Language of document : ECLI:EU:C:2017:950


KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-7 ta’ Diċembru 2017(1)

Kawżi Magħquda C85/16 P u C86/16 P

Kenzo Tsujimoto

vs

Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Appelli — Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea‑— “KENZO ESTATE” — Trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea “KENZO” — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 — Interpretazzjoni tal-espressjoni “meta l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jieħu vantaġġ inġust fuq, jew ikun detrimentali għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti” — Jekk l-użu tal-ewwel isem ta’ persuna jikkostitwixxix użu b’raġuni valida)






1.        Permezz ta’ dawn l-appelli s-Sur Kenzo Tsujimoto (iktar ’il quddiem “Tsujimoto”) jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Diċembru 2015, Tsujimoto vs UASI (2) u Tsujimoto vs UASI. (3) Il-Qorti tal-Ġustizzja talbitni li f’dawn il-Konklużjonijiet niffoka fuq parti waħda mill-appell ta’ Tsujimoto, jiġifieri l-interpretazzjoni ta’ raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ trade mark skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. (4) Il-punt ta’ kunsiderazzjoni huwa dwar jekk it-trade mark verbali “KENZO ESTATE”, li Tsujimoto ried jirreġistra bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, tidħolx fid-definizzjoni tal-espressjoni “użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni” f’dik id-dispożizzjoni. Tsujimoto jargumenta illi peress li dik it-trade mark hija parzjalment magħmula minn l-ewwel isem tiegħu “Kenzo”, ir-reġistrazzjoni tagħha tikkostitwixxi użu li għandu raġuni valida u għaldaqstant l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma japplikax.

 Ir-Regolament Nru 207/2009

2.        Il-premessa 7 tistipula li “Id-drittijiet fuq trade mark [tal-Unjoni] ma għandhomx jinkisbu ħlief b’reġistrazzjoni, u tali reġistrazzjoni għandha tiġi miċħuda b’mod partikolari meta t-trade mark ma tkunx distintiva, tkun illegali jew tmur kontra drittijiet preċedenti”.

3.        L-Artikolu 8 jistabbilixxi r-raġunijiet għad-determinazzjoni jekk applikazzjoni għal trade mark għandhiex tiġi miċħuda meta jkunu tressqu proċedimenti ta’ oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti. Dawk ir-raġunijiet huma doppji. Reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tiġi miċħuda “jekk tkun identika għal trade mark preċedenti u jekk il-prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem qiegħda ssir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma identiċi mal-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark preċedenti;” (Artikolu 8(1)(a)). Reġistrazzjoni hija miċħuda wkoll “jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”. (Artikolu 8(1)(b)). Għall-finijiet tal-Artikolu 8(2) trade mark preċedenti tfisser, inter alia, trade marks tal-Unjoni (Artikolu 8(2)(a)(i)).

4.        L-Artikolu 8(5) jipprovdi, “malli ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark [tal-Unjoni] preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-[Unjoni] u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”. (5)

5.        Diċitura simili għall-Artikolu 8(5) hija użata fl-Artikolu 9 (“Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark [tal-Unjoni]”) fit-Taqsima 2 (“L-effetti ta’ trade marks tal-Unjoni”). L-Artikolu 9(1) jelenka lista ta’ ċirkustanzi li fihom il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni għandu l-jedd li jipprojbixxi lil kull terza persuna li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu sabiex tuża sinjali fil-kummerċ. Dawn jinkludu, fl-Artikolu 9(1)(c), l-użu ta’ “kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark [tal-Unjoni] fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni] hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni fil-[Unjoni] u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni]”. (6)

6.        It-Taqsima 2 tinkludi wkoll l-Artikolu 12 (“Il-limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark [tal-Unjoni]”). Dak l-artikolu jipprovdi li:

“It-trade mark [tal-Unjoni] ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ:

(a)      isimha stess jew l-indirizz tagħha;

(b)      indikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi;

(c)      it-trade mark fejn dan huwa meħtieġ sabiex wieħed jindika l-għan intenzjonat tal-prodotti jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts.

sakemm dan l-użu jsir f’konformità mal-użi tajba fl-oqsma industrijali u kummerċjali.”

7.        Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009, jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark tal-Unjoni f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jistgħu japplikaw ċerti sanzjonijiet. Bl-istess mod (skont l-Artikolu 51) id-drittijiet tal-proprjetarju jistgħu jiġu ddikjarati li huma revokati jekk fi żmien perijodu kontinwu ta’ ħames snin it-trade mark ma tkunx tqiegħdet għal użu ġenwin. Bl-istess mod, l-Artikolu 54 jipprovdi li meta l-proprjetarju jkun ta l-kunsens tiegħu għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi fl-użu ta’ trade mark tal-Unjoni sussegwenti fl-Unjoni waqt li huwa jkun jaf b’dan l-użu, hu ma jkunx intitolat iżjed li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tagħha.

