KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2018 (1)
Kawża C‑44/17
The Scotch Whisky Association, The Registered Office
vs
Michael Klotz
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mil-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal‑leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ spirti – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Artikolu 16(a), (b) u (ċ) – Anness III – Indikazzjoni ġeografika rreġistrata ‘Scotch Whisky’ – Whisky prodott fil-Ġermanja u mibjugħ bl-isem ‘Glen Buchenbach’ – Kunċett ta’ ‘użu indirett’ ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata – Kunċett ta’ ‘evokazzjoni’ ta’ tali indikazzjoni – Kunċett ta’ ‘indikazzjoni falza jew li tinganna’ – Ħtieġa ta’ forma identika mal‑indikazzjoni, jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew kwalunkwe assoċjazzjoni fi ħdan il-pubbliku rilevanti – Eventwali teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jidħol l-isem ikkontestat”
I. Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id‑definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l‑protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (2). L-imsemmi Artikolu 16 jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha (3) li huma rreġistrati fl‑Anness III tar-Regolament Nru 110/2008 kontra l-prattiki qarrieqa fir-rigward tal-oriġini ta’ tali prodotti.
2. Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn organizzazzjoni tar‑Renju Unit, li għandha l-għan li tippromwovi l-interessi tal-industrija tal-whisky Skoċċiż, kontra bejjiegħ Ġermaniż, sabiex dan tal-aħħar ma jkomplix ibiegħ whisky prodott fil-Ġermanja u msejjaħ “Glen Buchenbach”. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-użu tat‑terminu “Glen” jippreġudika l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata “Scotch Whisky”, inkwantu jikkostitwixxi kemm użu kummerċjali indirett u evokazzjoni għal dan tal-aħħar, kif ukoll indikazzjoni falza jew li tinganna, li huma pprojbiti rispettivament permezz tal-Artikolu 16(a), (b) u (ċ) tar-Regolament Nru 110/2008.
3. Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex qabel xejn, tiddikjara jekk il-kunċett ta’ “użu […] indirett”, fis-sens tal‑Artikolu 16(a) ta’ dan ir-regolament jeżiġix li l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata tintuża taħt forma identika jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew huwiex biżżejjed li t-terminu kkontestat iqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal‑imsemmija indikazzjoni. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk, f’każ li sempliċi assoċjazzjoni tkun suffiċjenti, għandux jiġi kkunsidrat, sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni, il-kuntest li fih jidħol it-terminu użat sabiex jiddeskrivi l-prodott ikkonċernat, u b’mod partikolari l‑fatt li l‑oriġini vera ta’ dan il-prodott hija indikata wkoll fit-tikketta tiegħu.
4. Imbagħad, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il‑kunċett ta’ “evokazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 16(b) tal-imsemmi regolament jimplikax li hemm xebh fonetiku u/jew viżiv bejn l‑indikazzjoni ġeografika protetta u t-terminu inkwistjoni, jew inkella huwiex biżżejjed li dan tal-aħħar iqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-imsemmija indikazzjoni. Hija tistaqsi wkoll jekk, f’każ li tali assoċjazzjoni hija biżżejjed, il-kuntest li fih huwa użat dan it-terminu għandux jiġi kkunsidrat sabiex tiġi applikata l‑imsemmija dispożizzjoni.
5. Finalment, hija tixtieq tkun taf jekk l-eżistenza ta’ “kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna” fis-sens tal-Artikolu 16(ċ) tal‑istess regolament, tirrikjedix li jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih jintuża it-terminu kkontestat.
6. Din il-kawża hija differenti minn dawk li fihom il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà interpretat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar‑Regolament Nru 110/2008 (4), inkwantu għandha sitwazzjoni partikolari li ma kienx hemm bħalha qabel fejn – kif id-domandi magħmula f’din il-kawża juru – l-isem ikkontestat ma għandu l-ebda xebh, la fonetiku u lanqas viżiv, mal-indikazzjoni ġeografika protetta, iżda allegatament jista’ jwassal lill-konsumaturi sabiex jagħmlu rabta mhux dovuta ma’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indirettament intalbet tippreċiża kif għandhom jiġu applikati r-regoli ddefiniti fil-punti (a) sa (ċ) tal-imsemmi Artikolu 16, fir-rigward tal‑każijiet differenti hemm imsemmija.
II. Il-kuntest ġuridiku
7. Ir-Regolament Nru 110/2008, fl-Artikolu 16 tiegħu intitolat “Protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi”, jipprevedi li “[…] l‑indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Anness III għandhom ikunu protetti kontra:
(a) kull użu kummerċjali dirett jew indirett fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-reġistrazzjoni sakemm dawk il-prodotti jkunu komparabbli max-xarba spirituża reġistrata taħt dik l-indikazzjoni ġeografika jew sakemm it-tali użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l‑indikazzjoni ġeografika reġistrata;
(b) kull użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata jew l-indikazzjoni ġeografika tkun użata f’forma tradotta jew tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal ‘bħal’, ‘tip’, ‘stil’, ‘magħmul’, ‘togħma’ jew kwalunkwe terminu simili ieħor;
(ċ) kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna dwar il‑provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali fid‑deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott, li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;
(d) kwalunkwe prattika oħra li tista’ tinganna lill-konsumatur dwar l‑oriġini vera tal-prodott.”
8. L-Anness III tar-Regolament Nru 110/2008, intitolat “Indikazzjonijiet ġeografiċi”, jindika li l-“iScotch Whisky” ġie rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika li taqa’ fil-kategorija ta’ prodotti Nru 2, jiġifieri dik ta’ “Whisky/Whiskey”, u li għandha bħala pajjiż ta’ oriġini r-“Renju Unit (Skozja)”.
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
9. The Scotch Whisky Association, The Registered Office (iktar ’il quddiem it-“TSWA”) hija organizzazzjoni rregolata mid-dritt Skoċċiż li għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-kummerċ tal-whisky Skoċċiż kemm fl-Iskozja kif ukoll fl-esteru.
10. Michael Klotz ibigħ, permezz ta’ sit internet, whisky bl-isem “Glen Buchenbach” li huwa prodott mid-distillerija Waldhorn, li tinsab f’Berglen, fil-wied ta’ Buchenbach, f’Souabe (Baden-Württemberg, il‑Ġermanja).
11. It-tikketta fuq il-flixken tal-whisky inkwistjoni tinkludi, minbarra l-indirizz sħiħ tal-produttur Ġermaniż u d-disinn li juri qarn tal-kaċċa (imsejjaħ “Waldhorn” bil-Ġermaniż), l-informazzjoni segwenti: “Waldhornbrennerei [distillerija Waldhorn bil-Franċiż], Glen Buchenbach, Swabian Single Malt Whisky [whisky single malt ta’ Schwaben], 500 ml, 40 % vol, Deutsches Erzeugnis [prodott Ġermaniż], Hergestellt in den Berglen [magħmul f’Berglen]”.
12. TSWA fetħet kawża quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) sabiex twaqqaf l-użu minn M. Klotz tal-isem “Glen Buchenbach” għall-whisky inkwistjoni, minħabba li dan l-użu huwa kuntrarju, b’mod partikolari, għall-Artikolu 16(a) sa (ċ) tar‑Regolament Nru 110/2008 (5), li jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, fosthom l-indikazzjoni “Scotch Whisky”. TSWA sostniet b’mod partikolari, minn naħa, li dawn id-dispożizzjonijiet ma jkoprux biss l-użu ta’ tali indikazzjoni fiha nnifisha iżda wkoll kull riferiment li jissuġġerixxi l-oriġini ġeografika protetta u, min-naħa l-oħra, li l-isem “Glen” f’moħħ il‑pubbliku jiġi assoċjat mal-Iskozja u mal-iScotch Whisky, minkejja li kien hemm riferimenti oħra li jirrigwardaw l-oriġini Ġermaniża tal‑prodott. M. Klotz talab li dan ir-rikors jiġi miċħud.
13. F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Jannar 2017, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-‘użu kummerċjali […] indirett […] ta’ l-indikazzjoni ġeografika reġistrata [għal spirtu]’ skont l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008, jeżiġi li l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata tintuża taħt forma identika jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv[(6)], jew huwa biżżejjed li l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il‑pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika?
Jekk l-alternattiva msemmija l-aħħar hija suffiċjenti: fil-verifika tal‑eżistenza ta’ ‘użu kummerċjali indirett’, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu għalhekk ukoll rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola l-użu kummerċjali indirett ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l‑oriġini vera tal-prodott?
