madankollu jkun il-każ jekk għal IPK tiġi applikata rata ta’ interessi ogħla mir-rata prinċipali tal-finanzjament mill-ġdid. Skont il-Kummissjoni, in-natura inġusta ta’ dan l-arrikkiment hija iktar manifesta peress li IPK hija kreditur mala fide, li jmur kontra l-prinċipju ta’ ġustizzja u ta’ ekwità. Fil-fatt, fis-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li IPK kienet ikkonkludiet ftehim kollużiv ma’ uffiċjal tal-Kummissjoni sabiex tikseb jew sabiex tkun tista’ żżomm l-għajnuna finanzjarja kkontestata (punti 126, 144 u 145), kienet kisbet b’mod irregolari informazzjoni kunfidenzjali (punt 130), kienet għamlet dikjarazzjonijiet qarrieqa u sussegwentement ipprovat taħbi ċ-ċirkustanzi veri tas-sottomissjoni tat-talba tagħha għall-għajnuna finanzjarja (punt 134).

32      Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll ir-responsabbiltà tagħha għall-ħlas ta’ interessi moratorji. F’dan il-każ, il-Kummissjoni la ġabet ruħha b’mod żbaljat u lanqas ma ġiet ikkundannata tħallas l-interessi komposti. Bil-kontra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li IPK kienet ġabet ruħha bosta drabi b’mod żbaljat, parzjalment fuq perijodu twil ta’ żmien, b’tali mod li l-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu tal-interessi komposti ma hijiex iġġustifikata. Skont l-Artikolu 310(5) TFUE jkun ukoll imur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, kieku tali aġir żbaljat kellu jiġi kkumpensat permezz tal-applikazzjoni ta’ tali metodu, li jkun għalhekk nieqes minn bażi legali skont l-Artikolu 310(3) TFUE.

33      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, preliminarjament, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni effettivament irrikonoxxiet li kienet debitriċi, fir-rigward ta’ IPK, għal ammont prinċipali ta’ EUR 561 961.63, u dan ġie kkonfermat minnha waqt is-seduta bħala risposta għal domanda orali tal-Qorti Ġenerali u ta’ dan ittieħdet nota fil-minuti tas-seduta. Minbarra dan, hemmhekk il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kellha tagħti lil IPK ammont ta’ EUR 158 618.27 bħala interessi kumpensatorji, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 720 579.90. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma kkontestatx in-natura anċillari tal-interessi dovuti meta mqabbla mal-ammont tas-somma prinċipali.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, essenzjalment, minn naħa, IPK hija kreditur mala fide u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fis-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq, aġir żbaljat ta’ IPK, ma jistax iqiegħed f’dubju l-eżistenza tad-dejn prinċipali u lanqas il-fatt li, f’din il-miżura, il-Kummissjoni għandha tħallas interessi li għandhom jiġu kkalkolati f’konformità mar-regoli rilevanti. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti, anki jekk jingħad li huwa intiż sabiex jinvoka l-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem suam allegans, li jgħid li ħadd ma jista’ jistrieħ fuq l-imġiba żbaljata tiegħu fil-konfront ta’ ħaddieħor sabiex jikseb vantaġġ, li l-Kummissjoni barra minn hekk ċaħdet waqt is-seduta b’risposta għal domanda orali tal-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, huwa xieraq madankollu li jiġi ppreċiżat li l-approċċ tal-Kummissjoni, f’dan il-każ, jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-portata tas-sentenza tal-15 ta’ April 2011 (punt 2 iktar ’il fuq), fejn ma hemm l-ebda obbligu li hija tirrimborsa l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni lil IPK. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonfermat is-sejbiet fattwali magħmula fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2005, dwar il-kondotta mhux xierqa ta’ IPK li kienet tiġġustifika, bħala regola ġenerali, l-annullament tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni (punti 128 sa 145) u llimitat ruħha li tannulla l-imsemmija deċiżjoni minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tosserva t-terminu ta’ preskrizzjoni rilevanti (punti 147 sa 166). Minn dan isegwi, barra minn hekk, li d-deċiżjoni kkontestata hija l-unika bażi legali tad-dejn prinċipali inkwisjtoni.

