Language of document : ECLI:EU:C:2018:415

Kawża C44/17

Scotch Whisky Association

vs

Michael Klotz

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Hamburg)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ spirti – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Artikolu 16(a) sa (ċ) – Anness III – Indikazzjoni ġeografika rreġistrata ‘Scotch Whisky’ – Whisky prodott fil-Ġermanja u mibjugħ bl-isem ‘Glen Buchenbach’”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas‑7 ta’ Ġunju 2018

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Leġiżlazzjonijiet uniformi – Definizzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni, ittikkettar, u protezzjoni ta’ spirti – Regolament Nru 110/2008 – Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi – Protezzjoni kontra użi kummerċjali diretti jew indiretti – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Ħtieġa ta’ użu f’orma identika jew simili għal dik tal-indikazzjoni rreġistrata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 110/2008, Artikolu 16(a))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Leġiżlazzjonijiet uniformi – Definizzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni, ittikkettar, u protezzjoni ta’ spirti – Regolament Nru 110/2008 – Evokazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta – Kunċett – Portata – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali  – Kriterji

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 110/2008, Artikolu 16(b))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Leġiżlazzjonijiet uniformi – Definizzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni, ittikkettar, u protezzjoni ta’ spirti – Regolament Nru 110/2008 –  Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi – Protezzjoni kontra indikazzjonijiet foloz jew li jingannaw – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest tal-użu tal-indikazzjoni falza jew li tinganna – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 110/2008, Artikolu 16(ċ))

1.      L-Artikolu 16(a) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “użu kummerċjali indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, jeħtieġ li l-element kontenzjuż jintuża f’forma li tkun jew identika għal dik l-indikazzjoni, jew tkun simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li dan l-element jkun jista’ jqajjem, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, xi assoċjazzjoni mal-imsemmija indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.

(ara l-punt 39, dispożittiv 1)

2.      L-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, fil-preżenza tad-denominazzjoni kontenzjuża, jitwasslax direttament, sabiex ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-merkanzija li tibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, din il-qorti, fl-assenza, l-ewwel nett, ta’ familjarità fonetika u/jew viżiva tad-denominazzjoni kontenzjuża mal-indikazzjoni ġeografika protetta u, it-tieni nett, ta’ inkorporazzjoni parzjali ta’ din l-indikazzjoni f’din id-denominazzjoni, għandha tikkunsidra, jekk ikun il-każ, il-prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija denominazzjoni u l-imsemmija indikazzjoni.

L-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest madwar l-element kontenzjuż u, b’mod partikolari, tal-fatt li dan huwa akkumpanjat minn preċiżazzjoni dwar l-oriġini vera tal-prodott ikkonċernat.

(ara l-punti 56, 60, dispożittiv 2)

3.      L-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “indikazzjoni falza jew li tinganna”, li hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih l-element kontenzjuż jintuża.

(ara l-punt 71, dispożittiv 3)