2) L-‘evokazzjoni’ ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont l‑Artikolu 16(b) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, teżiġi li xebh fonetiku u/jew viżiv ikun jeżisti bejn l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata u l-element kontenzjuż tas-sinjal, jew huwa biżżejjed li l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika?
Jekk l-alternattiva msemmija l-aħħar hija suffiċjenti: fil-verifika tal-eżistenza ta’ ‘evokazzjoni’, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu għalhekk ukoll rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola evokazzjoni illegali mill-element kontenzjuż tas-sinjal, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?
3) Fil-verifika tal-eżistenza ta’ ‘kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna’ skont l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola indikazzjoni li tinganna, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?”
14. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn TSWA, minn M. Klotz, mill-Gvern Elleniku, Franċiż, Taljan u dak Olandiż kif ukoll mill‑Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali.
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
15. Qabel xejn, nirrileva li ż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali jilmentaw dwar it-terminoloġija użata fid-deċiżjoni tar-rinviju.
16. Minn naħa, M. Klotz jissottometti li l-qorti tar-rinviju ppreżentat il-fatti fil-qosor wisq u b’mod inkomplet u jagħti iktar informazzjoni sabiex jikkompleta din il-preżentazzjoni tal-fatti (7).
17. F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl‑Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni la sabiex tivverifika u lanqas sabiex tevalwa ċ-ċirkustanzi fattwali relatati mal-kawża prinċipali u li huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-fatti li wasslu għall-kawża kif ukoll li jisiltu l‑konklużjonijiet minnhom għad-deċiżjoni li huma mitluba jagħtu (8). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni, tagħti lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet kollha li hija tħoss li huma meħtieġa, sabiex tagħti risposta utli lil din il-qorti (9).
18. Minn naħa l-oħra, TSWA tikkritika lill-qorti tar-rinviju li ma fformulatx b’mod tajjeb id-domandi preliminari (10). Fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija tippreżenta d-domandi kif ifformulati mill-ġdid minnha u hija tagħti xi risposti fir-rigward tagħhom (11).
19. Issa, huma biss il-qrati nazzjonali, li huma aditi mill-kawża u li huma obbligati jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandhom jevalwaw kemm il-ħtieġa ta’ domanda preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ma għandhiex tintlaqa’ t-talba ta’ parti fil-kawża prinċipali sabiex id‑domanda magħmula tiġi fformulata mill-ġdid skont kif tindika hija (12). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lil dawn il-qrati risposta utli li tippermettilhom jiddeċiedu l-kawża prinċipali u għalhekk hija r-responsabbiltà tagħha, jekk ikun il-każ, li tifformula mill-ġdid id‑domandi preliminari magħmula lilha (13).
20. Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-artikolazzjoni li għandu jkun hemm bejn il-punti differenti tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, qabel xejn nenfasizza li jidhirli, bħall-Gvern Franċiż, li dawn id-dispożizzjonijiet jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl-Anness III tal-imsemmi regolament billi jsemmu diversi każijiet li jirreferu iktar u iktar b’mod indirett għal dawn tal-aħħar.
21. Fil-fatt, nikkunsidra li l-punt (a) ikopri l-każijiet fejn isir riferiment għall-indikazzjoni ġeografika rreġistrata stess; il-punt (b) jipprojbixxi kull użu, imitazzjoni jew evokazzjoni ta’ din l-indikazzjoni, anki jekk l‑isem ikkontestat ma jirreferix għaliha b’mod espliċitu; il-punt (ċ) jipprojbixxi kull riferiment ieħor falz fir-rigward tal-oriġini tal‑prodott, filwaqt li l-punt (d) ikopri kull prattika kummerċjali oħra li tista’ tinganna lill-konsumatur dwar din l‑oriġini. Ser nerġa’ nirreferi għall-karatteristiċi partikolari differenti bejn l-imsemmija punti (a) sa (ċ), imsemmija f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, u dwar l-interpretazzjoni li fl-opinjoni tiegħi toħroġ minnhom, bl-analiżi li ġejja (14).
B. Fuq il-kunċett ta’ “użu […] indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fis-sens tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 (l-ewwel domanda)
1. Fuq il-forma mitluba tal-“użu […] indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fir-rigward tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 (l-ewwel parti tal-ewwel domanda)
22. L-ewwel domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi xi jfisser “użu kummerċjali […] indirett [ta’] indikazzjoni ġeografika rreġistrata” fir-rigward ta’ spirtu, skont l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008.
23. L-ewwel parti ta’ din id-domanda essenzjalment tirrigwarda l-punt jekk, sabiex tkun ikkonstatata l-eżistenza ta’ tali użu, ipprojbit mill‑imsemmi punt (a), huwiex meħtieġ li l-isem ikkontestat ikollu forma identika għall-indikazzjoni ġeografika protetta jew ikun simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew jekk hux biżżejjed li dan l-isem iqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal‑indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.
24. Il-qorti tar-rinviju tispjega li jista’ jkun hemm żewġ interpretazzjonijiet tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008. Skont l-ewwel approċċ, li huwa ssuġġerit minn parti tad-duttrina Ġermaniża (15), “użu […] indirett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ifisser li l‑indikazzjoni ġeografika rreġistrata tintuża taħt forma identika jew, tallinqas, simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, billi tissemma mhux fuq il-prodott jew fuq l-ippakkjar tiegħu, bħal fil-każ ta’ “użu […] dirett”, iżda f’kull kuntest ieħor bħal, pereżempju, f’reklamar jew f’dokumenti ta’ sostenn. Din il-qorti tindika li tali interpretazzjoni twassalha sabiex tiddeċiedi li l-imsemmi punt (a) ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-ismijiet “Glen” u “Scotch Whisky” la huma identiċi u lanqas simili. Għall-kuntrarju, skont it-tieni approċċ, huwa biżżejjed li s-sinjal ikkontestat iqajjem fil-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika jew maż-żona ġeografika inkwistjoni (16).
25. TSWA kif ukoll il-Gvern Elleniku u dak Taljan jaqblu ma’ din it-tieni interpretazzjoni. Min-naħa l-oħra, M. Klotz, il-Gvern Franċiż u dak Olaniż kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw, essenzjalment, li ma għandux jiġi kkunsidrat li hemm “użu […] indirett” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(a) meta jintuża isem b’forma differenti mill-indikazzjoni ġeografika rreġistrata inkwistjoni (17). Jiena naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni, għar-raġunijiet segwenti.
26. Qabel xejn, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (18).
27. L-ewwel nett, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 16(a) tar‑Regolament Nru 110/2008, TSWA ssostni, fl-opinjoni tiegħi b’mod żbaljat, li din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata b’mod wiesa’, fis‑sens li użu kummerċjali “indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata tippresupponi mhux użu tal-imsemmija indikazzjoni bħala tali, fit-totalità tagħha jew parzjalment, iżda riferiment impliċitu għaliha, inkwantu dan l-użu huwa relatat ma’ “prodotti […] komparabbli” jew “jisfrutta r-reputazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika reġistrata” inkwistjoni (19).
28. F’dan ir-rigward, jiena tal-opinjoni li l-użu, fil-punt (a) tal‑imsemmi Artikolu 16 tal-espressjoni “użu kummerċjali dirett jew indirett [ta’] indikazzjoni ġeografika reġistrata” (20) jirrikjedi użu tal‑indikazzjoni kkonċernata fil-forma li hija kienet irreġistrata jew, tallinqas, f’forma li għandha rabtiet tant mill-qrib magħha li s-sinjal ikkontestat jidher b’mod ċar li ma jistax jiġi sseparat minnha (21). Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, it-terminu “użu” jirrikjedi, bħala definizzjoni, li tintuża l-indikazzjoni ġeografika protetta stess, li għandha għalhekk tkun l-istess jew tallinqas simili (22), mil-lat fonetiku u/jew viżiv, fis-sinjal ikkontestat (23).
29. Nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat elementi ta’ definizzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ użu “dirett” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(a) billi aċċettat li jista’ jkun użu ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika jew terminu korrispondenti għal din l‑indikazzjoni u t-traduzzjoni tiegħu għal spirti li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti, kif kien il-każ ta’ trade marks figurattivi li kienu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, il‑Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar dak li għandu jinftiehem b’użu “indirett” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.
