Language of document : ECLI:EU:C:2017:195

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 32(1)(ċ) – Determinazzjoni tal-valur doganali – Drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji dwar il-merkanzija li qed tkun ivvalutata – Kunċett – Regolament (KEE) Nru 2454/93 –Artikolu 160 – “Kondizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata – Ħlas ta’ drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji lil kumpannija marbuta kemm mal-bejjiegħ kif ukoll max-xerrej tal-merkanzija –Artikolu 158(3) – Miżuri ta’ aġġustament u ta’ distribuzzjoni”

Fil-Kawża C-173/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2015, fil-proċedura

GE Healthcare GmbH

vs

Hauptzollamt Düsseldorf

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal GE Healthcare GmbH, minn L. Harings u G. Schwendinger, avukat,

–        għall-Hauptzollamt Düsseldorf, minn A. Wollschläger, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 32(1)(ċ) u (5)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 363, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll l-Artikolu 158(3) u l-Artikolu 160 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1875/2006, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 360, p. 64) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Nru 2454/93”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn GE Healthcare GmbH u l-Hauptzollamt Düsseldorf (uffiċċju doganali prinċipali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja, iktar 'il quddiem l-“uffiċċju doganali”) dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet ta’ liċenzji fid-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata minn pajjiż terz fid-dawl tar-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Kodiċi Doganali

3        Skont l-Artikolu 29(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali:

“1.      Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skont l-Artikoli 32 u 33, sakemm:

a)      ma jkun hemm ebda restrizzjoni dwar kif ix-xerrej jeħles minn jew juża l-merkanzija, ħlief restrizzjonijiet li:

–        restrizzjonijiet imposti jew meħtieġa bil-liġi jew minn awtoritajiet pubbliċi fil-Komunità,

–        limitazzjonijiet taż-żona ġeografika li fiha l-merkanzija tista’ terġa’ tinbiegħ,

jew

–        ma jolqtux sostanzjalment il-valur tal-merkanzija;

b)      il-bejgħ jew il-prezz m’huwiex suġġett għal xi kondizzjoni jew konsiderazzjoni li għaliha ma jistax jiġi stabbilit valur fir-rigward tal-merkanzija li qed tkun stmata;

ċ)      ebda parti tad-dħul minn xi bejgħ mill-ġdid sussegwenti, jew minn kif jiddisponi minnha [jittrasferixxi]] jew juża l-merkanzija x-xerrej ma tmiss direttament jew indirettament lill-bejjiegħ, ħlief meta jista’ jsir aġġustament xieraq skond l-Artikolu 32;

u

d)      li x-xerrej u l-bejjiegħ ma jiġux minn xulxin, jew, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, dak il-valur tat-transazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali taħt il-paragrafu 2.

2.      a)     Waqt li jkun qed jiġi stabbilit jekk valur ta’ transazzjoni huwiex aċċettabbli għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-fatt li x-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin [huma relatati] m’għandux fih innifsu jkun raġuni suffiċjenti biex il-valur tat-transazzjoni jitqies bħala mhux aċċettabbli. Fejn ikun meħtieġ, iċ-ċirkostanzi wara l-bejgħ għandhom jiġu eżaminati u l-valur tat-transazzjoni għandu jiġi aċċ]ettat sakemm ir-relazzjoni ma tkunx influwenzat il-prezz. Jekk, fid-dawl ta’ l-informazzjoni mogħtija minn min ikun għamel id-dikjarazzjoni jew mod ieħor, l-awtoritajiet doganali jkollhom raġunijiet biex iqisu li r-relazzjoni tkun influwenzat il-prezz, għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet tagħhom lil min ikun għamel id-dikjarazzjoni u dan għandu jingħata opportunità raġonevoli sabiex jirrispondi. Jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni hekk jitlob, il-komunikazzjoni tar-raġunijiet għandha tkun bil-miktub.

b)      F’bejgħ bejn persuni li jiġu minn xulxin [relatati], il-valur tat-transazzjoni għandu jiġi aċċettat u l-merkanzija stmata skond il-paragrafu 1 kull fejn min jagħmel id-dikjarazzjoni juri li dak il-valur jersaq qrib ħafna ta’ waħda mis-segwenti li jiġru fl-istess ħin jew kważi:

i)      il-valur tat-transazzjoni fil-bejgħ, bejn xerrejja u bejjiegħa li ma jiġux minn xulxin f’xi każ partikolari, ta’ merkanzija identika jew simili għall-esportazzjoni lejn il-Komunità;

ii)      il-valur doganali ta’ merkanzija identika jew simili, kif stabbilit taħt l-Artikolu 30(2)(ċ);

iii)      il-valur doganali ta’ merkanzija identika jew simili, kif stabbilit taħt l-Artikolu 30(2)(d);

Waqt li jsiru t-testijiet [applikati l-kriterji] hawn fuq imsemmija, għandhom ikunu kkonsidrati id-differenzi li jidhru f’livelli kummerċjali, livelli ta’ kwantità, l-elementi enumerati fl-Artikolu 32 u spejjeż li ntefqu mill-bejjiegħ f’bejgħ li fih hu u x-xerrej ma jiġux minn xulxin u fejn dawk l-ispejjez ma gewx minfuqa mill-bejjiegħ f’bejgħ li fih hu u x-xerrej jiġu minn xulxin [huma relatati].

(ċ)      It-testijiet [Il-kriterji] imsemmija fil-subparagrafu (b) għandhom jiġu wżati fuq l-inizjattiva ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni u għal skopijiet ta’ paragun biss. Valuri sostituti ma jistgħux jiġu stabbiliti taħt l-imsemmi subparagrafu.”

4        L-Artikolu 30(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“1.      Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista’ jiġi stabbilit, bla ħsara għall-kondizzjoni li l-ordni ta’ l-applikazzjoni tas-subparagrafi (ċ) u (d) għandu jinqaleb jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni jitlob hekk; huwa biss meta tali valur ma jistax jiġi stabbilit taħt subparagrafu partikolari li jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu li jkun imiss f’sekwenza stabbilita bis-saħħa ta’ dan il-paragrafu.

