KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2018 (1)
Kawża C‑621/18
Andy Wightman,
Ross Greer,
Alyn Smith,
David Martin,
Catherine Stihler,
Jolyon Maugham,
Joanna Cherry
vs
Secretary of State for Exiting the European Union,
b’interventi minn:
Chris Leslie,
Tom Brake
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Session, Inner House, First Division (Scotland) (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla (l-Iskozja, ir-Renju Unit))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 50 TUE – Dritt ta’ ħruġ mill-Unjoni – Notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ – Ħruġ tar-Renju Unit (Brexit) – Revokabbiltà tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ – Revoka unilaterali – Kundizzjonijiet għar-revoka unilaterali – Revoka b’kunsens”
1. Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem ir-“Renju Unit”) innotifika lill-Kunsill Ewropew l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem in-“notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ”) (2).
2. Din in-notifika tat lok, għall-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni, għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 50 TUE li (fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu) jipprovdi li għandu jiġi nnegozjat u konkluż “ftehim dwar il-ħruġ” bejn l-Unjoni u l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ minnha. Fl-assenza ta’ tali ftehim, it-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għal dan l-Istat Membru malli jgħaddu sentejn min-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, sakemm il-Kunsill Ewropew ma jiddeċidix, b’mod unanimu, li jestendi dan il-perijodu.
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti Skoċċiża sabiex, bħala l-interpretu suprem tad-dritt tal-Unjoni, tipprovdi soluzzjoni għal dubji dwar kwistjoni li ma hijiex indirizzata mill-Artikolu 50 TUE. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi kkjarifikat jekk Stat Membru, wara li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, jistax jirrevoka (jekk ikun il-każ b’mod unilaterali) din in-notifika.
4. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, irrispettivament mill-importanza teoretika u għall-futur tal-kwistjoni mqajma, il-konsegwenzi prattiċi tagħha ma jistgħux jiġu miċħuda, bħalma lanqas ma tista’ tiġi miċħuda r-rilevanza tagħha għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta r-revokabbiltà unilaterali, ir-Renju Unit ikun jista’ jagħmel komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew f’dan is-sens, b’tali mod li jibqa’ Membru tal-Unjoni. Peress li l-Parlament Brittaniku huwa meħtieġ jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu, kemm jekk jintlaħaq ftehim dwar il-ħruġ u kemm jekk le, diversi Membri tal-Parlament qed jindunaw li r-revokabbiltà tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ser tiftaħ toroq oħra, jiġifieri li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni fid-dawl ta’ Brexit mhux sodisfaċenti. Din hija l-pożizzjoni li tidher li qiegħda tieħu l-qorti tar-rinviju meta tindika li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tippermetti lid-deputati Brittaniċi jifformaw idea eżawrjenti tal-għażliet disponibbli fil-mument meta jiġu sabiex jivvotaw.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. Skont l-Artikolu 50 TUE:
“1. Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni.
2. L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skond l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
3. It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat in kwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.
4. Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ m’għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew jew f’deċiżjonijiet li jkunu jikkonċernawh.
Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3)(b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.
5. Jekk l-Istat li jkun ħareġ mill-Unjoni jitlob li jaderixxi mill-ġdid, it-talba tiegħu għandha tkun suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikolu 49.”
B. Id-dritt internazzjonali
6. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, adottata fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969 (3) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), tirregola l-proċedura għall-konklużjoni ta’ trattati bejn Stati.
7. Skont l-Artikolu 54 tagħha:
“It-terminazzjoni ta’ trattat jew il-ħruġ ta’ Parti jistgħu jitwettqu:
(a) skont id-dispożizzjonijiet tat-trattat, jew
(b) fi kwalunkwe ħin, bil-kunsens tal-Partijiet kollha wara li jiġu kkonsultati l-Istati Kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8. L-Artikolu 65 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Il-proċedura li għandha tiġi segwita fir-rigward tal-invalidità jew tat-terminazzjoni ta’ trattat, tal-ħruġ ta’ Parti jew tas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ trattat”, jipprovdi:
“1. Il-Parti li, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, tallega difett fir-rigward tal-kunsens tagħha li tintrabat bi trattat jew raġuni sabiex tikkontesta l-validità ta’ trattat, sabiex titterminah, sabiex toħroġ minnu jew sabiex tissospendi l-applikazzjoni tiegħu, għandha tinnotifika l-pretensjoni tagħha lill-Partijiet l-oħra. In-notifika għandha tinkludi l-miżura li jkun qiegħed jiġi propost li tittieħed fir-rigward tat-trattat u r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.
2. Jekk, wara terminu li, ħlief fil-każijiet ta’ urġenza partikolari, ma għandux ikun ta’ inqas minn tliet xhur minn meta tkun waslet in-notifika, ebda Parti ma tkun qajmet oġġezzjoni, il-Parti li tkun għamlet in-notifika għandha tkun tista’ tadotta, bil-mod previst fl-Artikolu 67, il-miżura li tkun ipproponiet.
3. Jekk, għall-kuntrarju, waħda mill-Partijiet l-oħra tkun qajmet oġġezzjoni, il-Partijiet ikollhom ifittxu soluzzjoni permezz tal-mezzi indikati fl-Artikolu 33 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9. L-Artikolu 67 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:
“1. In-notifika prevista fl-Artikolu 65(1) għandha ssir bil-miktub.
2. Kull att li jiddikjara trattat invalidu, li jitterminah, li joħroġ minnu jew li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu konformement mad-dispożizzjonijiet tat-trattat jew mal-Artikolu 65(2) jew (3), għandu jitwettaq permezz ta’ strument li għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet l-oħra. Jekk l-istrument ma jkunx iffirmat mill-Kap tal-Istat, mill-Kap tal-Gvern jew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, ir-rappreżentant tal-Istat li jikkomunika dan l-istrument jista’ jiġi mistieden jiġġustifika s-setgħa tiegħu li jiffirmah.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10. L-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Revoka tan-notifiki u tal-istrumenti msemmija fl-Artikoli 65 u 67”), jipprovdi:
“In-notifiki jew l-istrumenti previsti fl-Artikoli 65 u 67 jistgħu jiġu rrevokati fi kwalunkwe mument qabel ma jidħlu fis-seħħ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
C. Id-dritt tar-Renju Unit. Il-European Union (Withdrawal) Act 2018 (4)
11. Skont l-Artikolu 13:
“1. Il-ftehim dwar il-ħruġ jista’ jiġi rratifikat biss jekk:
(a) Ministru tal-Kuruna jkun ippreżenta quddiem kull Kamra tal-Parlament:
(i) dikjarazzjoni li ntlaħaq ftehim politiku,
(ii) kopja tal-ftehim dwar il-ħruġ li ġie nnegozjat, u
(iii) kopja tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri,
(b) il-ftehim dwar il-ħruġ li ġie nnegozjat u l-qafas għar-relazzjonijiet futuri jkunu ġew approvati permezz ta’ riżoluzzjoni tal-House of Commons fuq mozzjoni mressqa minn Ministru tal-Kuruna,
(c) tkun tressqet mozzjoni fil-House of Lords minn Ministru tal-Kuruna sabiex il-House of Lords tieħu nota tal-ftehim dwar il-ħruġ li ġie nnegozjat u tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri, u
(i) il-House of Lords tkun iddiskutiet il-mozzjoni, jew
(ii) il-House of Lord ma tkunx ikkonkludiet dibattitu dwar il-mozzjoni qabel it-tmiem ta’ perijodu ta’ ħamest ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Lords li jibda mill-ewwel jum ta’ sessjoni tal-House of Lords wara l-jum li fih il-House of Commons tgħaddi r-riżoluzzjoni msemmija fil-punt (b), u
(d) ikun ġie adottat Act of Parliament (Att tal-Parlament) li jinkludi dispożizzjoni għall-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ.
2. Sa fejn ikun possibbli fil-prattika, Ministru tal-Kuruna għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex il-mozzjoni msemmija fil-paragrafu (1)(b) tkun is-suġġett ta’ dibattitu u ta’ vot mill-House of Commons qabel ma l-Parlament Ewropew jiddeċiedi jekk huwiex ser jagħti l-kunsens tiegħu għall-ftehim dwar il-ħruġ li jkun qiegħed jiġi konkluż f’isem l-Unjoni konformement mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
3. Il-paragrafu 4 għandu japplika fil-każ li l-House of Commons tiddeċiedi li ma tgħaddix ir-riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b).
4. Ministru tal-Kuruna għandu, f’perijodu ta’ 21 jum li jibda mill-jum li fih il-House of Commons tiddeċiedi li ma tgħaddix ir-riżoluzzjoni, jagħmel dikjarazzjoni fejn jindika kif il-Gvern tal-Maestà Tagħha jipproponi li jipproċedi fir-rigward tan-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni taħt l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
[…]
6. Ministru tal-Kuruna għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex:
(a) mozzjoni redatta f’termini newtrali, fis-sens li l-House of Commons ikkunsidrat il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, titressaq fil-House of Commons minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ sebat ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Commons li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni, u
(b) mozzjoni, sabiex il-House of Lords tieħu nota tad-dikjarazzjoni, titressaq fil-House of Lords minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ sebat ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Lords li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni.
7. Il-paragrafu 8 għandu japplika jekk il-Prim Ministru jagħmel dikjarazzjoni qabel it-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019 li ma jista’ jintlaħaq ebda qbil fuq livell ta’ prinċipju fil-kuntest tan-negozjati taħt l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward:
(a) tal-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u
(b) tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-ħruġ.
8. Ministru tal-Kuruna għandu, f’perijodu ta’ 14-il jum li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 7:
(a) jagħmel dikjarazzjoni li tindika kif il-Gvern tal-Maestà Tagħha jipproponi li jipproċedi, u
(b) jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex:
(i) mozzjoni redatta f’termini newtrali, fis-sens li l-House of Commons ikkunsidrat il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), titressaq fil-House of Commons minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ sebat ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Commons li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), u
(ii) mozzjoni, sabiex il-House of Lords tieħu nota tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), titressaq fil-House of Lords minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ sebat ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Lords li jibda mill-jum li fih issir id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a).
[…]
10. Il-paragrafu 11 għandu japplika jekk, fit-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019, ma jkun hemm ebda qbil fuq livell ta’ prinċipju fil-kuntest tan-negozjati taħt l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward:
(a) tal-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u
(b) tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-ħruġ.
11. Ministru tal-Kuruna għandu, f’perijodu ta’ ħamest ijiem mit-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019:
(a) jagħmel dikjarazzjoni li tindika kif il-Gvern tal-Maestà Tagħha jipproponi li jipproċedi, u
(b) jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex:
(i) mozzjoni redatta f’termini newtrali, fis-sens li l-House of Commons ikkunsidrat il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), titressaq fil-House of Commons minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ ħamest ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Commons li jibda mit-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019, u
(ii) mozzjoni, sabiex il-House of Lords tieħu nota tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a), titressaq fil-House of Lords minn Ministru tal-Kuruna f’perijodu ta’ ħamest ijiem ta’ sessjonijiet tal-House of Lords li jibda mit-tmiem tal-21 ta’ Jannar 2019.
[…]”
II. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12. Fit-23 ta’ Ġunju 2016, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ivvotaw f’referendum favur (b’riżultat ta’ 51.9 % favur u 48.1 % kontra) il-ħruġ (“exit”) tal-pajjiż tagħhom mill-Unjoni.
13. Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2017, Miller (5), is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit, ir-Renju Unit) iddeċidiet li l-Gvern Brittaniku kien jeħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament sabiex jinnotifika lill-Kunsill Ewropew l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni. Madankollu, din is-sentenza ma ħaditx pożizzjoni dwar ir-revokabbiltà ta’ din in-notifika għaliex din ma kinitx inkwistjoni: għall-partijiet f’dik it-tilwima kien paċifiku li din in-notifika kienet irrevokabbli (6).