35      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-motiv uniku invokat minn IPK, jiġifieri, l-allegat kalkolu żbaljat tal-interessi kumpensatorji, għandu jiġi mfakkar li IPK tqis li dawn l-interessi kellhom jiġu miżjuda b’2 punti meta mqabbla mar-rata ta’ interessi tal-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid. Issa, huwa paċifiku li l-Kummissjoni kkalkolat l-interessi billi kkunsidrat biss ir-rata ta’ interessi tal-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, mingħajr żieda ta’ 2 punti, u dan sal-31 ta’ Ottubru 2011, kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata.

36      Kif ġie nnotat fil-punt 33 hawn fuq, il-Kummissjoni ma tikkontestax li kienet obbligata tħallas lil IPK interessi kumpensatorji f’konformità mar-regoli stabbiliti. Madankollu, f’dan ir-rigward, ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita li, indipendentement mid-denominazzjoni preċiża tagħhom, dawn l-interessi għandhom dejjem jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ interessi tal-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali tal-finanzjament mill-ġdid billi din ir-rata tiġi miżjuda b’2 punti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑171/99, Ġabra p. II‑2967, punt 64; tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra p. II‑981, punti 130 sa 132; u Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punti 77 sa 80). Kif issostni IPK, din hija żieda fissa applikabbli għall-każijiet kollha, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi kkonstatat konkretament jekk din iż-żieda hijiex ġustifikata jew le fid-dawl tal-inflazzjoni, matul il-perijodu rilevanti, fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-kreditur.

37      Ċertament, fis-sentenza tagħha Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq (punti 77 sa 79), il-Qorti Ġenerali qieset, qabel kollox, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-inflazzjoni, li hija riflessa fir-rata ta’ inflazzjoni annwali rreġistrata, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istat Membru fejn dawn il-kumpanniji huma stabbiliti. Madankollu l-Qorti Ġenerali applikat, sussegwentement, b’mod uniformi, iż-żieda fissa ta’ 2 punti mal-interessi kumpensatorji u moratorji li għandhom jingħataw, għal dak li jirrigwarda l-interessi kumpensatorji, sad-data tal-għoti tas-sentenza, fit-8 ta’ Novembru 2011, u għal dak li jirrigwarda l-interessi moratorji, iktar tard. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, IPK targumenta ġustament li ż-żieda fissa uniformi, f’dik il-kawża l-oħra, ta’ 2 punti ma kinitx tiddependi mir-rata ta’ inflazzjoni reali matul il-perijodu rilevanti fl-Italja, fejn Idromacchine kienet stabbilita, peress li, kif il-Kummissjoni ssostni hija stess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ogħla mir-rata ta’ interessi tal-BĊE biss fis-snin 2010 u 2011. Issa, jekk it-teżi ppreżentata mill-Kummissjoni, li tgħid li r-rata tal-interessi kumpensatorji li għandhom jingħataw għandha tiddependi mir-rata ta’ inflazzjoni reali, kienet korretta, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tapplika din iż-żieda fissa ta’ 2 punti fil-perijodu preċedenti, peress li, matul l-imsemmi perijodu, Idromacchine kienet ibbenefikat, permezz tal-applikazzjoni tal-unika rata ta’ interessi mhux miżjuda tal-BĊE, minn kumpens suffiċjenti għall-inflazzjoni.

38      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, ċertament fil-kuntest tal-kalkolu tal-interessi moratorji, li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ tali interessi jista’ jwassal għal arrikkiment indebitu tal-Unjoni, li jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Għaldaqstant, iż-żieda fissa tar-rata ta’ interessi b’2 punti oriġinat mill-bżonn li jiġi evitat tali arrikkiment indebitu fiċ-ċirkustanzi kollha possibbli.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun tonqos milli żżid ir-rata ta’ interessi kumpensatorji applikati għat-tliet partijiet differenti tal-kreditu msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq u li l-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ IPK għandha tintlaqa’.

40      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv uniku tagħha, IPK issostni li l-Kummissjoni kellha tirrikonoxxi interessi moratorji li jgħoddu wara l-għoti tas-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq, u kellha tikkalkulhom abbażi tal-ammont totali tad-dejn, flimkien mal-interessi kumpensatorji dovuti sa din id-data. Huwa madankollu paċifiku li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi moratorji, la qabel u lanqas wara li ngħatat l-imsemmija sentenza, peress li hija ma kinitx tikkunsidra lilha nnifisha responsabbli għall-ħlas tagħhom fid-dawl tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza applikabbli.