2.      Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:

a)      il-valur tat-transazzjoni ta’ merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

b)      il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

ċ)      il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux [mhux relatati] mill-bejjiegħa;

d)      il-valur maħdum, magħmul mis-somma ta’:

–        il-prezz jew valur ta’ materjali u fabbrikazzjoni jew proċessar ieħor imħaddem fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

–        ammont għal profitt u spejjeż ġenerali li jkun daqs dak normalment rifless fil-bejgħ ta’ merkanzija ta’ l-istess klassi jew xorta bħal merkanzija li qed tkun stmata li tkun magħmula minn produtturi fil-pajjiż ta’ l-esportazzjoni għall-esportazzjoni lill-Komunità,

–        il-prezz jew valur ta’ l-oġġetti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 32(1)(e).”

5        L-Artikolu 31 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1.      Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skont il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:

–        il-ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994,

–        L-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994,

[u]

–        id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

2.      Ebda valur doganali m’ħandu jiġi stabbilit taħt il-paragrafu 1 skont il-bażi ta’:

a)      il-prezz tal-bejgħ fil-Komunità tal-merkanzija prodotta fil-Komunità;

b)      sistema li tipprovdi għall-aċċettazzjoni għall-iskopijiet ta’ dwana tal-ogħla minn żewġ valuri alternattivi;

ċ)      il-prezz tal-merkanzija fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ esportazzjoni;

d)      il-prezz ta’ produzzjoni, minbarra valuri maħduma li ġew stabbiliti għal merkanzija identiċi jew simili skont l-Artikolu 30(2)(d);

e)      prezzijiet għall-esportazzjoni lejn pajjiż li ma jifformax parti mit-territorju doganali tal-Komunità;

f)      valuri doganali minimi; jew

jew

g)      valuri arbitrarji jew fittizji.”

6        Skont l-Artikolu 32 tal-istess kodiċi:

“1.      Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:

[…]

ċ)      bi drittijiet u tariffi ta’ liċenzi marbutin mal-merkanzija li qed tkun vvalutata li x-xerrej ikollu jħallas, jew direttament jew indirettament, bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li qed tkun vvalutata, sakemm dawn id-drittijiet u t-tariffi ma jkunux inklużi fil-prezz effetivament imħallas jew li jrid jitħallas;

[…]

2.      Żidiet fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għandhom isiru taħt dan l-Artikolu biss skont il-bażi ta’ data oġġettiva u li tista’ tiġi kwantifikata.

3.      Ebda żieda m’għandha ssir fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali ħlief kif ipprovdut f’dan l-Artikolu.

[…]

5.      Minkejja l-paragrafu 1 (ċ):

a)      Madankollu, l-imposti għad-dritt tar-riproduzzjoni ta’ l-oġġetti importati fil-pajjiż ta’ l-importazzjoni ma għandhomx jiġu miżjuda mal-prezz attwalment imħallas jew li jrid jiġi mħallas għall-oġġetti importati meta jiġi stabbilit il-valur tad-dwana;

u

b)      ħlasijiet magħmula mix-xerrej għad-dritt li jqassam jew li jerġa’ jbigħ il-merkanzija importata m’għandhomx jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata jekk dawk il-ħlasijiet ma jkunux kondizzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija lejn il-Komunità.“

7        Skont l-Artikolu 249 tal-Kodiċi Doganali:

“Il-Kumitat [tal-Kodiċi Doganali] jista’ jeżamina kull kwistjoni li għandha x’taqsam mal-leġiżlazzjoni tad-dwana mqajma mill-President, jew minn rajh jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.”

 Ir-Regolament Nru 2454/93

8        L-Artikolu 143(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ l-Artikoli 29(1)(d) u 30 (2) (ċ) tal-Kodiċi [Doganali], persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk:

[…]

f)      it-tnejn minnhom ikunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza;

[…]”

9        Skont l-Artikolu 145(2) u (3) ta’ dan ir-regolament:

“2.      Wara r-rilaxx tal-oġġetti għaċ-ċirkolazzjoni libera, aġġustament magħmul mill-bejjiegħ, għall-benefiċċju tax-xerrej, tal-prezz attwalment imħallas jew pagabbli għall-oġġetti jistgħu ikunu kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-valur tad-dwana skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [Doganali], jekk jintwera għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet tad-dwana li:

a)      l-oġġetti kienu diffettużi fil-mument imsemmi bl-Artikolu 67 tal-Kodiċi [Doganali];

b)      il-bejjiegħ għamel l-aġġustament fil-qadi ta’ obbligu ta’ garanzija provdut fil-kuntratt tal-bejgħ, konkluż qabel ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ l-oġġetti;

ċ) in-natura difettuża ta’ l-oġġetti ma kinietx ikkunsidrata diġa fil-kuntratt tal-bejgħ rilevanti.

3.      Il-prezz attwalment mħallas jew pagabbli għall-oġġetti, aġġustat skont il-paragrafu 2, jista’ jitqies biss jekk dak l-aġġustament sar f’perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għad-dħul f’ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti.”

10      L-Artikolu 156a(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“      L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, jawtorizzaw li:

–        b’deroga għall-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi [Doganali], xi elementi li jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas li ma jkunux kwantifikabbli fil-mument li jitnissel id-dejn doganali,

–        b’deroga għall-Artikolu 33 tal-Kodiċi [Doganali], xi elementi li ma humiex inklużi fil-valur doganali, fil-każijiet fejn l-ammonti relatati ma’ dawn l-elementi ma humiex distinti mill-prezz imħallas jew li għandu jitħallas fil-mument tal-bidu tad-dejn doganali,

jiġu kkalkulati abbażi ta’ kriterji xierqa u speċifiċi.

F’dan il-każ, il-valur doganali ddikjarat ma għandux jitqies bħala provviżorju fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 254. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

11      Skont l-Artikolu 157 ta’ l-istess regolament:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi [Doganali], ħlasijiet taddrittijiet u l-liċenzi għandhom jinftiehmu b’ mod partikolari bħala pagamaneti għall-użu tad-drittijiet li għandhom x’jaqsmu ma:

–        il-fabbrikazzjoni ta’ merkanzija importata (partikolarment, patenti, disinni, mudelli u tagħrif dwar kif għandha ssir il-fabbrikazzjoni),

jew

–        l-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ merkanzija importati (partikolarment, trademarks, disinni rreġistrati),

jew

–        l-użu jew bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti impurtati (partikolarment, drittijiet ta’ l-awtur, proċessi tal-fabbrikazzjoni inkorporati inseparabbilment fil-merkanzija importata.).

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32(5) tal-Kodiċi [Doganali], meta l-valur doganali tal-merkanzija importati jiġi determinat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [Doganali], ħlasijiet ta’ drittijiet jew liċenzi għandhom jingħaddu mal-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas, biss, meta dan il-pagament:

–        ikollu x’jaqsam mal-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata,

u

–        jikkostitwixxi kondizzjoni tal-bejgħ ta’ dik il-merkanzija”.