14. Fit-13 ta’ Marzu 2017, il-Parlament Brittaniku adotta l-European Union (Notification of Withdrawal) Act 2017 (7), li permezz tagħha awtorizza lill-Prim Ministru jinnotifika l-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) TUE.
15. Fid-29 ta’ Marzu 2017, il-Prim Ministru tar-Renju Unit ippreżentat lill-Kunsill Ewropew in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ.
16. Fid-29 ta’ April 2017, il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50 TUE) adotta l-linji gwida li jiddefinixxu l-qafas tan-negozjati previsti fl-Artikolu 50 TUE u li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali li għandhom jinżammu mill-Unjoni fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati (8). Fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill approva, fit-22 ta’ Mejju 2017, konformement mal-Artikolu 50 TUE u mal-Artikolu 218(3) TFUE, id-deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju Unit bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar il-ħruġ mill-Unjoni u mill-KEEA (9).
17. Fl-14 ta’ Novembru 2018 in-negozjati ngħalqu b’abbozz ta’ Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (10). Fit-22 ta’ Novembru 2018 imbagħad ġiet adottata d-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit (11). Dan il-ftehim u din id-dikjarazzjoni ġew aċċettati mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Novembru 2018.
18. Qabel ma jiġu konklużi b’suċċess il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ ftehim fir-Renju Unit u fl-Unjoni, jibqgħu possibbli ż-żewġ alternattivi msemmija fl-Artikolu 50(3) TUE.
19. Fid-19 ta’ Diċembru 2017, diversi deputati tal-Parlament Skoċċiż, tal-Parlament tar-Renju Unit u tal-Parlament Ewropew ippreżentaw, quddiem il-Court of Session, Outer House (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede tal-Ewwel Istanza, l-Iskozja, ir-Renju Unit), rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) sabiex jiġi kkjarifikat jekk in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tistax tiġi rrevokata unilateralment qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sentejn previst fl-Artikolu 50 TUE, b’tali mod li, fil-każ li jkun hemm din ir-revoka, ir-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni.
20. Dan ir-rikors ġie miċħud mil-Lord Ordinary (l-Imħallef tal-Ewwel Istanza, l-Iskozja, ir-Renju Unit) b’deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2018 (12), peress li qies li kien jikkonċerna s-sovranità tal-Parlament Brittaniku u kien iqajjem domanda ipotetika fid-dawl tal-fatt li ma kienx hemm indizji li jindikaw ir-rieda tal-Gvern Brittaniku jew tal-Parlament Brittaniku li jirrevokaw in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ.
21. Ir-rikorrenti appellaw quddiem il-Court of Session, Inner House (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, l-Iskozja, ir-Renju Unit), li awtorizzat it-tkomplija tal-proċedura permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2018 (13), filwaqt li bagħtet il-kawża lura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.
22. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2018 (14), il-Lord Ordinary (l-Imħallef tal-Ewwel Istanza) fi ħdan il-Court of Session (il-Qorti Suprema Ċivili, l-Iskozja, ir-Renju Unit) ċaħad it-talba sabiex isir rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ċaħad ir-rikors (15).
23. Ir-rikorrenti appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Session, Inner House, First Division (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla, l-Iskozja, ir-Renju Unit) li, minbarra li aċċettat l-ammissibbiltà tal-appell, iddeċidiet, permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Settembru 2018 (16), li tilqa’ t-talba li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.
24. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju:
– Tqis li d-domanda dwar jekk in-notifika tistax tiġi rrevokata unilateralment b’mod legali, b’tali mod li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni, la hija prematura u lanqas akkademika.
– Tenfasizza l-inċertezza li teżisti fir-rigward ta’ dan il-punt u tindika li r-risposta ser tippermetti lid-deputati tar-Renju Unit jifformaw idea tal-għażliet disponibbli fil-mument meta jiġu sabiex jivvotaw. Fil-fehma tagħha, irrispettivament mill-kwistjoni tal-interess li jista’ jkollhom id-deputati tal-Parlament Skoċċiż u tal-Parlament Ewropew fis-soluzzjoni għal din il-kwistjoni, huwa ċert li d-deputati tal-Parlament Brittaniku għandhom tali interess.
25. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-qorti tar-rinviju qieset li fis-26 ta’ Ġunju 2018 ingħatat l-approvazzjoni rjali fir-rigward tal-Liġi dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018, li l-Artikolu 13 tagħha jirregola fid-dettall l-approvazzjoni mill-Parlament tal-eżitu tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE. B’mod partikolari, il-ftehim dwar il-ħruġ jista’ jiġi rratifikat biss jekk ikun ġie approvat, flimkien mal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tar-Renju Unit mal-Unjoni, permezz ta’ riżoluzzjoni tal-House of Commons, u jekk it-tnejn li huma, jiġifieri l-ftehim u l-qafas, ikunu s-suġġett ta’ dibattitu fil-House of Lords. Fil-każ li ma tingħatax l-approvazzjoni, il-Gvern ikollu jagħmel dikjarazzjoni dwar kif jipproponi li għandu jipproċedi fir-rigward tan-negozjati. Fil-każ li, qabel il-21 ta’ Jannar 2019, il-Prim Ministru jiddikjara li ma kienx possibbli jintlaħaq qbil fuq livell ta’ prinċipju, il-Gvern ser ikollu jerġa’ jagħmel dikjarazzjoni dwar kif jipproponi li għandu jipproċedi. Din il-proposta għandha titressaq quddiem iż-żewġ kmamar tal-Parlament.
26. L-Artikolu 13 tal-Liġi dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018 jindika li, fil-każ li l-House of Commons tirrifjuta l-ftehim dwar il-ħruġ, it-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għar-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2019, bla ħsara għal ċirkustanzi ġodda. Dan għandu jseħħ ukoll jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar il-ħruġ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni qabel din id-data.
27. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Session, Inner House, First Division (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti (17):
“Meta, konformement mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Stat Membru jkun innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, id-dritt tal-Unjoni jippermetti li din in-notifika tiġi rrevokata unilateralment mill-Istat Membru li jinnotifika; u, jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet u b’liema effett fir-rigward tal-Istat Membru li jibqa’ fl-Unjoni Ewropea?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28. Id-digriet tar-rinviju wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2018.
29. Il-qorti tar-rinviju talbet li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ttrattata bil-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tan-natura urġenti tal-kawża, sa fejn id-dibattiti u l-votazzjoni sussegwenti fil-Parlament dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni għandhom iseħħu fi żmien li jiġi suffiċjentement qabel id-29 ta’ Marzu 2019.
30. Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba, permezz tad-digriet tad-19 ta’ Ottubru 2018, filwaqt li ġġustifika l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa fuq il-bażi tal-ħtieġa li tiġi kkjarifikata l-portata tal-Artikolu 50 TUE qabel il-membri tal-parlament nazzjonali jiddeċiedu dwar il-ftehim dwar il-ħruġ u fuq il-bażi tal-importanza fundamentali ta’ din id-dispożizzjoni, kemm għar-Renju Unit u kemm għall-ordni kostituzzjonali tal-Unjoni (18).
31. Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (Wightman et, kif ukoll minn Tom Brake u Chris Leslie), mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Kummissjoni u mill-Kunsill. Dawn kollha pparteċipaw fis-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2018.
IV. L-ammissibbiltà tad-domanda preliminari
32. Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. Il-Kummissjoni tesprimi dubji f’dan ir-rigward iżda ma ressqitx eċċezzjoni formali ta’ inammissibbiltà.
33. Fil-qosor, il-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit hija s-segwenti:
– Id-domanda hija inammissibbli minħabba n-natura ipotetika u teoretika (akkademika) tagħha, sa fejn ma hemm l-ebda indizju li l-Gvern Brittaniku jew il-Parlament Brittaniku ser jirrevokaw in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ.
– Jekk tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, dan imur kontra s-sistema ta’ rimedji prevista fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, li ma jipprevedux il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ta’ natura kostituzzjonali, bħalma huwa l-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni.
34. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija esklużivament il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha ġġorr ir-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minnha, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, fil-każ li dawn id-domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza.
35. Skont din l-istess ġurisprudenza, huwa biss meta jirriżulta b’mod evidenti li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ validità ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-kwistjoni tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tirrispondi għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn korp ġudizzjarju nazzjonali (19).
36. Fil-fehma tiegħi, din il-kawża ma tissodisfa ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li huma indispensabbli sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi miċħud f’dan l-istadju.
37. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tassumi li l-qorti tar-rinviju adottat id-digriet tar-rinviju konformement mad-dispożizzjonijiet proċedurali, mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni u mad-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-qrati fis-seħħ fid-dritt nazzjonali tagħha (20). B’mod konkret, ma hemmx lok li jiġi kkontestat li l-mekkaniżmu proċedurali tal-istħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”), kif applikat fl-Iskozja (21), jiġġustifika f’dan il-każ partikolari (bħal f’każijiet oħra li diġà ġew deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja) (22) kemm il-fatt li sar rinviju għal deċiżjoni preliminari u kemm id-deċiżjoni eventwali li trid tingħata mill-qorti li tkun għamlet dan ir-rinviju (23).
38. Fit-tieni lok, it-tilwima hija reali u fil-kuntest tagħha hemm konfrontazzjoni ċara bejn pożizzjonijiet legali opposti, sostnuti mill-partijiet opposti. Hemm verament kunflitt proċedurali awtentiku pendenti li fil-kuntest tiegħu qegħdin jitqajmu argumenti u pożizzjonijiet kunfliġġenti:
– Ir-rikorrenti jitolbu lill-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-Artikolu 50 TUE jawtorizza r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, filwaqt li jitolbuha tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni.
– Il-Gvern Brittaniku joġġezzjona għal din it-talba.
39. Fit-tielet lok, id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija assolutament meħtieġa sabiex tinqata’ t-tilwima fil-kawża prinċipali. Jista’ jingħad saħansitra li din id-domanda tikkostitwixxi s-suġġett stess tal-imsemmija tilwima. Is-setgħa li jiġi interpretat, b’mod definittiv u uniformi, l-Artikolu 50 TUE tappartjeni lill-Qorti tal-Ġustizzja u għandu jsir sforz interpretattiv kunsiderevoli sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-artikolu jippermettix jew le r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Mingħajr l-għajnuna tal-awtorità tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser ikun diffiċli għall-qorti tar-rinviju li taqa’ t-tilwima li hija mitluba tiddeċiedi dwarha.
40. Fir-raba’ lok, id-domanda magħmula ma hijiex sempliċement akkademika (24). Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti sentenza fejn tinterpreta dispożizzjoni (l-Artikolu 50 TUE) li, fil-fatt, tinsab fil-proċess li tiġi applikata u li l-konsegwenzi legali futuri tagħha qegħdin joqorbu b’mod inevitabbli. Fil-fatt, l-għan tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa li tiġi stabbilita l-portata reali ta’ din id-dispożizzjoni f’sitwazzjoni ferm dubjuża (25).
41. L-importanza fil-prattika, u mhux biss teoretika, tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija evidenti fid-dawl tar-riperkussjonijiet enormi legali, soċjali u politiċi tal-Brexit, kemm għar-Renju Unit u kemm għall-Unjoni, u kif ukoll għad-drittijiet taċ-ċittadini, kemm dawk Brittaniċi u kemm dawk li ma humiex ċittadini Brittaniċi, li ser jintlaqtu mill-ħruġ. Nenfasizza li din ma hijiex kwistjoni sempliċement akkademika li tikkonċerna biss lil numru żgħir ta’ speċjalisti fid-dritt tal-Unjoni: dak li qiegħed jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkun ta’ importanza reali għar-Renju Unit u għall-Unjoni stess.
42. Fil-ħames lok, naqbel mal-evalwazzjoni magħmula fid-digriet tar-rinviju li d-domanda ma hijiex prematura. Barra minn hekk, bħall-qorti tar-rinviju (26), jidhirli li l-mument ideali sabiex jiġu ċċarati d-dubji dwar ir-revokabbiltà jew le tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ huwa qabel, u mhux wara, jimmaterjalizza l-Brexit u r-Renju Unit jisfa’ suġġett, b’mod inevitabbli, għall-konsegwenzi tiegħu.