 L-isfond tal-proċeduri attwali

 Il-kawża C85/16 P

8.        Fil-21 ta’ Jannar 2008, Tsujimoto applika għar-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade mark verbali “KENZO ESTATE” (iktar ’il quddiem it-“trade mark li saret applikazzjoni għaliha”) bħala trade mark fil-Komunità Ewropea ta’ dak iż-żmien. Il-prodotti li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom kienu fil-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nice; (7) ikkorrispondew għad-deskrizzjoni: “Inbid; xarbiet alkoħoliċi tal-frott; likuri tal-Punent (b’mod ġenerali)”. Fis-17 ta’ Marzu 2008 dik l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 12/2008. Fis-16 ta’ Diċembru 2008 Kenzo SA (l-intervenut fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem “Kenzo”) ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, li fiha invokat l-Artikolu 8(5) tiegħu. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark tal-Unjoni preċedenti “KENZO” irreġistrata fl-20 ta’ Frar 2001 għal prodotti, inter alia, fi klassijiet 3, 18 u 25 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice. (8) Fl-20 ta’ Diċembru 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Kenzo kkontestat dik id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell.

9.        Fit-22 ta’ Mejju 2013 il-Bord tal-Appell laqa’ l-kontestazzjoni ta’ Kenzo fl-intier tagħha. Ikkunsidra li t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi fl-Artikolu 8(5) intlaħqu: (i) it-trade marks inkwistjoni kienu simili ħafna għal parti mhux negliġibbli tal-pubbliku rilevanti; (ii) kuntrarju għall-pożizzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, it-trade mark preċedenti kienet stabbiliet reputazzjoni; u (iii) it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tkun tirkeb fuq dahar it-trade mark preċedenti. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm riskju li t-trade mark li Tsujimoto ried jirreġistra tkun tieħu vantaġġ inġust fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti “KENZO” għall-finijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

10.      Fit-8 ta’ Awwissu 2013 Tsujimoto ppreżenta appell quddiem il-Qorti Ġenerali kontra dik id-deċiżjoni. Huwa jressaq żewġ motivi. Jesponi illi l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 76(2) (9) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba fl-intier tagħha u kkundannat lil Tsujimoto għall-ispejjeż.

 Il-Kawża C86/16 P

11.      Fit-18 ta’ Awwissu 2009 Tsujimoto ppreżenta applikazzjoni oħra għar-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade mark verbali “KENZO ESTATE” (iktar ’il quddiem it-‘trade mark li saret applikazzjoni għaliha”) bħala trade mark fil-Komunità ta’ dak iż-żmien. Il-prodotti u s-servizzi li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom kienu fil-klassijiet 29, 30, 31, 35, 41 u 43 tal-Ftehim ta’ Nice. (10) L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 44/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009. Fit-12 ta’ Awwissu 2010 Kenzo ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, li fiha invokat l-Artikolu 8(5) tiegħu. L-oppożizzjoni kienet mill-ġdid ibbażata fuq it-trade mark verbali preċedenti “KENZO” irreġistrata fl-20 ta’ Frar 2001 għal prodotti, inter alia, fil-klassijiet 3, 18 u 25 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

12.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2012 id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni ta’ Kenzo. Fit-23 ta’ Lulju 2012 Kenzo kkontesta dik id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell li parzjalment laqgħet il-kontestazzjoni ta’ Kenzo b’deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2013. Il-Bord tal-Appell sab, fir-rigward tal-prodotti fil-klassijiet 29 sa 31 (koperti bir-reġistrazzjoni ppreżentata minn Tsujimoto), li ma kinux meqjusa bħala prodotti ta’ lussu u li invarjabbilment ma kinux assoċjati mad-dinja tal-faxxinu jew moda. Il-Bord iddeċieda li kienu prodotti tal-ikel komuni kkonsmati mill-massa li setgħu jinxtraw minn kull ħanut żgħir u li kellhom biss relazzjoni periferali mal-prodotti ta’ Kenzo. B’hekk il-Qorti tal-Appell irrifjuta l-oppożizzjoni fir-rigward ta’ dawk il-prodotti. Madankollu, laqgħet l-oppożizzjoni fir-rigward ta’ servizzi u prodotti fil-klassijiet 35, 41 u 43 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

13.      Fis-26 ta’ Settembru 2013 Tsujimoto ppreżenta appell quddiem il-Qorti Ġenerali kontra dik id-deċiżjoni. Huwa sostna li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 76(2) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-appell fl-intier tiegħu u kkundanna lil Tsujimoto għall-ispejjeż.

