Language of document : ECLI:EU:C:2019:220

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regolament (UE) 2016/399 – Artikolu 32 – Introduzzjoni mill-ġdid, b’mod temporanja, minn Stat Membru tal-kontrolli fil-fruntieri interni tiegħu – Dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – Ekwiparazzjoni tal-fruntieri interni mal-fruntieri esterni – Direttiva 2008/115/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(a)”

Fil-Kawża C‑444/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Préfet des Pyrénées-Orientales

vs

Abdelaziz Arib,

Procureur de la République près le tribunal de grande instance de Montpellier,

Procureur général près la cour d’appel de Montpellier,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, E. Regan, T. von Danwitz, C. Toader u C. Lycourgos (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby, C. G. Fernlund u C. Vajda, imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Préfet des Pyrénées-Orientales, minn F.‑H. Briard u S. Bonichot, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, E. Armoët u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Kanitz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), kif ukoll tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Préfet des Pyrénées-Orientales (il-Prefett tal-Pyrénées-Orientales, Franza) u, min-naħa l-oħra, Abdelaziz Arib, il-procureur de la République près le tribunal de grande instance de Montpellier (il-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan il-Qorti Reġjonali ta’ Montpellier, Franza) u l-procureur général près la cour d’appel de Montpellier (il-Prosekutur Ġenerali fi ħdan il-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, Franza) dwar l-estensjoni tad-detenzjoni amministrattiva ta’ A. Arib, li daħal illegalment fit-territorju Franċiż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-KIFS

3        Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem, il-“KIFS”), tagħmel parti mill-acquis ta’ Schengen.

4        L-Artikolu 26 tal-KIFS jistipula:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, li jinkorporaw ir-regoli li ġejjin fil-liġi nazzjonali tagħhom:

a)      Jekk aljeni ma jitħallewx jidħlu fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti, it-trasportatur li jkun ġabhom sal-fruntiera esterna bl-ajru, bil-baħar jew fuq l-art għandu jkun obbligat immedjatament li jerġa’ jassumi responsabbilità għalihom. Fuq talba ta’ l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri t-trasportatur huwa obbligat li jieħu lill-aljeni lura lejn l-Istat terz minn fejn ikunu trasportati, jew lejn l-Istat terz li jkun ħareġ id-dokument ta’ l-ivvjaġġar li bih ikunu ivvjaġġaw, jew lejn xi Stat terz ieħor fejn sejrin jitħallew jidħlu żgur;

b)      It-trasportatur huwa obbligat li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassigura li aljen li jinġarr bl-ajru jew bil-baħar ikollu fil-pussess tiegħu d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar meħtieġa sabiex jitħalla jidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti.

2.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mill-isħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, u b’mod konformi mal-liġi kostituzzjonali tagħhom, li jimponu penalitajiet fuq trasportaturi li jġorru aljeni li ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar minn Stat Terz għat-territorji tagħhom.

3.      Il-paragrafi 1(b) u 2 għandhom japplikaw ukoll għal trasportaturi internazzjonali li jitrasportaw gruppi fuq l-art permez ta’ coach, bl-eċċezzjoni ta’ traffiku ta’ fuq il-fruntiera.”

 Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

5        Skont l-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘fruntieri interni’ tfisser:

a)      il-fruntieri tal-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, tal-Istati Membri;

b)      l-ajruporti tal-Istati Membri għal titjiriet interni;

c)      il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi tal-Istati Membri għal kollegamenti regolari interni bil-ferry;

2)      ‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

[…]”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1.      Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-lista ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 39.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 jew għall-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jintroduċu penali, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li mhumiex punti ta’ qsim jew f’ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

7        L-Artikolu 13(1) tal-istess Kodiċi jipprevedi:

“L-għan ewlieni tas-sorveljanza tal-fruntieri għandu jkun biex ma jitħalliex li jsir il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali u biex jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod illegali. Persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li m’għandha l-ebda dritt tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi arrestata u ssir soġġetta għall-proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE.”

8        Skont l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen:

“1.      Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji tal-Istati Membri. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-asil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.

[…]

4.      Il-gwardji tal-fruntieri għandhom jiżguraw li ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie miċħud lilu d-dħul ma jidħolx fit-territorju tal-Istat Membru konċernat.

[…]

6.      Regoli dettaljati li jirregolaw id-dħul miċħud jingħataw fil-parti A tal-Anness V.”

9        L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Verifiki fit-territorju” jipprovdi:

“L-assenza tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

a)      l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fit-tifsira tal-ewwel sentenza, l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

(i)      ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera;

(ii)      ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità transkonfini;

(iii)      huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni;

(iv)      huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

[…]”

10      L-Artikolu 25 tal-istess kodiċi jipprovdi li:

“1.      Fejn, f’żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’ eċċezzjonalment jerġa’ jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri fil-partijiet kollha tal-fruntieri interni tiegħu jew f’partijiet speċifiċi tagħhom għal perijodu limitat ta’ mhux aktar minn 30 jum jew għall-perijodu prevedibbli tat-theddida serja jekk il-perijodu jaqbeż it-30 jum. L-iskop u t-tul ta’ żmien tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja.