43. Fis-sitt lok, id-domanda lanqas ma tista’ titqies li hija superfluwa jew li ma hijiex meħtieġa sa fejn ir-risposta ser tippermetti lid-deputati tal-Parlament tar-Renju Unit jifformaw idea tal-għażliet disponibbli fil-mument meta jiġu sabiex jivvotaw (27).
44. Skont l-Artikolu 13 tal-Liġi dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018, il-Parlament Brittaniku għandu, qabel il-21 ta’ Jannar 2019, jaċċetta jew jirrifjuta l-ftehim dwar il-ħruġ li jista’ jkun intlaħaq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni u, fl-assenza ta’ ftehim, għandu jieħu pożizzjoni dwar kif għandu jipproċedi l-Gvern Brittaniku. Fil-każ li tali ftehim jiġi rrifjutat jew fil-każ li ma jintlaħaqx tali ftehim, ir-Renju Unit mhux ser jibqa’ Membru tal-Unjoni fid-29 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bil-kunsens tar-Renju Unit, jiddeċiedi b’mod unanimu li jestendi t-terminu (Artikolu 50(3) TUE).
45. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari ser tippermetti lill-Membri tal-Parlament Brittaniku jkunu jafu jekk għandhomx għażla oħra, it-tielet għażla, u mhux biss l-alternattivi attwalment disponibbli (rifjut jew approvazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ u dikjarazzjoni dwar l-azzjoni tal-Gvern Brittaniku fl-assenza ta’ tali ftehim). Din it-tielet possibbiltà tippermetti lill-Parlament iħeġġeġ lill-Gvern Brittaniku sabiex jirrevoka n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, b’tali mod li r-Renju Unit jibqa’ Parti fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u jibqa’ Membru tagħha (28).
46. Fis-seba’ lok, dak li qiegħed jintalab mill-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex sempliċi opinjoni, ta’ natura purament konsultattiva, kif tidher li qiegħda ssostni (b’ċerti riżervi) il-Kummissjoni. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija taċċetta li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tagħti d-“declarator” (29) li ntalbet mingħandha, iżda targumenta li din ser tkun biss ta’ natura konsultattiva u ma hijiex ser ikollha effetti immedjati bejn il-partijiet.
47. Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni peress li, kif għadni kif għidt, id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jista’ jkollha effetti legali sa fejn ser tawtorizza lill-partijiet fil-kawża li huma Membri tal-Parlament Brittaniku jieħdu inizjattiva, ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni, favur ir-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ.
48. Il-Gvern Brittaniku wkoll isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti opinjoni konsultattiva dwar revoka ipotetika li huwa stess ma huwiex lest li jippreżenta. Fil-fehma tiegħu, it-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni ma jippermettux l-użu tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari f’din is-sitwazzjoni sa fejn l-Artikolu 50 TUE ma jipprevedix il-possibbiltà li tintalab l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’differenza minn dak li jipprevedi l-Artikolu 218(11) TFUE. Il-Gvern Brittaniku jżid li l-legalità ta’ din (l-eventwali) revoka għandha tiġi kkontestata permezz ta’ rikors dirett, għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew għal annullament, ġaladarba ssir fil-prattika. Opinjoni konsultattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każ daqstant politikament sensittiv bħalma huwa l-Brexit timplika, skont l-imsemmi gvern, indħil fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li għadhom qegħdin jiġu nnegozjati u li għandhom jittieħdu mill-poter eżekuttiv u mill-poter leġiżlattiv tar-Renju Unit.
49. Jiena lanqas ma naqbel ma’ dawn l-argumenti. Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tagħti opinjoni konsultattiva iżda hija mitluba tikkoopera mal-qorti tar-rinviju sabiex din tal-aħħar issib soluzzjoni għal tilwima reali li għandha quddiemha bejn żewġ partijiet b’pożizzjonijiet legali stabbiliti sew u li teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE. Fil-preżenza ta’ dubju dwar jekk il-proċedura stabbilita f’din id-dispożizzjoni tippermettix il-possibbiltà li n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiġi rrevokata unilateralment, il-qorti tar-rinviju għandha tagħti sentenza dikjarattiva, b’konsegwenzi importanti, li, min-naħa tagħha, tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tat-TUE.
50. F’dan il-kuntest, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE huwa ideali sabiex tinstab soluzzjoni, minn qabel, għall-imsemmi dubju, jiġifieri mingħajr ma wieħed jistenna li ssir ir-revoka. Is-sempliċi ammissjoni tal-possibbiltà ta’ din ir-revoka, fil-każ li tiġi kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkollha, fiha nnifisha, effetti legali rilevanti sa fejn tiftaħ it-triq għall-invokazzjoni tagħha mill-Membri Parlamentari rikorrenti sabiex jadottaw pożizzjoni jew oħra.
51. Għaldaqstant, meta tirrispondi għad-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ser teżerċita funzjonijiet konsultattivi iżda ser tagħti risposta konformi mal-funzjoni ġudizzjarja tagħha (jiġifieri l-funzjoni li tiddeċiedi x’inhi l-liġi), sabiex, fuq il-bażi ta’ din ir-risposta, il-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni, f’sentenza b’effetti legali effettivi, dwar it-talba għal dikjarazzjoni magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
52. Meta tindirizza, f’dawn it-termini, id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ser tmur lil hinn mill-funzjoni mogħtija lilha mill-Artikoli 19 TUE u 267 TFUE. L-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 50 TUE ma timplikax indħil fil-proċess politiku tan-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni sservi sabiex jiġi kkjarifikat, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, il-qafas legali ta’ dan il-ħruġ, li l-protagonisti attivi tiegħu huma l-poter eżekuttiv u l-poter leġiżlattiv tar-Renju Unit.
53. Barra minn hekk, bħal f’każijiet oħra ta’ natura partikolarment sensittiva għall-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tabbanduna l-obbligi tagħha, billi tevita li tagħti risposta għal domanda magħmula b’mod korrett (jiġifieri konformement mal-Artikolu 267 TFUE), għas-sempliċi raġuni li din ir-risposta tista’ tinqara f’dawl politiku, u mhux strettament ġudizzjarju, minn xi parti jew oħra.
54. Nirreferi, fl-aħħar nett, għas-sentenza American Express (30), iċċitata fid-digriet tar-rinviju, anki jekk biss sabiex nindirizza allegata kontradizzjoni bejn il-pożizzjoni attwali tiegħi u dik li ħadt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza (31). F’dawk il-konklużjonijiet, filwaqt li faħħart il-flessibbiltà tal-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”), iddikjarajt li madankollu kelli numru ta’ riżervi u kkritikajt il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġeneruża żżejjed meta laqgħet l-ammissibbiltà ta’ domandi preliminari magħmula f’dawn it-tip ta’ proċeduri, “fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-validità tar-regoli tal-Unjoni”.
55. F’dak il-każ, ħadt il-pożizzjoni li ma kienx hemm kunflitt reali bejn American Express u l-amministrazzjoni Brittanika: it-tnejn li huma kienu pproponew, bi qbil bejniethom, lill-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li huma stess kienu ppreparaw. Il-fatt li l-partijiet ma kellhomx pożizzjonijiet kontradittorji wera li ma kienx hemm tilwima reali iżda eżerċizzju proċedurali implimentat bi qbil bejniethom bil-għan biss li tinkiseb deċiżjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.
56. Madankollu, kif urejt fil-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi, ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma jeżisti f’dan il-każ. Inżid ukoll li, b’xi mod jew ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li dak ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kien ammissibbli, minkejja l-kundizzjonijiet li għadni kemm semmejt.
57. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li d-domanda preliminari hija ammissibbli.
V. Analiżi tad-domanda preliminari
58. Stat Membru (f’dan il-każ ir-Renju Unit) jista’ jirrevoka n-notifika tal-intenzjoni li joħroġ mill-Unjoni ladarba din tkun ġiet ikkomunikata lill-Kunsill Ewropew?
59. Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 50 TUE ma jagħtix risposta espliċita għal din id-domanda li tidher tant sempliċi, jistgħu jitressqu tliet soluzzjonijiet: (a) le, fl-ebda każ; (b) iva, mingħajr ebda kundizzjoni; jew (c) iva, taħt ċerti kundizzjonijiet. Ir-raġunament sabiex tiġi ġġustifikata waħda jew l-oħra minn dawn is-soluzzjonijiet huwa, mingħajr ebda dubju, ikkumplikat, kif juri d-dibattitu li kien hemm fl-Istati Membri (u b’mod partikolari fir-Renju Unit) u fid-duttrina legali (32).
60. Dan id-dibattitu estenda għal din il-kawża għal deċiżjoni preliminari fejn:
– Ir-rikorrenti (Wightman et) u l-intervenjenti insostenn tagħhom (Tom Brake u Chirs Leslie) jargumentaw favur ir-revoka unilaterali, suġġetta għal kundizzjonijiet partikolari.
– Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma jaqblux mar-revoka unilaterali iżda jqisu li l-Artikolu 50 TUE jippermetti revoka (li ser niddeskrivi bħala b’kunsens) approvata b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew.
61. Fil-verità, id-dibattitu huwa riflessjoni ta’ problema li feġġet sa mill-ewwel mumenti tal-ħolqien tad-dritt, kif nafuh illum, dwar l-effetti tad-dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ rieda, meta dawn ikunu indirizzati lejn terzi, u dwar l-eventwali revoka ulterjuri tagħhom. F’dan ir-rigward, fid-dritt Ruman kien hemm kemm pożizzjonijiet riġidi (optione facta, ius eligendi consumitur) (33) kif ukoll pożizzjonijiet oħra iktar flessibbli, li kienu jaċċettaw l-irtirar jew ir-rinunzja ta’ tali dikjarazzjonijiet (mutatio consilii) sakemm ma jippreġudikawx jew jagħmlu ħsara lil terz.
62. Fl-analiżi tal-mertu ta’ din il-kwistjoni, ser insegwi din il-linja ta’ argumenti:
– Fl-ewwel lok, ser neżamina d-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar il-ħruġ tal-Istati mit-trattati internazzjonali, inklużi dawk dwar ir-revoka tal-ħruġ. Minn dan l-eżami ser ikun jista’ jiġi konkluż jekk dawn id-dispożizzjonijiet japplikawx għal dan il-każ.
– Fit-tieni lok, ser ngħaddi għal interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE, bħala lex specialis, sabiex niddetermina jekk, konformement ma’ dan l-artikolu, hemmx xi ħaġa li tipprekludi r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Jekk dan ikun il-każ, ser nanalizza r-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri sabiex iwettqu tali revoka unilaterali.
– Fl-aħħar nett, ser nindirizza l-possibbiltà, imqajma mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, ta’ revoka b’kunsens.
A. Ħruġ mit-trattati fid-dritt internazzjonali
1. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, ir-regoli konswetudinarji u l-prattika tal-Istati dwar id-dritt ta’ ħruġ
63. Peress li r-regolamentazzjoni tat-trattati internazzjonali hija bbażata fuq il-prinċipju pacta sunt servanda, ikkonfermat fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, l-Istati rreżistew l-aċċettazzjoni tad-dritt ta’ ħruġ unilaterali ta’ Stat li huwa Parti fi trattat internazzjonali. Għaldaqstant, l-Artikolu 42 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jistabbilixxi li “it-terminazzjoni ta’ trattat, ir-rinunzja tiegħu jew il-ħruġ ta’ Parti jistgħu jitwettqu biss bħala riżultat tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat jew ta’ din il-konvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
64. Il-possibbiltà ta’ ħruġ minn trattat hija prevista b’mod espliċitu fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna:
– L-Artikolu 54 jippermetti l-ħruġ ta’ Stat li jkun Parti “skont id-dispożizzjonijiet tat-trattat” inkwistjoni (34) jew “fi kwalunkwe ħin, bil-kunsens tal-Partijiet kollha wara li jiġu kkonsultati l-Istati Kontraenti l-oħra” (35).