 L-appelli u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Fiż-żewġ kawżi odjerni, Tsujimoto jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tħassar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

–        tiddeċiedi definittivament il-kawża;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lil Kenzo għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell.

15.      EUIPO u Kenzo talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad iż-żewġ appelli u tikkundanna lil Tsujimoto għall-ispejjeż tal-proċeduri.

16.      Fiż-żewġ kawżi, Tsujimoto jinvoka żewġ aggravji. L-ewwel, jiddikjara li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz tat-tieni aggravju, li huwa maqsum f’erba’ motivi, Tsujimoto jilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(5) ta’ dak ir-regolament. Ir-raba motiv ta’ dak l-aggravju huwa l-istess fil-Kawżi C‑85/16 P u C‑86/16 P. Dak il-motiv qajjem punt ta’ liġi ġdid u għalhekk f’dawn il-Konklużjonijiet ser niffoka biss fuq dak il-punt.

 Ir-raba’ motiv tat-tieni aggravju — interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 — użu “mingħajr raġuni valida” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni

17.      Tsujimoto jargumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Is-sinjal li ried jirreġistra (KENZO ESTATE) jinkludu l-ewwel isem tiegħu: b’hekk l-użu ta’ dak is-sinjal kien b’raġuni valida. Tsujimoto jissottometti wkoll li r-raġunar tal-Qorti Ġenerali ma huwiex adegwat peress li jingħad biss li “ma ġie muri ebda użu mingħajr raġuni valida”. Huwa jikkontendi li l-qorti falliet meta naqset li tiddeċiedi li l-Bord tal-Appell kellu jagħti raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu li l-użu tal-ewwel isem ta’ Tsujimoto bis-sinjal KENZO ESTATE kien użu mingħajr raġuni valida.

 Is-sentenzi appellati

18.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien korrett meta ddeċieda li reġistrazzjoni tat-trade mark li Tsujimoto kien applika għaliha tista’ toħloq riskju ta’ vantaġġ inġust fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Ikkonfermat l-istħarriġ tal-Bord li t-trade mark ta’ Tsujimoto “[…] tirkeb fuq dahar it-trade mark preċedenti sabiex tibbenefika mis-setgħa tal-attrazzjoni, ir-reputazzjoni u l-prestiġju ta’ dik it-trade mark u sabiex tisfrutta, mingħajr ma tħallas xi kumpens finanzjarju, l-isforz tal-marketing magħmul minn [Kenzo] sabiex tibni u ssostni l-immaġini tat-trade mark” (11)

19.      Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali fakkret li Tsujimoto stqarr li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 billi kien naqas li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa sempliċiment ried li jirreġistra l-ewwel isem tiegħu bħala trade mark. (12) Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“Għandu jiġi ċċarat li l-Bord tal-Appell wieġeb għall-argument tal-appellant billi stqarr li ‘ebda raġuni valida ma [ġiet] murija’ (punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata). Tabilħaqq, dik hija tweġiba lakonika, iżda hija valida. Ir-Regolament Nru 207/2009 ma jipprovdix xi dritt inkundizzjonat li tirreġistra isem bħala trade mark Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2011 fil-kawża Prinz von Hannover vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ stemma), T‑397/09, EU:T:2011:246, punt 29), wisq iktar li tirreġistra l-ewwel isem bħala trade mark. Konsegwentement, il-fatt li l-ewwel isem tal-appellant huwa Kenzo ma huwiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxi raġuni valida għall-użu tat-trade mark li fir-rigward tagħha tintalab reġistrazzjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 […].

Jirriżulta li r-raba’ parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.” (13)

 Evalwazzjoni

 Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

20.      L-argument ta’ Tsujimoto li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha huwa inadegwat huwa essenzjalment ilment li l-Qorti Ġenerali naqset li tagħti raġunijiet għaliex laqgħet id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell billi sabet li l-użu tal-ewwel isem tiegħu fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kien użu mingħajr raġuni valida għall-finijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

21.      L-obbligu li tagħti raġunijiet joħroġ mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li huwa applikabbli għall-Qorti Ġenerali permezz tal-ewwel punt tal-Artikolu 53 ta’ dak l-istatut u mill-Artikolu 117 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Unjoni Ewropea. (14) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikjedix lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti rendikont li jsegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed l-argumenti mressqa mill-partijiet fil-kawża, u li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jista’ għalhekk ikun impliċitu, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’materjal suffiċjenti għaliha sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. (15)

22.      Mis-sentenzi appellati joħroġ ċar li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument ta’ Tsujimoto rigward l-użu tal-ewwel isem tiegħu. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li filwaqt li r-reazzjoni tal-Bord tal-Appell għal dak l-argument kienet “lakonika” kienet madankollu valida. (16) Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx fid-dettall il-pożizzjoni tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, dik il-qorti espressament qalet li kkunsidrat li asserzjoni li użu tal-ewwel isem fih innifsu hija raġuni valida għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni, hija insuffiċjenti. Għalhekk, fil-fehma tiegħi huwa possibbli li mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tistabbilixxi għaliex dik il-qorti ċaħdet it-talba ta’ Tsujimoto f’dak ir-rigward.