2.      Il-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandhom jiġu introdotti mill-ġdid biss bħala l-aħħar soluzzjoni, u f’konformità mal-Artikoli 27, 28 u 29. Il-kriterji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 26 u 30, għandhom jiġu kkunsidrati f’kull każ fejn tiġi kkunsidrata deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 27, 28 jew 29 rispettivament.

3.      Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat tippersisti lil hinn mill-perijodu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru jista’ jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kriterji msemmija fl-Artikolu 26 u f’konformità mal-Artikolu 27, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, filwaqt li jittieħed kont ta’ kwalunkwe element ġdid, għal perijodi li jistgħu jiġġeddu ta’ mhux aktar minn 30 jum.

4.      Il-perijodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż kwalunkwe estensjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, m’għandux jaqbeż is-sitt xhur. Fejn hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 29, dak il-perijodu totali jista’ jiġi estiż għal żmien massimu ta’ sentejn b’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.”

11      L-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi:

“Fejn jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni, id-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Titolu II għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

12      L-Artikoli 5, 13 u 14 ta’ dan il-kodiċi jiffurmaw parti mit-Titolu II tiegħu, intitolat “Fruntieri esterni”, filwaqt li l-Artikoli 23, 25 u 32 tal-imsemmi kodiċi jiffurmaw parti mit-Titolu III tiegħu, intitolat “Fruntieri Interni”.

13      Il-punt 2 tal-Parti A tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi:

“Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz, imċaħħad milli jidħol, ikun twassal fil-fruntiera minn trasportatur, l-awtorità lokalment responsabbli għandha:

a)      tordna lit-trasportatur jinkariga ruħu miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u jittrasportah mingħajr dewmien lejn il-pajjiż terz minn fejn ikun inġieb, lejn il-pajjiż terz li jkun ħareġ id-dokument li jawtorizzah jaqsam il-fruntiera, jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor fejn huwa ggarantit il-permess tad-dħul, jew li jsib mezz ta’ tkomplija tat-trasportazzjoni skont l-Artikolu 26 tal-[KIFS] u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE […]

b)      sakemm titkompla t-trasportazzjoni, tieħu miżuri xierqa, skont il-liġi nazzjonali u wara li tqis iċ-ċirkostanzi lokali, biex ma tħallix li jidħlu illegalment iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz imċaħħda milli jidħlu.”

 Id-Direttiva 2008/115

14      Il-premessa 5 tad-Direttiva 2008/115 tipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi sett ta’ regoli orizzontali, applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza fi Stat Membru.”

15      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

a)      huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

[…]”

16      Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

[…]”

17      L-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2(2)(a) l-Istati Membri għandhom:

(a)      jiżguraw li t-trattament tagħhom u l-livell ta’ protezzjoni ma jkunx inqas favorevoli minn dak stabbilit fl-Artikolu 8(4) u (5) (limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ miżuri koerżivi), l-Artikolu 9(2)(a) (posponiment tat-tneħħija), l-Artikolu 14(1)(b) u (d) (kura tas-saħħa f’emerġenza u b’kont meħud tal-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli) u l-Artikoli 16 u 17 (kondizzjonijiet tad-detenzjoni) u

(b)      jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

 Id-dritt Franċiż

18      Skont l-Artikolu L. 621–2(1) u (2) tal-code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile (il-Kodiċi dwar id-Dħul u r-Residenza tal-Persuni Barranin u d-Dritt għall-Ażil), kif emendat bil-Liġi Nru 2012‑1560 tal-31 ta’ Diċembru 2012 (iktar ’il quddiem iċ-“Ceseda”):

“Hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ sena u b’multa ta’ EUR 3 750 il-persuna barranija li ma tkunx ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea:

1°      Jekk tkun daħlet fit-territorju metropolitan mingħajr ma tkun issodisfat il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti a, b jew ċ tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) [ĠU 2006, L 105, p. 1,] u mingħajr ma tkun ġiet ammessa fit-territorju skont il-punti a u ċ tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament; l-istess jgħodd meta l-persuna barranija tkun is-suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni eżekuttiva meħuda minn Stat ieħor li huwa parti [għall-KIFS];

2°      Jew jekk, bi provenjenza diretta mit-territorju ta’ Stat li huwa parti minn din il-konvenzjoni, hija tkun daħlet fit-territorju metropolitan mingħajr ma tkun ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikoli 19(1) jew (2), 20(1), u 21(1) jew (2) tagħha, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt e tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament [KE] Nru 562/2006 […], u fil-punt d meta l-allert għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni ma jirriżultax minn deċiżjoni eżekuttiva meħuda minn Stat ieħor li huwa parti [għall-KIFS];

[…]

Għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, il-proċeduri kriminali jistgħu jinbdew biss meta l-fatti jkunu ġew ikkonstatati fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 53 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.”