– L-Artikolu 56 jistabbilixxi li, jekk trattat ma jinkludix dispożizzjonijiet espliċiti dwar ir-rinunzja jew il-ħruġ, dan tal-aħħar ikun possibbli biss fil-każ li jirriżulta li kienet l-intenzjoni tal-Partijiet li jaċċettaw il-possibbiltà ta’ ħruġ jew jekk id-dritt ta’ ħruġ jista’ jiġi dedott min-natura tat-trattat (36).
65. Għalkemm il-prattika internazzjonali ta’ ħruġ unilaterali minn trattati multilaterali ma kinitx abbundanti ħafna, xorta waħda kien hemm xi każijiet li jistgħu jittieħdu bħala eżempji. F’dawn l-aħħar snin din il-prattika żdiedet, minħabba r-riżervi ta’ ċerti gvernijiet li qegħdin joħduha kontra t-trattati internazzjonali u l-parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali (37).
66. Kien hemm ukoll każijiet ta’ ħruġ minn trattat għal perijodu ta’ żmien, segwit minn adeżjoni sussegwenti għal dan l-istess trattat. Wieħed mill-iktar każijiet rilevanti kien il-każ tal-pajjiżi Komunisti Ewropej li, fil-bidu tal-Gwerra Bierda, ħarġu mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, għax-Xjenza u għall-Kultura (UNESCO). Peress li t-trattati li jistabbilixxu dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali ma kienx fihom klawżola dwar il-ħruġ, l-Istati tal-Punent ħadu l-pożizzjoni li dan kien jiddependi mill-kunsens tal-Istati Partijiet l-oħra. Insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, il-pajjiżi Komunisti argumentaw li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali, l-Istati ma jistgħux jkunu obbligati li jibqgħu Parti fi trattat kontra r-rieda tagħhom (38).
67. Minħabba dawn l-avvenimenti, it-Trattat li jistabbilixxi l-UNESCO kien ġie emendat sabiex ġiet introdotta dispożizzjoni li stabbilixxiet id-dritt ta’ ħruġ unilaterali (39). Din il-klawżola ntużat mir-Renju Unit (li ħareġ mill-UNESCO fil-31 ta’ Diċembru 1985 u li reġa’ aderixxa magħha fl-1 ta’ Lulju 1997) u mill-Istati Uniti (li ħarġu fil-31 ta’ Diċembru 1984 u reġgħu aderixxew magħha fit-3 ta’ Ottubru 2003). Fl-2017, l-Istati Uniti reġgħu ħarġu minn din l-organizzazzjoni internazzjonali, kif għamel ukoll l-Iżrael (40).
68. Fir-rigward tar-revoka tan-notifiki ta’ ħruġ minn trattati internazzjonali, minbarra numru ta’ preċedenti storiċi (41), hemm ukoll każijiet reċenti li jistgħu jkunu ta’ interess għal din il-kawża. Qiegħed nirreferi, b’mod konkret, għall-każijiet tal-Panama, tal-Gambja u tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel (42).
69. Fid-19 ta’ Awwissu 2009, il-Gvern tal-Panama nnotifika (43) l-ħruġ tiegħu mit-Trattat li jikkostitwixxi l-Parlament tal-Amerika Ċentrali u Istanzi Politiċi Oħra (iktar ’il quddiem il-“Parlacen”) (44), filwaqt li invoka insostenn tiegħu l-Artikolu 54(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Fid-dawl tar-rifjut mill-Membri tal-Parlacen, il-Gvern tal-Panama talab lill-Asamblea Nacional (l-Assemblea Nazzjonali, il-Panama) tapprova l-Ley 78 (il-Liġi Nru 78), tal-11 ta’ Diċembru 2011, li kienet tirreferi għal din in-notifika u li kienet tannulla l-istrumenti tal-Panama li jirratifikaw dan it-trattat. Minkejja dan, il-Corte Suprema de Justicia de Panamá (il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Panama, il-Panama) iddikjarat li din il-liġi kienet tmur kontra l-kostituzzjoni sa fejn kienet tikser l-Artikolu 4 tal-Constitución panameña (il-Kostituzzjoni tal-Panama), li jipprovdi li “la República de Panamá acata las normas del derecho internacional” (“ir-Repubblika tal-Panama tosserva n-normi tad-dritt internazzjonali”), u dan sa fejn it-Trattat Parlacen ma kienx jinkludi klawżola espliċita dwar il-ħruġ u dan ma setax jitwettaq konformement mal-Artikoli 54 u 56 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (45). Bħala konsegwenza ta’ din is-sentenza, in-notifika ta’ ħruġ tal-Panama ġiet irrevokata u l-Panama reġgħet bdiet tipparteċipa fil-Parlacen (46).
70. Iż-żewġ każijiet l-oħra jirreferu għat-Trattat li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), jiġifieri l-Istatut ta’ Ruma tal-1998 (47):
– Il-Gvern tal-Gambja, fi Frar 2017, wara li laħaq President ġdid, irrevoka n-notifika ta’ ħruġ li kienet saret f’Novembru 2016 (48).
– Il-Gvern tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, li f’Ottubru 2016 kien innotifika l-ħruġ tiegħu mill-Istatut ta’ Ruma (49), indika, f’Marzu 2017 (50), li kien qiegħed jirrevoka din in-notifika, u dan minħabba l-annullament tagħha mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Afrika t’Isfel) (51).
71. Fid-dawl ta’ din il-prattika internazzjonali, wieħed jista’ jistaqsi jekk il-possibbiltà ta’ revoka ta’ notifiki ta’ ħruġ kisbitx in-natura ta’ regola konswetudinarja internazzjonali. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jipprovdi li n-notifiki jew l-istrumenti previsti fl-Artikoli 65 u 67 jistgħu jiġu rrevokati fi kwalunkwe mument qabel jidħlu fis-seħħ, jirrifletti regola konswetudinarja tad-dritt internazzjonali?
72. L-Artikoli 65 sa 68 jifformaw it-Taqsima 4 tal-Parti V tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li tinkludi d-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli għall-każijiet ta’ invalidità, terminazzjoni, ħruġ u sospensjoni ta’ trattati.
– L-Artikolu 65 jobbliga lill-Istat li jkun jixtieq joħroġ minn trattat jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Istati Partijiet l-oħra, filwaqt li jispjega l-miżura li jipproponi li għandha tiġi adottata fir-rigward tat-trattat u r-raġunijiet li fuqhom ikun qiegħed jibbaża dan. Dawn l-Istati l-oħra għandhom terminu minimu ta’ tliet xhur sabiex iressqu oġġezzjonijiet għall-ħruġ.
– Fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet, l-Artikolu 67 jippermetti lill-Istat li jkun jixtieq joħroġ mit-trattat jifformalizza bil-miktub l-istrument ta’ ħruġ tiegħu, li għandu jikkomunikah lill-Istati Partijiet l-oħra.
– Skont l-Artikolu 68, “in-notifiki jew l-istrumenti previsti fl-Artikoli 65 u 67 jistgħu jiġu rrevokati fi kwalunkwe mument qabel ma jidħlu fis-seħħ”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
73. L-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna kien ġie adottat, mingħajr voti kontra, mill-Istati li pparteċipaw fil-konferenza intergovernattiva li fformulat din il-konvenzjoni, fuq il-bażi tal-abbozz ta’ artikoli tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali, li fil-kuntest tagħha lanqas ma kien hemm nuqqas ta’ qbil dwaru (52).
74. Dan il-fatt jista’ jagħti x’jifhem li l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jikkodifika regola konswetudinarja (53). Madankollu, din id-dispożizzjoni, li tidher li hija marbuta mal-Artikoli 65 u 67, tista’ titqies pjuttost li hija regola ta’ natura proċedurali li tirrifletti żvilupp progressiv u mhux il-kodifikazzjoni ta’ konswetudni internazzjonali (54). Din kienet l-evalwazzjoni magħmula fir-rigward tal-Artikolu 65 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Racke (55) u, fil-fehma tiegħi, din l-istess evalwazzjoni tista’ tiġi applikata għall-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (għalkemm nirrikonoxxi li hemm diskrepanzi dwar dan) (56).
75. F’din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza relattiva, li ma hijiex iċċarata mill-prattika reċenti tal-Istati dwar ir-revoki ta’ notifiki ta’ ħruġ mit-trattati internazzjonali, huwa fil-fehma tiegħi diffiċli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara li l-kontenut tal-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jikkostitwixxi regola konswetudinarja fis-seħħ, jiġifieri regola fis-sens li jistgħu jiġu rrevokati, b’mod unilaterali, in-notifiki ta’ ħruġ minn trattat magħmula minn Stat Membru, sal-mument li dawn in-notifiki jidħlu fis-seħħ.
76. Madankollu, irrispettivament minn jekk huwiex jew le regola konswetudinarja tad-dritt internazzjonali, l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna huwa, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni, sors mhux negliġibbli ta’ ispirazzjoni, kif ser nispjega fil-punti segwenti.
2. Applikazzjoni għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-ħruġ minn trattati
77. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-ħruġ minn trattati internazzjonali japplikaw għall-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni? F’dan il-każ, x’relazzjoni jista’ jkun hemm bejn il-Konvenzjoni ta’ Vjenna u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 TUE?
78. It-TUE huwa trattat internazzjonali konkluż bejn Stati u, fl-istess ħin, strument li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzjonali (l-Unjoni Ewropea). Bħala tali, it-TUE huwa suġġett għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna, skont l-Artikolu 5 tagħha (57). Madankollu, għandu jitfakkar li l-Unjoni ma hijiex Parti fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna, bħalma lanqas ma huma wħud mill-Istati Membri tagħha (Franza, ir-Rumanija). Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-ħruġ minn trattat u r-revoka possibbli tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, ma japplikawx għad-dritt tal-Unjoni bħala regoli internazzjonali ta’ natura konvenzjonali.
79. Minkejja dan, ir-regoli konswetudinarji internazzjonali jorbtu lill-Istati Membri u lill-Unjoni u jistgħu jkunu sors ta’ drittijiet u obbligi fid-dritt tal-Unjoni (58).
80. Wara li esponejt ir-riżervi tiegħi fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-regola tar-revokabbiltà tan-notifiki ta’ ħruġ minn trattati, stabbilita fl-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, bħala regola konswetudinarja internazzjonali, ma huwiex fil-fehma tiegħi possibbli li din tintuża bħala bażi legali sabiex Stat Membru joħroġ mill-Unjoni f’kuntest ieħor għajr il-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE.
81. Fil-fatt, fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni hemm klawżola espliċita dwar il-ħruġ (l-Artikolu 50 TUE), li tikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tar-regoli konvenzjonali (Artikoli 54, 56 u 64 sa 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna) tad-dritt internazzjonali dwar din il-kwistjoni. Għaldaqstant, il-ħruġ ta’ Stat Membru mit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni għandu bħala prinċipju jitwettaq konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 50 TUE.
82. Madankollu, ma hemm xejn li jipprekludi interpretazzjoni fid-dawl tal-Artikoli 54, 56, 65, 67 u, b’mod partikolari, 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna sabiex jinstiltu gwidi interpretattivi li jikkontribwixxu sabiex jiġu kkjarifikati d-dubji dwar il-kwistjonijiet li ma humiex indirizzati espliċitament mill-Artikolu 50 TUE. Dan japplika fir-rigward tar-revokabbiltà tan-notifiki ta’ ħruġ, kwistjoni din li fir-rigward tagħha l-Artikolu 50 TUE ma jgħid xejn.
83. Ma hemm xejn barra minn normal f’din ir-relazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja użat id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar l-interpretazzjoni tat-trattati u, b’mod partikolari, l-Artikoli 31 u 32 tagħha (59), sabiex tiċċara t-tifsira tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (60), tat-trattati internazzjonali konklużi mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi, tar-regoli tad-dritt sekondarju (61) kif ukoll tat-trattati bilaterali bejn Stati Membri meta tressqet quddiemha tilwima dwarhom bis-saħħa ta’ klawżola li tattribwixxilha ġurisdizzjoni (Artikolu 273 TFUE) (62).
84. F’dan il-każ, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 50 TUE, li jirregola d-dritt ta’ ħruġ. Din il-possibbiltà, l-istess bħar-reviżjoni (l-Artikolu 48 TUE), l-adeżjoni (l-Artikolu 49 TUE) u r-ratifika (l-Artikolu 54 TUE) tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, hija marbuta mal-oriġini ta’ dawn it-trattati u tirrappreżenta kwistjoni tipika tad-dritt internazzjonali.
85. L-Artikolu 50 TUE, li l-formulazzjoni tiegħu kienet ispirata mill-Artikoli 65 sa 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (63), huwa, kif diġà għidt, lex specialis fil-konfront tar-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali dwar il-ħruġ minn trattati, iżda ma huwiex dispożizzjoni awtosuffiċjenti li tirregola b’mod eżawrjenti d-dettalji individwali kollha ta’ din il-proċedura ta’ ħruġ (64). Għaldaqstant, ma hemm xejn li jipprekludi li, sabiex jimtlew il-lakuni tal-Artikolu 50 TUE, tingħata ħarsa lejn l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, anki jekk dan ma jirriflettix, fil-veru sens tal-kelma, regola konswetudinarja internazzjonali.
B. Ir-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE
86. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE, introdott f’dan it-trattat permezz tar-riforma magħmula bit-Trattat ta’ Lisbona, tibda bid-deċiżjoni ta’ ħruġ li l-Istat Membru għandu jadotta “skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu”.
87. Il-fażijiet ulterjuri ta’ din il-proċedura ġew deskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan il-mod: “dan l-artikolu jipprovdi proċedura ta’ rtirar li tinkludi, l-ewwel nett, in-notifika lill-Kunsill Ewropew tal-intenzjoni ta’ rtirar, it-tieni nett, in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-irtirar b’kunsiderazzjoni għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Istat ikkonċernat u l-Unjoni u, it-tielet nett, l-irtirar mill-Unjoni stess mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun ingħatat in-notifika lill-Kunsill Ewropew, ħlief jekk dan tal-aħħar, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, jiddeċiedi unanimament li jestendi dan il-perijodu” (65).
88. Sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-fatt li ma jgħid xejn dwar din is-sitwazzjoni, l-Artikolu 50 TUE jippermettix jew le r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, għandhom jiġu applikati t-tekniki ta’ interpretazzjoni normalment użati mill-Qorti tal-Ġustizzja (66) u, sussidjarjament, għal dawk previsti fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.
89. Ngħid diġà li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 50 TUE jippermetti r-revoka unilaterali mill-Istat Membru li jagħmel in-notifika, sal-mument li fih jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ mill-Unjoni.
1. Interpretazzjoni litterali u kuntestwali tal-Artikolu 50 TUE
90. B’mod ġenerali, huwa possibbli kemm l-argument li dak kollu li l-liġi ma tipprojbixxix huwa permess u kemm l-argument li s-silenzju tal-liġi jimplika l-assenza tad-dritt (67). Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 50 TUE ma jipprovdix risposta diretta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, il-kriterju litterali fil-verità ma jistax jiġi applikat u dan l-artikolu għandu jiġi analizzat fil-kuntest tiegħu, fis-sens li t-tifsira tiegħu għandha tiġi mistħarrġa fid-dawl tar-ratio tiegħu, fil-kuntest normattiv usa’ tiegħu.
91. L-Artikolu 50(1) TUE jirregola l-ewwel fażi tal-proċedura filwaqt li jindika li “[k]ull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni”. Għaldaqstant, din l-ewwel fażi (nazzjonali) tiddependi esklużivament mill-Istat Membru inkwistjoni, sa fejn il-ħruġ huwa dritt irrikonoxxut lil kull Stat li huwa Parti fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.
92. Id-deċiżjoni ta’ ħruġ, adottata unilateralment fl-eżerċizzju tas-sovranità tal-Istat Membru inkwistjoni (68), hija suġġetta biss, skont l-Artikolu 50 TUE, għall-kundizzjoni li din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru. L-obbligu li l-intenzjoni ta’ ħruġ tiġi nnotifikata lill-Kunsill Ewropew u t-terminu ta’ sentejn sabiex jiġi nnegozjat il-ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ huma elementi ta’ natura formali biss u ma jillimitawx in-natura unilaterali tad-deċiżjoni inizjali ta’ ħruġ.
93. Kif diġà spjegajt, il-formulazzjoni tad-dritt ta’ ħruġ fl-Artikolu 50 TUE hija ispirata mir-regoli tad-dritt internazzjonali (b’mod partikolari mill-Artikoli 54 u 56 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna). Dan, fil-fehma tiegħi, huwa loġiku, sa fejn il-ħruġ minn trattat internazzjonali, mid-definizzjoni tiegħu stess, huwa att unilaterali ta’ Stat Parti. L-istess bħas-setgħa li jiġi konkluż trattat (treaty making power), id-dritt li ma jibqax marbut (ħruġ jew rinunzja) minn trattat li fih Stat ikun Parti jikkostitwixxi manifestazzjoni tas-sovranità ta’ dan l-Istat. Ladarba d-deċiżjoni ta’ Stat li jikkonkludi trattat hija unilaterali, hekk ukoll hija d-deċiżjoni li joħroġ minnu.
94. In-natura unilaterali tad-deċiżjoni ta’ ħruġ timmilita favur il-possibbiltà ta’ revoka unilaterali tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, sal-mument li din tipproduċi l-effetti definittivi tagħha. Minn din il-perspettiva, ir-revoka unilaterali tkun ukoll manifestazzjoni tas-sovranità tal-Istat inkwistjoni, li jkun qiegħed jagħżel li jirrinunzja għad-deċiżjoni inizjali tiegħu.
95. Għalhekk, in-natura unilaterali tal-ewwel fażi testendi wkoll, fil-fehma tiegħi, għat-tieni stadju tal-proċedura tal-Artikolu 50 TUE, jiġifieri għall-fażi tan-negozjati, li tibda bin-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ lill-Kunsill Ewropew u li tagħlaq malli jgħaddu sentejn, sakemm dan it-terminu ma jiġix estiż permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew. Huwa minnu, madankollu, li, f’din it-tieni fażi, in-natura unilaterali tidher li hija kontrabbilanċjata mill-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li ser nindirizzah iktar tard.
96. Favur ir-rikonoxximent tar-revokabbiltà tan-notifiki ta’ ħruġ jistgħu jitressqu, fil-fehma tiegħi, ir-raġunijiet segwenti li, bħala argument, huma iktar b’saħħithom minn dawk kontra (għalkemm ikolli nammetti li r-raġunijiet kontra ma humiex mingħajr piż).
97. Fl-ewwel lok, l-obbligi sostantivi u proċedurali li l-Artikolu 50 TUE jimponi fuq l-Istat Membru li jagħżel li joħroġ huma ftit ħafna:
– Dan l-Istat Membru għandu jinnotifika (wieħed għandu jifhem li dan għandu jsir bil-miktub, għalkemm dan ma huwiex speċifikat) l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew, għalkemm ma huwiex obbligat jiġġustifikaha jew jesponi r-raġunijiet li wassluh sabiex joħroġ mill-Unjoni.
– L-Istat Membru għandu jistenna sentejn min-notifika, li mal-iskadenza tagħhom jista’ joħroġ mill-Unjoni mingħajr xejn iktar (69), sa fejn il-konklużjoni ta’ ftehim ma hijiex rekwiżit sabiex jimmaterjalizza l-ħruġ (70).
98. Dawn il-karatteristiċi tal-fażi ta’ negozjati huma l-ewwel indizju tal-fatt li l-Istat li għamel in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiegħu jżomm, matul it-terminu ta’ sentejn, il-kontroll tiegħu, sabiex insejjaħlu hekk, fuq ir-rieda espressa f’din in-notifika. Bħalma jiġri f’oqsma oħra tad-dritt, fl-assenza ta’ projbizzjoni espliċita jew ta’ regola li tipprovdi mod ieħor, min ikun għamel unilateralment dikjarazzjoni ta’ rieda indirizzata lil terz jista’ jirtiraha sal-mument li fih, bl-aċċettazzjoni tad-destinatarju, riflessa f’att jew fil-konklużjoni ta’ kuntratt, jimmaterjalizzaw l-effetti tagħha.
99. Fit-tieni lok, l-Artikolu 50(2) TUE jindika li l-“Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu”, u b’hekk idaħħal fis-seħħ it-tieni fażi tal-proċedura. Dan l-artikolu jitkellem dwar in-notifika tal-“intenzjoni” ta’ ħruġ u mhux dwar il-ħruġ innifsu, peress li l-ħruġ jista’ jseħħ biss bis-saħħa tal-ftehim jew, fl-assenza ta’ ftehim, wara li jintemm il-perijodu ta’ sentejn.
100. L-intenzjonijiet ma humiex definittivi u jistgħu jinbidlu. Min jinnotifika lil terz l-intenzjoni tiegħu jista’ joħloq, għal dan it-terz, aspettattiva iżda ma jassumix obbligu li jżomm din l-intenzjoni b’mod irrevokabbli. Sabiex ikollha dan l-effett, huwa meħtieġ li l-komunikazzjoni ta’ din l-intenzjoni tinkludi riferiment espliċitu għal din in-natura irrevokabbli.
101. Huwa minnu li dan l-argument, ta’ natura pjuttost testwali, ma għandux is-saħħa li jidher li għandu prima facie, u dan sa fejn l-Artikolu 50(2) TUE juża huwa stess il-kelma deċiżjoni (l-“Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika […] bl-intenzjoni tiegħu), kif jagħmel l-Artikolu 50(1) TUE (“Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi”). Issa, l-Artikolu 50(2) seta’ juża l-espressjoni “jinnotifika din id-deċiżjoni” (jew espressjoni oħra simili), minflok “jinnotifika l-intenzjoni tiegħu”. Xi tip ta’ importanza għandha tingħata lil din l-espressjoni tal-aħħar li, mingħajr ebda dubju, ma kinitx ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ attenzjoni.
102. Fil-fatt, huwa permissibbli li wieħed jaħseb li l-użu tal-kelma “intenzjoni” u tal-verb fil-preżent (“li jiddeċiedi” u mhux “li ddeċieda”) fl-Artikolu 50(2) TUE jawtorizza lill-Istat “jerġa’ lura” matul il-proċedura u ma jeżegwixxix l-intenzjoni inizjali ta’ ħruġ tiegħu, dejjem konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu (71).
103. Fit-tielet lok, hemm relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-ewwel fażi u t-tieni fażi tal-proċedura, li tirrifletti wkoll kif il-predominanza tan-natura unilaterali fl-ewwel fażi taffettwa l-fażi suċċessiva. In-negozjati jistgħu jibdew biss wara n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, u għal dan l-iskop huwa essenzjali li l-Istat Membru jkun aġixxa konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu.
104. Issa, id-deċiżjoni ta’ ħruġ tista’ tiġi annullata jekk l-entità li jkollha l-awtorità tannullaha (b’mod ġenerali l-ogħla qrati ta’ kull Stat) tiddikjara li din id-deċiżjoni ma tkunx ġiet adottata skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali. F’tali sitwazzjoni, jidhirli li huwa ċar li l-Istat li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu għandu jikkomunika wkoll li qiegħed jirrevoka unilateralment din in-notifika minħabba li d-deċiżjoni inizjali tiegħu ma kinitx tissodisfa rekwiżit indispensabbli.