 L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

23.      Il-qofol tal-każ ta’ Tsujimoto huwa li għandu jkun intitolat li jirreġistra t-trade mark KENZO ESTATE peress illi huwa juża l-kelma “Kenzo” in bona fede billi dak huwa l-ewwel isem tiegħu.

24.      Ma naqbilx ma’ Tsujimoto. Fl-opinjoni tiegħi, mill-fatt li Kenzo huwa l-ewwel isem tiegħu, ma jirriżultax li l-użu tat-trade mark li huwa ried li jirreġistra jikkostitwixxi użu “b’raġuni valida” għall-finijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. It-trade mark verbali Kenzo kienet irreġistrata fl-2001: madwar tmien snin qabel l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ Tsujimoto. Id-drittijiet fuq dik it-trade mark huma protetti bir-Regolament Nru 207/2009 u l-protezzjoni mogħtija ma tiċċaqlaqx sempliċiment għaliex Kenzo inzerta huwa l-ewwel isem relattivament komuni fil-Ġappun.

25.      Ser nibda l-analiżi tiegħi b’ċerti osservazzjonijiet preliminari. Huwa fatt magħruf li t-trade mark verbali Kenzo hija t-“trademark preċedenti” għall-finijiet tal-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 fil-każijiet inkwistjoni. Fil-punt 54 tas-sentenzi tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark ta’ Tsujimoto tkun “tirkeb fuq dahar it-trade mark preċedenti” u għalhekk tikkawża dannu lill-proprjetarju, Kenzo.

26.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu l-ewwel jiġi ċċarat li l-espressjoni “użu mingħajr raġuni valida” tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma hijiex iddefinita f’dak ir-regolament. Għalhekk, dak il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tas-sistema li fiha huwa jopera, u b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni li tinkludih. (17)

27.      It-tieni, fi ħdan is-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 8 huwa intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”. Jipprovdi regoli għal riżoluzzjoni ta’ tilwim meta trade mark preċedenti tistabbilixxi drittijiet favur il-proprjetarju fi żmien meta tidħol applikazzjoni sussegwenti għal reġistrazzjoni. L-Artikolu 9 jipprovdi d-drittijiet li tagħti trade mark tal-Unjoni lill-proprjetarju. Taħt dik id-dispożizzjoni, huwa għandu d-dritt li jipprojbixxi kull terza persuna (li ma għandhiex il-kunsens tiegħu) milli tuża sinjal identiku jew simili fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi ma’ dawk li għalihom tkun reġistrata t-trade mark tal-Unjoni (Artikolu 9(1)(a)). Huwa jista’ wkoll jipprojbixxi l-użu ta’ xi sinjal fejn, minħabba l-identiċità tiegħu ma’, jew ix-xebh ma’, trade mark tal-Unjoni u l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti b’dik it-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku (Artikolu 9(1)(b)). Id-diċitura tal-Artikolu 9(1)(c) (li tikkonċerna “użu mingħajr raġuni valida”) hija simili għall-aħħar kundizzjoni fl-Artikolu 8(5). Nikkunsidra li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati konsistentement bil-għan li jiżguraw li r-Regolament Nru 207/2009 huwa interpretat b’mod koerenti. (18)

28.      It-tielet, ir-Regolament Nru 207/2009 u d-Direttiva dwar it-Trade Mark għandhom sfond storiku komuni u l-għan komuni huwa li jistabbilixxu skema ta’ trade mark Ewropea. (19) Id-dispożizzjonijiet paralleli għall-Artikoli 8(5) u 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 f’dik id-direttiva huma l-Artikoli 4(4)(a) u 5(2) rispettivament. Għalhekk, jidhirli li huwa xieraq li nirreferi għal ġurisprudenza eżistenti li tinterpreta d-dispożizzjonijiet paralleli fid-Direttiva dwar it-Trade Mark f’kull eżami tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-Trade Marks tapplika ugwalment għall-Artikolu 4(4)(a) ta’ dik id-direttiva. (20) Nikkunsidra li l-istess approċċ japplika fir-rigward tal-Artikoli 8(5) u 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