19      L-Artikolu 53 tal-code de procédure pénale (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, Franza), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Kriminali”), jistabbilixxi:

“Huwa kklassifikat bħala delitt jew reat in flagrante delicto meta persuna tinqabad twettqu, jew meta jkun għadu kemm twettaq. Ikun hemm ukoll delitt jew reat in flagrante delicto meta, f’ħin viċin ħafna għall-azzjoni, il-persuna ssuspettata tkun segwita minn protesta qawwija mill-pubbliku, jew tinsab fil-pussess ta’ oġġetti, jew turi traċċi jew indikazzjonijiet, li jagħtu x’tifhem li hija pparteċipat fid-delitt jew fir-reat.

Wara l-konstatazzjoni ta’ delitt jew reat in flagrante delicto, l-investigazzjoni mmexxija taħt il-kontroll tal-prosekutur tar-Repubblika fil-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kapitolu tista’ titwettaq b’mod kontinwu matul perijodu ta’ tmint ijiem.

Meta investigazzjonijiet neċessarji sabiex tiġi skoperta l-verità fir-rigward ta’ delitt jew reat punibbli b’piena ikbar jew ugwali għal ħames snin priġunerija ma jkunux jistgħu jiġu ddifferiti, il-prosekutur tar-Repubblika jista’ jiddeċiedi li l-investigazzjoni tiġi estiża, taħt l-istess kundizzjonijiet, għal tul massimu ta’ tmint ijiem.”

20      L-Artikolu 62-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jistipula:

“Id-detenzjoni mill-pulizija hija miżura restrittiva deċiża minn uffiċjal tal-pulizija, taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, li permezz tagħha persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm raġuni jew raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ippruvat twettaq delitt jew reat punibbli b’piena ta’ priġunerija tinżamm għad-dispożizzjoni tal-investigaturi.

[…]”

21      L-Artikolu 78-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprevedi:

“L-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja u, fuq l-ordni u taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-aġenti tal-pulizija ġudizzjarja u l-assistenti aġenti tal-pulizija ġudizzjarja msemmija fl-Artikoli 20 u 21-1 jistgħu jistiednu sabiex tiġġustifika, bi kwalunkwe mezz, mill-identità tagħha, kwalunkwe persuna li fil-konfront tagħha teżisti raġuni jew raġunijiet plawżibbli ta’ suspett li:

–        wettqet jew ipprovat twettaq ksur;

–        jew kienet qegħda tipprepara sabiex twettaq delitt jew reat;

–        jew hija suxxettibbli li tipprovdi informazzjoni utli għall-investigazzjoni f’każ ta’ delitt jew reat;

–        jew kisret l-obbligi jew il-projbizzjonijiet li hija suġġetta għalihom fil-kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju, miżura ta’ arrest domiċiljari b’sorveljanza elettronika, piena jew miżura imposta mill-qorti b’applikazzjoni tal-pieni;

–        jew li kienet is-suġġett ta’ tiftix ordnat minn awtorità ġudizzjarja.

Fuq talbiet bil-miktub tal-prosekutur tar-Repubblika għall-finijiet tar-riċerka u għall-investigazzjoni ta’ ksur speċifikat minnu, l-identità ta’ kull persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont l-istess modalitajiet, fil-postijiet u għal perijodu ta’ żmien determinati minn dan il-membru tal-ġudikatura. Il-fatt li l-kontroll tal-identità jiżvela ksur ieħor minbarra dak imsemmi fit-talbiet tal-prosekutur tar-Repubblika ma jikkostitwixxix kawża ta’ nullità tal-proċeduri inċidentali.

L-identità ta’ kwalunkwe persuna, ikun xi jkun l-aġir tagħha, tista’ tiġi wkoll ikkontrollata, skont il-modalitajiet previsti fl-ewwel paragrafu, sabiex ikun hemm prevenzjoni ta’ ksur kontra l-ordni pubbliku, b’mod partikolari għas-sigurtà tal-persuni jew tal-proprjetà.