105. Għalkemm is-sitwazzjoni ma hijiex eżattament l-istess bħal dik deskritta fil-punt preċedenti, jekk, bħala konsegwenza ta’ azzjoni konkluża skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu (pereżempju, referendum, vot importanti fil-Parlament, iż-żamma ta’ elezzjonijiet ġenerali b’maġġoranza kontra, fost ipoteżijiet oħra), id-deċiżjoni inizjali tal-Istat Membru tinbidel u tisfa’ fix-xejn, manifestament, il-bażi legali u kostituzzjonali li fuqha kienet ibbażata, huwa fil-fehma tiegħi loġiku li, konformement mal-Artikolu 50(1) TUE, dan l-Istat jista’ u għandu jinnotifika din il-bidla lill-Kunsill Ewropew.
106. Fiż-żewġ każijiet, l-ewwel fażi tal-proċedura tispiċċa mingħajr bażi, jew minħabba li d-deċiżjoni oriġinali tkun ġiet adottata b’mod invalidu, jew minħabba li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi kostituzzjonali interni jħalluha mingħajr suġġett jew mingħajr skop (72). Loġikament, it-tieni stadju tal-proċedura wkoll ikun affettwat għaliex ma tkunx għadha applikabbli l-premessa li fuqha kien ibbażat. Sa fejn ma jkunx għad hemm bażi kostituzzjonali għall-ħruġ, l-Istat għandu jinforma lill-Kunsill Ewropew li jkun qiegħed jirrevoka, għalhekk, in-notifika preċedenti tiegħu tal-intenzjoni li joħroġ mill-Unjoni (73).
107. Il-prassi internazzjonali esposta iktar ’il fuq (74) tikkonferma din il-konklużjoni. Il-preċedenti li semmejt jindikaw, b’mod ċar, li notifika ta’ ħruġ minn trattat internazzjonali tista’ tiġi rrevokata fil-każ li jirriżulta ksur tal-ħtiġijiet kostituzzjonali tal-Istat jew fil-każ li jkun hemm bidla politika li twassal għal bidla fir-rieda tal-Istat inkwistjoni u dan jagħżel li jibqa’ marbut mill-imsemmi trattat.
108. Dawn il-preċedenti jsegwu l-linja indikata mill-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna li, kif diġà rajna, jirrikonoxxi r-revokabbiltà tan-notifiki ta’ ħruġ sal-mument li fih dan il-ħruġ isir effettiv. Irrispettivament minn jekk dan l-artikolu huwiex l-espressjoni ta’ regola konswetudinarja tad-dritt internazzjonali, dak li huwa ċert huwa li l-Konvenzjoni ta’ Vjenna serviet bħala ispirazzjoni għall-Artikolu 50 TUE u fil-fehma tiegħi ma hemm ebda raġuni għaliex l-istess regola ma għandhiex tapplika, b’analoġija, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħruġ mill-Unjoni.
109. Barra minn hekk, jekk issir insistenza fuq in-negozjati tal-ftehim dwar il-ħruġ mit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni ma’ Stat Membru li ma jkunx għad għandu r-rieda li joħroġ minnha, wara li jkun eżerċita l-mekkaniżmi kostituzzjonali tiegħu sabiex ireġġa’ lura d-deċiżjoni inizjali, dan iwassal, fil-fehma tiegħi, għal riżultat li jmur kontra s-sens komun u li għalih ma għandhiex twassal interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 50 TUE.
110. Minn perspettiva differenti, jekk l-imsemmija mekkaniżmi jinkludu d-deċiżjoni ta’ Parlament nazzjonali, li tikkontribwixxi b’hekk sabiex jiġu stabbiliti l-karatteristiċi tal-“identità nazzjonali” tiegħu, “inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali” tiegħu, u jorbtu din l-identità mas-sħubija fl-Unjoni, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 4 TUE ikollhom jimmilitaw favur l-aċċettazzjoni ta’ din id-deċiżjoni l-ġdida, kif joħroġ mir-“rispett” imsemmi fl-Artikolu 4(2) TUE.
111. Fir-raba’ lok, naqbel mal-osservazzjonijiet ta’ Wightman et fis-sens li, jekk tiġi miċħuda r-revokabbiltà tan-notifiki tal-intenzjoni ta’ ħruġ meta l-Istat Membru jkun bidel fehmtu konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu u jkun jixtieq jibqa’ fl-Unjoni, dan iwassal sabiex de facto jkun imġiegħel joħroġ minn din l-organizzazzjoni internazzjonali.
112. Fil-fatt, tali ċaħda tammonta għal tkeċċija indiretta mill-Unjoni minkejja li fl-Artikolu 50 TUE ma hemm xejn li jagħti x’jifhem li l-proċedura ta’ ħruġ tista’ tinbidel f’mod ta’ tkeċċija ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa ma ġietx approvata emenda li kienet qiegħda tipproponi li d-dritt ta’ ħruġ volontarju tal-Istati Membri jiġi kkompletat bi dritt ta’ tkeċċija mill-Unjoni fir-rigward tal-Istati Membri li jiksru b’mod kontinwu l-valuri tagħha (75).
113. Fil-ħames lok, ir-revokabbiltà tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ma tistax tiġi miċħuda bl-argument li l-Istat Membru li jixtieq jibqa’ fl-Unjoni għandu l-possibbiltà (Artikolu 50(5) TUE) li jitlob li jaderixxi mill-ġdid mal-Unjoni permezz tal-Artikolu 49 TUE.
114. Fil-fehma tiegħi, fl-Artikolu 50 TUE ma hemm xejn li jindika li din hija proċedura b’direzzjoni waħda mingħajr ritorn (“one way street with no exits”), li fil-kuntest tagħha l-unika ħaġa li jista’ jagħmel Stat Membru, wara li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ u wara li jkun bidel sussegwentement id-deċiżjoni tiegħu, tkun li jistenna li jgħaddu sentejn sabiex joħroġ mill-Unjoni sabiex imbagħad jitlob immedjatament li jerġa’ jaderixxi magħha (76). Bl-istess mod, ikun fil-fehma tiegħi kuntrarju għall-istruttura tal-Artikolu 50 TUE li tiġi nnegozjata l-adeżjoni futura matul it-tieni fażi tal-proċedura, fit-terminu ta’ sentejn, ġaladarba r-rieda tal-Istat Membru tkun inbidlet u ma jkunx jixtieq joħroġ mill-Unjoni. L-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 50 TUE ma tistax tagħti lok għal sitwazzjonijiet li ftit li xejn huma loġiċi (jew saħansitra inkongruwenti) bħalma huma dawn is-sitwazzjonijiet, għas-sempliċi raġuni li jitqies li r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ma hijiex possibbli.
115. Fis-sitt lok, għal kull fini utli, il-fażi ta’ negozjati li tibda bin-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ma tibdilx l-istatus tal-Istat li jagħmel in-notifika bħala Stat Membru tal-Unjoni. Dan ikkonfermatu l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza RO meta affermat li n-notifika “ma għandhiex l-effett li tissospendi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istat Membru li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni u li, konsegwentement, dan id-dritt […] jibqa’ fis-seħħ b’mod sħiħ f’dan l-Istat sal-irtirar effettiv tiegħu mill-Unjoni” (77).
116. Għaldaqstant, l-Istat Membru li jkun attiva l-Artikolu 50 TUE sabiex joħroġ mill-Unjoni jista’ jiddiżattivah meta r-rieda tiegħu tinbidel, konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, peress li l-Artikolu 50(1) TUE, interpretat hawnhekk a sensu contrario, jibqa’ applikabbli għalih. In-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiftaħ perijodu ta’ sentejn ta’ negozjati iżda ma ċċaħħadx lill-Istat Membru li jagħmel in-notifika mill-istatus tiegħu bħala Stat Membru u mid-drittijiet kollha inerenti għal dan l-istatus, ħlief għar-restrizzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu fid-diskussjonijiet u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċernaw il-ħruġ tiegħu stess (Artikolu 50(4) TUE).
117. Fil-fehma tiegħi, l-argumenti li għadni kemm esponejt fid-dawl ta’ din l-analiżi tal-Artikolu 50 TUE jġorru iktar piż minn dawk, fis-sens oppost, imressqa fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u sostnuti min-numru ta’ awturi (78).
118. Jekk fhimt sew ir-raġunamenti, essenzjalment identiċi, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, dawn iż-żewġ istituzzjonijiet isostnu interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE li tattribwixxi karatteristiċi radikalment iddifferenzjati lill-fażi inizjali u lill-fażi intermedja u lil dik finali tal-proċedura ta’ ħruġ.
119. Fil-fehma tagħhom, il-fażi inizjali hija kompletament unilaterali u taqa’ taħt il-kontroll tal-Istat Membru. Għall-kuntrarju, il-fażi intermedja (in-negozjati) għandha natura bilaterali jew multilaterali, b’tali mod li jipprevalu s-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Malli tibda din it-tieni fażi, l-Istat Membru li jagħmel in-notifika jitlef il-kontroll fuq il-proċedura, bil-konsegwenza li ma jkunx jista’ jirrevoka unilateralment in-notifika ta’ ħruġ tiegħu. Tali revoka tkun tista’ ssir biss b’kunsens, permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew.
120. Jiena ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni.
121. Huwa minnu li l-istituzzjonijiet jintervjenu b’mod rilevanti fit-tieni fażi ta’ negozjati tal-proċedura ta’ ħruġ:
– Il-Kunsill Ewropew jirċievi n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, mibgħuta mill-Istat Membru inkwistjoni.
– L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati jinnegozjaw il-ftehim dwar il-ħruġ mal-Istat Membru inkwistjoni, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni.
– Il-proċedura tinkludi n-negozjati skont l-Artikolu 218(3) TFUE u (l-eventwali) konklużjoni tal-ftehim mill-Kunsill f’isem l-Unjoni, permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-possibbiltà li jiġi estiż il-perijodu ta’ negozjati ta’ sentejn hija f’idejn il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mal-Istat Membru inkwistjoni.
122. Madankollu, dawn is-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jagħtu xejra multilaterali lill-proċedura ta’ ħruġ, ma jeliminawx kompletament in-natura unilaterali ta’ din it-tieni fażi sa fejn, minn naħa, il-kundizzjoni li fuqha hija bbażata din il-fażi hija n-notifika tad-deċiżjoni (jew aħjar, tal-intenzjoni) ta’ ħruġ, li għandha ssir mill-Istat Membru, li l-invalidità tagħha jew ir-rinunzja unilaterali tagħha jċaħħdu lill-istadji sussegwenti mill-bażi tagħhom. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru ma huwiex obbligat jikkonkludi ftehim sabiex joħroġ mill-Unjoni u huwa biżżejjed li jħalli l-perijodu obbligatorju ta’ negozjati ta’ sentejn jgħaddi sabiex jimmaterjalizza l-ħruġ tiegħu, punt dan li jsaħħaħ in-natura unilaterali anki ta’ din il-fażi tal-proċedura.
123. It-terminu (massimu, sakemm ma jiġix estiż) ta’ sentejn sabiex jiġu nnegozjati l-kundizzjonijiet tal-ħruġ huwa normali fil-klawżoli previsti fi trattati internazzjonali oħra (79). Mill-eżistenza ta’ tali perijodu ma tistax tinstilet l-impossibbiltà li n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiġi rrevokata unilateralment. Barra minn hekk, dan il-perijodu ta’ żmien ma huwiex maħsub biss bħala perijodu ta’ preparazzjoni għall-ħruġ iżda wkoll bħala “cooling-off period”, li jippermetti lill-Istat Membru inkwistjoni jikkunsidra mill-ġdid, jekk ikun il-każ, l-intenzjoni inizjali tiegħu u jibdel fehmtu (80).