29.      Rigward l-istruttura tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Levi Strauss (21) tipprovdi ċertu gwida utli li jien nikkunsidra li tista’ tapplika b’analoġija. L-istruttura leġiżlattiva titlob li fid-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ protezzjoni ta’ dawk id-drittijiet, għandhom jinsiltu konsegwenzi mill-aġir tal-proprjetarju. (22)

30.      B’hekk, l-Artikolu 15 jipprovdi li jekk, wara t-tlestija tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx poġġa t-trade mark għal użu ġenwin fl-Istat Membru kkonċernat inkonnessjoni mal-prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom tkun irreġistrata, jew jekk tali użu kien ġie sospiż matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, dik it-trade mark għandha tkun suġġetta għas-sanzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 207/2009, sakemm ma hemmx raġunijiet xierqa għan-nuqqas ta’ użu. Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 207/2009, id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni jistgħu jiġu revokati, jekk it-trade mark tkun tpoġġiet f’użu ġenwin fi ħdan perijodu kontinwu ta’ ħames snin jew jekk tkun saret, b’konsegwenza tal-aġir tal-proprjetarju tagħha, l-isem komuni għal prodott jew servizz. Finalment, skont l-Artikolu 54, meta proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jkun aċċetta, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, fl-użu ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata fl-Unjoni filwaqt li jkun konxju minn dan l-użu, fil-prinċipju huwa ma jkunx iktar intitolat fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti, li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tar-raġunijiet jew servizzi li għalihom tkun użata t-trade mark suċċessiva. (23)

31.      Dawk id-dispożizzjonijiet jindikaw li l-għan tar-Regolament Nru 207/2009 huwa ġeneralment sabiex jintlaħaq bilanċ xieraq. L-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark huma li jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha fi ħdan l-Unjoni. Dik il-funzjoni hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew servizz koperti minn trade mark, li mingħajr xi possibbiltà ta’ konfużjoni, tippermettilu jiddistingwi dak il-prodott jew servizz minn oħrajn li għandhom oriġini oħra. Il-proprjetarju għandu jiġi protett minn kompetituri li jixtiequ jieħdu vantaġġ inġust mill-istat u r-reputazzjoni tat-trade mark tiegħu billi jbigħu prodotti li illegalment iġorru dik it-trade mark. Il-parti l-oħra tal-eżerċizzju ta’ bilanċ ikopri l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħrajn milli jkollhom trade marks li kapaċi jindikaw il-prodotti u servizzi tagħhom. (24)

32.      Minn dan isegwi li l-protezzjoni ta’ drittijiet li l-proprjetarju ta’ trade mark jislet mir-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex inkundizzjonata, billi sabiex jinżamm il-bilanċ bejn dawk iż-żewġ settijiet ta’ interessi dik il-protezzjoni hija limitata b’mod partikolari għal dawk il-każijiet li fihom il-proprjetarju juri li huwa suffiċjentement viġilanti billi jopponi l-użu ta’ sinjali minn operaturi oħrajn li possibbilment jippreġudikaw it-trade mark tiegħu. (25) Dik hija preċiżament il-pożizzjoni fil-kawżi odjerni fejn Kenzo attivament oppona għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. B’hekk, Kenzo jeżiġi li jipproteġi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark preċedenti.

33.      Fi ħdan l-istruttura tar-Regolament Nru 207/2009, l-applikazzjoni ta’ Tsujimoto għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tinkludi l-ewwel isem tiegħu tirriżulta f’użu b’raġuni valida għall-finijiet tal-Artikolu 8(5) ta’ dak ir-regolament? (26)

34.      Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Leidseplein Beheer u de Vries, li tikkonċerna l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-Trade Mark, tistabbilixxi ċerti prinċipji li jistgħu utilment jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Hemmhekk il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-protezzjoni mogħtija lil trade mark b’reputazzjoni hija estensiva. Fil-kwistjoni odjerna, Kenzo kienet uriet l-eżistenza ta’ forma ta’ dannu għat-trade mark preċedenti inkwantu hemm konklużjoni li t-trade mark ta’ Tsujimoto tkun tirkeb fuq dahar it-trade mark stabbilita. (27) Għaldaqstant, l-oneru qiegħed fuq Tsujimoto li jistabbilixxi li xorta waħda hu għandu raġuni valida sabiex jirreġistra KENZO ESTATE. (28) Il-kunċett ta’ “raġuni valida” jista’ mhux jinkludi biss raġunijiet oġġettivament imperattivi, iżda jista’ wkoll ikun marbut mal-interessi suġġettivi ta’ terz li jagħmel użu minn sinjal li huwa identiku jew simili għat-trade mark li għandha reputazzjoni. Dak il-kunċett ma jistax iwassal għar-rikonoxximent, għall-benefiċċju ta’ Tsujimoto, tad-drittijiet marbuta ma’ trade mark reġistrata. Pjuttost, meta tiġi stabbilita raġuni valida, din tobbliga lill-proprjetarju tat-trade mark b’reputazzjoni (hawnhekk, Kenzo) li jittollera l-użu ta’ sinjal simili. (29)

