Language of document : ECLI:EU:C:2019:220

Kawża C444/17

Préfet des Pyrénées-Orientales

vs

Abdelaziz Arib et

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Cour de cassation (Franza))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad19 ta’ Marzu 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regolament (UE) 2016/399 – Artikolu 32 – Introduzzjoni mill-ġdid, b’mod temporanju, minn Stat Membru tal-kontrolli fil-fruntieri interni tiegħu – Dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – Ekwiparazzjoni tal-fruntieri interni mal-fruntieri esterni – Direttiva 2008/115/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(a)”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Ċittadin li qiegħed jissoġġorna b’mod irregolari, arrestat fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna – Inklużjoni – Introduzzjoni mill-ġdid, b’mod temporanju, minn Stat Membru tal-kontrolli fil-fruntieri interni – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 2(1) u (2)(a); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/399, Artikoli 2, 25, 32)

(ara l-punti 38, 39, 45-47, 50-52, 56, 59, 62, 66, 67, u d-dispożittiv)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Ċittadin li kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva 2008/115 – Ċittadin li jissoġġorna b’mod irregolari mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn – Ċittadin li ġie lura bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul – Priġunerija – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115)

(ara l-punt 40)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kodiċi tal-Unjoni dwar il-qsim tal-fruntieri – Introduzzjoni mill-ġdid, b’mod temporanju, tal-kontrolli fil-fruntieri interni – Kunċetti ta’ fruntieri interni u ta’ fruntieri esterni – Ekwiparazzjoni fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/399, Artikoli 2, 25, 32)

(ara l-punti 61, 62)

Sunt

Fruntiera interna ta’ Stat Membru fejn reġgħu ġew introdotti kontrolli ma tistax tiġi ekwiparata għal fruntiera esterna fis-sens tad-direttiva dwar ir-ritorn

Fis-sentenza Arib et (C‑444/17), mogħtija fid-19 ta’ Marzu 2019, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 (1), li jippermetti li l-Istati Membri, fiż-żewġ sitwazzjonijiet indikati f’din id-dispożizzjoni, ikomplu japplikaw, għall-fruntieri esterni tagħhom, proċeduri ta’ ritorn ssemplifikati, mingħajr ma jkollhom isegwu l-istadji proċedurali kollha previsti minn din id-direttiva, sabiex ikunu jistgħu jneħħu malajr kemm jista’ jkun liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda waqt il-qsim ta’ tali fruntiera. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 32 tar-Regolament 2016/399 (2), ma tapplikax għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, arrestat fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna u li jissoġġorna b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, anki meta dan l-Istat Membru jkun introduċa mill-ġdid, abbażi tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, il-kontrolli f’din il-fruntiera, minħabba theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-imsemmi Stat Membru.

Wara li kkonstatat li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 ma jippermettix li l-Istati Membri jeskludu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw b’mod irregolari mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba d-dħul irregolari tagħhom minn fruntiera interna, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-fatt li Stat Membru reġa’ daħħal kontrolli fil-fruntieri interni tiegħu b’mod konformi mal-Artikolu 25 tar-Regolament 2016/399, jistax iwaqqa’ taħt l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jissoġġorna b’mod irregolari fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li nqabad fil-viċinanza ta’ tali fruntiera interna.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, l-ewwel nett, li, inkwantu deroga mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, l-eċċezzjoni prevista fid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata b’mod strett. Issa, skont il-formulazzjoni rispettiva tagħha li ma hijiex ambigwa f’dan ir-rigward, din tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fi “fruntiera esterna” ta’ Stat Membru jew fil-viċinanza immedjata ta’ tali fruntiera esterna. Għalhekk, imkien ma jissemma l-fatt li tista’ tiġi ekwiparata għal tali sitwazzjoni s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fi fruntiera interna fejn reġgħu ġew introdotti kontrolli, abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament 2016/399, jew fil-viċinanza immedjata ta’ tali fruntiera interna, minkejja li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, l-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament Nru 562/2006 (3) kienu diġà jipprevedu, minn naħa, li l-Istati Membri setgħu jintroduċu mill-ġdid, b’mod eċċezzjonali, kontroll fil-fruntieri interni tagħhom f’każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tagħhom u, min-naħa l-oħra, li, f’tali każ, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament dwar il-fruntieri esterni japplikaw mutatis mutandis.

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-għan imfittex mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-imsemmi għan, ma hemmx lok li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qiegħed jissoġġorna b’mod irregolari u li nqabad fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna tiġi trattata b’mod differenti skont jekk ikunux jew ma jkunux reġgħu ġew introdotti kontrolli fl-imsemmija fruntiera, sa fejn is-sempliċi introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni ta’ Stat Membru ma għandhiex bħala konsegwenza li ċittadin ta’ pajjiż terz, li qiegħed jissoġġorna b’mod irregolari u li nqabad meta qasam din il-fruntiera jew fil-viċinanza immedjata tagħha, ikun jista’ jitneħħa b’iktar ħeffa jew faċilment mit-territorju ta’ Schengen, billi jittieħed immedjatament lejn fruntiera esterna, milli kieku nqabad, waqt kontroll tal-pulizija, fis-sens tal-Artikolu 23(a) tar-Regolament 2016/399, fl-istess post, mingħajr ma jkunu reġgħu ġew introdotti kontrolli fl-imsemmija fruntieri.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 hija kkonfermata wkoll minn analiżi tal-kuntest li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, minn qari sistematiku tar-Regolament 2016/399. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, il-kunċetti ta’ “fruntieri interni” u ta’ “fruntieri esterni” jeskludu lil xulxin u l-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament jipprovdi biss li, meta Stat Membru jerġa’ jintroduċi kontrolli fil-fruntieri interni, huma biss dawk id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw il-fruntieri esterni li huma rilevanti li għandhom japplikaw mutatis mutandis. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 32 ma jipprevedix li, f’tali każ, jiġi applikat l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115.


1      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


2      Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1).


3      Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1).