Language of document : ECLI:EU:C:2012:243

Kawża C-508/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2003/109/KE — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil — Applikazzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil — Applikazzjoni għal permess ta’ residenza fi Stat Membru ieħor ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li diġà kiseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil fi Stat Membru jew minn membru tal-familja tiegħu — Ammonti tad-drittijiet mitluba mill-awtoritajiet kompetenti — Natura sproporzjonata — Ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal nuqqas taʼ twettiq taʼ obbligu — Proċedura prekontenzjuża — Suġġett — Rikors promotur — Espożizzjoni tal-ilmenti u l-motivi

(Artikolu 258 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 38(1)(ċ))

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Status taʼ ċittadini taʼ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil — Direttiva 2003/109 — Applikazzjoni għall-kisba ta’ dan l-istatus u għal permess ta’ residenza fi Stat Membru ieħor ippreżentata minn tali ċittadin, li diġà għandu dan l-istatus fi Stat Membru, jew minn membru tal-familja tiegħu

(Direttiva tal-Kunsill 2003/109)

1.        Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka utilment id-drittijiet tad-difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. Is-suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa, għaldaqstant, limitat bil-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li, fir-rikorsi ppreżentati taħt l-Artikolu 258 TFUE, tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni kif ukoll, minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti. Madankollu, meta l-Kummissjoni ssostni li leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra s-sistema, l-istruttura jew l-ispirtu ta’ direttiva, mingħajr ma l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn dan ma jkun jista’ jintrabat ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-direttiva, ir-rikors tagħha ma jistax jitqies inammissibbli għal din ir-raġuni biss.

(ara l-punti 33-35, 39)

2.        Stat membru li japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu l-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil f’dan l-Istat u għal dawk li, filwaqt li jkunu kisbu dan l-istatus fi Stat Membru ieħor, jitolbu li jeżerċitaw id-dritt li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom li jitolbu li jiġu awtorizzati jakkompanjawhom jew jingħaqdu magħhom, drittijiet fiskali eċċessivi u sproporzjonati, li jistgħu joħolqu ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2003/109, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

Fil-fatt, għalkemm huwa possibbli li Stat Membru jissuġġetta l-ħruġ tal-permessi ta’ residenza skont din id-direttiva għall-ġbir ta’ drittijiet, il-livell li bih dawn jiġu ffissati ma għandu jkollu la bħala għan u lanqas bħala effett li joħloq ostakolu għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil mogħti minn din id-direttiva, inkella dan jippreġudika kemm l-għan segwit minnha kif ukoll l-ispirtu tagħha, u jċaħħdilha l-effettività tagħha.

Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali li għandu Stat Membru sabiex jiffissa l-ammont tad-drittijiet li jistgħu jiġu rikjesti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza skont il-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/109 ma hijiex illimitata u għaldaqstant ma tippermettix li jiġi previst il-ħlas ta’ drittijiet li jkunu eċċessivi fir-rigward tal-effett finanzjarju kunsiderevoli tagħhom fuq dawn iċ-ċittadini.

(ara l-punti 69, 70, 73, 74, 79 u d-dispożittiv)