41      F’dan ir-rigward, biżżejjed tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita li rrikonoxxiet l-obbligu inkundizzjonat tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji, b’mod partikolari, fil-każ li hija tkun impenjat ruħha għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, għall-perijodu wara l-għoti tas-sentenza li tkun ikkonstatat din ir-responsabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra p. I‑203, punt 35, u s-sentenza Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk), kif ukoll fil-każ ta’ rkupru ta’ ħlas mhux dovut wara sentenza ta’ annullament (sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 50 et seq). L-ebda wieħed mill-argumenti tal-Kummissjoni ma jippermetti l-esklużjoni ta’ dan l-obbligu f’dan il-każ, fejn, wara s-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq, li tannulla d-deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet obbligata tirrimborsa l-ammont prinċipali tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni lil IPK. Min-naħa l-oħra, waqt is-seduta, b’risposta għal domanda orali tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ammettiet li hija debitriċi tal-interessi moratorji dovuti mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq, u ttieħdet nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet obbligata tħallas, flimkien mal-ammont prinċipali dovut, kif kien ġie rikonoxxut fid-deċiżjoni kkontestata, l-interessi moratorji, li, f’dan il-każ, minħabba l-qbil komuni bejn il-partijiet fuq dan il-punt, għandhom jingħaddu mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-15 ta’ April 2011, punt 2 iktar ’il fuq, u dan indipendentement mill-fatt li l-imsemmija deċiżjoni tikkostitwixxi l-unika bażi legali tad-dejn prinċipali inkwistjoni (ara punt 34 iktar ’il fuq).

42      Barra minn hekk, IPK issostni ġustament li l-Kummissjoni kienet ukoll obbligata tikkalkola dawn l-interessi moratorji abbażi tal-ammont prinċipali dovut, flimkien mal-interessi kumpensatorji li saru dovuti preċedentement. Fil-fatt, anki jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ma tawtorizzax, bħala regola ġenerali, il-kapitalizzazzjoni tal-interessi kumpensatorji li saru dovuti qabel, jew tal-interessi moratorji li jsiru dovuti wara l-għoti ta’ sentenza li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dejn, il-Qorti Ġenerali madankollu tordna l-iffissar ta’ dawn l-interessi moratorji sad-data tal-ħlas komplet abbażi tal-ammont prinċipali tad-dejn flimkien mal-interessi kumpensatorji li saru dovuti preċedentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Corus UK vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 64 u 65, u AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 132 u 133). Dan l-approċċ għaldaqstant jiddistingwi l-interessi kumpensatorji ta’ natura prekontenzjuża mill-interessi moratorji ta’ natura postkontenzjuża, fejn dawn tal-aħħar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-totalità tat-telf finanzjarju akkumulat, inkluż minħabba l-inflazzjoni.

43      Konsegwentement, it-tieni parti tal-motiv uniku ta’ IPK għandha tintlaqa’, sa fejn il-Kummissjoni naqset, b’mod illegali, milli tagħti interessi moratorji, miżjuda b’2 punti, li għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-ammont prinċipali tad-dejn inklużi l-interessi kumpensatorji li saru dovuti preċedentement u, f’dan il-każ, għandhom jiġu kkalkolati, minħabba l-qbil komuni bejn il-partijiet fuq dan il-punt, mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-15 ta’ April 2011.

44      Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni preċedenti kollha, ir-rikors għandu jintlaqa’, mingħajr il-bżonn li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 266 TFUE, u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn hija llimitat ir-rimbors tal-interessi dovuti għall-ammont ta’ EUR 158 618.27.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet ta’ IPK.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2011 [ENTR/R1/HHO/lsa – entre.r.l(2011)1183091] hija annullata sa fejn l-ammont tal-interessi li għandhom jitħallsu lil IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH li huwa stabbilit hemmhekk huwa limitat għal EUR 158 618.27.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Azizi

Soldevila Fragoso

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ April 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.