12      L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi li:

“Jekk il-ħlasijiet tad-drittijiet jew liċenzi jirrelataw parzjalment għall‑merkanzija importati u parzjalment għal ingredjenti oħra jew partijiet komponenti miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha, jew għal attivitajiet jew servizzi post-importazzjoni, distirbuzzjoni approprjata għandha ssir biss a bażi tad-data objettiva u kwantifikabli skond in-nota interpretattiva ta’ l-Artikolu 32(2) tal‑Kodiċi [Doganali] fl-Anness 23.”

13      L-Artikolu 160 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Meta x-xerrej iħallas drittijiet jew liċenzilill terza parti, il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157(2) m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala sodisfatti sakemm il-bejjiegħjew persuna relatata miegħuma jkunux jeħtieġu lix‑xerrej jagħmel dak il-pagament.”

14      Skont l-Artikolu 161 ta’ dan ir-regolament:

“Meta l-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont ta’ ħlasijiet tad-drittijiet jew liċenzi jirriżulta mill-prezz tal-merkanzija importati, jista’ jkun assunt li fin-nuqqas ta’ prova kuntraraja, li l-pagament ta’ dak il-ħlas tad-drittijiet jew liċenza jkun relatat għall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

Madankollu, meta l-ammont ta’ ħlas ta’ drittijiet jew liċenza huwa kkalkolat independentament mill-prezz tal-merkanzija mportati,il-pagament ta’ dak il-ħlas tad-drittijiet jew liċenza jista’ madankollu jkun relatat għall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.”

15      L-Artikolu 254 tal-istess regolament jipprovdi li:

“Fuq talba tad-dikjarant, l-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw dikjarazzjonijiet għar-rilaxx għal moviment ħieles, li ma jkollhomx id-dettalji kollha stipulati fl-Anness 37.

Madankollu, dawk id-dikjarazzjonijiet għandu jkun fihom ta’ l-anqas id-dettalji stipulati fl-Anness 30A għal dikjarazzjoni mhux kompluta.”

16      L-Artikolu 256(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprevedi:

“It-terminu mogħti mill-awtoritajiet doganali lid-dikjarant għall-komunikazzjoni ta’ dettalji jew il-preżentazzjoni ta’ dokumenti nieqsa meta d-dikjarazzjoni kienet aċċettata ma jistax ikun itwal minn xahar mid-data ta’ din l-aċċettazzjoni.

[…]

Meta d-dettalji neqsin għandhom jiġu kkomunikati jew dokumenti ippreżentati jikkonċernaw valur doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu, meta dan ikun assolutament neċessarju, jistabilixxu terminu itwal jew jestendu it-terminu stabbilit qabel. Il-terminu totali permess għandu jieħu kont tat-termini preskritti fis-seħħ.”

17      Skont l-Artikolu 257(3) ta’ dan ir-regolament:

“Meta, skond l-tikolu 254, id-dikjarazzjoni jkun fiha indikazzoni provviżorja ta’ valur, l-awtoritajiet doganali għandhom:

–        jagħmlu iskrizzjoni fil-kontijiet ta’ l-ammont ta’ dazju stabbilit fuq il-bażi ta’ din l-indikazzjoni,

–        jeħtieġu, jekk neċessarju, il-preżentazzjoni ta’ garanzija adegwata biex tkopri id-differenza bejn dak l-ammont u l-ammont li għalih hija fl-aħħar mill-aħħar soġġetta il-merkanzija.”

18      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 259(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dikjarazzjoni inkompleta li tkun aċċettata bil-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 254 sa 257 tista’ jew tiġi kompletata mid-dikjarant jew, bi ftehim ma’ l-awtoritajiet doganali, tiġi sostitwita b’dikjarazzjoni oħra konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 62 tal-Kodiċi [Doganali].”

19      In-nota interpretattiva dwar il-valur doganali relatata mal-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, li tinsab fl-Anness 23 tar-Regolament Nru 2454/93, hija redatta fit-termini li ġejjin:

“Id-drittrijiet ta’ l-awtur u l-piżijiet tal-liċenzi riferiti fil-paragrafu 1(ċ) ta’ l-Artikolu 8 jistgħu jinkludu, fost ħwejjeġ oħra, il-ħlasijiet rigwrd il-patentijiet, il-marki tal-fabbrija [it-trade marks] u l-proprjetajiet tal-kopja.”

20      In-nota interpretattiva fil-qasam tal-valur doganali relatat mal-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi Doganali, li tinsab fl-istess anness, tiddisponi:

“Meta ma tkunx teżisti data oġġettiva u li tista’ titqies fir-rigward taż-żiediet li jeħtieġ isiru taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 32, il-valur tan-negozju ma jistax jiġi stabbilit taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29. Bħala illustrazzjoni ta’ dan, dritt huwa imħallas fuq il-bażi tal-prezz fil-bejgħ fil-pajjiż ta’ importazzjoni ta’ litru ta’ prodott partikolari li kien importat bil-kilogramma u kompost f’ soluzzjoni wara l-importazzjoni. Jekk id-dritt ikun ibbażat in parti fuq il-merkanzija importata u in parti fuq fatturi oħra li m’għandhomx x’ jaqsmu ma’ l-merkanzija importata (bħal meta l-merkanzija importata tiġi imħallta ma’ ingredjenti domestiċi u ma tistax tidentifikaha separatament, jew meta d-dritt ma’ jistax jiġi distint minn arranġamenti finanzjarji speċjali bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ), ma jkunx f’postu li wieħed jipprova jagħmel żieda għaddrittijiet. Iżda madankollu, jekk l-ammont ta’ dan id-dritt huwa bbażat biss fuq il-merkanzija importata faċilment kwantifikabbli, żieda mal-prezz attwalment imħallas jew pagabbli tista’ ssir.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      GE Medical Systems Deutschland GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem “GE Ġermanja”) ikkonkludiet ma’ Monogram Licensing International Inc. (iktar 'il quddiem “M”), dawn iż-żewġ impriżi jiffrumaw parti mill-grupp General Electrics (iktar 'il quddiem il-“Grupp GE”), kuntratt ta’ liċenzja skont mudell standard.