30. Minn naħa tiegħi, nikkunsidra li din in-natura indiretta ma tirreferix għall-każijiet fejn l-isem ikkunsidrat ma jagħmilx riferiment espliċitu għal waħda mill-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl‑Anness III tar-Regolament Nru 110/2008, kif tallega TSWA, iżda għall-każijiet fejn tali indikazzjoni tintuża b’xi mod ħażin. Fil-fatt, bħal M. Klotz, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, nikkunsidra li kuntrarjament għal użu “dirett”, li jimplika li l-indikazzjoni ġeografika protetta titpoġġa direttament fuq il-prodott ikkonċernat jew fuq l‑ippakkjar tiegħu stess, użu “indirett” jippresupponi li din l-indikazzjoni tidher f’mezzi komplementari ta’ marketing jew ta’ informazzjoni, bħal reklamar li jirrigwarda dan il-prodott (24) jew f’dokumenti relatati miegħu (25).
31. It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol id-dispożizzjoni inkwistjoni, nenfasizza li l-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 16 neċessarjament għandu kump ta’ applikazzjoni distint mir-regoli li jiġu wara fl-istess artikolu. Għandha ssir distinzjoni, b’mod partikolari, bejn din l-ewwel dispożizzjoni u l-punt (b), li jirrigwarda l-każijiet ta’ “użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni”, jiġifieri l-każijiet li fihom l‑indikazzjoni ġeografika ma hijiex użata bħala tali iżda hija ssuġġerita, b’riferiment iktar sottili minn dik koperta bil-punt (a), fi ħdan il-pubbliku rilevanti.
32. Issa, il-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 16 jitlef l-effett tiegħu jekk il-punt (a) tiegħu jiġi interpretat b’mod wiesa’, kif huwa maħsub fl‑ewwel domanda preliminari, fis-sens li jiġi applikat meta s-sinjal ikkontestat sempliċement iqajjem assoċjazzjoni ma’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika relatata. Għalhekk, mill‑istruttura ġenerali ta’ dan l-artikolu jirriżulta, kif il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jenfasizzaw, li l-kunċett ta’ “użu kummerċjali dirett jew indirett [ta’] indikazzjoni ġeografika reġistrata”, fis-sens tal-imsemmi punt (a), ma għandux ikopri tali eżempji.
33. Din il-konklużjoni jidhirli li hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja (26) li tipprovdi li hija mitluba rabta suffiċjenti mal‑indikazzjoni ġeografika protetta inkwantu tikkonċerna l-kunċett ta’ sempliċi “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) (27), rekwiżit li fl‑opinjoni tiegħi jgħodd ukoll a fortiori għall-kunċett ta’ “użu” fis-sens tal-punt (a) ta’ dan l-artikolu.
34. It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tar-Regolament Nru 110/2008, ninnota, qabel xejn, li l-premessa 4 tenfasizza li l‑leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jfittex li “jiġi żgurat approċċ aktar sistematiku fil‑Leġiżlazzjoni li tirregola x-xorb spirituż”, filwaqt li jistabbilixxi “b’mod ċar kriterji”, b’mod partikolari, “għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi” (28).
35. Niddubita kemm huwa kompatibbli ma’ dan it-tħassib espliċitu ta’ ċertezza legali li tiġi aċċettata r-rilevanza ta’ kriterju bħal dak indikat mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-fatt li “iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika” (29), peress li huwa osservat li dan huwa kriterju li bl-ebda mod ma ġie introdott mil‑leġiżlatur u li d-delimitazzjonijiet tiegħu jidhirli li huma inċerti wisq. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà semmiet, fir-rigward tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, ir-riskju “li jqajjem fi ħdan il-pubbliku assoċjazzjoni fir-rigward tal-oriġini tal‑prodott” (30), iżda jidhirli li, madankollu, ma kellhiex l-intenzjoni li tistabblixxi din il-kunsiderazzjoni ġenerali bħala fattur ta’ evalwazzjoni deċiżiva sabiex tiġi applikata xi waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet.
36. Sussegwentement, fuq livell iktar sostanzjali, nirrileva li l‑premessa 2 tar-Regolament Nru 110/2008 tipprevedi li l-miżuri previsti minn dan tal-aħħar “għandhom jikkontribwixxu sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u jikkontribwixxu lejn il‑prevenzjoni ta’ prattika qarrieqa u l-kisba ta’ trasparenza fis-suq u ta’ kompetizzjoni ġusta”. Il-premessa 9 tiegħu żżid li dawn il-miżuri “għandhom jipprevjenu wkoll l-użu improprju […] ta’ l-ismijiet tax-xorb spirituż għal prodotti li ma jissodisfawx id-definizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament”. Il-premessa 14 tikkonstata li l-protezzjoni speċifika li minnha jibbenefikaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi li huma rreġistrati fl-Anness III tal-imsemmi regolament “fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra tax-xarba spirituża tkun essenzjalment attribwibbli għal […] oriġini ġeografika [partikolari]”.
37. Fir-rigward tal-għanijiet segwiti, b’mod partikolari, bl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, b’mod partikolari mit-titolu tiegħu jirriżulta li dan l-artikolu għandu l-għan li jiżgura l-“[p]rotezzjoni ta’ l‑indikazzjonijiet ġeografiċi” permezz ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn tal‑aħħar li hija intiża, minn naħa, sabiex tippermetti l‑identifikazzjoni ta’ spirti bħala li joriġinaw minn territorju partikolari fil-każijiet imsemmija fl-imsemmija premessa 14 u, min-naħa l-oħra, jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet iktar ġenerali msemmija fil-premessa 2 (31).
38. B’hekk, jidhirli li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 110/2008, u b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 16 tiegħu, huma intiżi sabiex jipprekludu użu abbużiv tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, mhux biss fl-interess tax-xerrejja, iżda wkoll fl-interess tal‑produtturi li għamlu sforzi sabiex jiżguraw l-kwalitajiet mistennija ta’ prodotti li legalment għandhom tali indikazzjonijiet, kif diġà wriet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (32) li għandha kliem analogu (33) għal dak tal-Artikolu 16 ta’ dan ir‑regolament (34). F’din il-perspettiva, il-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 16 jipprojbixxi b’mod iktar speċifiku, espressament, li operaturi oħra jużaw għall finijiet kummerċjali indikazzjoni ġeografika rreġistrata għal prodotti li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet kollha rikjesti (35), b’mod partikolari sabiex jieħdu vantaġġ mhux dovut mir-reputazzjoni ta’ din l‑indikazzjoni ġeografika (36).
39. Fl-opinjoni tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-protezzjoni tal-konsumaturi f’livell għoli hija, ċertament, waħda mill‑għanijiet tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati, iżda madankollu, minn dan ma għandux jiġi dedott, kif jissuġġerixxu l-Gvern Elleniku u dak Taljan, li huwa biżżejjed, sabiex il-projbizzjoni li hija prevista fl-imsemmi punt (a) tiġi applikata, li l-isem ikkontestat ikun tali li jqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini, bi kwalunkwe mod, u li b’hekk jipproduċi l-istess effett bħallikieku din l-indikazzjoni ġeografika kienet intużat kif ġiet irreġistrata jew taħt forma simili. Fil-fatt, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ukoll l-għan li jissalvagwardjaw il-kwalitajiet irrikonoxxuti tal-prodotti li għandhom tali indikazzjoni u, għalhekk, li jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-operaturi li investew sabiex jiżguraw dawn il-kwalitajiet kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, li jipproteġu t-trasparenza tas-swieq u ta’ kompetizzjoni leali.
40. Nipproponi għalhekk li r-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“użu […] indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ipprojbit minn din id-dispożizzjoni, jirrikjedi li l-isem ikkontestat ikun identiku għall-indikazzjoni kkonċernata jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li tali isem ikun jista’ jqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.
2. Fuq l-effett ta’ eventwali informazzjoni madwar is-sinjal ikkontestat fir-rigward tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 (it-tieni parti tal-ewwel domanda)
41. It-tieni parti tal-ewwel domanda hija suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-każ li din tiddeċiedi li sempliċi assoċjazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika inkwistjoni tista’ tkun biżżejjed sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ “użu kummerċjali […] indirett” ta’ din l-indikazzjoni, skont l‑Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008.
42. Peress li jiena nirrakkomanda li tintuża l-interpretazzjoni kuntrarja, bħala risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda, nikkunsidra li ma hemmx lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi dwar it-tieni parti tagħha. Madankollu, ser nippreżenta xi osservazzjonijiet dwar din tal-aħħar.
43. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali użu, għandux jiġi kkunsidrat il-kuntest madwar l-isem ikkontestat, u b’mod partikolari l-fatt li dan huwa akkumpanjat minn spjegazzjoni li tikkonċerna l-oriġini veru tal-prodott, b’tali mod li l-informazzjoni mogħtija minn dan il-kuntest tippermetti li tiġi kkonfutata l-allegazzjoni li r-rekwiżiti li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 16(a) ġew interpretati b’mod żbaljat. B’mod iktar konkret, hija tistaqsi jekk il-kelma kkontestata “Glen” għandhiex tiġi evalwata b’mod iżolat jew jekk għandhomx jiġu kkunsidrati wkoll id-diversi riferimenti tat-tikketta li jindikaw li l-prodott inkwistjoni joriġina mill-Ġermanja (37). Hija tikkunsidra li ma tistax tordna l-projbizzjoni pura u sempliċi mitluba minn TSWA, fil-kawża prinċipali, ħlief jekk l-imsemmi punt (a) kien interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sens li jipprojbixxi l-użu ta’ terminu li jwassal għal kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ikun x’ikun il‑kuntest ta’ dan l-użu.
44. TSWA u l-Gvern Elleniku jsostnu li l-indikazzjonijiet addizzjonali li jagħtu l-ittikkettar u l-ippakkjar tal-prodott (38) huma irrilevanti sabiex titwarrab l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(a). Skont il-Gvern Taljan, anki jekk il-kuntest li fih jidħol l-isem ikkontestat jista’ jkollu rwol, l‑eżistenza ta’ użu indirett, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma għandhiex tkun eskluża, anki meta l-imsemmi element huwa akkumpanjat minn informazzjoni dwar l-oriġini. Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li ma jistax ikun hemm tali użu meta ma jkunx hemm riferiment għall-indikazzjoni ġeografika protetta u, fuq kollox, it-tikketta turi b’mod ċar il-post fejn ix-xarba ġiet prodotta (39).
45. Minn naħa tiegħi, nillimita ruħi sabiex nenfasizza, b’mod sussidjarju (40), li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 fil-punt (a) tiegħu ma fihx riferiment espress bħal dak li jinsab fil-punt (b), li “użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata tista’ tiġi kkonstatata “anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata”.
46. Fl-opinjoni tiegħi, din id-differenza fil-kliem hija spjegabbli bil‑fatt li filwaqt fil-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 16 hija kwistjoni ta’ eventwali “użu kummerċjali dirett jew indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika protetta, peress li dan l-eżempju jippresupponi li din l-indikazzjoni tintuża bħala tali jew taħt forma simili, u mhux ta’ indikazzjoni ta’ kull tip ieħor (41). Għalhekk ma hemmx ambigwità possibbli li tirrigwarda l-fatt li hemm bżonn li l-analiżi tas-sitwazzjoni inkwistjoni tkun iffukata fuq il‑konstatazzjoni dwar l-użu li sar, jew li ma sarx, ta’ waħda mill‑indikazzjonijiet ġeografiċi li huma rreġistrati fl-Anness III tal-istess regolament.
47. Għall-kuntrarju, fil-każ kopert fil-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 16, fejn hemm “użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni”, l-evalwazzjoni tas‑sitwazzjoni għandha turi li tmur lil hinn minn tali konstatazzjoni oġġettiva u tirrikjedi li titpoġġa f’perspettiva, li skont il-leġiżlatur tal‑Unjoni għandu turi espressament li ċerti fatturi ta’ evalwazzjoni potenzjali, b’mod partikolari l-fatt li tissemma “l-oriġini vera tal‑prodott” (42), ma għandhiex tippermetti li titwarrab xi waħda minn dawn it-tliet klassifikazzjonijiet (43). Fl-opinjoni tiegħi, l-istess għandu japplika, a fortiori, għall-każ iktar sempliċi msemmi fil-punt (a) tal-istess Artikolu 16, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa meħtieġ li jiġi eżaminat il-kuntest li fih jidħol is-sinjal ikkontestat sabiex tapplika din id-dispożizzjoni.
C. Fuq il-kunċett ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 (it-tieni domanda)
1. Fuq il-forma mitluba tal-“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fir-rigward tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 (l-ewwel parti tat-tieni domanda)
48. It-tieni domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-kunċett ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata relatata ma’ spirtu, fis-sens tal‑Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008.
49. Permezz tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex l-eżistenza ta’ tali evokazzjoni tkun ikkontestata, u għalhekk tkun ipprojbita skont l-imsemmi punt (b), is-sinjal ikkontestat għandu jkollu forma identika bħall-indikazzjoni ġeografika protetta jew forma simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew jekk hux biżżejjed li dan is-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-imsemmija indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.
50. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tispjega li l-Qorti tal‑Ġustizzja interpretat b’mod kostanti l-kunċett ta’ “evokazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, bl-istess mod bħal-leġiżlazzjonijiet analogi tad-dritt tal-Unjoni li ġew qabel, fis-sens li “jkopri każ fejn it-terminu utilizzat sabiex jidentifika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’mod li l-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni” (44). Hija żżid li, sa fejn taf hija, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu għadha ma ddeċidietx dwar jekk ix‑xebh fonetiku u/jew viżiv bejn is-sinjali inkwistjoni (45) huwiex rekwiżit mandatorju sabiex tiġi kkonstatata evokazzjoni pprojbita. Hija tikkunsidra li risposta għal din id-domanda hija essenzjali f’din il-kawża, peress li tali xebh ma jeżistix f’dan il-każ (46).
51. TSWA u l-Gvern Elleniku, Franċiż u dak Taljan jipproponu li għandha tingħata risposta li l-“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(b) ma titlobx li t-terminu kkontestat jippreżenta xebh fonetiku u/jew viżiv mal-indikazzjoni kkonċernata u li huwa biżżejjed li dan it-terminu jqajjem, fi ħdan il‑pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni jew maż-żona ġeografika. M. Klotz u l-Gvern Olandiż isostnu bil-kontra.
52. Il-Kummissjoni tadotta pożizzjoni, b’xi mod intermedjarja, li l‑imsemmi kunċett ta’ “evokazzjoni” mhux neċessarjament jitlob xebh fonetiku u/jew viżiv jew sempliċement assoċjazzjoni ta’ idejat, iżda iktar, f’dan il-każ, “l-eżistenza, bejn l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata u s-sinjal ikkontestat, ta’ xebh kunċettwali li fil-kuntest tiegħu konsumatur normalment informat jistabbilixxi rabta diretta u univoka bejn is-sinja ikkontestat u [din] l-indikazzjoni” (47). Jiena naqbel ma’ interpretazzjoni qrib din l-aħħar pożizzjoni, għar-raġunijiet segwenti.
53. Qabel xejn, ninnota li l-kliem tal-punt (b) inkwistjoni ma fihx elementi li jippermettu li jiġi ddefinit b’mod preċiż dak li għandu jinftiehem b’“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika protetta. Barra minn hekk, jekk jitqiegħdu fil-perspettiva ż-żewġ każijiet l-oħra msemmija qabel f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-“użu improprju” u l-“imitazzjoni”, jista’ jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “evokazzjoni” jimplika ċerta livell ta’ xebh mal-indikazzjoni ġeografika kkonċernata, anki jekk jidher li jitlob livell ta’ xebh inqas b’saħħtu minn fost it-tliet kunċetti.
54. Barra minn hekk, ċertu numru ta’ tagħlimiet għandhom, fl‑opinjoni tiegħi, jiġu misluta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jew ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma fformulati bħalha.
55. Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm “evokazzjoni”, fis-sens b’mod partikolari tal-imsemmi punt (b), meta l-isem ikkontestat “jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta” (48). Jidhirli li tali inklużjoni parzjali (49), li kienet preżenti fil-kawżi prinċipali li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja inkwistjoni (50), madankollu, ma hijiex kundizzjoni sine qua non sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni.
56. Fil-fatt, kif jindika l-Gvern Franċiż, mill-espressjoni “b’mod li”, li ssegwi l-formula hawn fuq imsemmija, jirriżulta li l-kriterju ċentrali u deċiżiv, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali “evokazzjoni”, huwa dak li jivverifika jekk “il-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni [protetta]” (51). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li, “il-qorti nazzjonali essenzjalment għandha tibbaża ruħha fuq ir-reazzjoni preżunta, fir-rigward tat-terminu utilizzat sabiex jiġi identifikat il-prodott inkwistjoni, tal-konsumatur, peress li l-essenzjal huwa li dan tal-aħħar jistabbilixxi rabta bejn dan it-terminu u d‑denominazzjoni protetta” (52). Barra minn hekk, hija tippreċiża li din il-qorti għandha “tirreferi għall-perċezzjoni tal-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat” (53). Fil-fatt, anki jekk id‑denominazzjoni protetta inkwistjoni hija parti integrali mit-trade kkontestata, jibqa’ possibbli li l-konsumatur medju, meta jara prodott bl‑imsemmija trade mark, mhux neċessarjament jassoċjaha mal-prodott li jibbenefika mill-imsemmija denominazzjoni (54).
57. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut ukoll “li kien leġittimu li jiġi kkunsidrat li teżisti evokazzjoni ta’ denominazzjoni protetta meta, fir-rigward tal-prodotti li jidhru simili, id-denominazzjoni ta’ bejgħ tippreżenta familjarità fonetika u viżiva” li “ma hijiex il-frott ta’ ċirkustanzi fortuwiti”, billi tippreċiża “tali familjarità kienet manifesta meta t-terminu użat sabiex jidentifika l-prodott inkwistjoni jispiċċa bl-istess żewġ sillabi bħad-denominazzjoni protetta u jinkludi l-istess numru ta’ sillabi bħalha” (55).
58. Madankollu, bħall-maġġoranza tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża (56), nikkunsidra li l-identifikazzjoni ta’ familjarità fonetika u viżiva ma tikkosistwixxix kundizzjoni mandatorja sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, iżda iktar wieħed mit-testijiet, fost oħrajn indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jippermettu li ssir din il-verifika. Jidhirli li r-riferiment ta’ “familjarità” jew “xebh” fonetiku u viżiv, mill-Qorti tal-Ġustizzja, kien marbut maċ-ċirkustanzi fattwali proprji għall-kawżi li wasslu għas-sentenzi li fihom hemm dan il-punt (57) u li għalhekk ma huwiex eskluż li jista’ jkun hemm “evokazzjoni” anki fin-nuqqas ta’ tali familjarità.
59. Minbarra l-kriterju tal-inklużjoni parzjali ta’ denominazzjoni protetta hawn fuq imsemmi (58), fattur ieħor ta’ evalwazzjoni minn fost dawk li huma kkunsidrati rilevanti huwa dak tal-“prossimità kunċettwali li teżisti bejn termini li ġejjin minn lingwi differenti”. Nippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn dan il-kriterju u dak tal-“familjarità fonetika u viżiva” u li, bħall-kriterji l-oħra, ġie marbut ma’ kif il‑konsumatur jipperċepixxi l-prodott, li għalhekk tidher li hija l‑kundizzjoni ċentrali u neċessarja sabiex jiġi stabbilit li teżisti “evokazzjoni” (59).
60. Nikkunsidra għalhekk li, sabiex jiġi stabbilit li hemm “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, l-uniku kriterju determinanti huwa jekk “il-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni protetta” (60), kriterju li għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali li għandha tikkunsidra, jekk ikun il-każ, jew l‑inklużjoni parzjali ta’ denominazzjoni protetta fl-isem ikkontestat, jew familjarità fonetika u viżiva, jew prossimità kunċettwali.
61. Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex konformi mal‑għanijiet hawn fuq imsemmija tad-dispożizzjonijiet hawnhekk interpretati (61) li jiġi aċċettat kriterju tant impreċiż u estensiv bħal dak li għalih sar riferiment fit-tieni domanda preliminari, jiġifieri, “l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika” (62).
62. Fuq kollox, fid-dawl tal-istruttura ta’ dan l-Artikolu 16, kif indikajt fir-rigward tal-punt (a) tiegħu (63), għandu jkun żgurat li ma ssirx interpretazzjoni tal-punt (b) tiegħu li twassal sabiex din l-aħħar dispożizzjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti segwenti tal‑imsemmi artikolu, jiġifieri l-punti (ċ) u (d), li jirreferu għal każijiet fejn ir-riferiment għall-indikazzjoni ġeografika protetta huwa inqas b’saħħtu minn “evokazzjoni” tagħha.
63. Finalment, fir-rigward tal-kuntest iktar ġenerali li fih jaqa’ r‑Regolament Nru 110/2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu, M. Klotz korrettament jenfasizza, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li huwa biżżejjed, sabiex tikkostitwixxi “evokazzjoni”, li titqajjem kwalunkwe assoċjazzjoni, dan iwassal sabiex jestendi b’mod imprevedibbli l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u jagħti lok għal riskji sinjifikattivi għall-moviment liberu tal-merkanzija, peress li l‑protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, bħal dik offruta mill-imsemmi regolament (64), hija waħda mill-ġustifikazzjonijiet possibbli ta’ restrizzjonijiet għal din il-libertà (65).
64. B’mod iktar speċifiku, jekk il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, hawnhekk “Scotch Whisky”, li tingħata permezz tal-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 16 kellha tiġi estiża għall-użu ta’ terminu li ma huwa bl-ebda mod analogu ma’ dan tal-aħħar, il-prodotti jew it-trade marks li ma jagħmlu l-ebda riferiment għall-kliem tal-imsemmija indikazzjoni jaqgħu wkoll fil-projbizzjoni stabbilita f’din id‑dispożizzjoni. Minn dan jirriżulta, kif jindika l-Gvern Olandiż, li l‑possibbiltajiet għall-produtturi tal-whisky li ġejjin minn pajjiżi oħra minbarra r-“Renju Unit (Skozja)” (66) li jiddistingwu ruħhom permezz tal‑prodotti jew tat-trade marks tagħhom stess jonqsu b’mod sinjifikattiv (67).
65. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għall-ewwel parti tat‑tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 16(b) tar‑Regolament Nru 110/2008 għandu jkun interpretat fis-sens li l‑“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ipprojbita minn din id-dispożizzjoni, ma titlobx li l-isem ikkontestat jippreżenta neċessarjament familjarità fonetika u viżiva mal-indikazzjoni kkonċernata, iżda li madankollu ma huwiex biżżejjed li dan l-isem ikun tali li jqajjem, fi ħdan il-konsumatur rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni protetta jew maż-żona ġeografika relatata. Fin-nuqqas ta’ tali familjarità, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-prossimità kunċettwali eżistenti, jekk ikun il-każ, bejn l-indikazzjoni kkonċernata u l-isem ikkontestat, sa fejn din il-prossimità tkun tali li twassal sabiex f’moħħ il-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, tiskatta x‑xbieha tal-prodott li jibbenefika mill-imsemmija indikazzjoni.
66. Fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ din il-konklużjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, infakkar li hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, hemmx “evokazzjoni” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(b) (68), u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li din tista’ madankollu tippreċiża sabiex tiggwida lill-qrati nazzjonali fl‑evalwazzjoni tagħhom (69).
67. F’dan ir-rigward, ninnota li, wara li fakkret l-argumenti tal‑partijiet fil-kawża prinċipali (70), il-qorti tar-rinviju tindika li t-terminu “glen” huwa terminu ta’ oriġini Gaeliku li jfisser “wied dejjaq” u li 31 mill-116-il distillerija li jipproduċu l-“iScotch Whisky”, għalhekk whisky ta’ oriġini Skoċċiż, għandhom l-isem tal-wied li fih huma jinsabu. Din il‑qorti tenfasizza li, madankollu, jeżistu wkoll whiskys prodotti barra mill-Iskozja li għandhom it-terminu “glen” fl-isem tagħhom, bħall-whiskys “Glen Breton” li ġejjin mill-Kanada (71), “Glendalough” li ġejjin mill-Irlanda u “Glen Els” li ġejjin mill-Ġermanja (72). Barra minn hekk hija ssemmi sondaġġ, ippreżentat minn TSWA u kkonstestat minn M. Klotz, li minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li 4.5 % tal-konsumaturi Ġermaniżi tal-whisky interrogati ddikjaraw li t-terminu “glen” għalihom jirreferi għall-whisky Skoċċiż jew xi ħaġa Skoċċiża.