35.      Jidhirli li bl-applikazzoni ta’ dawk il-prinċipji hawnhekk, il-bilanċ ma jixxaqlibx favur Tsujimoto.

36.      Fil-kawża Leidseplein Beheer u de Vries, ġie rikonoxxut li l-parti terza (is-Sur de Vries, detentur tas-sinjal inkwistjoni) kien irreġistra dak is-sinjal u stabbilixxa użu qabel dak il-proprjetarju li ried jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-Trade Mark (Red Bull GmbH) kien irreġistra t-trade mark tiegħu. (30) Madankollu, hawnhekk Tsujimoto applika sabiex jirreġistra s-sinjal KENZO ESTATE tmien snin wara li ġiet irreġistrata t-trade mark tal-Unjoni Ewropea Kenzo. (31)

37.      B’hekk, ma tqum l-ebda kwistjoni dwar jekk is-sinjal ta’ Tsujimoto ġiex aċċettat minn, u x’kienet ir-reputazzjoni tiegħu mal-pubbliku ġenerali. F’dak l-isfond, is-sempliċi fatt li Tsujimoto jixtieq juża l-ewwel isem tiegħu bħala trade mark ma jxaqlibx il-bilanċ favur tiegħu għal skopijiet ta’ eżerċizzju ta’ bbilanċjar li għandu jseħħ meta jiġi kkunsidrat jekk jistax juri użu b’raġuni valida.

38.      Jekk kellu jingħata iktar piż għall-fatt li l-ewwel isem ta’ Tsujimoto huwa Kenzo milli għad-dannu kkawżat lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni stabbilita, ikun sostanzjalment qiegħed jimmina il-protezzjoni mogħtija bir-Regolament Nru 207/2009. Li tikkategorizza użu bħal dan bħala awtomatikament uża b’raġuni valida jkun ifisser li kull trade mark preċedenti magħmula minn isem tiġi mneżża’ mill-funzjoni essenzjali tagħha.

39.      Il-kunċett ta’ użu ta’ ismijiet bħala trade marks ma huwiex xi wieħed mhux tas-soltu. (32) B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li f’każijiet fejn hemm possibbiltà ta’ konfużjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi speċifiċi għall-każ inkwistjoni, pereżempju jekk il-persuna kkonċernata hijiex magħrufa sew. (33) Jidher ċar li meta isem jiġi rreġistrat bħala trade mark skont ir-Regolament Nru 207/2009, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija sabiex tipproteġi l-interessi tal-proprjetarju taħt dik ir-regolament. Ma jistax isegwi (kif jasserixxi Tsujimoto) li sempliċiment għaliex it-trade mark li huwa jrid jirreġistra hija magħmula parzjalment minn ismu, allura dak jikkostitwixxi użu b’raġuni valida.

40.      Fir-rigward tal-għanijiet tar-raġunijiet relattivi għal rifjut, il-premessa 7 tar-Regolament Nru 207/2009 tipprovdi li “reġistrazzjoni għandha tiġi miċħuda b’mod partikolari meta t-trade mark ma tkunx distintiva, tkun illegali jew tmur kontra drittijiet preċedenti”. Dan jindika li reġistrazzjoni għandha tiġi rrifjutata jekk tiġi kkunsidrata li t-trade mark li għaliha ssir applikazzjoni tkun tikkunfliġġi ma’ trade mark preċedenti għall-finijiet tal-Artikolu 8(5). Id-diċitura ta’ dik id-dispożizzjoni tirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom l-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tieħu vantaġġ inġust fuq, jew tkun detrimentali għall-karattru distintiv jew reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenzi appellati, li tilqa’ l-istħarriġ tal-Bord tal-Appell li t-trade mark li Tsujimoto ried jirreġistra “tirkeb fuq dahar it-trade mark preċedenti ta’ Kenzo” hija indikazzjoni ċara li l-qorti kkunsidrat li t-trade mark ta’ Tsujimoto tieħu vantaġġ mhux xieraq fuq it-trade mark preċedenti.

41.      Nikkonkludi li l-użu tal-ewwel isem ta’ Tsujimoto fis-sinjal li huwa jixtieq jirreġistra, ma jikkostitwixxix użu b’raġuni valida għall-finijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

42.      Għall-korrettezza nżid li proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni ma huwiex intitolat li jipprojbixxi terz milli fil-kors tal-kummerċ juża ismu jew l-indirizz tiegħu, kemm-il darba jużahom skont prattiċi onesti ta’ kwistjonijiet industrijali jew kummerċjali. (34) B’hekk, ir-Regolament 207/2009 jiżgura li persuna fis-sitwazzjoni ta’ Tsujimoto ma hijiex prekluża milli tuża l-ewwel isem tagħha bħala isem fil-kummerċ b’riżultat tar-reġistrazzjoni preċedenti ta’ Kenzo.