22      Skont l-Artikolu II A ta’ dan il-kuntratt, M tat lil GE Ġermanja liċenzja b’titolu oneruż, mhux esklużiva, li tawtorizzaha tuża, b’osservanza l-iktar stretta tar-regoli ta’ kwalità stabbiliti bejn il-partijiet, it-trade mark tal-grupp GE (iktar ’il quddiem it-“trade mark GE”) għal prodotti u servizzi mmanifatturati, mibjugħa jew pprovduti minn GE Ġermanja. Barra minn hekk, M tat lil GE Ġermanja liċenzja b’mod gratwit, mhux esklużiva, li biha awtorizzata li tuża, fid-diskrezzjoni tiegħu, it-trade mark GE għall-bejgħ mill-ġdid ta’ merkanzija lis-sussidjarji l-oħra tal-grupp GE, għall-użu tagħhom għal skopijiet sperimentali jew ta’ kampjuni, jew ukoll li tibgħathom għall-iskart. GE Healthcare kienet ukoll ammessa tuża, taħt din it-trade mark, prodotti mingħajr ħlas ta’ drittijiet tal-awtur fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ kumpannija oħra, li tifforma parti wkoll mill-Grupp GE, li kienet ukoll ippermettitilha l-użu tat-trade mark ĠE f’kundizzjonijiet simili għal dawk ifformulati fil-kuntratt ta’ liċenzja bejn M u GE Ġermanja.

23      Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti u s-servizzi mmanifatturati, mibjugħa jew ipprovduti minn GE Ġermanja jkunu fl-osservanza l-iktar stretta tar-regoli ta’ kwalità stabbiliti bejn il-partijiet, M kellha setgħat wiesgħa ta’ sorveljanza u, fil-każ ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli, hija setgħet ixxolji l-kuntratt f’perijodu qasir. Id-data ta’ skadenza ta’ drittijiet tal-awtur ta’ liċenzja skont l-Artikolu II A tal-kuntratt ta’ liċenzja kienet iffissata għall-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja. Dawn kienu jammontaw għal 0.95 % tad-dħul mill-bejgħ annwali ta’GE Ġermanja għall-użu tat-trade mark GE u għal 0.05 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ GE Ġermanja għall-użu tal-isem kummerċjali tal-Grupp GE.

24      Waqt kontroll doganali li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2009, l-uffiċċju doganali ikkonstata b’mod partikolari, f’rapport tat-8 ta’ Settembru 2010, li GE Ġermanja kienet akkwistat, mingħand kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp GE, merkanzija li ġejja minn pajjiż terz, iżda li hija naqset, b’mod żbaljat, skont dan l-uffiċċju, milli tiddikjara d-drittijiet tal-awtur ta’ liċenzja dovuti minnha fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ din il-merkanzija. Għalhekk, l-uffiċċju doganali ħareġ, fit-30 ta’ Settembru 2010, avviż ta’ taxxa tas-somma ta’ EUR 14 985.09, bħala d-dazji tal-importazzjoni.

25      Wara li ħallset dawn id-dazji, GE Ġermanja talbet, fil-21 ta’ Lulju 2011, ir-rimbors tagħhom skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, peress li ma kienx hemm lok, skontha, li żżid id-drittijiet tal-awtur li tħallsu skont il-kuntratt ta’ liċenzja mal-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni, skont l-Artikolu 32 tal Kodiċi Doganali.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2015 l-uffiċċju doganali ċaħad it-talba għal rimbors fformulata minn GE Ġermanja, peress li l-valuri doganali kienu, skontu, eżatti.

27      Sadanittant, fil-31 ta’ Awwissu 2011, GE Healthcare issuċediet għal GE Ġermanja, bħala aventi kawża b’mod universali.

28      Fil-11 ta’ Marzu 2015, GE Healthcare ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju rikors kontra d-deċiżjoni tal-uffiċċju doganali tad-9 ta’ Marzu 2015. Din il-qorti, imsejħa sabiex tapplika l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali fil-kawża li għandha quddiemha, għandha dubji dwar il-portata eżatta ta’ din id-dispożizzjoni.

29      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“ 1)      Drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji, fis-sens tal‑Artikolu 32(1)(ċ) ta[l-Kodiċi Doganali] jistgħu jiġu inklużi fil-valur doganali meta la fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u lanqas fil‑mument ta’ riferiment għall-bidu tad-dejn doganali li, f’każ ta’ tilwima, huwa ddeterminat skont dispożizzjonijiet magħquda tal‑Artikolu 201(2) u tal-Artikolu 214(1) tal-[imsemmi] Kodiċi […], ma huwa stabbilit li drittijiet tal-awtur u drittijiet ta’ liċenzji kienu dovuti?

2.      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: drittijiet tal‑awtur u drittijiet ta’ liċenzji ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, jistgħu jiġu relatati ma’ merkanzija importata, minkejja li dawn id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji jitħallsu wkoll għal servizzi, kif ukoll għall-użu tal‑għerq tal-isem tal-grupp ta’ kumpanniji komuni?

3.      F’każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda: drittijiet tal‑awtur u drittijiet ta’ liċenzji ta’ trade mark, fis-sens tal‑Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, jistgħu jkunu kundizzjoni talbejgħ għall-esportazzjoni ta’ merkanzija importata b’destinazzjoni lejn il-Komunità fis-sens tal-Artikolu 32(5)(b) tal-Kodiċi Doganali, minkejja li l-ħlas ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji huwa meħtieġ u jseħħ minn impriża marbuta kemm mal-bejjiegħ kif ukoll max-xerrej?

4.      F’każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda u fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet ta’ liċenzji huma parzjalment relatati mal-merkanzija importata u parzjalment ma’ servizzi sussegwenti għall-importazzjoni: isegwi mid-distribuzzjoni xierqa li għandha sseħħ unikament abbażi ta’ data oġġettiva u kwantifikabbli skont l-Artikolu 158(3) tar-Regolament [Nru 2454/93] minn naħa, u skont in-nota interpretattiva dwar l-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi Dognali li hija inkluża fl-Anness 23 tar-Regolament 2454/93, min-naħa l-oħra, li huwa biss valur doganali stabbilit skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali li jista’ jiġi rrettifikat, jew jista’ jkun il-każ li, f’sitwazzjoni fejn il-valur doganali ma jkunx jista’ jiġi stabbilit skont l-Artikolu 29, id-distribuzzjoni prevista fl-Artikolu 158(3) tar-Regolament 2454/93 tkun possibbli sa fejn dawn l-ispejjeż ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, meta jiġi stabbilit il-valur doganali skont l-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

30      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni għal skopijiet doganali hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizzji. Il-valur għal skopijiet doganali għandu għaldaqstant jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation, C‑306/04, EU:C:2006:716, punt 30, u tat-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punti 23 sa 26).