68. Fid-dawl ta’ dawn il-punti, naqbel mal-perspettiva tal‑Kummissjoni li ma hemmx ċertezza li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil‑kawża prinċipali, teżisti prossimità kunċettwali biżżejjed bejn l‑indikazzjoni ġeografika protetta u l-isem ikkontestat sabiex dan tal‑aħħar ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “evokazzjoni” tal-ewwel fis‑sens tal‑Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 (73). F’dan ir‑rigward, għandha tkun il-qorti tar-rinviju, u hija biss, li tivverifika jekk konsumatur Ewropew medju (74) jaħsibx direttament fl-“iScotch Whisky” fil-preżenza ta’ prodott komparabbli li għandu l-isem “Glen”, minkejja l‑fatt li l-għażla ta’ dan tal-aħħar sabiex jissemma whisky mingħajr dubju ma hijiex fortuwita (75). Anki jekk din l-istess qorti tikkunsidra li l‑konsumaturi jassoċjaw b’mod sistematiku t-terminu “Glen” mal‑whisky, xorta jista’ jkun hemm nuqqas ta’ rabta mill-qrib mal‑whisky Skoċċiż, u għalhekk l-prossimità indispensabbli mal‑indikazzjoni “Scotch Whisky”.
2. Fuq l-effett ta’ eventwali informazzjoni madwar is-sinjal ikkontestat fir-rigward tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 (it-tieni parti tat-tieni domanda)
69. It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari saret lill-Qorti tal‑Ġustizzja sempliċement f’każ li din tiddeċiedi li familjarità fonetika u viżiva ma hijiex mandatorja u li sempliċi assoċjazzjoni ta’ ideat, tkun xi tkun, ma’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew iż-żona ġeografika inkwistjoni tista’ tkun suffiċjenti biex tikkonstata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ din l-indikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar‑Regolament Nru 110/2008.
70. Fid-dawl tar-risposta li nirrakkomanda li għandha tingħata għall‑ewwel parti ta’ din id-domanda (76), nikkunsidra li huwa neċessarju li nieħu pożizzjoni fuq it-tieni parti tagħha.
71. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, sabiex tistabbilixxi jekk teżistix b’mod konkret “evokazzjoni” ipprojbita mill‑imsemmi Artikolu 16(b), għandux jiġi analizzat l-element ikkontestat tas-sinjal waħdu jew billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih dan l-element huwa użat, b’mod partikolari meta dan huwa akkumpanjat b’indikazzjonijiet, imsejħa “delokalizzanti”, li jispeċifikaw l-oriġini vera tal-prodott ikkonċernat (77).
72. Din il-qorti tinnota li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jispeċifika espressament li “kull […] evokazzjoni” hija pprojbita “anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata”, spjegazzjoni li tista’ tipprekludi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-element ikkontestat. Fl-opinjoni tagħha, madankollu dan mhux neċessarjament jeskludi tali teħid inkunsiderazzjoni, “waqt l-eżami preċedenti intiż sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ‘evokazzjoni’”.
73. Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li ma hemmx għalfejn tiġi indirizzata t-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, minħabba r-risposta li jipproponi għall-ewwel parti tagħha. M. Klotz isostni li l-kuntest li fih huwa integrat l-isem ikkontestat għandu jkollu rwol fl-applikazzjoni tal‑imsemmi Artikolu 16(b) (78). Skont il-Gvern Taljan, dan jista’ jkun il‑każ, iżda “evokazzjoni” illegali skont din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi eskluża, anki meta l-provenjenza eżatta tal-prodott inkwistjoni hija espressament imsemmija fuq dan tal-aħħar. TSWA, il-Gvern Elleniku u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni essenzjalment jikkunsidraw li, waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, l-indikazzjonijiet addizzjonali li jipprovdu t-tikkettar u l-ippakkjar (79) tal-prodott ikkonċernat ma jista’ jkollhom l-ebda rwol, inkluż meta l-element ikkontestat huwa akkumpanjat minn indikazzjonijiet li jirrigwardaw l‑oriġini vera tal-prodott. Jiena naqbel ma’ din l-aħħar pożizzjoni għar‑raġunijiet segwenti.
74. L-ewwel nett, mill-kliem tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi mingħajr dubju, li l-fatt li l‑“oriġini vera tal-prodott” tinġab għall-attenzjoni tal‑konsumaturi msemmija ma jikkostitwixxix element li jippermetti li tiġi rrimedjata n‑natura qarrieqa tal-isem ikkontestat, u għalhekk l‑esklużjoni li dan jista’ joħloq mill-klassifikazzjoni ta’ “evokazzjoni” fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni.
75. L-informazzjoni l-oħra li tidher fl-imsemmi punt (b), li tikkonċerna xi każijiet li fihom l-indikazzjoni ġeografika protetta hija użata fil-forma ta’ traduzzjoni jew akkumpanjata minn espressjoni attenwanti (80), tikkorrobora, fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni li huwa irrilevanti, fir-rigward ta’ din il-klassifikazzjoni, li l-informazzjoni addizzjonali fuq il-provenjenza hija pprovduta permezz tad-deskrizzjoni, il‑preżentazzjoni jew it-tikketta inkella l-ippakkjar (81) tal-prodott ikkonċernat.
76. It-tieni nett, bħal TSWA, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, jiena tal-opinjoni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi direzzjoni li hija konformi ma’ din l-interpretazzjoni.
77. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li l-użu eventwali ta’ riferimenti espressament iċċitati fl-Artikolu 16(b), b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-oriġini vera tal-prodott “ma huwiex ta’ natura li jibdel [il-]klassifikazzjoni” ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal‑Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 (82).
78. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati, min-naħa tal-pubbliku rilevanti, ma tistax tipprekludi din il-klassifikazzjoni ta’ “evokazzjoni” (83).
79. Għaldaqstant, l-użu ta’ isem ikklassifikat bħala “evokazzjoni”, fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fl‑Anness III ta’ dan ir-regolament ma għandux, madankollu, jiġi awtorizzat u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li jirrigwardaw il-prodott li għandu dan l-isem illegali jew fl-assenza ta’ riskju ta’ konfużjoni ma’ prodott li għandu b’mod validu din l-indikazzjoni ġeografika (84). Il-qorti nazzjonali adita minn din il-kawża ma għandhiex għalhekk marġni ta’ diskrezzjoni kuntestwali sabiex tagħmel dan (85).
80. B’mod iktar partikolari, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fir‑rigward tal-imsemmi Artikolu 16(b), ma tagħmilx differenza li l-isem ikkontestat jikkorrispondi mal-isem tal-impriża u/jew mal-post fejn il‑prodott kien magħmul (86) kif jindika M. Klotz, li jsostni li l-isem “Glen Buchenbach” huwa logħob bil-kliem iffurmat mill-isem tal-post ta’ oriġini tax-xarba inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Berglen)u l-isem ta’ xmara lokali (Buchenbach) (87).
81. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li l-fatt li l-isem ikkontestat jirreferi għal post ta’ produzzjoni li huwa magħruf mill-konsumaturi tal‑Istat Membru fejn dan huwa magħmul, ma jikkostitwixxix fattur rilevanti fil‑kuntest tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal‑imsemmi punt (b), peress li din id‑dispożizzjoni tipproteġi l‑indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati kontra kull evokazzjoni fit‑territorju kollu tal-Unjoni u li, fir-rigward tan‑neċessità li tiġi żgurata protezzjoni effettiva u uniformi tal-imsemmija indikazzjonijiet fuq dan, il-konsumaturi kollha ta’ dan it-territorju huma koperti (88).
82. Dan l-assenza ta’ rilevanza hija, fl-opinjoni tiegħi, valida wkoll f’każ fejn ir-riferiment għall-post tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ikun jinsab, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, mhux biss fl-isem ikkontestat stess, iżda wkoll f’riferimenti li jikkomplementaw lil din tal‑aħħar (89).
83. Għalhekk, jiena nipproponi li r-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ “evokazzjoni” pprojbita minn din id‑dispożizzjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l‑informazzjoni addizzjonali li tidher maġenb is-sinjal ikkontestat fid‑deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari dwar l-oriġini vera ta’ dan tal-aħħar.
D. Fuq l-effett ta’ eventwali informazzjoni madwar is-sinjal ikkontestat fir-rigward tal-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 (it-tielet domanda)
84. It-tielet domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk, sabiex tistabbilixxi jekk teżistix “indikazzjoni falsa jew li tinganna […] li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu” fis‑sens tal-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, għandux jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih ir-riferiment ikkontestat huwa użat, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar jinkludi indikazzjoni dwar l-oriġini vera tal-prodott ikkonċernat.
85. Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija tistaqsi jekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ indikazzjoni falza rigward il-provenjenza fil-kuntest tal‑kawża prinċipali, għandux jiġi kkunsidrat biss l-element ikkontestat tas-sinjal, jiġifieri “Glen”, jew jekk il-kuntest li fih dan l-element huwa inkluż għandux jiġi kkunsidrat ukoll. Dan il-kuntest jinkludi, f’dan il-każ, b’mod partikolari t-terminu “Buchenbach” li jsegwi t-terminu “Glen” fl‑isem ikkontestat kif ukoll ir-riferimenti l-oħra li jidhru fuq it-tikketta li jservu bħala delokalizzazzjoni (90).