43.      Dan huwa konsistenti mal-Artikolu 7 tal-Karta li jiggarantixxi d-dritt għar-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja ta’ persuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-isem ta’ persuna huwa element kostitwenti tal-identità u l-ħajja privata tiegħu. Aħna nidentifikaw lilna nnifisna bl-użu ta’ isimna. Isem ta’ persuna huwa wkoll marbut mal-familja u l-antenati jew patrimonju tagħha u jikkonċerna l-ħajja privata u tal-familja tiegħu. (35) Madankollu, il-fatt li Kenzo rreġistra isem komuni (li inzerta li huwa l-ewwel isem ta’ Tsujimoto) bħala trade mark ma jwassalx sal-punt li timpedixxih mill-ħajja privata jew tal-familja tiegħu.

 Spejjeż

44.      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tikkonkludi dawn il-proċedimenti.

 Konklużjoni

45.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        Tiċħad ir-raba’ motiv tat-tieni aggravju bħala infondat; u

–        tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja mal-konklużjoni ta’ dawn il-proċeduri.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2015, Tsujimoto vs UASI – Kenzo (KENZO ESTATE), T‑414/13, li ma hijiex ippubblikata, EU:T:2015:923.


3      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2015, Tsujimoto vs UASI – Kenzo (KENZO ESTATE), T‑522/13, li ma hijiex ippubblikata, EU:T:2015:922. F’dawn il-Konklużjonijiet nirreferi għall-kawżi T‑414/13 u T‑522/13 flimkien bħala s-“sentenzi appellati”.


4      ĠU 2009 L 78, p. 1. Ir-Regolament Nru 207/2009 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994 L 11, p. 1). Dak ir-regolament kien fis-seħħ meta Tsujimoto ried jirreġistra t-trade mark fil-Kawża T‑414/13. In-numerazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti baqa’ l-istess. Ir-Regolament Nru 207/2009 ġiet emendata diversi drabi. Hija l-verżjoni oriġinali ta’ dak ir-regolament li kienet tapplika meta Tsujimoto ried jirreġistra t-trade mark fil-kawża T‑522/13. Ser nirreferi għall-punti meta Tsujimoto ried reġistrazzjoni bħala “ż-żmien materjali”. Dak ir-regolament ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017 L 154, p. 1) b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017. Id-dispożizzjonijiet materjali tar-Regolament Nru 207/2009 jibqgħu l-istess fir-Regolament (UE) 2017/1001.


5      Id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008 L 299, p. 25) (id-“Direttiva dwar it-Trade Mark”). Id-Direttiva 2008/95 ħassret u ssostitwixxiet l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 (ĠU 1989 L 40, p. 1). Din l-aħħar direttiva kienet fis-seħħ meta Tsujimoto ried jirreġistra t-trade mark fil-Kawża T‑414/13. In-numerazzjoni u d-dispożizzjoni rilevanti baqgħu l-istess fid-Direttiva 2008/95 li applikat meta Tsujimoto ried jirreġistra t-trade mark fil-Kawża T‑522/13. Id-Direttiva 2008/95 għandha dispożizzjonijiet li jirriflettu d-diċitura tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Minn dak iż-żmien dik id-direttiva ġiet imħassra u tkun sostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015 L 336, p. 1) b’effett mill-15 ta’ Jannar 2019. Fiż-żmien materjali, id-dispożizzjonijiet paralleli tad-Direttiva 2008/95 kienu fl-Artikolu 4(3) li jikkonċerna trade marks reġistrati fl-Unjoni u fl-Artikolu 4(4)(a) fir-rigward ta’ trade marks reġistrati fi Stat Membru. In-numerazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet inbidlet fid-Direttiva (UE) 2015/2436. L-Artikolu 4(3) u 4(4)(a) tad-Direttiva 2008/95 issa huwa l-Artikolu 5(3)(a) tad-direttiva l-ġdida.


6      Id-diċitura tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 hija riflessa fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95. Dik id-dispożizzjoni issa hija l-Artikolu 10(2)(c) fid-Direttiva (UE) 2015/2436.


7      Il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (il-“Klassifikazzjoni ta’ Nice”).


8      Dawk il-klassijiet jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet segwenti: klassi 3 ‘preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra li jintużaw fil-ħasil tal-ħwejjeġ’; klassi 18 ‘ġilda u imitazzjonijiet ta’ ġilda, ċinturini, basktijiet, basktijiet tal-id’; klassi 25 ‘ilbies, xedd is-saqajn, xedd ir-ras’.