31      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, il-valur doganali tal-merkanzija importata huwa, fil-prinċipju, ikkostitwit mill-valur ta’ tranżazzjoni tagħha, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, bla ħsara madankollu għal aġġustamenti li għandhom isiru skont l-Artikoli 32 ta’ dan il-kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punti 38, 44 u 50, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2016, Stretinskis, C‑430/14, EU:C:2016:43, punt 15).

32      L-Artikolu 32 tal-Kodiċi Doganali jippreċiża l-elementi li għandhom jiġu miżjuda mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali tagħhom. B’hekk skont il-paragrafu 1(ċ) ta’ din id-dispożizzjoni, jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji li għandhom x’jaqsmu mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, li x-xerrej għandu jħallas, direttament jew indirettament, bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata, sa fejn dawn id-drittijiet tal-awtur u drittijiet ta’ liċenzji ma humiex inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

33      Skont l-Artikolu 157(1) tar-Regolament Nru 2454/93, “drittijiet [tal-awtur] u [drittijiet tal-]liċenz[j]i” għandhom ifissru b’mod partikolari, għall-finijiet tal-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, il-ħlas għall-użu tad-drittijiet li għandhom x’jaqsmu mal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija importata inkwistjoni, fost oħrajn it-trade marks jew il-mudelli rreġistrati, jew mal-użu jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ din il-merkanzija, b’mod partikolari d-drittijiet tal‑awtur u l-proċessi tal-fabbrikazzjoni marbuta inseparabbilment mal‑imsemmija merkanzija.

34      L-Artikolu 157(2) tar-Regolament Nru 2454/936 jippreċiża, min-naħa tiegħu, li d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji għandhom jiżdiedu mal-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas biss meta dan il-pagament, minn naħa, ikollu x’jaqsam mal-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata u, min-naħa l‑oħra, jikkostitwixxi kundizzjoni tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija.

35      Konsegwentement, l-aġġustament previst mill-Artikolu 32(1)(ċ) tal‑Kodiċi Doganali japplika meta tliet kundizzjonijiet kumulattivi jiġu ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, li d-drittijiet tal-awtur jew id‑drittijiet ta’ liċenzji ma jkunux ġew inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, li għandhom jirrigwardaw il-merkanzija li għandha tiġi vvalutata u, it-tielet nett, li x-xerrej għandu jkun marbut iħallas dawn id-drittijiet tal-awtur jew dawn id-drittijiet ta’ liċenzji bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

36      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, huwa paċifiku, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, li GE Healthcare ma inkludietx, skont ir-rekwiżiti tal-kuntratt ta’ liċenzja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet ta’ liċenzji dwar l-użu tat-trade mark GE fil-valur doganali tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

37      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien sa fejn jikkonċernaw it-tieni kundizzjoni elenkata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji humiex “marbutin mal-merkanzija li qed tkun vvalutata” meta, minn naħa, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat, fiż-żmien tal-kuntratt jew fiż-żmien tal-bidu tal-imsemmi dejn doganali, l-ammont ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji u, min-naħa l-oħra, meta l-imsemmija drittijiet tal-awtur jew l-imsemmija drittijiet ta’ liċenzji jirrelataw parzjalment biss mal-merkanzija li qed tkun ivvalutata.

38      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk id‑drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji humiex, skont l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, “marbutin mal‑merkanzija li qed tkun vvalutata”, anki meta ma jistax jiġi ddeterminat, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew fil-mument tal-bidu tad-dejn doganali, l-ammont ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji.

39      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt ta’ liċenzja inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jipprevedi l-obbligu, għal GE Ġermanja, li tħallas id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet ta’ liċenzji dwar l-użu tat-trade mark GE għal merkanzija li hija kienet importat, bl-eċċezzjoni ta’ ċerta merkanzija li setgħet tintuża, taħt dik it-trade mark, libera minn dritt tal-awtur, bħall-merkanzija mibjugħa lil sussidjarji oħra fi ħdan il-grupp GE, dawk użati għal skopijiet sperimentali, il-kampjuni u l-merkanzija ddestinata għar-rimi.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn id-drittijiet tal-awtur u dawn id-drittijiet ta’ liċenzji huma relatati effettivament mal-merkanzija li qed tiġi vvalutata, anki jekk l-ammont eżatt tagħhom ma huwiex iddeterminat fil-mument tal-konklużjoni tal‑imsemmi kuntratt, jew ulterjorment, waqt l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali jew fil-mument tal-bidu tad-dejn doganali.

41      F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk l-ammont eżatt tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet tal-liċenzji li għandhom jitħallsu għandux ikun stabbilit fil-mument tal-bidu tad-dejn doganali, l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali ma jipprevedi ebda rekwiżit f’dan ir-rigward.

42      Għall-kuntrarju, l‑Artikolu 156a(1) tar-Regolament Nru 2454/93 ta’ Implementazzjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, u b’deroga għall-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi Doganali, jippermettu li ċerti elementi li għandhom jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, li ma humiex kwantifikabbli fil-mument tal-bidu tad‑dejn doganali, ikunu kkalkolabbli abbażi ta’ kriterji xierqa u speċifiċi.

43      Barra minn hekk, l-Artikolu 254 tal-imsemmi regolament jipprevedi l-possibbiltà għad-dikjarant, fuq aċċettazzjoni tal-awtoritajiet doganali, sabiex jagħmel dikjarazzjoni ta’ rilaxx fil-prattika mhux kompleta, li, skont l-Artikolu 257(3) ta’ dan ir-regolament, tista’ tagħti indikazzjoni provviżorja tal-valur doganali tal-merkanzija li għandha tiġi importata, u din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi kkompletata iktar tard, skont l-Artikoli 256, 257 u 259 tal-imsemmi regolament.