86. F’dan ir-rigward, M. Klotz u l-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvern Olandiż essenzjalment (91), jikkunsidraw li, sabiex jiġi evalwat jekk teżistix “indikazzjoni […] falsa jew li tinganna” fis-sens ta’ dan l‑Artikolu 16(ċ) għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest tas-sinjal ikkontestat, u b’mod partikolari għandha ssir analiżi tat-tikketta kollha kemm hija. Skont il-Gvern Taljan, l-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest ma għandhiex teskludi li jista’ jkun hemm indikazzjoni li tinganna, anki jekk hemm indikazzjoni li turi l-oriġini vera tal-prodott. TSWA kif ukoll il‑Gvern Grieg u dak Franċiż isostnu li l-imsemmi kuntest huwa irrilevanti biex din id-dispożizzjoni tkun applikata, anki jekk l-element inkwistjoni huwa akkumpanjat minn informazzjoni fuq l-oriġini vera tal‑prodott. Jiena naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni, għar-raġunijiet segwenti.
87. L-ewwel nett, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 16(ċ) tar‑Regolament Nru 110/2008, nenfasizza, qabel xejn, li din id‑dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għall-elementi li jistgħu jakkumpanjaw u jikkompletaw, saħansitra jikkoreġu, id-deskrizzjoni ikkontestata.
88. Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni, fl-opinjoni tiegħi b’mod żbaljat, li “kemm l-aġġettivi ‘l-oħrajn kollha’ kif ukoll il-kliem kollettiv ‘id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni jew it-tikketta tal-prodott’ jindikaw mingħajr dubju li għandhom jiġu kkunsidrati fil-totalità tagħhom l-indikazzjonijiet kollha tal-oriġini u, kollettivament, id‑deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikketta”, b’tali mod li, fil-kawża prinċipali, l-evalwazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni kollha msemmija fuq it-tikketta.
89. F’dan ir-rigward, nirrileva li fil-verżjoni bil-Ġermaniż (92) ta’ dan l‑Artikolu 16, il-punti (a) u (b), li jibdew bit-terminu “jede [kull]” segwit bis-singular, huma ċertament ifformulati b’mod differenti meta mqabbla mal-punti (ċ) u (d) tal-istess artikolu, fejn ġie użat it-terminu “alle [kollha]” segwit bil-plural, kostruzzjoni li tista’ forsi tissuġġerixxi idea ta’ totalità għal dawn l-aħħar żewġ punti.
90. Madankollu, din il-varjazzjoni fil-formulazzjoni ta’ diversi każijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 16 ma teżistix f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, fejn it-terminu li essenzjalment ifisser “kull” u li huwa użat kemm fil-bidu tal-punt (ċ) kif ukoll fil-punti (a), (b) u (d) ta’ dan l‑artikolu, fl-opinjoni tiegħi, bl-ebda mod ma tfisser li hemm bżonn issir evalwazzjoni tal-informazzjoni kollha li tidher, f’dan il-każ, fuq it‑tikketta sabiex jiġi evalwat jekk sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqax speċifikament taħt il-projbizzjoni prevista fil-punt (ċ) (93).
91. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid‑dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea, u fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid‑dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (94), u dawn il-kriterji jressquni lejn interpretazzjoni li tmur kontra dik proposta mill-Kummissjoni (95).
92. Fir-rigward tal-espressjoni “indikazzjoni […] falsa jew li tinganna […] fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott”, jiena lanqas nara kif din l-aħħar lista, fejn tidher barra minn hekk il‑konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” (96) – li normalment tindika alternattiva –, wasslet lill-Kummissjoni biex minnha tiddeduċi li għandha ssir evalwazzjoni, ikklassifikata bħala “kollettiva”, li tinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-prodott ikkonċernat li takkumpanja s-sinjal ikkontestat sabiex tistabbilixxi jekk dan tal-aħħar jikkostitwixxix “indikazzjoni falsa jew li tinganna” fis-sens tal‑Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 (97).
93. Barra minn hekk, M. Klotz jinvoka t-termini “tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu” li huma użati fl-aħħar tal‑imsemmi Artikolu 16(ċ). Huwa jargumenta li, f’każ li l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi li, biex tikkonstata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-punt (b) ta’ dan l-artikolu, għandu jsir riferiment għall-perċezzjoni sħiħa konkreta ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u diliġenti (98), dan jgħodd iktar u iktar sabiex tiġi evalwata l-preżenza ta’ “indikazzjoni falsa jew li tinganna” fis-sens tal-punt (ċ). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi dan l‑argument ma huwiex effettiv, fid-dawl tar-risposta li nipproponi li għandha tingħata għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari (99).
94. Personalment, nikkunsidra li jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu verament il-ħsieb li jippermetti li indikazzjoni li fiha nnifisha hija ta’ natura falza jew li tinganna, fis-sens tal-Artikolu 16(ċ) ta’ dan ir‑regolament, tista’ xorta tkun awtorizzata minħabba informazzjoni addizzjonali li tingħata ma’ din l-indikazzjoni, tali restrizzjoni għall‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kellha tkun prevista espressament, speċjalment fir-rigward tal-għanijiet ta’ protezzjoni li għandhom jintlaħqu (100).
95. It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-punt (ċ) tal‑imsemmi Artikolu 16, jiena naqbel mal-pożizzjoni espressa mill‑Kummissjoni inkwantu tinnota li l-każ previst f’din id-dispożizzjoni għandu jkun distint minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) tal-istess artikolu (101), iżda, fl-opinjoni tiegħi, nikkunsidra li l-fatt li għandu jsir eżami tat-tikketta kollha ma jirriżultax mill-istruttura ġenerali tal‑punt (ċ).
96. Kif ġie enfasizzat, mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona, fir-rigward ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni analoga mal‑Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 (102), jiena nikkunsidra li dan l-artikolu fih lista gradata ta’ aġir ipprojbit li fiha l-punt (ċ) huwa differenti miż-żewġ dispożizzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, filwaqt li l‑punt (a) tal-imsemmi Artikolu 16 huwa limitat għal atti ta’ użu ta’ indikazzjoni ġeografika protetta u l-punt (b) tiegħu għal atti ta’ użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni, il-punt (ċ) ikabbar il-parametru protett, billi jinkorpora l-“indikazzjonijiet” (jiġifieri l-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi) li jidhru fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, li, għalkemm fir-realtà ma jirreferux b’mod ċar għall‑indikazzjoni ġeografika protetta, huma kklassifikati bħala “foloz jew li jingannaw” fir-rigward tar-rabtiet tal‑prodott ma’ din tal-aħħar (103).
97. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, ma għandux jiġi dedott, kemm mid-distinzjoni li ġiet ikkonstatata kemm fil-kliem kif ukoll mill-portata tal-punti (a), (b) u (ċ) tal-Artikolu 16 li dan l-aħħar punt għandu neċessarjament jiġi interpretat fis-sens li hemm bżonn li tiġi kkunsidrata l-informazzjoni kollha li tidher, b’mod partikolari, fuq it-tikketta tal‑prodott ikkonċernat sabiex jiġi evalwat jekk l-isem inkwistjoni jikkostitwixxix “indikazzjoni falza jew li tinganna” fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, jidhirli li din l-evalwazzjoni għandha tkun iffukata fuq l-indikazzjoni inkwistjoni fiha nnifisha, meħuda waħedha, mingħajr ma informazzjoni li tingħata viċin tagħha ma tista’ terġa’ tikkontesta tali klassifikazzjoni, għax jekk le jkun hemm ir‑riskju li jintilef l-effett utli tal-imsemmi punt (ċ), li fl-opinjoni tiegħi għandu iktar tendenza li jiġi applikat b’mod wiesa’, kif ser nispjega.
98. It-tielet nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imsemmija mir-Regolament Nru 110/2008 b’mod ġenerali u mid-dispożizzjonijiet analizzati b’mod partikolari jippermetti, fl-opinjoni tiegħi, li tiġi kkorroborata l-interpretazzjoni li jiena nirrakkomanda.
99. Kif diġà semmejt (104), jidhirli li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 110/2008, u b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 16 tiegħu, għandhom bħala għan li jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi li huma rreġistrati fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, kemm fl-interess tal‑konsumaturi, li ma għandhomx jiġu żgwidati minn indikazzjonijiet skorretti, u fl-interess tal-operaturi ekonomiċi li jsostnu spejjeż ogħla sabiex jiggarantixxu l-kwalità ta’ prodotti li jistħoqqilhom ikollhom dawn l‑indikazzjonijiet, u dawn l-operaturi għandhom jiġu protetti kontra atti ta’ kompetizzjoni inġusta.
100. Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-punt (ċ) tal-Artikolu 16, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħtih kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ biżżejjed sabiex jiżgura li l-għanijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jintlaħqu. Fil-fatt, bħall-Gvern Franċiż, jiena nikkunsidra li l-espressjoni “kwalunkwe indikazzjoni oħra”, użata f’din id-dispożizzjoni, tista’ tinkludi kwalunkwe indikatur jew sinjal, b’mod partikolari fi kliem, stampa jew kontenitur, li jista’ jipprovdi informazzjoni fuq il-karatteristiċi tal-prodott. Barra minn hekk, il-forma flessibbli ta’ lokalizzazzjoni li tidher fil-punt (ċ) (105) fl-opinjoni tiegħi tippermetti li jiġi kkunsidrat li kwalunkwe element mit-tliet eżempji ċċitati fih, f’dan il-każ riferiment fuq it-tikketta tax-xarba kkonċernata, jista’ waħdu “[j]agħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-kontenut tal-kumplament tat-tikketta tal-prodott inkwistjoni ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jibbilanċja n-natura eventwalment falza jew li tinganna tal-indikazzjoni kkontestata, anki jekk din tal-aħħar hija akkumpanjata b’informazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott.
101. Fi kliem ieħor, kif enfasizza l-Gvern Franċiż, il-kisba ta’ dawn l‑għanijiet titqiegħed f’perikolu jekk il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tista’ tiġi limitata mill-fatt li tidher informazzjoni addizzjonali ma’ ġenb indikazzjoni falza jew li tinganna, fis-sens tal-Artikolu 16(ċ) tar‑Regolament Nru 110/2008, peress li jekk tinżamm din l‑interpretazzjoni jfisser li jiġi aċċettat l-użu ta’ tali indikazzjoni peress li tkun akkumpanjata minn informazzjoni eżatta, li tista’, b’xi mod, tikkumpensa n-natura qarrieqa ta’ din tal-aħħar.
102. Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza relatata mad-Direttiva 2000/13/KE (106), imħassra bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 (107), li jidhirli li hija proposta mill-Kummissjoni (108), niddubita kemm din it-traspożizzjoni hija verament rilevanti sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.
103. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 110/2008 li tiegħu hawnhekk qed tintalab l-interpretazzjoni għandu suġġett differenti minn dak tad‑Direttiva 2000/13, fis-sens li din tal-aħħar tirregola b’mod ġenerali u orizzontali (109) “l-tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel […] li għandhom x’jaqsmu mal-preżentazzjoni u r-riklamar tiegħu” (110), filwaqt li r-Regolament Nru 110/2008, adottat iktar tard, jirregola b’mod speċifiku u vertikali “id-definizzjoni, id‑deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż” (111). Minnhom jirriżultaw xi differenzi kemm fir-rigward tal-għanijiet kif ukoll tal-portata tal‑protezzjoni li dawn iż-żewġ strumenti legali jikkonferixxu, differenzi li, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jiġu kkunsidrati, minkejja l-fatt li l‑indikazzjoni ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi fuq it-tikketta ta’ dan ix‑xorb tista’ xi kultant taqa’ simultanjament fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom (112).
104. B’mod partikolari, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 li fuqu hija bbażata l-ġurisprudenza msemmija fl‑osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, jiena nikkunsidra li l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonċerna l-“[p]rassi ġusta dwar l‑informazzjoni” (113), fil-verità ma huwiex ekwivalenti, ħlief fil-mertu, għal dak tal-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, artikolu li jikkonċerna l-“[p]rotezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi” (114), li fuqha hija bbażata t-tielet domanda hawn magħmula.
105. Barra minn hekk, nirrileva li, f’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja ċertament iddikjarat ruħha favur eżami tas-sitwazzjoni kkontestata li tinkludi l-informazzjoni kollha li tidher fuq it-tikketta tal‑prodott ikkonċernat (115), saħansitra elementi fattwali esterni (116), sabiex jiġi evalwat jekk isem jistax iqarraq bil-konsumaturi (117), iżda hija madankollu għamlet dan biss fir-rigward ta’ elementi mhux irreġistrati bħala denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika li hija protetta fil-livell tal-Unjoni (118), każ li ma jikkorrispondix mal-fatti ta’ dan il-każ, fejn hija involuta protezzjoni ta’ dan it-tip. Għalhekk ma jidhirlix li huwa opportun li jsir raġonament b’analoġija mal-imsemmija ġurisprudenza f’tali kuntest.
106. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun ikkonstatata l-eżistenza ta’ “indikazzjoni falza jew li tinganna” ipprojbita minn din id‑dispożizzjoni, ma hemmx għalfejn tiġi kkunsidrata l-informazzjoni addizzjonali li tinsab maġenb is-sinjal ikkontestat fid-deskrizzjoni, fil‑preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari dwar l-oriġini vera ta’ dan tal-aħħar.
107. Fir-rigward ta’ dan il-każ, fid-dawl tal-prinċipji diġà mfakkra ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja (119), jiena ser nindika sempliċement li jekk din l-interpretazzjoni proposta iktar ’il fuq tintuża minn din tal-aħħar, niddubita li jkun hemm bżonn li tiġi applikata din il-projbizzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, sakemm it-terminu kkontestat “Glen”, ma jippreżentax rabtiet diretti u mill-qrib biżżejjed mal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni, “Scotch Whisky”, u lanqas mal-pajjiż li miegħu huwa marbut, jiġifieri r-“Renju Unit (Skozja)”, biex dan it-terminu jkun ikkunsidrat bħala “indikazzjoni falza jew li tinganna […] li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu” (120).
108. Sussidjarjament, f’każ li l-imsemmi punt (ċ) jiġi interpretat mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li għandha ssir evalwazzjoni li tinkludi l‑informazzjoni kollha madwar is-sinjal ikkontestat, jiena nikkunsidra li dan l-eżami għandu loġikament iwassal, a fortiori, għall-istess riżultat konkret. Fil-fatt, jekk f’dan il-każ, jiġu kkunsidrati l-elementi kollha li jidhru fuq it-tikketta li jsemmu b’mod espliċitu l-oriġini eżatta tal‑prodott inkwistjoni, kif il-Kummissjoni tenfasizza, jidher li huwa diffiċili li l-użu tat-terminu “Glen” għandu jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ fil-projbizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni (121).
V. Konklużjoni
109. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil‑Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:
1) L-Artikolu 16(a) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id‑definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l‑protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“użu […] indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ipprojbit minn din id-dispożizzjoni, jirrikjedi li l-isem ikkontestat ikun identiku għall-indikazzjoni kkonċernata jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li tali isem ikun jista’ jqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.
2) L-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ipprojbita minn din id-dispożizzjoni, ma titlobx li l-isem ikkontestat jippreżenta neċessarjament familjarità fonetika u viżiva mal-indikazzjoni kkonċernata, iżda li madankollu ma huwiex biżżejjed li dan l-isem ikun tali li jqajjem, fi ħdan il‑konsumatur rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni protetta jew maż-żona ġeografika relatata. Fin-nuqqas ta’ tali familjarità, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-prossimità kunċettwali eżistenti, jekk ikun il-każ, bejn l-indikazzjoni kkonċernata u l-isem ikkontestat, sa fejn din il-prossimità tkun tali li twassal sabiex f’moħħ il-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, tiskatta x‑xbieha tal-prodott li jibbenefika mill‑imsemmija indikazzjoni.
Sabiex tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ “evokazzjoni” pprojbita skont dan l-Artikolu 16(b), ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l‑informazzjoni addizzjonali li tidher maġenb is-sinjal ikkontestat fid‑deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari dwar l-oriġini vera ta’ dan tal-aħħar.
3) L-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “indikazzjoni […] falsa jew li tinganna” ipprojbita minn din id‑dispożizzjoni, ma hemmx lok li tiġi kkunsidrata l-informazzjoni addizzjonali li tinsab maġenb is-sinjal ikkontestat fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari dwar l-oriġini vera ta’ dan tal-aħħar.