124. Il-fatt li l-Kunsill Ewropew għandu s-setgħa li jestendi l-imsemmi perijodu lanqas ma jfisser li din l-estensjoni ma taqax taħt il-kontroll tal-Istat inkwistjoni u twasslu, inevitabbilment, sabiex joħroġ mill-Unjoni anki jekk ikun bidel fehmtu. Skont l-Artikolu 50(3) TUE, l-estensjoni għandha tiġi deċiża mill-Kunsill Ewropew b’mod unanimu, iżda “bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni”. Fi kliem ieħor, il-Kunsill Ewropew ma jistax jimponi l-estensjoni fuq l-Istat Membru, li għandu kemm il-possibbiltà li jagħmel effettiv il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni meta jintemm it-terminu u kemm il-possibbiltà li jirrevoka l-intenzjoni tiegħu qabel jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ.
125. Il-Kunsill isostni wkoll, bħala argument kontra r-revokabbiltà unilaterali, li n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ jibda jkollha ċerti effetti legali sa mill-bidu tat-tieni fażi tal-proċedura u matul din il-fażi (81). Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-atti legali adottati mill-Unjoni matul il-fażi ta’ negozjati ma humiex, fil-veru sens tal-kelma, effetti tan-notifika ta’ ħruġ, iżda huma miżuri inerenti għan-negozjati (bħal, pereżempju, il-fatt li r-Renju Unit ma jipparteċipax fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill li jiddiskutu l-proċess ta’ negozjati jew il-linji gwida fir-rigward ta’ dan il-proċess) jew ftehimiet magħmula fid-dawl tal-ħruġ futur (it-trasferiment tas-sede ta’ ċerti aġenziji sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tagħhom mingħajr interruzzjonijiet) (82).
126. Dawn l-atti tal-Unjoni, fil-parti l-kbira tagħhom ta’ natura formali, huma, nerġa’ ngħid, marbuta mal-proċess ta’ negozjati (83) u l-eżistenza tagħhom ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi miċħuda l-possibbiltà li tiġi rrevokata n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. L-atti konnessi, bħal dawk marbuta mat-trasferiment tas-sede tal-aġenziji tal-Unjoni, ma humiex ser ikunu affettwati minn din ir-revoka u huma biss l-ispejjeż ekonomiċi eventwalment ikkawżati minnhom li jistgħu jagħtu lok għal tilwim.
127. Fil-fatt, it-tfassil u l-applikazzjoni tal-atti formali marbuta man-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit u tal-atti relatati implikaw spiża ekonomika għall-Unjoni, l-istess bħall-formazzjoni ta’ grupp ta’ negozjaturi ddedikat esklużivament għall-Brexit. Il-Kunsill jargumenta li l-Unjoni jkollha ssostni dawn l-ispejjeż fil-każ ta’ revoka unilaterali u dan jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħu, argument kontra din il-possibbiltà.
128. Ma naħsibx li dan ir-raġunament huwa konvinċenti. Il-problema ta’ min għandu jbati l-ispejjeż (bħala “danni kollaterali”) ma għandhiex bħala l-unika soluzzjoni dik li jidher li qiegħed iressaq il-Kunsill. In-negozjati dwar il-konklużjoni ta’ jew il-ħruġ minn kwalunkwe trattat internazzjonali jikkawżaw spejjeż għall-Istati Partijiet li dawn għandhom ibatu u din ir-regola ma għandhiex tkun differenti fir-rigward tar-revoka unilaterali ta’ notifika ta’ ħruġ. Fl-aħħar mill-aħħar, ma naħsibx li qiegħed niżbalja meta ngħid li l-ispejjeż ekonomiċi (għall-Unjoni u għaċ-ċittadini tagħha) ikkawżati mill-ħruġ ta’ Stat Membru ser ikunu ħafna ikbar mill-ispejjeż (minimi) ikkawżati mir-revoka.
2. Interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 50 TUE
129. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE jistabbilixxi li “[d]an it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa […]”.
130. Kif diġà għidt, l-Unjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 4(2) TUE, tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, “inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom”. It-tielet premessa tal-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) tfakkar li l-Unjoni għandha tirrispetta, fl-azzjoni tagħha, l-identità nazzjonali tal-Istati Membri.
131. Fil-verità, l-Artikolu 50(1) TUE huwa eżempju rilevanti tar-rispett tal-identità nazzjonali tal-Istati, li jingħataw id-dritt li joħorġu mill-Unjoni konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħhom. Bħalma Stat Membru jista’, f’mument partikolari, iqis li l-identità nazzjonali tiegħu hija inkompatibbli mas-sħubija tiegħu fl-Unjoni, ma hemm xejn li jwaqqfu milli jorbot din l-istess identità (li ma għandhiex tinftiehem bħala kunċett li ma jistax jinbidel jew bħala xi ħaġa mnaqqxa fil-ġebel) mas-sħubija tiegħu fl-Unjoni.
132. Iktar ’il fuq spjegajt kif il-prinċipju ta’ rispett tal-identità kostituzzjonali tal-Istati jimmilita favur l-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 50 TUE proposta minni. L-approċċ teleoloġiku jwassal għal dan l-istess riżultat. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE b’mod li tiffavorixxi r-revoka tal-intenzjoni ta’ ħruġ hija iktar konformi mal-idea inerenti għal dan il-prinċipju, peress li tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni bidla fir-rieda sovrana tal-Istat Membru, adottata skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu (84), sabiex titwaqqaf proċedura ta’ ħruġ mill-Unjoni li dan l-Istat ikun iddeċieda li jreġġa’ lura.
133. L-għan li tintlaħaq “għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa” ukoll jimmilita favur interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE li tiffavorixxi r-revokabbiltà tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Dan il-għan jiffavorixxi interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni intiża li ssaħħaħ l-Unjoni stess u mhux li dgħajjifha. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-fatt li ma jitqajmux ostakoli sabiex jibqa’ fl-Unjoni Stat Membru li kien għażel li joħroġ minnha iżda li mbagħad ikun bidel fehmtu, konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, u li jkun jixtieq jibqa’ Membru, jidher li huwa kriterju ta’ interpretazzjoni partikolarment adegwat.
134. Għall-kuntrarju, il-ħruġ ta’ Stat Membru jippreġudika fi kwalunkwe każ l-għan ta’ integrazzjoni. Fil-preżenza ta’ argumenti bl-istess piż fuq naħa jew fuq oħra, il-favor societatis tqies bħala element ġudizzjarju ewlieni sabiex tinstab l-iktar soluzzjoni konformi mat-tkomplija tal-eżistenza, u mhux max-xoljiment (parzjali), ta’ kwalunkwe fenomenu assoċjattiv li fil-kuntest tiegħu kienu ġew stabbiliti rabtiet mill-qrib ħafna.
135. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija l-iktar waħda favorevoli għall-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti taċ-ċittadini tal-Unjoni, li mingħajr ebda dubju ser ikunu llimitati mill-ħruġ ta’ Stat Membru. Ir-revoka tan-notifika ta’ rtirar, sa fejn twaqqaf il-ħruġ mill-Unjoni tal-Istat Membru inkwistjoni, tiggarantixxi li ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat u dawk tal-Istati l-oħra jkomplu jgawdu mid-drittijiet ta’ ċittadinanza, irregolati fit-TFUE u fil-Karta.
136. L-irrevokabbiltà tan-notifika, f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru jkun iddeċieda li jerġa’ lura fuq il-passi tiegħu, twassal, għall-kuntrarju, sabiex dan l-Istat ikun imġiegħel joħroġ, bil-konsegwenza li dawn id-drittijiet ta’ ċittadinanza jonqsu jew jisfgħu fix-xejn għaċ-ċittadini tal-Istat inkwistjoni li jirrisjedu fl-Unjoni u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra li jirrisjedu fl-Istat inkwistjoni.
137. Fil-qosor, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE li qiegħed nipproponi (revokabbiltà unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ) hija dik li tirrikonċilja bl-aħjar mod ir-rispett tal-identità kostituzzjonali tal-Istat Membru u l-għan marbut mal-iżvilupp tal-proċess ta’ integrazzjoni (85), filwaqt li tiffavorixxi barra minn hekk il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni.
3. Interpretazzjoni storika tal-Artikolu 50 TUE
138. Il-predeċessur tal-Artikolu 50 TUE jinsab fl-Artikolu I-60 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li qatt ma daħal fis-seħħ u li x-xogħlijiet preparatorji tiegħu (86) twettqu fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa.
139. Fil-fehma tiegħi, dawn ix-xogħlijiet preparatorji jikkorroboraw in-natura unilaterali tal-formulazzjoni tad-dritt ta’ ħruġ u jissostanzjaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE proposta minni. Fil-fatt, il-kummenti dwar l-Artikolu 46 tal-abbozz tal-Presidenza tal-Konvenzjoni (87) jikkonfermaw il-prominenza tal-unilateralità fil-proċedura ta’ ħruġ, inkluż matul il-fażi ta’ negozjati, sa fejn jindikaw li l-konklużjoni ta’ ftehim (normalment imsejjaħ ftehim dwar id-divorzju) ma għandhiex tkun kundizzjoni għall-ħruġ għaliex tali kundizzjoni ġġib fix-xejn il-kontenut tal-kunċett ta’ ħruġ volontarju.
140. Bl-istess mod, quddiem il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Unjoni kienu tressqu diversi emendi intiżi sabiex id-deċiżjoni ta’ ħruġ tkun suġġetta għal kundizzjonijiet sostantivi jew sabiex din tal-aħħar tkun suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Istat inkwistjoni u l-Unjoni (88). Dawn l-emendi kollha ġew miċħuda, u dan isaħħaħ ir-rilevanza tal-unilateralità fil-proċedura taħt l-Artikolu 50 TUE.
141. L-evalwazzjonijiet litterali, kuntestwali, teleoloġika u storika magħmula iktar ’il fuq fir-rigward tal-Artikolu 50 TUE jwassluni għall-konklużjoni li dan l-artikolu jippermetti r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ta’ Stat Membru sal-mument li fih jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ.
4. Kundizzjonijiet u limiti applikabbli għar-revoka unilaterali tan-notifika ta’ ħruġ
142. Ladarba ġiet aċċettata l-possibbiltà tar-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE, għad irid jiġi ddeterminat jekk din ir-revoka hijiex suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet u limiti, kif fil-fehma tiegħi huwa l-każ.
143. L-ewwel kundizzjoni hija marbuta mal-forma. Bħan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, ir-revoka tagħha għandha titwettaq permezz ta’ att formali tal-Istat Membru indirizzat lill-Kunsill Ewropew (Artikolu 50(2) TUE). Ir-revoka, bħan-notifika tal-ħruġ, hija att formali marbut mal-ħajja ta’ trattat u għandu jkun hemm paralleliżmu proċedurali bejniethom (89).
144. It-tieni kundizzjoni tikkonċerna l-osservanza tal-ħtiġijiet kostituzzjonali nazzjonali. Ir-rekwiżiti tad-dritt kostituzzjonali tal-Istat Membru applikati għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ħruġ, li mbagħad ġiet innotifikata lill-Kunsill Ewropew (Artikolu 50(1) TUE), għandhom jiġu osservati wkoll meta l-Istat Membru jagħżel li jirrevoka din in-notifika.
145. Għalkemm, manifestament, din hija kwistjoni li s-soluzzjoni tagħha tinsab f’idejn kull Stat, jekk il-ħtiġijiet kostituzzjonali nazzjonali jeħtieġu, pereżempju, l-approvazzjoni tal-Parlament bħala rekwiżit preliminari għan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ mill-Unjoni (kif huwa l-każ fir-Renju Unit skont is-sentenza Miller) (90), ikun fil-fehma tiegħi loġiku li r-revoka tal-imsemmija notifika teħtieġ ukoll din l-istess approvazzjoni tal-Parlament. B’hekk tiġi prekluża n-notifika min-naħa tal-Istat Membru ta’ revoki foloz kif ukoll revoki ambigwi jew mhux ċari (91), li minnhom ma tkunx tista’ tinstilet b’mod preċiż il-pożizzjoni tal-Istat Membru.
146. F’dak li jirrigwarda l-ħtieġa li tiġi ġġustifikata r-revoka tan-notifika ta’ ħruġ, ladarba l-Artikolu 50 TUE ma jeħtieġx tali ġustifikazzjoni fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-intenzjoni inizjali, din lanqas ma hija essenzjali għar-revoka tagħha. Madankollu, ikun raġonevoli jekk dan l-Istat jispjega lill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni r-raġunijiet għaliex bidel fehmtu, bidla din li, sa fejn tmur kontra l-atti preċedenti tiegħu, teħtieġ spjegazzjoni.
147. Mill-Artikolu 50(3) TUE jirriżulta li hemm limitu ratione temporis għar-revoka tan-notifiki tal-intenzjoni ta’ ħruġ: din ir-revoka hija possibbli biss fi żmien terminu ta’ sentejn ta’ negozjati li jibda bin-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ lill-Kunsill Ewropew. Skont dak li titlob il-loġika, ladarba jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ, li jeħtieġ il-qbil taż-żewġ Partijiet, ikun impossibbli li n-notifika tiġi rrevokata għaliex din b’hekk tkun diġà pproduċiet l-effetti kollha tagħha.
148. Limitu ieħor għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka unilaterali huwa l-limitu stabbilit mill-prinċipji ta’ bona fide u ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE) (92).
149. Il-Kummissjoni u l-Kunsill enfasizzaw, preċiżament, li, jekk tiġi aċċettata r-revoka unilaterali, dan jista’ jagħti lok għal abbuż tal-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE. Fil-fehma tagħhom, ir-revokabbiltà ser tippermetti lill-Istat Membru jinnegozja l-ftehim dwar il-ħruġ tiegħu minn pożizzjoni ta’ vantaġġ fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri l-oħra sa fejn ser ikun jista’ jirrevoka n-notifika u jwaqqaf in-negozjati jekk dawn ma jkunux sejrin b’mod favorevoli għalih.
150. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni u l-Kunsill, l-Istat Membru jista’ jerġa’ jagħmel notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ u b’hekk jibda perijodu ġdid ta’ negozjati ta’ sentejn. Skont il-Kunsill, b’dan il-mod l-Istat Membru jista’ jestendi l-perijodu ta’ negozjati, b’mod li jevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(3) TUE li jagħti lill-Kunsill Ewropew is-setgħa li jiddeċiedi, b’mod unanimu, dwar l-estensjoni ta’ dan il-perijodu. Skont il-Kummissjoni, il-possibbiltà ta’ revoki tattiċi tmur kontra l-loġika tal-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE.
151. Dawn l-argumenti (u b’mod partikolari t-tieni wieħed) huma, fil-verità, l-iktar argumenti importanti favur l-impossibbiltà ta’ revoka unilaterali. Madankollu, fil-fehma tiegħi ma humiex determinanti sa dak il-punt.
152. Fl-ewwel lok, il-possibbiltà li dritt jiġi abbużat jew li jintuża b’mod indebitu ma hijiex, b’mod ġenerali, raġuni sabiex tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ dan l-istess dritt. Dak li għandu jsir huwa li jitwaqqaf l-abbuż bl-użu tal-istrumenti legali adegwati.
153. Fit-tieni lok, ir-rimedju għall-użu indebitu tad-dritt ta’ revoka jinsab fil-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi prattiki abbużivi, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li l-individwi ma jistgħux jinvokaw id-dritt tal-Unjoni b’mod abbużiv jew frawdolenti u li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġġustifika prattiki abbużivi tal-operaturi ekonomiċi (93). Dan il-prinċipju ġenerali jista’ jiġi applikat fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE fil-każ li Stat Membru jadotta prattika abbużiva fejn jagħmel notifiki u revoki suċċessivi bil-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.
154. Fir-rigward tar-revoki tattiċi, li jitkellmu dwarhom il-Kummissjoni u l-Kunsill, hemm żewġ raġunijiet li jwassluni ma nagħtihomx l-importanza li jagħtuhom dawn l-istituzzjonijiet.
155. Waħda mir-raġunijiet hija li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari li għandna quddiemna, li hija l-unika domanda li għandha tagħti risposta għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemm ebda element li jindika l-użu ħażin (fis-sens ta’ użu ħażin ta’ poter, bħala kawża ta’ invalidità ta’ att adottat mill-awtorità pubblika, li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 263 TUFE) tal-possibbiltà li tiġi rrevokata d-deċiżjoni inizjali. Barra minn hekk, l-eventwali abbuż jista’ jimmaterjalizza biss bil-preżentata tat-tieni notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, u mhux bir-revoka unilaterali tal-ewwel waħda.
156. Ir-raġuni l-oħra hija li fil-fehma tiegħi huwa estremament diffiċli li r-revoki tattiċi jistgħu jiżdiedu fil-prattika, b’mod li jitnaqqas il-valur ta’ possibbiltà li, mingħajr ebda dubji, għandha konsegwenzi serji. Ir-revoka hija deċiżjoni li l-Istat Membru inkwistjoni jkollu jadotta konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu. Peress li tkun qiegħda treġġa’ lura deċiżjoni kostituzzjonali preċedenti, din il-bidla teħtieġ emenda fil-maġġoranza governattiva, is-sejħa ta’ referendum, deċiżjoni tal-ogħla qorti tal-pajjiż li tannulla d-deċiżjoni ta’ ħruġ jew xi espressjoni oħra li l-attwazzjoni tagħha ser tkun diffiċli jew teħtieġ l-użu ta’ proċeduri legali twal u kumplessi. L-obbligu li r-revoka ssir konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tal-Istat inkwistjoni huwa, għalhekk, filtru dissważiv sabiex jiġi prekluż l-abbuż tal-proċedura ta’ ħruġ prevista fl-Artikolu 50 TUE permezz ta’ tali revoki tattiċi.
C. Revoka b’kunsens tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ fil-kuntest tal-Artikolu 50 TUE
157. Il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 50 TUE sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jippermettix revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda titlob deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ma’ dan l-artikolu ta’ revoka b’kunsens (94).
158. Madankollu, il-Kummissjoni u l-Kunsill, minbarra li jsostnu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-Artikolu 50 TUE ma jippermettix revoka unilaterali, qajmu l-possibbiltà li dan l-artikolu jippermetti revoka deċiża b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew.
159. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta r-revoka unilaterali, ma huwiex ser ikun meħtieġ li tingħata risposta għat-teżi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. Madankollu, ser nanalizzaha għal finijiet ta’ kompletezza.
160. Skont il-Kummissjoni, peress li r-revoka unilaterali ma hijiex ammissibbli, Stat Membru li jkun jixtieq jirrevoka n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tiegħu u li jkun jixtieq jibqa’ fl-Unjoni, ser ikollu jfittex soluzzjoni sabiex tintlaqa’ t-talba tiegħu.
161. Peress li l-Artikolu 50 TUE ma jispeċifika ebda soluzzjoni f’dan is-sens, il-Kummissjoni u l-Kunsill jipproponu li għandha titqies ir-revoka deċiża b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew. Sa fejn l-Artikolu 50(3) u (4) TUE jagħti s-setgħa li tiġi estiża l-fażi ta’ negozjati lill-Kunsill Ewropew, b’mod unanimu u mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istat inkwistjoni, ir-revoka tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ għandha tiġi approvata wkoll b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew.
162. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li r-rikonoxximent ta’ din is-setgħa lill-Kunsill Ewropew huwa meħtieġ minħabba li ma tkunx possibbli fil-prattika l-aċċettazzjoni tal-Istati Membri kollha konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħhom, u dan fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni malajr dwar l-ammissjoni tar-revoka. Fil-każ li l-ħruġ ikun diġà mmaterjalizza u l-Istat ikun jixtieq jaderixxi mill-ġdid mal-Unjoni, l-Artikolu 50(5) TUE jħalli dan f’idejn l-Istati Membri, permezz tal-proċedura ta’ adeżjoni prevista fl-Artikolu 49 TUE.
163. Nifhem li l-Artikolu 50 TUE jawtorizza revoka bi qbil reċiproku bejn l-Istat inkwistjoni li jibdel fehmtu u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinnegozjaw il-ħruġ tiegħu miegħu. Jekk jiġi aċċettat pass addizzjonali (revoka unilaterali), allura jkollu jiġi aċċettat pass inqas (revoka b’kunsens). Barra minn hekk, tali revoka b’kunsens tirrifletti l-prinċipju ispirat mill-Artikolu 54(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jipprovdi li l-ħruġ minn trattat jista’ jseħħ “fi kwalunkwe ħin, bil-kunsens tal-Partijiet kollha wara li jiġu kkonsultati l-Istati Kontraenti l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
164. Għalhekk, il-possibbiltà ta’ tali revoka b’kunsens ma tmurx kontra r-revoka unilaterali tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, li l-Istati Membri inkwistjoni dejjem ikollu taħt l-Artikolu 50 TUE.
165. Issa, dak li fil-fehma tiegħi ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 50 TUE huwa li r-revoka tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tkun possibbli biss bis-saħħa ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew (format Artikolu 50 TUE), kif jidhru li qegħdin jissuġġerixxu l-Kummissjoni u l-Kunsill, bl-esklużjoni tar-revoka unilaterali.
166. Sabiex tkun kunsenswali, ir-revoka permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew għandha tintalab mill-Istat Membru inkwistjoni, b’tali mod li, jekk dan tal-aħħar ma jkunx issodisfatt, il-Kunsill Ewropew ma jistax jimponiha, lanqas b’deċiżjoni unanima.
167. L-Artikolu 50(3) TUE ma jippermettix l-estensjoni tat-tieni fażi tan-negozjati, “sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu”. B’analoġija, fil-fehma tiegħi għandha tkun meħtieġa t-talba tal-Istat inkwistjoni, bħala kundizzjoni neċessarja sabiex il-Kunsill Ewropew jaċċetta r-revoka tan-notifika tiegħu b’mod unanimu.
168. Din il-garanzija tiżgura n-natura unilaterali tar-revoka tad-deċiżjoni ta’ ħruġ. Jekk l-aċċettazzjoni tar-revoka tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ tkun tiddependi biss minn votazzjoni fi ħdan il-Kunsill Ewropew, fil-format tal-Artikolu 50 TUE u b’mod unanimu, id-dritt tal-Istat inkwistjoni li joħroġ (u, għall-kuntrarju, li jibqa’) fl-Unjoni ma jaqax taħt il-kontroll ta’ dan l-Istat, tas-sovranità tiegħu u tal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, iżda jibqa’ f’idejn il-Kunsill Ewropew.
169. Jekk jiġi aċċettat li l-Kunsill Ewropew għandu jkollu l-aħħar kelma fir-rigward tar-revoka tan-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ permezz ta’ vot unanimu, dan iżid ir-riskju li l-Istat Membru joħroġ mill-Unjoni kontra r-rieda tiegħu stess. Ikun biżżejjed li wieħed mis-27 Stat Membru l-oħra jimpedixxi d-deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew (fil-format tal-Artikolu 50 TUE) sabiex tingħeleb ir-rieda tal-Istat li jkun ikkomunika r-rieda tiegħu li jibqa’ fl-Unjoni. Dan l-Istat jitlaq (jitkeċċa) mill-Unjoni malli jintemm il-perijodu ta’ sentejn min-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ, kontra r-rieda tiegħu li jibqa’ f’din l-organizzazzjoni internazzjonali.
VI. Konklużjoni
170. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Court of Session, Inner House, First Division (Scotland) (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla (l-Iskozja, ir-Renju Unit) b’dan il-mod:
“Meta Stat Membru jkun innotifika lill-Kunsill Ewropew l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jippermetti r-revoka unilaterali ta’ din in-notifika, sal-mument li fih jiġi konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ u sakemm ir-revoka tkun ġiet deċiża konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, tiġi kkomunikata b’mod formali lill-Kunsill Ewropew u ma tkunx tirrifletti prattika abbużiva.”