Language of document : ECLI:EU:T:2007:379

Kawża T-86/05

K & L Ruppert Stiftung & Co. Handels-KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva CORPO LIVRE — Trade marks nazzjonali u internazzjonali verbali LIVRE — Prova ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti li ġiet ippreżentata tard”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Termini

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 71(1) u (2))

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Regola 22(1))

1.      Mit-tieni sentenza tar-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunitarja, jirriżulta li l-għoti ta’ prorogi tat-termini stabbiliti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mhuwiex awtomatiku, iżda jiddependi mill-fatti tal-każ partikolari li huma tali li jiġġustifikawha, kif ukoll mill-preżentata ta’ talba għal proroga. Dan jgħodd iktar u iktar fi proċedura inter partes, li fil-kuntest tagħha vantaġġ mogħti lil waħda mill-partijiet jimplika żvantaġġ għall-parti l-oħra. F’każ bħal dan, l-UASI għandu jara li jkun imparzjali fil-konfront tal-partijiet.

Hija l-parti li titlob il-proroga li għandha ssostni l-fatti li jistgħu jiġġustifikaw il-proroga, peress li l-imsemmija proroga hija mitluba u eventwalment tingħata fl-interess tagħha. Barra minn hekk, fil-każ fejn dawn iċ-ċirkustanzi huma tal-parti li titlob il-proroga, hija din ta’ l-aħħar biss li tista’ tinforma b’mod utli lill-UASI dwarhom. Għaldaqstant, sabiex id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tkun tista’ tevalwa l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw proroga eventwali, dawn għandhom jiġu ppreċiżati fit-talba għal proroga.

Barra minn hekk, jirriżulta mill-istruttura ġenerali tar-Regola 71 li t-tieni paragrafu tagħha, li jipprovdi li meta hemm żewġ partijiet jew aktar fil-proċedimenti, l-UASI jista’ jissuġġetta l-proroga tat-terminu għall-qbil tal-partijiet l-oħra, li huwa ma jipprovdix biss kundizzjoni waħda u unika għall-proroga tat-terminu, iżda jżid kundizzjoni supplimentari ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri li l-proroga għandha tintalab mill-parti kkonċernata qabel ma jiskadi t-terminu oriġinarjament stabbilit u li din għandha tkun ġustifikata miċ-ċirkustanzi.

(ara l-punti 21, 22, 55, 56)

2.      Mit-tieni sentenza tar-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jirriżulta li produzzjoni tal-provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan timplika, bħala regola ġenerali, ir-rifjut ta’ l-oppożizzjoni, mingħajr ma l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ikollu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti jikkostitwixxi kwistjoni preċedenti li għandha, għal dan il-għan, tiġi rregolata qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni nfisha.

(ara l-punt 49)