44      Barra minn hekk, il-punt 14 tal-Kummentarju Nru 3 (Taqsima tal-Valur Doganali) dwar l-effett ta’ drittijiet tal‑awtur u ta’ drittijiet ta’ liċenzji fuq il-valur doganali, stabbilit mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 247a ta’ dan il-kodiċi (iktar 'il quddiem il-“Kumitat tal-Kodiċi Doganali”), jaqra’ kif ġej:

“Id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet ta’ liċenzji huma kkalkolati b’mod ġenerali wara l-importazzjoni ta’ oġġetti li qed jiġu vvalutati. F’dan il-każ, l-alternattiva se jkun jew li tiġi posposta d-determinazzjoni finali tal-valur doganali skont l-Artikolu 257(3) tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi [Doganali] jew li jiġi ddeterminat aġġustament globali skont il-konstatazzjonijiet magħmula matul perijodu rappreżentattiv u aġġornati perjodikament. Din il-kwistjoni għandha tiġi solvuta bi ftehim bejn l-importaturi u l-awtoritajiet doganali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

45      Issa, il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, għalkemm ma għandhomx setgħa vinkolanti fid-dritt, huma madankollu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jitqiesu bħala mezzi siewja għall-interpretazzjoni tal-imsemmi kodiċi (sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Humeau Beaupréau, C‑2/13, EU:C:2014:48, punti 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Konsegwentement, l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali ma jeħtieġx li l-ammont tad-drittijiet tal-awtur jew tad‑drittijiet ta’ liċenzji jkun iddeterminat fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ liċenzja jew fil-mument tal-bidu tad-dejn doganali sabiex dawn tal-aħħar jitqiesu relatati mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

47      Għandha tiġi eżaminata, fit-tieni, il-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji jistgħu jitqiesu bħala relatati mal-merkanzija li qed tkun ivvalutata għalkemm dawn huma relatati magħha biss parzjalment. Fil-fatt, f’dan il-każ, id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji tħallsu wkoll fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi wara l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-użu tas-sinjal kummerċjali tal-grupp li għalih kien jappartjeni d-dikjarant.

48      F’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tar-Regolament Nru 2454/93 jistipula li meta l-ammont ta’ dritt tal-awtur jew tad-dritt ta’ liċenzji jkun ikkalkulat indipendentement mill-prezz tal-merkanzija importata, il-ħlas ta’ dan id-dritt tal-awtur jew dan id-dritt ta’ liċenzji jkun madankollu relatat mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

49      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, l-ammont ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet ta’ liċenzji jiddependi mill-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ ġenerali ġġenerat matul il-bejgħ lil terzi tal-merkanzija importata taħt kuntratt ta’ liċenzja. Minn dan isegwi li l-ħlas ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet huma “relatati” mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, fis-sens ta’ dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 161.

50      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi ikkontestata mill-fatt li, skont din l-istess deċiżjoni, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet tal-liċenzja jirrelataw ukoll ma’ provvisti ta’ servizzi sussegwenti għall-importazzjoni tal-imsemmija merkanzija minn GE Ġermanja kif ukoll mal-użu tal-akronimu tal-grupp GE minn din il-kumpannija.

51      Fil-fatt l-Artikolu 158(3) ta’ dan ir-regolament jistipula li jekk il-ħlasijiet tad-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji jirrelataw parzjalment mal‑merkanzija importata u parzjalment ma’ ingredjenti oħra jew elementi kostituttivi miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha, jew ma’ attivitajiet jew servizzi wara l-importazzjoni, distribuzzjoni xierqa għandha ssir biss abbażi tad-data objettiva u kwantifikabbli skont in-nota interpretattiva tal-Artikolu 32(23) tal‑Kodiċi Doganali, li tinsab fl-Anness 32 tar-Regolament Nru 2454/93.

52      B’hekk, l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi espliċitament li drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji li għandhom jitħallsu jistgħu jitqiesu bħala li huma relatati, parzjalment, ma’ merkanzija u, parzjalment, ma’ provvisti ta’ servizzi wara l-importazzjoni, b’tali mod li l-aġġustament previst fl-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali jista’ jiġi applikat, anki jekk dawn id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji jkunu relatati biss parzjalment mal-merkanzija importata, peress li dan l-aġġustament għandu f’dan il-każ isir abbażi ta’ data oġġettiva u kwantifikabbli, sabiex jiġi evalwat l-ammont ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet ta’ liċenzji marbuta ma’ din il-merkanzija.

53      Konsegwentement, skont l-Artikolu 32(1)(ċ) tal‑Kodiċi Doganali, drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji jistgħu jkunu “marbutin mal-merkanzija li qed tkun vvalutata”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għalkemm dawn id-drittijiet tal-awtur jew dawn id-drittijiet ta’ liċenzji huma relatati biss parzjalment mal-imsemmija merkanzija.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domandi li l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, ma jeħtieġx li l-ammont tad-drittijiet tal-awtur jew tad‑drittijiet ta’ liċenzji ta’ trade mark ikun iddeterminat fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ liċenzja jew fil-mument tal-bidu tad-dejn doganali sabiex dawn tal-aħħar jitqiesu relatati mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata u, għaldaqstant, jammetti li l-imsemmija drittijiet tal-awtur jew l-imsemmija drittijiet ta’ liċenzji jistgħu jkunu “marbutin mal-merkanzija li qed tkun vvalutata”, għalkemm dawn id-drittijiet tal-awtur jew dawn id-drittijiet ta’ liċenzji huma relatati biss parzjalment mal-imsemmija merkanzija.

 Fuq it-tielet domanda

55      Permezz tat-tielet domanda, li tikkonċerna t-tielet kundizzjoni elenkata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji jikkostitwixxu “kondizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata meta, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, il-ħlas ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur jew ta’ dawn id-drittijiet ta’ liċenzji jkun rikjest minn impriża marbuta kemm mal-bejjiegħ kif ukoll max-xerrej u jitħallas għall-benefiċċju ta’ din l-istess impriża.

56      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 157(2) tar-Regolament Nru 2454/936, li jippreċiża l-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, jipprevedi li d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji għandhom jiżdiedu mal-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas meta dan il-pagament huwa, minn naħa, relatat mal-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata u, min-naħa l‑oħra, jikkostitwixxi kundizzjoni tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija.

57      L-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali u l‑Artikolu 157(2) tar-Regolament Nru 2454/93 ma jippreċiżawx dak li għandu jinftiehem b’“kundizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija importata li tkun qiegħda tiġi vvalutata.

58      F’dan ir-rigward, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali kkunsidra, fil-punt 12 tal-Kummentarju Nru 3 (Taqsima tal-Valur Doganali) dwar l-effett ta’ drittijiet tal‑awtur u ta’ drittijiet ta’ liċenzji fuq il-valur doganali, li “l-kwistjoni li tqum tirrigwarda jekk il-bejjiegħ huwiex lest li jbigħ il-merkanzija mingħajr ma jitħallas dritt tal-awtur jew dritt ta’ liċenzja. Il-kundizzjoni tista’ tkun espliċita jew impliċita. F’ħafna każijiet, huwa speċifikat fil-kuntratt ta’ liċenzja jekk il-bejgħ tal-merkanzija importata huwiex suġġett għal ħlas ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt ta’ liċenzji. Madankollu, ma huwiex essenzjali li dan ikun stipulat”.