9      L-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jippermetti lill-EUIPO li jinjora fatti jew evidenza li ma humiex ippreżentati fi żmien propizju mill-partijiet ikkonċernati. Ma għandha l-ebda piż fuq id-domanda li toħroġ mill-motiv ta’ Tsujimoto dwar ir-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark elenkati fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-użu tal-ewwel isem “Kenzo”.


10      Dawn jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: klassi 29, ‘Żejt taż-żebbuġa (tal-ikel); żejt taż-żerriegħa tal-għeneb (tal-ikel); żjut tal-ikel u xaħmijiet; żbib; ħxejjex u frott ipproċessati; ħxejjex iffriżati; frott iffriżat; żrieragħ nejjin; prodotti tal-laħam ipproċessat; frott tal-baħar ipproċessat’; klassi 30, ‘Ħelu, ħobż u ħbieżi; inbid, ħall; dressing taż-żebbuġa; seasonings (li ma humiex ħwawar); ħwawar; sandwiches; pizza; hot dogs (sandwiches); torti tal-laħam; ravjul’; klassi 31, ‘Għeneb (frisk); żebbuġ (frisk); frott (frisk); ħxejjex (friski); żrieragħ u rjus’; klassi 35, ‘Riċerka fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid; provvista ta’ informazzjoni fuq il-bejgħ tal-inbid; servizzi ta’ reklamar u ta’ pubbliċità; aġenziji tal-importazzjoni-esportazzjoni; servizzi ta’ bejgħ jew servizzi ta’ bejgħ bl-imnut għal ikel u xorb; servizzi ta’ bejgħ jew servizzi ta’ bejgħ bl-imnut għal likur’; klassi 41, inter alia, ‘Servizzi edukattivi jew ta’ istruzzjoni marbuta ma’ tagħrif ġenerali fuq l-inbid; Servizzi edukattivi jew ta’ istruzzjoni marbuta ma’ tagħrif ġenerali fuq kif tinkiseb ċertifikazzjoni ta sommelier’; u klassi 43, ‘Provvista ta’ ikel u xorb; provvista ta’ soġġorn temporanju’.


11      Punt 54 tas-sentenzi appellati.


12      Punt 57 tas-sentenza appellata fil-kawża T‑414/13: it-test korrispondenti fil-Kawża T-522/13 huwa l-punt 58.


13      Ara l-punti 58 u 59 tal-kawża T‑414/13 (EU:T:2015:923) u l-punti 59 u 60 tal-Kawża T‑522/13 (EU:T:2015:922), li huma mfassla b’diċitura identika.


14      Sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15      Sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16      Ara l-punt 58 fil-Kawża T‑414/13 (EU:T:2015:923) u l-punt 59 li jikkorrispondi fil-kawża T‑522/13 (EU:T:2015:922), iċċitat fil-punt 19 iktar ’il fuq.


17      Sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punt 28.


18      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff, C‑292/00, EU:C:2003:9, punt 17.


19      Ara Von Mühlendhal, A., Botis, D., Maniatis, S., Wiseman, I., Trade Mark Law in Europe (it-tielet edizzjoni), ippubblikat minn Oxford University Press 2016, punti 231 u 262. Ara wkoll l-istqarrija tal-Kummissjoni IP/15/4823 tal-21 ta’ April 2015.


20      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 24 u 25.


21      Sentenza tas-27 ta’ April 2006, C‑145/05, EU:C:2006:264.


22      Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Levi Strauss, C‑145/05, EU:C:2006:264, punt 27. Ara wkoll punt 27 iktar ’il fuq.


23      Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Levi Strauss, C‑145/05, EU:C:2006:264, punt 28.


24      Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Levi Strauss, C‑145/05, EU:C:2006:264, punti 15 and 29.


25      Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Levi Strauss, C‑145/05, EU:C:2006:264, punt 30.


26      Sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C-65/12, EU:C:2014:49, punt 43.


27      Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.


28      Sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 39 sa 44.


29      Sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 45 u 46.


30      Sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 50 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.


31      Ara l-punti 8 u 11 iktar ’il fuq.


32      Ċerti ċelebritajiet irreġistraw isimhom bħala trade marks, bħal Frank Sinatra, Elvis, Beyoncé, Michael Jordan, Arnold Schwarzenegger u David Beckham.


33      Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, Becker vs Harman International Industries, C‑51/09 P, EU:C:2010:368, punti 36 u 37.


34      Artikolu 12 tar-Regolament Nru 207/2009, subinċiż (a).


35      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn‑Wittgenstein, C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 52; ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Freitag, C‑541/15, EU:C:2017:432, punti 33 sa 36.