F’żona bejn il-fruntiera tal-art ta’ Franza mal-Istati parti [għall-KIFS] u linja mmarkata 20 kilometru mill-imsemmija fruntiera, kif ukoll fiż-żoni aċċessibbli għall-pubbliku ta’ portijiet, ajruporti u stazzjonijiet tal-ferrovija jew rotot miftuħa għat-traffiku internazzjonali u indikati permezz ta’ digriet, għall-prevenzjoni u għall-kxif ta’ ksur marbut mal-kriminalità transkonfinali, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont il-modalitajiet previsti fl-ewwel paragrafu, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligi li jinżammu, jinġarru u jiġu ppreżentati t-titoli u d-dokumenti previsti mil-liġi. […] Meta jkun hemm sezzjoni ta’ awtostrada li tibda fiż-żona msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu u l-ewwel pedaġġ tal-awtostrada jinsab lil hinn mil-linja mmarkata ta’ 20 kilometru, il-kontroll jista’ jseħħ sa dan l-ewwel pedaġġ, fiż-żoni ta’ parkeġġ jew fis-sit tal-pedaġġ jew iż-żoni ta’ parkeġġ ħdejh. Il-pedaġġi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni huma indikati permezz ta’ digriet. Il-fatt li l-kontroll ta’ identità juri ksur differenti minn dak tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi msemmija iktar ’il fuq ma jikkostitwixxix kawża ta’ nullità tal-proċeduri inċidentali. Għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, il-kontroll li jinżammu, jinġarru u jiġu ppreżentati t-titoli u d-dokumenti previsti mil-liġi jista’ jiġi eżerċitat biss għal tul li ma jeċċedix sitt sigħat konsekuttivi fl-istess post u ma jistax jikkonsisti f’kontroll sistematiku tal-persuni preżenti jew li jiċċaqilqu fiż-żoni jew postijiet imsemmija fl-istess paragrafu.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Wara l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja, fi Franza, tal-kontroll fil-fruntieri interni komuni għal din tal-aħħar u għal Stati Membri oħra li huma parti miż-żona Schengen, f’konformità mal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, A. Arib, ta’ nazzjonalità Marokkina, ġie kkontrollat, fl-15 ta’ Ġunju 2016, fiż-żona ta’ bejn il-fruntiera ta’ bejn Franza u Spanja u linja mmarkata sa 20 kilometru lil hinn minn din il-fruntiera, skont il-kundizzjonijiet previsti fid-disa’ paragrafu tal-Artikolu 78–2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. A. Arib, li qabel kien telaq minn Franza wara miżura ta’ tneħħija li kienet ġiet innotifikata lilu fl-10 ta’ Awwissu 2013, kien jinsab abbord kowċ li kien ġej mill-Marokk.

23      Issuspettat li daħal illegalment fit-territorju Franċiż, reat previst fl-Artikolu L. 621–2 taċ-Ceseda, A. Arib tqiegħed taħt detenzjoni mill-pulizija. L-għada, il-Prefett tal-Pyrénées-Orientales adotta deċiżjoni kontra A. Arib li kienet timponi l-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż u adotta fil-konfront tiegħu ordni dwar l-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż u ordna t-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni amministrattiva.

24      B’digriet tal-21 ta’ Ġunju 2016, il-juge des libertés et de la détention du tribunal de grande instance de Perpignan (l-Imħallef tal-Libertajiet u tad-Detenzjoni tal-Qorti Reġjonali ta’ Perpignan, Franza) iddeċieda li jannulla t-tqegħid taħt detenzjoni mill-pulizija ta’ A. Arib u l-proċedura sussegwenti, inkluża d-detenzjoni amministrattiva tiegħu, għar-raġuni prinċipalment li l-imsemmija detenzjoni mill-pulizija ma setgħatx tiġi implimentata. Huwa rrileva, f’dan ir-rigward, li A. Arib, ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari, kien qasam fruntiera interna bejn Franza u Spanja, fatt li kellu, fil-fehma tiegħu, iwassal għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, li tgħid li f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża ma tista’ tiġi imposta ebda piena ta’ priġunerija.

25      B’digriet tat-22 ta’ Ġunju 2016, il-conseiller délégué près la cour d’appel de Montpellier (il-Konsulent Delegat tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, Franza) ikkonferma d-deċiżjoni tal-ewwel istanza. Il-Prefett tal-Pyrénées-Orientales ressaq appell fil-kassazzjoni kontra dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) billi sostna, b’mod partikolari, li, f’każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, Stat Membru jista’ b’mod eċċezzjonali jerġa’ jdaħħal kontrolli fil-fruntieri interni tiegħu, u b’dan il-mod titwarrab parzjalment l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115. Skont dan il-Prefett, peress li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti minn din id-direttiva ma jkunux, f’każ bħal dan, applikabbli, persuna li daħlet illegalment fi Franza tista’ tiġi kkontrollata skont id-dispożizzjonijiet tad-disa’ paragrafu tal-Artikolu 78–2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u, sa fejn tkun f’sitwazzjoni irregolari, tkun suġġetta għal piena ta’ priġunerija, u għaldaqstant titqiegħed taħt detenzjoni mill-pulizija.

26      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi l-prinċipju ta’ moviment liberu fi ħdan iż-żona Schengen u jipprevedi l-assenza ta’ kontrolli fil-fruntieri interni bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li, f’każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna ta’ Stat Membru, dan tal-aħħar jista’, madankollu, jerġa’ jintroduċi eċċezzjonalment il-kontroll fil-fruntieri interni kollha tiegħu jew f’parti minnhom għal perijodu limitat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi.

27      Din il-qorti ssostni wkoll li, skont l-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, meta jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri interni, għandhom japplikaw mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu II ta’ dan il-kodiċi, li jirrigwardaw il-fruntieri esterni. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi kodiċi, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni. Hija żżid li, skont l-Artikolu 13 tal-istess kodiċi, l-għan tas-sorveljanza ta’ dawn il-fruntieri huwa li jitwaqqaf il-qsim mhux awtorizzat tagħhom u li jittieħdu miżuri kontra persuni li qasmuhom b’mod illegali, b’tali mod li persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li ma għandiex dritt ta’ soġġorn fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi arrestata u tkun is-suġġett ta’ proċeduri li josservaw id-Direttiva 2008/115.

28      Skont il-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2008/115 teżiġi li l-Istati Membri jieħdu deċiżjoni ta’ tneħħija kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed jissoġġorna b’mod irregolari fit-territorju tagħhom, u dan tal-aħħar jista’ jinżamm f’detenzjoni biss sabiex jiġi ppreparat r-ritorn tiegħu jew sabiex titwettaq it-tneħħija tiegħu u sakemm l-ebda miżuri suffiċjenti, iżda inqas koersiva, ma tista’ tiġi applikata b’mod effikaċi. Din il-qorti tagħmel riferiment għas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti, minħabba s-sempliċi fatt tad-dħul illegali minn fruntiera interna, li jwassal għal soġġorn illegali, il-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fil-konfront tiegħu tkun għadha ma ntemmietx il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva.

29      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu L. 621–2 taċ-Ceseda jissanzjona b’piena ta’ priġunerija flimkien ma’ multa d-dħul irregolari fit-territorju meta dan jiġi kkonstatat f’ċirkustanzi flagrante delicto.

30      Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, din il-qorti tistaqsi, l-ewwel nett, jekk il-kontroll introdott mill-ġdid fi fruntiera interna ta’ Stat Membru huwiex ekwiparabbli għal kontroll fi fruntiera esterna meta din tinqasam minn ċittadin ta’ pajjiż terz, li ma jkollux dritt ta’ dħul, meta l-kontroll isir in flagrante delicto.

31      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, skont l-imsemmija qorti għandhom, wara dan, jiġu ddeterminati l-modalitajiet ta’ dan il-kontroll. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, minn naħa, li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti li l-Istati Membri jkomplu japplikaw għall-fruntieri esterni tagħhom proċeduri ta’ ritorn nazzjonali ssimplifikati, mingħajr ma jkollhom isegwu l-istadji kollha tal-proċedura prevista f’din id-Direttiva, sabiex ikunu jistgħu jkeċċu b’iktar ħeffa ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda waqt il-qsim ta’ dawn il-fruntieri. Hija tenfasizza, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva jirregola l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha, sa fejn l-Istati Membri għandhom josservaw ċerti garanziji minimi, fosthom, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 tal-istess direttiva.

32      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk Stat Membru li jkun reġa’ daħħal il-kontrolli fil-fruntieri interni jistax jinvoka l-imsemmi Artikolu 2(2)(a) sabiex jevita l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jaqsam l-imsemmija fruntiera b’mod irregolari u li jkun għadu ma ssoġġornax fit-territorju nazzjonali.

33      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, tqum fl-aħħar nett il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiżi terzi, fiċ-ċirkustanzi fattwali ta’ din il-kawża.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 32 [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], li jipprevedi li, meta l-kontrolli fuq il-fruntiera jiġu introdotti mill-ġdid fil-fruntieri interni, id-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Titolu II (fil-fruntiera esterna tagħhom) għandhom japplikaw mutatis mutandis, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontrolli introdotti mill-ġdid fil-fruntiera interna ta’ Stat Membru huma komparabbli mal-kontroll imwettaq fil-fruntiera esterna, meta jsir qsim minn ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr id-dritt tad-dħul?

2)      Fl-istess ċirkustanzi għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntiera interna, dan [il-kodiċi] u d-Direttiva 2008/115 […] jistgħu jiġu applikati għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jaqsam fruntiera fejn il-kontroll ġie introdott mill-ġdid, il-fakultà prevista fl-Artikolu 2(2)(a) [ta’ din id]-direttiva, li jiftaħ għall-Istati Membri l-possibbiltà li jkomplu japplikaw il-proċeduri nazzjonali ta’ ritorn issemplifikati fil-fruntieri tagħhom?

3)      F’każ ta’ risposta affermattiva għal din l-aħħar domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 4(4) [tal-imsemmija] direttiva jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu L. 621-2 [taċ-Ceseda], li tistabilixxi piena ta’ priġunerija għall-illegalità tad-dħul fit-territorju nazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita [mill-istess] direttiva ma tkunx waslet fi tmiemha?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

35      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, arrestat fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna ta’ Stat Membru, meta dan l-Istat Membru jkun introduċa mill-ġdid, skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, il-kontrolli f’din il-fruntiera, minħabba theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-imsemmi Stat Membru.

36      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie indikat fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza, A. Arib, ta’ nazzjonalità Marokkina, ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fit-territorju Franċiż, iżda ġie kkontrollat, mill-awtoritajiet Franċiżi, fil-viċinanza immedjata tal-fruntiera bejn Franza u Spanja, wara li l-kontrolli f’din il-fruntiera ġew introdotti mill-ġdid abbażi tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u tqiegħed taħt detenzjoni mill-pulizija, wara dan il-kontroll, peress li kien issuspettat li wettaq id-delitt, previst fl-Artikolu L. 621–2 taċ-Ceseda, li jikkonsisti fid-dħul b’mod irregolari fit-territorju Franċiż.

37      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li kemm mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “soġġorn illegali” li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll mill-premessa 5 ta’ din id-direttiva, li skontha din hija applikabbli “għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza”, jirriżulta li ċittadin ta’ stat terz li, wara d-dħul irregolari tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa preżenti f’dan it-territorji mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza jkun jinsab, minħabba dan il-fatt, f’soġġorn irregolari, mingħajr ma din il-preżenza tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ perijodu minimu jew ta’ intenzjoni li wieħed jibqa’ f’dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punti 48 u 59).

38      Ċittadin ta’ pajjiż terz li, bħal A. Arib, wara li daħal b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, jinqabad fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-viċinanza immedjata ta’ waħda mill-fruntieri interni tiegħu, mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza f’dan it-territorju għandu, għalhekk, jitqies bħala li jissoġġorna b’mod irregolari fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

39      Ċittadin ta’ pajjiż terz f’tali sitwazzjoni jaqa’, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, u bla ħsara għall-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, huwa għandu, bħala prinċipju, jiġi suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minnha għat-tneħħija tiegħu, u dan sakemm ir-residenza ma tkunx, skont il-każ, irregolarizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 61).

40      F’dan ir-rigward, it-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-istess direttiva u li jissoġġorna irregolarment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu, jew li daħal mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-Istat bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punti 54 u 64).

41      Madankollu, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja u mit-tweġibiet mogħtija waqt is-seduta għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li a. Arib ma jinsab fl-ebda waħda miż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

42      Għandu jiġi rrilevat, it-tielet nett, li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti li l-Istati Membri ma japplikawx din tal-aħħar, bla ħsara għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(4) tagħha, f’żewġ sitwazzjonijiet speċifiċi, jiġifieri dik ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fi fruntiera esterna ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew dik ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu arrestati jew jinqabdu meta jaqsmu tali fruntiera esterna b’mod irregolari u li ma jkunux sussegwentement kisbu l-awtorizzazzjoni jew id-dritt li jissoġġornaw fl-imsemmi Stat Membru.

43      Kif ġie espost fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, A. Arib ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fit-territorju Franċiż. Minn dan isegwi li huwa ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun kopert mill-ewwel waħda miż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115.

44      Għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru u li ġie arrestat fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna ta’ dan l-Istat Membru huwiex kopert mit-tieni sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun introduċa mill-ġdid il-kontrolli f’din il-fruntiera minħabba theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-imsemmi Stat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, jirrigwardaw biss il-qsim ta’ fruntiera esterna ta’ Stat Membru, kif iddefinita fl-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u għalhekk ma jirrigwardawx il-qsim ta’ fruntiera komuni ma Stati Membri li jagħmlu parti miż-żona Schengen (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 69).

46      B’mod iktar speċifiku, it-tieni waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 timplika rabta diretta fiż-żmien u fl-ispazju bejn l-arrest jew il-qbid taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u l-qsim ta’ fruntiera esterna. Għalhekk huma kkonċernati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew arrestati jew maqbuda mill-awtoritajiet kompetenti fil-mument stess tal-qsim irregolari ta’ fruntiera esterna jew wara dan il-qsim fil-viċinanza ta’ din il-fruntiera (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 72).

47      Għalhekk, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li l-Istati Membri jeskludu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw b’mod irregolari mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba d-dħul irregolari tagħhom minn fruntiera interna (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punti 69 u 77).

48      Madankollu, għandu jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, jekk il-fatt li Stat Membru reġa daħħal kontrolli fil-fruntieri interni tiegħu b’mod konformi mal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jistax iwaqqa taħt l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jissoġġorna b’mod irregolari fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li nqabad fil-viċinanza ta’ tali fruntiera interna.

49      L-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jawtorizza, b’mod eċċezzjonali u taħt ċerti kundizzjonijiet, lil Stat Membru jerġa’ jintroduċi temporanjament kontroll fil-fruntieri fil-partijiet kollha jew f’partijiet speċifiċi tal-fruntieri interni tiegħu f’każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna ta’ dan l-Istat Membru. Skont l-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi, meta jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri interni, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi kodiċi japplikaw mutatis mutandis.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, inkwantu deroga mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha għandha tiġi interpretata b’mod strett.

51      Issa, hekk kif diġà jirriżulta mill-punti 45 u 47 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tirrigwarda, skont il-formulazzjoni rispettiva tagħha li ma hijiex ambigwa f’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fi “fruntiera esterna” ta’ Stat Membru jew fil-viċinanza immedjata ta’ tali fruntiera esterna. Għalhekk, imkien ma jissemma l-fatt li tista’ tiġi assimilata għal tali sitwazzjoni s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fi fruntiera interna fejn reġgħu ġew introdotti kontrolli, abbażi tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew fil-viċinanza immedjata ta’ tali fruntiera interna, minkejja li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, l-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament Nru 562/2006 kienu diġà jipprevedu, minn naħa, li l-Istati Membri setgħu jintroduċu mill-ġdid, b’mod eċċezzjonali, kontroll fil-fruntieri interni tagħhom f’każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tagħhom u, min-naħa l-oħra, li, f’tali każ, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament dwar il-fruntieri esterni japplikaw mutatis mutandis.

52      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-għan imfittex bl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan jikkonsisti fil-fatt li l-Istati Membri, fiż-żewġ sitwazzjonijiet indikati f’din id-dispożizzjoni, jitħallew ikomplu japplikaw għall-fruntieri esterni tagħhom proċeduri ta’ ritorn ssemplifikati, mingħajr ma jkollhom isegwu l-istadji proċedurali kollha previsti minn din id-direttiva, sabiex ikunu jistgħu jneħħu malajr kemm jista’ jkun liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda waqt il-qsim ta’ tali fruntiera (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 74).

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 jittratta b’mod identiku l-qbid jew l-arrest fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera esterna ta’ Stat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 14 ta’ dan il-kodiċi.

54      Fil-fatt, għalkemm, kif ikkonfermat fl-Artikolu 14(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fit-territorju taż-żona Schengen għandha l-għan li tevita li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li fil-konfront tiegħu tkun ġiet adottata jidħol f’dak it-territorju, l-arrest jew il-qbid ta’ tali ċittadin, li jissoġġorna b’mod irregolari, meta jaqsam il-fruntiera esterna jew fil-viċinanza immedjata ta’ dik il-fruntiera, jippermetti wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu faċilment u malajr, skont il-post fejn dan iċ-ċittadin inqabad, il-miżuri xierqa sabiex jiġi evitat li huwa jibqa fl-imsemmi territorju, billi jintbagħat lura immedjatament lejn il-fruntiera esterna li huwa qasam irregolarment.

55      F’tali ċirkustanzi, kkaratterizzati, b’mod partikolari, mill-viċinanza ta’ fruntiera esterna, jista’ jkun iġġustifikat li Stat Membru jiġi awtorizzat ma jsegwix l-istadji kollha tal-proċedura prevista mid-Direttiva 2008/115, sabiex jitħaffef ir-ritorn lejn pajjiż terz ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw b’mod irregolari fit-territorju tiegħu.

56      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni ta’ Stat Membru ma għandhiex bħala konsegwenza li ċittadin ta’ pajjiż terz, li qed jissoġġorna b’mod irregolari u li nqabad meta qasam din il-fruntiera jew fil-viċinanza immedjata tagħha, ikun jista’ jitneħħa b’iktar ħeffa jew faċilment mit-territorju ta’ Schengen, billi jittieħed immedjatament lejn fruntiera esterna, milli kieku nqabad, waqt kontroll tal-pulizija, fis-sens tal-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fl-istess post, mingħajr ma jkunu reġgħu ġew introdotti kontrolli fl-imsemmija fruntieri.

57      Kuntrarjament għal dak li sostna, essenzjalment, il-Gvern Ġermaniż, tali konklużjoni ma hijiex ikkontestata mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligi imposti fuq it-trasportaturi, abbażi tal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u tal-Artikolu 26 tal-KIFS.

58      Fil-fatt, anki jekk jitqies li tali obbligi għandhom japplikaw ukoll, abbażi tal-Artikolu 32 tal-imsemmi kodiċi, meta jkunu reġgħu ġew introdotti kontrolli fil-fruntieri interni, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-konsegwenza tal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u tal-Artikolu 26 tal-KIFS hija li timponi fuq it-trasportaturi l-obbligu li jieħdu lura liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huma jkunu qed jittrasportaw biss meta d-dħul fil-fruntiera huwa rrifjutat lil dan tal-aħħar, u mhux meta, bħal A. Arib, dan iċ-ċittadin jiġi miżmum jew jinqabad wara li qasam l-imsemmija fruntiera b’mod irregolari.

59      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, ma hemmx lok li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna b’mod irregolari u li nqabad fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna tiġi trattata b’mod differenti skont jekk ikunux jew ma jkunux reġgħu ġew introdotti kontrolli fil-fruntiera.

60      It-tielet nett, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 hija kkonfermata wkoll minn analiżi tal-kuntest li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, minn qari sistematiku tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li minn dan il-kodiċi jirriżulta li fruntiera interna fejn ikunu reġgħu ġew introdotti kontrolli minn Stat Membru abbażi tal-Artikolu 25 tal-imsemmi kodiċi ma hijiex ekwiparabbli għal fruntiera esterna, fis-sens tal-istess kodiċi.

62      Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kunċetti ta’ “fruntieri interni” u ta’ “fruntieri esterni” jeskludu lil xulxin. Issa, l-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi biss li, meta Stat Membru jerġa jintroduċi kontrolli fil-fruntieri interni, huma biss dawk id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kodiċi li jirrigwardaw il-fruntieri esterni li huma rilevanti li għandhom japplikaw mutatis mutandis. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 32 ma jipprevedix, kif essenzjalment osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, f’tali każ, jiġi applikat l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115. Il-kliem innifsu tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludi, għaldaqstant, li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, fruntiera interna fejn ikunu reġgħu ġew introdotti kontrolli abbażi tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi tiġi trattata bħala fruntiera esterna.

63      Sussegwentement, huwa minnu, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jintroduċu, fil-każ ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni f’postijiet li ma humiex punti ta’ qsim tal-fruntieri jew barra mill-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti, sanzjonijiet li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

64      Madankollu, u indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din id-dispożizzjoni tikkostitwixxix dispożizzjoni rilevanti fis-sens tal-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, applikabbli, mutatis mutandis, f’każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid minn Stat Membru ta’ kontroll fil-fruntieri interni tiegħu, għandu, f’kull każ, jiġi osservat li l-imsemmija dispożizzjoni bl-ebda mod ma hija intiża li tidderoga mill-istandards u mill-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115, kif dan huwa barra minn hekk espressament ikkonfermat fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi kodiċi, li jipprovdi li għandhom jittieħdu miżuri kontra persuna li tkun qasmet illegalment fruntiera esterna u li, jekk din il-persuna ma għandhiex id-dritt li tissoġġorna fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, hija għandha tinqabad u tiġi suġġetta għal proċeduri li josservaw id-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 90).

65      L-Artikolu 13(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa għalhekk intiż li jispeċifika r-relazzjoni bejn is-sorveljanza tal-fruntieri u l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ ritorn previsti mid-Direttiva 2008/115 (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 69). Minn dan isegwi li l-miżuri adottati mill-Istati Membri, b’mod partikolari skont l-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sorveljanza fil-fruntieri, ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn din id-direttiva.

66      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/115 ma teskludix il-possibbiltà li l-Istati Membri jissanzjonaw b’piena ta’ priġunerija t-twettiq ta’ delitti oħra differenti minn dawk marbuta mal-fatt biss ta’ dħul irregolari, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva tkun għadha ma ġietx ikkompletata (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 65). Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva lanqas ma tipprekludi l-arrest jew t-tqiegħed taħt detenzjoni mill-pulizija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna b’mod irregolari meta tali miżuri huma adottati minħabba li l-imsemmi ċittadin ikun issuspettat li wettaq delitt ieħor għajr is-sempliċi dħul irregolari tiegħu fit-territorju nazzjonali, u b’mod partikolari delitt li jista’ jhedded l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna tal-Istat Membru kkonċernat.

67      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi tkun li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, arrestat fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna u li jissoġġorna b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, anki meta dan l-Istat Membru introduċa mill-ġdid, abbażi tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, il-kontrolli f’din il-fruntiera, minħabba theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-imsemmi Stat Membru.

 Fuq it-tielet domanda

68      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, arrestat fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna u li jissoġġorna b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, anki meta dan l-Istat Membru jkun introduċa mill-ġdid, abbażi tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, il-kontrolli f’din il-fruntiera, minħabba theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-imsemmi Stat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.