59      Huwa xieraq li jitqiesu l-indikazzjonijiet ipprovduti minn dan il-kummentarju, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet tiegħu, li l-ħlas ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet ta’ liċenzji jikkostitwixxi “kondizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata meta, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali li hemm bejn il-bejjiegħ, jew il-persuna marbuta miegħu, u x-xerrej, il-ħlas tad-dritt tal-awtur jew tad-dritt ta’ liċenzji huwa tant importanti għall-bejjiegħ li fin-nuqqas ta’ tali ħlas, dan tal-aħħar ma jagħmilx il-bejgħ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

61      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konċedent tal-liċenzja, jiġifieri M, li kien marbut kemm mal-bejjiegħ kif ukoll max-xerrej, kien il-benefiċjarju tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet tal-liċenzji relatati mal-merkanzija mibjugħa. Dan il-benefiċjarju kien għaldaqstant, f’dan il-każ, l-istess kumpannija li rrikjediet mix-xerrej ta’ din il-merkanzija li tħallas id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji marbuta magħhom, peress li dawn it-tliet kumpanniji jagħmlu parti mill-istess grupp, il-grupp GE, u kienu kkontrollati, direttament jew indirettament, mill-kumpannija parent ta’ dan il-grupp.

62      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprevedi li meta x-xerrej iħallas dritt tal-awtur jew dritt ta’ liċenzja lil terzi, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157(2) tal-imsemmi regolament għandhom jitqiesu bħala ssodisfatti biss meta l-bejjiegħ jew il-persuna marbuta miegħu jirrikjedi mix-xerrej li jagħmel dan il-ħlas.

63      B’hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 hijiex issodisfatta f’sitwazzjoni fejn it-“terza parti” li lilha trid titħallas id-dritt tal-awtur jew id-dritt ta’ liċenzja u l-“persuna relatata” mal-bejjiegħ humiex l-istess persuna.

64      F’dan ir-rigward, GE Healthcare issostni li, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tagħha, l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprevedi li l-persuna li titlob il-ħlas tad-dritt tal-awtur jew id-dritt ta’ liċenzji u t-terz li lilha dan id-dritt tal-awtur jew dan id-dritt ta’ liċenzji għandu jitħallas ma tistax tkun l-istess persuna.

65      Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, metodu bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal, C‑558/11, Ġabra, EU:C:2012:721, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Issa, kif speċifika l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal‑Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 ma tinkludi t‑tieni riferiment għal “terza parti” li lilha jsir il-ħlas ta’ drittijiet tal‑awtur jew ta’ drittijiet ta’ liċenzji.

67      Barra minn hekk, kif indika wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li persuna relatata mal-bejjiegħ ma tikkwalifikax bħala “terza parti” fis-sens tal-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93, ma jippermettix li jiġi konkluż li l-ħlas ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet ta’ liċenzji ma jikkostitwixxix “kondizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata, fis‑sens tal-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali.

68      Għall-kuntrarju, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-persuna assoċjata mal-bejjiegħ teżerċitax kontroll, fuqu jew fuq ix-xerrej, li tippermettilu li jiġi żgurat li l-importazzjoni ta’ merkanzija li magħha huwa marbut id-dritt ta’ liċenzja tagħha hijiex suġġetta għall-ħlas, favur tiegħu, tad-dritt tal-awtur jew tad-dritt ta’ liċenzja fir-rigward ta’ din il-merkanzija.

69      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel tali verifika fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

70      Barra minn hekk, il-punt 13 tal-Kummentarju Nru 3 (Taqsima tal-Valur Doganali) dwar l-effett ta’ drittijiet tal‑awtur u ta’ drittijiet ta’ liċenzji fuq il-valur doganali, stabbilit mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, jipprevedi li “meta merkanzija jitħallsu minn persuna oħra, il-ħlas tagħhom huwa madnakollu meqjus bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-mekranzija […]. Il-bejjiegħ, jew persuna relatata ma’ dan tal-aħħar, tista’ tkun ikkunsidrata li teħtieġ li x-xerrej iħallas dan il-ħlas meta, pereżempju, fi grupp multinazzjonali, merkanzija tinxtara minn stabbiliment ta’ grupp iżda d-dritt tal-awtur għandu jitħallas lil stabbiliment ieħor tal-istess grupp. Dan jgħodd ukoll meta l-bejjiegħ huwa dak li ħa l-liċenzja tad-destinatarju tad-drittijiet tal-awtur u li dan tal-aħħar jikkontrolla l-kundizzjonijiet tal-bejgħ”.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 għandhom jiġu interpretati fis-sens li drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji jikkostitwixxu “kondizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata meta, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, il-ħlas ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur jew ta’ dawn id-drittijiet ta’ liċenzji jkun rikjest minn impriża marbuta kemm mal-bejjiegħ kif ukoll max-xerrej u jitħallas għall-benefiċċju ta’ din l-istess impriża.

 Fuq ir-raba’ domanda

72      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32(1)(c) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri ta’ aġġustament u ta’ distribuzzjoni, rispettivament imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, jistgħux isiru meta l-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni kien iddeterminat mhux skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, iżda l-metodu sussidjarju previst fl-Artikolu 31 ta’ dan il-kodiċi.

73      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għal diversi snin fiskali qabel l-2009, l-uffiċċju doganali prinċipali ta’ Düsseldorf ma rċeviex id-data neċessarja li tippermettilu li jagħmel l-aġġustament, ibbażat fuq l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, tal-valur tat-tranżazzjoni kkalkulata skont il-metodu previst fl-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi. Konsegwentement, il-metodu tad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali ġie użat, peress li l-metodi previsti fl-Artikoli 29 u 30 tal-imsemmi kodiċi ma kinux, a priori, applikabbli.

74      Sa fejn l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li aġġustament jista’ jsir sabiex jiddetermina l-valur doganali biss bl-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-imsemmi kodiċi, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-aġġustament, u b’mod partikolari, id-distribuzzjoni skont l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93, jistax jiġi applikat ukoll meta l-valur doganali tal-merkanzija importata kien iddeterminat abbażi tal-metodu previst fl-Artikolu 31 ta’ dan il-kodiċi.

75      Għandu jitfakkar li, meta l-valur għal skopijiet doganali ma jistax jiġi ddeterminat, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, permezz tal-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata, l-evalwazzjoni doganali għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 ta’ dan il-kodiċi, permezz tal-applikazzjoni, suċċessivament, tal-punti (a) sa (d) ta’ dan l-aħħar artikolu (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C-291/15, EU:C:2016:455, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fil-każ li lanqas ma jkun possibbli li jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija importata abbażi tal-Artikolu 30 tal-Kodiċi Doganali, l-evalwazzjoni doganali għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 ta’ dan il-kodiċi (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Konsegwentement, kemm mill-kliem tal-Artikoli 29 sa 31 ta’ dan il-kodiċi kif ukoll mill-ordni li skontha għandhom jiġu applikati l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-valur doganali abbażi ta’ dawn l-artikoli, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet huma marbuta bejniethom permezz ta’ rabta ta’ sussidjarjetà. Fil-fatt, huwa biss meta l-valur għal skopijiet doganali ma jistax jiġi ddeterminat permezz ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari li jkun hemm lok li jsir riferiment għad-dispożizzjoni li tiġi immedjatament warajha fl-ordni stabbilita (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      L-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li l-valur doganali tal-merkanzija importata huwa dderminat, abbażi ta’ data disponibbli fl-Unjoni, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ftehimiet internazzjonali kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tal-imsemmi kodiċi li jelenka.

79      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riferiment li sar mill-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali għall-Kapitolu 3 ta’ dan il-kodiċi jimplika li d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan il‑kapitolu, li minnu jifforma parti l-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi, japplikaw anki fil-każ fejn il-valur ta’ merkanzija doganali huwa ddeterminat skont l‑Artikolu 31(1) tal-istess kodiċi.

80      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, id-dritt tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni tal-merkanzija doganali huwa intiż sabiex jistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizji. Skont il-punt 2 tan-nota interpretattiva dwar il-valur għal skopijiet doganali relatat mal-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali, li tinsab fl-Anness 23 tar-Regolament Nru 2454/93, il-metodi ta’ valutazzjoni li għandhom jintużaw skont l-imsemmi Artikolu 31(1) ma għandhomx ikunu dawk iddefiniti fl-Artikoli 29 sa 30(2) ta’dan il-kodiċi iżda “flessibbiltà raġonevoli” fl-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi jkun konformi mal-għanjiet u mad-dispożizzjonijiet tal-istess artikolu 31(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati, C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 60).

81      Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi stabbilit valur doganali fil-każ li impriża ma tkunx ipprovdiet informazzjoni sħiħa dwar is-snin fiskali kkonċernati u l-“flessibilità raġjonevoli” imsemmija fil-punt 2 tal-imsemmija nota interpretattiva, għandu jkun ammess li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data relatata ma’ snin fiskali oħra tal-impriża jista’ jikkostitwixxi data disponibbli fl-Unjoni li l-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali jippermetti li jinżamm bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur doganali. Fil-fatt, ir-riferiment għal din id-data jikkostitwixxi mezzi sabiex jiġi stabbilit l-imsemmi valur li huma, kemm “raġonevoli” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 31(1) u kompatibbli kemm mal-prinċipji kif ukoll mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ftehimiet internazzjonali u mad-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferi dan l-istess Artikolu 31(1) (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati, C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 61).

82      Fir-rigward tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2545/93, dan l-artikolu jipprevedi li meta d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji jirrelataw, parzjalment, mal‑merkanzija importata u, parzjalment, ma’ ingredjenti oħra jew partijiet komponenti miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha, jew ma’ attivitajiet jew servizzi wara l-importazzjoni, distribuzzjoni xierqa għandha ssir “biss abbażi tad-data objettiva u kwantifikabbli” skont in-nota interpretattiva tal-Artikolu 32(23) tal‑Kodiċi Doganali, li jinsab fl-Anness 32 tar-Regolament Nru 2454/93.

83      Issa, mill-punt 81 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-punt 91 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jirriżulta li d-data relatata mas-snin fiskali oħra tal-impriża inkwistjoni tista’ titqies bħala “objettiva u kwantifikabbli” fis-sens tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 u, konsegwentement, id-distribuzzjoni prevista fl-imsemmi artikolu tista’ tkun applikabbli.

84      Barra minn hekk, kif isostnu l-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż, li jiġi deċiż mod ieħor jikkawża vantaġġi indebiti għall-benefiċċju tal-importaturi li jirrifjutaw li jagħtu informazzjoni sħiħa, u jiġi prekluż b’hekk li ssir valutazzjoni korretta tal-valur doganali tal-merkanzija importata.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda preliminari li l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-miżuri ta’ aġġustament u ta’ distribuzzjoni, rispettivament imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, jistgħu jsiru meta l-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni jkun iddeterminat mhux skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, iżda skont il-metodu sussidjarju previst fl-Artikolu 31 ta’ dan il-kodiċi.

 Fuq l-ispejjeż

86      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 32(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, ma jimponix li l-ammont tad-drittijiet tal-awtur jew tad‑drittijiet ta’ liċenzji ta’ trade mark ikun iddeterminat fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ liċenzja jew fil-mument tal-bidu tad-dejn doganali sabiex dawn tal-aħħar jitqiesu “marbutin mal-merkanzija li qed tkun vvalutata” għalkemm dawn id-drittijiet tal-awtur jew dawn id-drittijiet ta’ liċenzji jistgħu jkunu relatati biss parzjalment mal-imsemmija merkanzija.

2)      L-Artikolu 32(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006 u l-Artikolu 160 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1875/2006, tat-18 ta’ Diċembru 2006, għandhom jiġu interpretati fis-sens li drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ liċenzji jikkostitwixxu “kondizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata meta, fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji, il-ħlas ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur jew ta’ dawn id-drittijiet ta’ liċenzji jkun rikjest minn impriża marbuta kemm mal-bejjiegħ kif ukoll max-xerrej u jitħallas għall-benefiċċju ta’ din l-istess impriża.

3)      L-Artikolu 32(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006 u l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 1875/2006, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-miżuri ta’ aġġustament u ta’ distribuzzjoni, rispettivament imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, jistgħu jsiru meta l-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni jkun iddeterminat mhux skont l-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament Nru 2913/92, iżda skont il-metodu sussidjarju previst fl-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż