Language of document : ECLI:EU:C:2010:321

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Regolament (KE) Nru 717/2007 – Roaming fuq netwerks pubbliċi tat‑telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità – Validità – Bażi legali – Artikolu 95 KE – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà”

Fil-Kawża C‑58/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

Vodafone Ltd,

Telefónica O2 Europe plc,

T-Mobile International AG,

Orange Personal Communications Services Ltd

vs

Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform,

fil-preżenza ta’:

Office of Communications,

Hutchison 3G UK Ltd,

GSM Association,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta, P. Lindh, u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann, P. Kūris, T. von Danwitz (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Vodafone Ltd, minn D. Pannick, QC, u R. Kreisberger, avukat,

–        għal Telefónica O2 Europe plc, T-Mobile International AG u Orange Personal Communications Services Ltd, minn D. Anderson, QC, I. Ross, M. Lemanski, solicitors, u D. Scannell, barrister,

–        għal Hutchison 3G UK Ltd, minn F. Richmond, solicitor, u B. Kennelly, barrister,

–        għal GSM Association, minn B. Amory u S. Clerckx, avukati, kif ukoll minn M. Chamberlain, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn J. Turner, QC, u minn T. Ward, barrister,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. M. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn E. Perillo, J. Rodrigues u L. Visaggio, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn D. Canga Fano u G. Kimberley, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Benyon u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-1 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar‑Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d‑Direttiva 2002/21/KE (ĠU L 171, p. 32).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Vodafone Ltd, Telefónica O2 Europe plc, T-Mobile International AG u Orange Personal Communications Services Ltd, operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli attivi fir-Renju Unit, fl-Unjoni Ewropea u f’xi swieq internazzjonali oħra, u s-Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform (Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, għall-Impriżi u għar-Riforma tal-leġiżlazzjoni) dwar il‑validità tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 717/2007, adottati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-kuntest ġuridiku għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

3        Fl-2002, il-leġiżlatur Komunitarju adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE, qafas regolatorju għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“qafas regolatorju”) sabiex jissuġġetta n-netwerks ta’ xandir kollha u s-servizzi assoċjati għall‑istess qafas leġiżlattiv, li huwa kompost, b’mod partikolari, bid‑Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349) barra xi direttivi speċifiċi. Dan il-qafas jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) jissuġġettaw, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva f’suq rilevanti, xi obbligi regolatorji ex ante fuq l-impriżi fil-qasam tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi deskritti bħala b’saħħithom fis-suq wara li jwettqu analiżi tas-suq ikkonċernat.

 Id-Deċiżjoni 2002/627/KE

4        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE, tat-29 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Netwerks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 200, p. 38), inħoloq grupp konsultattiv ta’ ARN fuq in-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Ir-rwol ta’ dan il-grupp (iktar ’il quddiem il-“GRE”) huwa, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari li jagħti konsulenza u jgħin lill-Kummissjoni fil‑konsolidazzjoni tas-suq intern għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

 Ir-Regolament Nru 717/2007

5        Wara li wettqet konsultazzjoni pubblika tal-partijiet interessati, il‑Kummissjoni ppreżentat, fit-12 ta’ Lulju 2006, analiżi tal-impatt tal‑għażliet politiċi dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Roaming fuq Netwerks Pubbliċi tat‑Telefonija Mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21 [SEC(2006) 382 finali] (iktar ’il quddiem il-“proposta għal regolament”), ippreżentat fl-istess ġurnata, li wassal għall-adozzjoni tar‑Regolament Nru 717/2007 fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

6        Dan ir-regolament jissuġġetta lill-operaturi tan-netwerks mobbli għal tariffi massimi għall-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut għall‑provvista tas-servizzi ta’ roaming fuq in-netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjonijiet bil-vuċi bejn l-Istati Membri (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ roaming madwar il‑Komunità”).

 Il-funzjonament tas-servizzi ta’ roaming

7        Il-funzjonament tas-servizzi ta’ roaming jista’ jiġi deskritt kif ġej, b’mod partikolari fid-dawl tad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 717/2007.

8        Is-servizzi ta’ roaming proposti mill-operaturi ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli jikkonsistu fl-offerta ta’ kontinwità ta’ servizzi lil klijenti li jsiefru barra, li tippermettilhom jagħmlu jew jirċievu telefonati fuq netwerks ta’ Stati Membri oħra.

9        Sabiex jipprovdi servizzi ta’ roaming, operatur ta’ netwerk ta’ oriġini jikkonkludi ftehim speċifiku ta’ bejgħ bl-ingrossa mal-operaturi li joperaw fin-netwerks li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra. L-operatur lokali tal-Istat miżjur minn abbonat tan-netwerk ta’ oriġini, li miegħu l‑operatur tan-netwerk ta’ oriġini kkonkluda tali ftehim, iwassal it‑telefonata lill-abbonat. Is-servizz ipprovdut min-netwerk miżjur lin‑netwerk ta’ oriġini jikkostitwixxi s-“servizz ta’ network bl‑ingrossa”.

10      Il-fornitur ta’ oriġini huwa impriża li tipprovdi lill-abbonat tar-roaming servizzi ta’ telefonija mobbli fuq in-netwerk pubbliku terrestri, kemm permezz tan-netwerk tagħha stess, u kemm bħala operatur ta’ netwerk mobbli virtwali jew bejjiegħ mill-ġdid ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli bil-vuċi. Is-servizz ipprovdut minn dan il-fornitur lill‑abbonati tar-roaming jikkostitwixxi s-“servizz ta’ roaming bl‑imnut”.

11      Is-servizzi ta’ roaming bl-imnut huma parti mill-ftehim jew kuntratt ta’ telefonija mobbli konkluż mill-abbonat mal-fornitur ta’ oriġini u huma ttariffati bħala servizzi li jaqgħu taħt dan il-ftehim jew kuntratt. B’hekk il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ roaming bl-imnut jiddependu mill-ftehim jew kuntratt konkluż kif ukoll mis-suġġettar eventwali ta’ obbligi speċifiċi mill-ARN li huwa dipendenti fuqhom il‑fornitur ta’ oriġini.

 Il-kontenut tar-Regolament Nru 717/2007

12      Fir-rigward tal-prezzijiet imħallsa mill-persuni li jużaw in-netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli għal servizzi ta’ roaming bl-imnut, il‑premessa 1 tar-Regolament Nru 717/2007 tipprovdi li: “[i]l-livell għoli tal-prezzijiet [...] huwa kwistjoni ta’ tħassib għall-[ARN], kif ukoll għall-konsumaturi u l-istituzzjonijiet Komunitarji. It-tariffi [prezzijiet] bl-imnut eċċessivi qed jirriżultaw minn tariffi bl-ingrossa għoljin imposti mill‑operatur tan-netwerk ospitanti barrani u wkoll, f’bosta każijiet, minn qligh għoli fuq il-bejgħ bl-imnut li jiġu imposti mill-operatur tan‑netwerk tal-klijent stess. It-tnaqqis fit-tariffi bl-ingrossa spiss ma jigix mghoddi lill-klijent li jixtri bl-imnut. Għalkemm xi operaturi dan l‑aħħar daħħlu skemi ta’ tariffi li joffru lill-klijent kondizzjonijiet aktar favorevoli u prezzijiet aktar baxxi, tibqa’ l-evidenza li r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-prezzijiet mhijiex dik li soltu jkun hemm fi swieq kompletament kompetittivi.”

13      Mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 717/2007 jirriżulta li dan ir‑regolament jikkomplementa u jappoġġa, sa fejn hu kkonċernat ir‑roaming madwar il-Komunità, il-qafas regolatorju, peress li dan ma pprovdiex lill-ARN mezz suffiċjenti sabiex jieħdu l-miżuri effikaċji u deċiżivi f’dak li jirrigwarda t-tariffi tas-servizzi ta’ roaming madwar il‑Komunità.

14      Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-premessa 6 tal-imsemmi regolament tippreċiża:

“[...] il-ħidma li saret mill-[ARN] (kemm individwalment kif ukoll fi ħdan il-[GRE]) fl-analiżi tas-swieq nazzjonali bl-ingrossa għar-roaming internazzjonali wriet li għadu ma kienx possibbli għal [ARN] li tindirizza b’mod effettiv il-livell għoli tat-tariffi bl-ingrossa għar‑roaming madwar il-Komunità minħabba d-diffikultà fl‑identifikazzjoni ta’ impriżi b’setgħa sinifikanti fis-suq fid-dawl taċ‑ċirkostanzi speċifiċi tar-roaming internazzjonali, inkluża n-natura transkonfinali tiegħu.”

15      Skont il-premessi 8 u 9 tar-Regolament Nru 717/2007:

“(8)      Barra minn hekk, l-[ARN] inkarigati mill-protezzjoni u l‑promozzjoni ta’ l-interessi tal-klijenti ta’ telefonija mobbli normalment residenti fit-territorju tagħhom ma jistgħux jikkontrollaw l-imġiba ta’ l-operaturi tan-netwerk miżjur, li jinsab fi Stati Membri oħra, u li fuqu jiddipendu dawk il-klijenti meta jużaw is-servizzi tar-roaming internazzjonali. Dan l-ostakolu jista’ jkollu l-effett li jnaqqas l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri bbażati fuq il-kompetenza residwa tagħhom sabiex jadottaw ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur.

(9)      Hemm għalhekk pressjoni sabiex l-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jindirizzaw il-livell tat-tariffi tar-roaming internazzjonali, iżda l-mekkaniżmu għall-intervent regolatorju ex ante mill‑[ARN] previst mill-qafas regolatorju [...] deher li ma kienx biżżejjed sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jaġixxu b’mod deċisiv fl‑interess tal-konsumatur f’dan il-qasam speċifiku.”

16      Mill-premessi 12 u 13 tal-imsemmi regolament jirriżulta li huwa ħa inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi uniċi tas-suq tar-roaming, li jiġġustifika l-miżuri eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-mekkaniżmi previsti mill-qafas regolatorju.

17      Fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 717/2007, il premessa 14 tiegħu tiddikjara li, “[l]-obbligi regolatorji għandhom jiġu imposti kemm fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut, kif ukoll fil-livell ta’ bejgħ bl‑ingrossa sabiex ikunu protetti l-interessi tal-klijenti tar-roaming, billi l-esperjenza wriet li t-tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi tar‑roaming madwar il-Komunità jistgħu ma jkunux riflessi fi prezzijiet bl-imnut inqas għar-roaming, minħabba li ma jkunx hemm inċentivi sabiex dan iseħħ. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni sabiex jitnaqqas il-livell tal-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma jiġi indirizzat il-livell ta’ l-ispejjeż bl-ingrossa marbuta ma’ l-għoti ta’ dawn is-servizzi jista’ jissogra li jostakola l-funzjonament korrett tas-suq tar-roaming madwar il‑Komunità.”

18      Skont il-premessa 16 tal-imsemmi regolament, huwa jistabbilixxi “[...] approċċ komuni sabiex jiġi żgurat li l-utenti tan-netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli terrestri li jivvjaġġaw fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għas-servizzi telefoniċi tar-roaming disponibbli madwar il-Komunita meta jagħmlu jew meta jirċievu sejħiet bil-vuċi [...] Fid-dawl tan-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati, dan l‑approċċ komuni huwa meħtieġ sabiex l-operaturi mobbli jkunu jistgħu joperaw taħt qafas regolatorju koerenti msejjes fuq kriterji stabbiliti oġġettivament.”

19      L-approċċ regolatorju previst mir-Regolament Nru 717/2007 għandu, hekk kif tiddikjara l premessa 19 tiegħu, “jiżgura li t-tariffi bl-imnut għar-roaming madwar il-Komunità jipprovdu riflessjoni aktar raġonevoli ta’ l-ispejjeż sottostanti involuti fl-għoti tas-servizz milli kien il-każ.”

20      F’dan ir-rigward, skont il-premessa 38 tal-imsemmi regolament, ladarba dawn l-għanijiet “ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill‑Istati Membri b’mod sigur, armonizzat u f’waqtu u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl‑Artikolu 5 tat-Trattat [KE].”

21      F’dak li jirrigward l-għan tar-Regolament Nru 717/2007, l-Artikolu 1(1) tiegħu jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ komuni [...] sabiex b’hekk isir kontribut għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern waqt li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li tiġi ssalvagwardata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-telefonija mobbli u jitħarsu kemm l‑inċentivi għall-innovazzjoni kif ukoll l-għażla tal-konsumatur […]”

22      Skont l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament Nru 717/2007, “Ewrotariffa” tfisser “kwalunkwe tariffa li ma teċċedix it-tariffa massima, prevista fl‑Artikolu 4, li fornitur tal-pajjiż ta’ oriġini jista’ jimponi għall‑provvista ta’ sejħiet roaming regolati konformement ma’ dak l‑Artikolu”.

23      L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jiddetermina l-prezz medju bl‑ingrossa massima li l-operatur ta’ netwerk miżjur jista’ jimponi fuq l‑operatur tan-netwerk ta’ klijent tar-roaming għal telefonata roaming regolata li toriġina minn dak in-netwerk miżjur. Dan il-prezz, li jinkludi, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-oriġini, tat-tranżitu, u tat‑terminazzjoni, ġie stabbilit inizjalment għal EUR 0.30 kull minuta, wara għal EUR 0.28 kull minuta mit-30 ta’ Awwissu 2008, u għal EUR 0.26 kull minuta mit-30 ta’ Awwissu 2009.

24      Fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut, l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 717/2007 jeżiġi li l-fornituri tal-pajjiż ta’ oriġini għandhom joffru lill-klijenti tar-roaming kollha tagħhom, għall-provvista ta’ telefonata b’roaming regolat, Ewrotariffa li ma għandhiex tkun ogħla minn tariffa massima stabbilita, inizjalment, għal EUR 0.49 kull minuta għal kull telefonata li ssir u għal EUR 0.29 għal kull telefonata riċevuta. Il-prezz massimu għal kull minuta għat-telefonati li jsiru ġiet sussegwentement imnaqqsa għal EUR 0.46 u wara għal EUR 0. 43, u l-prezz massimu għal kull minuta għat-telefonati riċevuti tnaqqset għal EUR 0.22 u wara għal EUR 0.19 u dan rispettivament, mit-30 ta’ Awwissu 2008 u mit‑30 ta’ Awwissu 2009. Skont l-Artikolu 4(3), l-abbonati tar-roaming kollha għandhom il-possibbiltà, sat-30 ta’ Lulju 2007, li jagħżlu deliberatament l-Ewrotariffa jew kwalunkwe tariffa roaming oħra, u għandhom jingħataw perijodu ta’ xahrejn sabiex jgħarrfu lill-fornitur tal‑pajjiż ta’ oriġini tagħhom dwar l-għażla tagħhom.

25      L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jissuġġetta lill-fornituri ta’ oriġini għal obbligi ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut fil-konfront tal-abbonati tar-roaming tagħhom kollha.

26      Ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 717/2007 u l-qafas regolatorju hija rregolata mill-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. L‑Artikolu 1(3) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament huwa miżura speċifika fis-sens ta’ l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva ‘Kwadru [Qafas]’”.

27      Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 717/2007:

“Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru [Qafas]):

5. Din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kull miżura speċifika adottata għar-regolamentazzjoni tar-roaming internazzjonali fuq netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità.”

28      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 717/2007 jipprovdi, fl-Artikolu 11(1) tiegħu, li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Diċembru 2008. Dan ir‑regolament jiskadi, skont l-Artikolu 13 tiegħu, fit-30 ta’ Ġunju 2010.

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), kontra r-Regolamenti tal-2007 dwar ir-roaming fit-telefonija mobbli (Mobile Roaming Regulations 2007), li jippermettu li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 717/2007 joperaw l-effetti tagħhom fir-Renju Unit. Fuq il-mertu, huma jikkontestaw il-validità ta’ dan ir-regolament minħabba tliet motivi, jiġifieri, in-natura inadatta tal‑bażi legali tal-imsemmi regolament kif ukoll il-ksur minnu tal‑prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà.

30      Il-konvenut fil-kawża prinċipali, jiġifieri s-Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform, iqis li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u minn GSM Association huma inammissibbli, u li l-kontestazzjoni tal-validità tar-regolament ma hijiex fondata.

31      Il-qorti tar-rinviju awtorizzat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jippreżentaw rikors quddiemha u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 huwa invalidu, fit-totalità tiegħu jew in parti, minħabba n-natura inadegwata tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali?

2)      L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 717/2000 (flimkien mal‑Artikoli 2 [(2)](a) u 6(3), sa fejn huma jagħmlu riferenza għall‑Ewrotariffa u għall-obbligi li għandhom x’jaqsmu magħha) huwa invalidu għar-raġuni li l-limitu tat-tariffi bl-imnut tar‑roaming jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew il‑prinċipju ta’ sussidjarjetà?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

32      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri previsti mill-Artikolu 95(1) KE,għandhom effettivament bħala għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u ta’ funzjonament tas-suq intern (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 60, kif ukoll tat‑2 ta’ Mejju 2006, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑217/04, Ġabra p. I‑3771, punt 42). Meta s-sempliċi konstatazzjoni ta’ disparitajiet bejn regolamenti nazzjonali u tar-riskju astratt ta’ tfixkil tal‑libertajiet fundamentali jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jista’ jagħmel użu minnu b’mod partikolari, fil-każ ta’ differenzi bejn regolamenti nazzjonali meta dawn huma ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b’hekk ikollhom ukoll impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, Ġabra p. I‑11573, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) jew li joħolqu distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni sensittivi (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑376/98, Ġabra p. I‑8419, punti 84 u 106).

33      L-użu ta’ din id-dispożizzjoni huwa wkoll possibbli għall-finijiet ta’ prevenzjoni tal-ostakoli futuri għall-kummerċ minħabba l-iżvilupp mingħajr uniformità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, jeħtieġ li l-ħolqien ta’ dawn l-ostakoli jkun probabbli u l-miżura inkwistjoni għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom (sentenza Il‑Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2009, L-Irlanda vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C-301/06, Ġabra p.I‑593, punt 64, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 sa 64).

34      Meta att ibbażat fuq l-Artikolu 95 KE jkun diġà elimina kull ostakolu għall‑kummerċ fil-qasam tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, il‑leġiżlatur Komunitarju ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadatta dan l-att għal kull bidla fiċ-ċirkustanzi jew għal kull evoluzzjoni tal-konoxxenzi fir-rigward tad-dover tiegħu li jissorvelja l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxut mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punti 77 u 78).

35      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 43 tas‑sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tal-espressjoni “miżuri għal approssimazzjoni” li tidher fl-Artikolu 95 KE, l-awturi tat-Trattat riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur Komunitarju, skont il-kuntest ġenerali u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal‑qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi.

36      Barra minn hekk, peress li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l‑Artikolu 95 KE jkun jista’ jintuża bħala bażi legali jkunu sodisfatti, il‑leġiżlatur Komunitarju ma jistax jitwaqqaf milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-ħarsien tas-saħħa pubblika huwa determinanti fl-għażliet li għandhom isiru (ara, fir-rigward tal‑protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 30).

37      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintuża l‑Artikolu 95 KE bħala bażi legali tar-Regolament Nru 717/2007 ġewx sodisfatti.

38      Skont l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 16 u 38 tar‑Regolament Nru 717/2007, huwa jistabbilixxi approċċ komuni sabiex l-utenti tan‑netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli terrestri ma jħallsux prezz eċċessiv għas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità u li l‑operaturi jkunu jistgħu joperaw taħt qafas regolatorju koerenti wieħed, ibbażat fuq kriterji oġġettivi. B’hekk, huwa intiż sabiex jikkontribwixxi għall‑funzjonament armonizzat tas-suq intern sabiex jintlaħaq livell elevat ta’ protezzjoni għal konsumaturi u li tiġi ppreżervata l‑kompetizzjoni bejn l-operaturi tan-netwerk mobbli.

39      Hekk kif b’mod partikolari jirriżulta mill-premessa 1 tar‑Regolament Nru 717/2007 kif ukoll mill-punt 1 tas-sunt tal-motivi għal proposta ta’ regolament, il-livell ta’ prezzijiet bl-imnut tas-servizzi ta’ roaming internazzjonali, fiż-żmien tal-adozzjoni tal-imsemmi regolament, kienu għolja u r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-prezzijiet ma kinitx dik li kellha tipprevali fi swieq kompletament kompetittivi. B’hekk, il-prezzijiet bl-imnut eċċessivi rriżultaw kemm f’livell ogħla ta’ prezzijiet bl-ingrossa miġbura mill-operaturi tan-netwerk ospitanti barranin u, f’diversi każijiet, marġni ta’ qliegħ għolja ppratikati fuq il‑prezzijiet bl-imnut mill-fornitur ta’ oriġini.

40      Minn dan jirriżulta wkoll li l-livell għoli ta’ prezzijiet bl-imnut ġie kkunsidrat bħala problema persistenti mill-ARN, mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mill-għaqdiet ta’ difiża tal-konsumaturi fil-Komunità kollha u t-tentattivi sabiex din il-problema tiġi solvuta fuq il-bażi tal‑kuntest ġuridiku eżistenti ma kellhomx bħala effett li jnaqqsu l‑prezzijiet.

41      B’mod partikolari, il-qafas regolatorju kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 717/2007 ma kienx, hekk kif jirriżulta mill premessi 16 u 18 tiegħu, ipprovda lill-ARN mezz suffiċjenti sabiex jittieħdu miżuri effikaċji u deċiżivi f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-prezzijiet bl-ingrossa għolja tas-servizzi kkonċernati, li jiddependu mill-prezzijiet bl-imnut, minħabba l-karatteristiċi partikolari tas-swieq tar-roaming bl-ingrossa u n-natura transkonfinali ta’ dawn is-servizzi. F’dan ir-rigward, il‑leġiżlatur Komunitarju kkonstata, minn naħa, li l-ARN kellhom xi diffikultajiet sabiex jidentifikaw l-impriżi b’saħħithom fis-suq u, min‑naħa l-oħra, ma kinux f’pożizzjoni jistħarrġu l-aġir tal-operaturi tan-netwerks miżjura li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra, li fuqhom jiddependu l-abbonati meta jużaw is-servizzi ta’ roaming madwar il‑Komunità.

42      Huwa f’dan il-kuntest li l-leġiżlatur Komunitarju, hekk kif jirriżulta mill‑premessi 4 u 12 tar-Regolament Nru 717/2007, qies neċessarju li jikkompleta u li jsaħħaħ id-dispożittiv tal-qafas regolatorju billi jadotta, fuq il-bażi ta’ approċċ kunċettwali differenti, l-imsemmi regolament bħala miżura speċifika ta’ leġiżlazzjoni ex ante billi ħa inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi uniċi tas-swieq tar-roaming sabiex jikkoreġi l-insuffiċjenza tal-imsemmi qafas. Fil-premessa 14, il‑leġiżlatur irrileva li dan il-qafas ma pprovdiex lill-ARN mezz suffiċjenti sabiex jieħdu miżuri effikaċi u deċiżivi f’dak li jirrigwarda l‑prezzijiet tas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità u konsegwentement ma jiżgurax il-funzjonament armonjuż tas-suq intern tal-imsemmija servizzi. Huwa kkonkluda li l-imsemmi regolament jikkostitwixxi mezz adattat sabiex jikkoreġi din is-sitwazzjoni.

43      Dejjem f’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Komunitarju rrefera, fil‑premessa 8 tar-Regolament Nru 717/2007, b’konformità ma’ dak li diġà ssemma fil-punt 1 tas-sunt tal-motivi għal proposta ta’ regolament, għall‑kompetenza residwa tal-Istati Membri sabiex jadottaw ir-regoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, u qies li ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw l‑imsemmi kuntest jistgħu jippreġudikaw l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri abbażi ta’ din il-kompetenza.

44      Minn dan il-leġiżlatur Komunitarju kkonkluda, fil premessa 19 tal‑imsemmi regolament, li hemm pressjoni fuq l-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri sabiex jirregolaw il-problema marbuta mal-livell għoli tal‑prezzijiet bl-imnut tas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità, li ġie, barra minn hekk ikkonfermat mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

45      Jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ġie kkonfrontat b’mod konkret b’sitwazzjoni li fiha l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex tiġi rregolata l-problema marbuta mal-livell għoli ta’ prezzijiet bl-imnut fis‑servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità permezz ta’ regoli relattivi għall-ipprezzar tal-prezzijiet bl-imnut tidher probabbli. Issa, hekk kif jirriżulta mill‑punt 1 tas-sunt tal-motivi għal proposta ta’ regolament kif ukoll mill-punt 2.4 tal-analiżi tal-impatt, tali miżuri setgħu jipproduċu żvilupp eteroġenju tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

46      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li l-leġiżlatur Komunitarju, li huwa attent li jippreżerva l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tan-netwerks mobbli, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, għażel li jaġixxi sabiex jipprevjeni l-miżuri li probabbilment ġew adottati mill‑Istati Membri skont il-kompetenza residwa tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

47      Issa, fir-rigward tal-funzjonament tas-swieq tar-roaming, kif deskritt fil‑punti 7 sa 11 ta’ din is-sentenza, u fid-dawl tal-interdipendenza sinjifikattiva bejn il-prezzijiet bl-imnut u l-prezzijiet bl-ingrossa tas‑servizzi tar-roaming, għandu jiġi kkonstatat li żvilupp eteroġenju tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali intiż biss li jitnaqqsu l-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma jkun hemm effett fuq il-livell tal-ispejjeż tal-provvista bl‑ingrossa tas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità kien ikun ta’ natura li joħloq xi distorsjonijiet sensittivi tal-kompetizzjoni u li jfixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq tar-roaming madwar il-Komunità, kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 717/2007. Din is-sitwazzjoni tiġġustifika li l-leġiżlatur Komunitarju jsegwi l-għan, ikkonstatat fil‑punt 38 ta’ din is-sentenza, ta’ protezzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

48      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-Regolament Nru 717/2007 għandu effettivament bħala għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern u li seta’ jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

49      Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l‑eżami tagħha ma żvelax elementi ta’ natura li jaffettwaw il-validità tar-Regolament Nru 717/2007.

 Fuq it-tieni domanda

50      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk ir-Regolament Nru 717/2007 jiksirx il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà minħabba l-fatt li jistabbilixxi mhux biss il-prezzijiet massimi medji bl-ingrossa għal kull minuta, iżda wkoll il-prezzijiet bl‑imnut, u minħabba l-fatt li jipprovdi obbligi ta’ informazzjoni dwar dawn tal-aħħar għall-benefiċċju tal-abbonati tar-roaming.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

51      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l‑miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni Komunitarja jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il‑kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur Komunitarju, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, għandu diskrezzjoni wiesgħa f’qasam li jimplika għażliet, min-naħa tal‑leġiżlatur Komunitarju, ta’ natura kemm politika, kemm ekonomika u kemm soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. B’hekk, il-kwistjoni ma tirrigwardax li jsir magħruf jekk miżura deċiża f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in‑natura manifestament inadegwata tagħha fil-konfront tal-għan li l‑istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista’ jolqot il-validità ta’ miżura bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punti 82 u 83; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123; Alliance for Natural Health et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C-558/07, Ġabra p. I-5783, punt 42).

53      Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, il-leġiżlatur Komunitarju huwa marbut jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet marbuta mal‑miżuri differenti possibbli, għandu jiġi eżaminat jekk l-għanijiet imfittxija mill-miżura magħżula huma ta’ natura li tiġġustifika l‑konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli għal ċerti operaturi (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk, C‑96/03 u C‑97/03, Ġabra p. I‑1895, punt 48; tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-86/03, Ġabra p. I‑10979, punt 96, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 37).

54      Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-bażi tal‑kriterji msemmija iktar ’il fuq, jekk, kif jinvokaw b’mod partikolari r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir‑Regolament Nru 717/2007 jikser il‑prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-fatt li ma jistabbilixxix sempliċement il-prezz massimu għall-prezzijiet bl-ingrossa, iżda jipprovdi wkoll il-prezz massimu għall-prezzijiet bl-imnut kif ukoll xi obbligi ta’ informazzjoni dwar dawn tal-aħħar għall-benefiċċju tal-abbonati tar‑roaming.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Kummissjoni wettqet, qabel ma fasslet il-proposta għal regolament, studju eżawrjenti li hemm sunt tar-riżultat tiegħu fl-analiżi tal-impatt imsemmi fil-punt 5 ta’ din is-sentenza. Minn dan jirriżulta li hija eżaminat diversi alternattivi f’dan ir-rigward fejn, fost oħrajn, ir-regolamentazzjoni kemm tal‑prezzijiet bl-imnut biss, kemm tal-prezzijiet bl-ingrossa biss, u kemm tat-tnejn, u hija evalwat li l-impatt ekonomiku ta’ dawn it-tipi ta’ regolamentazzjonijiet differenti kif ukoll l-effetti tal-modalijiet differenti ta’ pprezzar.

56      Id-determinazzjoni tat-tariffi massimi għall-provvista tas-servizzi ta’ roaming bl-imnut permezz tal-Ewrotariffa prevista fl-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 717/2007 hija intiża barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 kif ukoll mill-premessi 14 u 17 ta’ dan ir-regolament, li tnaqqas il-livell tal-prezzijiet li jħallsu l-utenti tan‑netwerks tat-telefonija mobbli għal dawn is-servizzi, sabiex tipproteġi l-konsumaturi.

57      Barra minn hekk, mill premessa 19 tar-Regolament Nru 717/2007 jirriżulta b’mod partikolari li l-Ewrotariffa kellha jkollha bħala effett li l-prezzijiet bl-imnut tas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità jirriflettu b’mod iktar fidil l-ispejjeż involuti fil-provvista ta’ dawn is-servizzi milli kienu fil-passat.

58      Kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-prezz medju bl-imnut ta’ telefonata bir-roaming fil-Komunità kien għoli fiż-żmien tal‑adozzjoni tar-Regolament Nru 717/2007 u r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-prezzijiet ma kinitx dik li kellha tipprevali fi swieq kompletament kompetittivi. B’hekk, il-prezz medju bl-imnut għal telefonata bir‑roaming kien f’dak iż-żmien ta’ EUR 1.15 kull minuta, jiġifieri, kif jirriżulta mis-sunt tal-istudju tal-impatt, iktar minn ħames darbiet l‑ispiża reali tal-provvista bl-ingrossa tas-servizz.

59      Issa, l-Ewrotariffa prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 717/2007 ġiet stabbilita f’livell ħafna inqas minn dan il-prezz medju. Barra minn hekk, it-tariffi massimi stabbiliti jorjentjaw rwieħhom magħha, kif jirriżulta mill-punt 3 tas-sunt tal-motivi għal proposta ta’ regolament, fil-konfront tal-prezzijiet massimi bl-ingrossa korrispondenti, sabiex it-tariffi bl-imnut jirriflettu b’mod iktar preċiż l-ispejjeż sostnuti mill-fornituri.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-introduzzjoni minn din id-dispożizzjoni ta’ tariffa massima fuq il-livell tal-prezzijiet bl-imnut għandha tiġi kkunsidrata bħala adatta sabiex tipproteġi lill-konsumaturi minn livelli ta’ prezzijiet għolja.

61      Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżura inkwistjoni, din hija kkontestata minħabba l-fatt li l-imsemmija miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan previst fid-dawl tan‑natura kompetittiva tas-swieq bl-imnut. Approċċ inqas restrittiv u iktar proporzjonat kien jikkonsisti fir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl‑ingrossa biss, billi jinkiseb tnaqqis tal-prezzijiet bl-imnut minħabba l‑kompetizzjoni ħielsa, skont ir-regoli tal-provvista u tad-domanda, billi l-ARN jitħallew ħielsa li jintervjenu fil-każ ta’ funzjonament ħażin tas‑swieq fuq il-bażi ta’ kriterji regolamentari ddefiniti sew.

62      F’dan ir-rigward, mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 717/2007 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju beda bil-konstatazzjoni li t-tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa ma jistax ifisser tnaqqis fil-prezzijiet bl-imnut minħabba nuqqas ta’ inċentivi f’dan is-sens.

63      Billi jirriferu għas-sunt tal-motivi ta’ proposta għal regolament, li serva bħala bażi għal-leġiżlatur Komunitarju waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 717/2007, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jqisu, b’mod partikolari, li r-regolamentazzjoni tas-suq tal-provvista bl-ingrossa tas‑servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità biss ma żgurax li t-tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa affettwa l-prezzijiet bl-imnut, peress li l-operaturi ma jbatu minn l-ebda pressjoni kompetittiva sabiex jagħmlu dan. L‑esperjenza wriet li tnaqqis fil-prezzijiet bl-ingrossa ma tirriżultax neċessarjament fi tnaqqis tal-prezzijiet bl-imnut.

64      F’dan ir-rigward, il-Kunsill ippreċiża li l-leġiżlatur kien iddeċieda li kontroll tal-prezzijiet bl-imnut kien neċessarju minħabba l-fatt li, f’dan il‑qasam speċifiku, il-kompetizzjoni li tirrigwarda l-prezzijiet bl-imnut tinsab b’mod prinċipali fil-livell tal-formula globali tal-bejgħ bl-imnut u li, għall-maġġoranza tal-konsumaturi, ir-roaming ma jikkostitwix iktar minn element żgħir ta’ din il-formula, fis-sens li ma għandux rwol deċiżiv fl-għażla tagħhom ta’ operatur u lanqas fid-deċiżjoni tagħhom li jbidlu l-operatur tagħhom.

65      L-istituzzjonijiet li ppreżentaw xi osservazzjonijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja reġgħu rriferew għall-analiżi tal-impatt, li minnha jirriżulta li d-dinamika tas-swieq tar-roaming titqies li hija kumplessa u evoluttiva, fis-sens li jeżisti riskju li tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa ma jaffettwax il-prezzijiet bl-imnut. Minn dan jirriżulta wkoll li għaldaqstant ikun prudenti li jiġu rregolati fl-istess ħin il-prezzijiet bl‑imnut. Barra minn hekk, tali riskju ġie rrikonoxxut mill-GRE fil‑punt 3.12 fir-risposta tiegħu tat-22 ta’ Marzu 2006, mogħtija waqt il-konsultazzjoni pubblika li seħħet qabel l-analiżi tal-impatt, b’mod partikolari għall-Istati Membri li s-swieq tagħhom huma inqas kompetittivi.

66      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl‑ingrossa biss ma pproduċietx effetti diretti u immedjati għall‑konsumaturi. B’mod kuntrarju kienet biss ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-imnut li setgħet ittejjeb direttament is-sitwazzjoni tagħhom.

67      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill premessa 13 tar-Regolament Nru 717/2007, il-leġiżlatur Komunitarju kien irrikonoxxa li l-miżuri adottati kellhom natura eċċezzjonali, li hija ġġustifikata mill-karatteristiċi uniċi li jippreżentaw is-swieq tar‑roaming.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod partikolari fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur Komunitarju fil-qasam ikkonċernat, li timplika għażliet ta’ natura ekonomika li fihom huwa msejjaħ iwettaq evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi, huwa jista’ leġittimament jikkunsidra li regolamentazzjoni tas-swieq bl-ingrossa biss ma twassalx għall-istess riżultat bħal dik tar-regolamentazzjoni inkwistjoni, li tkopri kemm is-swieq bl-ingrossa u kemm is-swieq bl‑imnut, u li din tal-aħħar hija għaldaqstant neċessarja.

69      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-importanza li għandu l-għan tal-protezzjoni tal‑konsumatur fil-kuntest tal-Artikolu 95(3) KE, intervent limitat fiż‑żmien f’suq suġġett għall-kompetizzjoni u li jippermetti li tiġi żgurata immedjatament il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-prezzijiet eċċessivi, bħal dak inkwistjoni, anki jekk jista’ jirriżultaw f’xi konsegwenzi ekonomiċi negattivi għal ċerti operaturi, jirriżulta proporzjonat fir-rigward tal-għan imfittex.

70      Għaldaqstant, permezz tal-adozzjoni, fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 717/2007, ta’ tariffi massimi għall-prezzijiet bl-imnut barra t-tariffi massimi għall-prezzijiet bl-ingrossa, il-leġiżlatur Komunitarju ma qabiżx il-limiti tas-setgħa ta’ diskrezzjoni li huwa għandu. L-istess japplika għall-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 6(3) tal‑istess regolament, minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ssaħħaħ l‑effettività tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-imnut u hija ġġustifikata b’hekk permezz tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

71      Minn dan jirriżulta li l-Artikoli 4 u 6(3) tar-Regolament Nru 717/2007 ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ddikjarat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE u kkonkretizzat mill‑Protokoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, anness mat-Trattat, u li fuq il-bażi tiegħu, il-Komunità ma tintervjenix f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, ħlief jekk u fil-miżura fejn l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jiġu milħuqa aħjar fuq livell Komunitarju. Dan il-protokoll jistabilixxi wkoll, fil-paragrafu 5 tiegħu, xi linji gwida sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

73      Fil-rigward tal-atti leġiżlattivi, l-imsemmi protokoll jippreċiża, fil‑paragrafi 6 u 7 tiegħu, li l-Komunità tilleġiżla biss sa fejn huwa neċessarju u li l-miżuri tal-Komunità għandhom iħallu l-marġni ta’ diskrezzjoni l-iktar wiesgħa possibbli fuq livell nazzjonali, liema marġni għandu madankollu jibqa’ kompatibbli mal-għan tal-miżura u mal-osservanza tar-rekwiziti tat-Trattat.

74      Barra minn hekk, huwa jippreċiża, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jdaħħalx inkwistjoni l-kompetenzi mogħtija lill‑Komunità mit-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

75      Fir-rigward tal-Artikolu 95 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika meta l-leġiżlatur Komunitarju juża din il-bażi legali, sa fejn hija ma tagħtihx kompetenza esklużiva sabiex jirregola l-attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern (sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 179).

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur Komunitarju, li joqgħod attent li jippreżerva l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tan‑netwerks mobbli, stabbilixxa, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 717/2007, approċċ komuni, sabiex b’mod partikolari jikkontribwixxi għall-funzjonament armonjuż tas-suq intern, li jippermetti lill-operaturi jaġixxu f’qafas regolatorju uniku koerenti.

77      Kif jirriżulta mill-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, l‑interdipendenza bejn il-prezzijiet bl-imnut u l-prezzijiet bl-ingrossa tas‑servizzi ta’ roaming tgawdi importanza sinjifikattiva, b’mod li kull miżura intiża biss għat‑tnaqqis tal-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma taffettwa l-livell tal‑ispejjeż tal-provvista ingrossa tas-servizzi ta’ roaming madwar il‑Komunità kienet ta’ natura li tfixkel il-funzjonament tajjeb tar‑roaming Komunitarju. Minn dan il-leġiżlatur Komunitarju kkonkluda li l‑azzjoni tiegħu kienet teħtieġ approċċ komuni fuq livell kemm tal-prezzijiet bl-ingrossa u kemm tal-prezzijiet bl-imnut, sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament armonjuż tas-suq intern ta’ tali servizzi.

78      Mill-imsemmija interdipendenza jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju seta’ jqis leġittimament li l-azzjoni tiegħu kellha tinkludi wkoll intervent fuq livell tat-tariffa bl-imnut. B’hekk, minħabba l-effetti tal‑approċċ komuni stabbilit mir-Regolament Nru 717/2007, l-għan imfittex minnu seta’ jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju.

79      Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 6(3) tar‑Regolament Nru 717/2007 ma humiex invalidi minħabba ksur tal‑prinċipju ta’ sussidjarjetà.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha li preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-eżami tagħha ma żvelax elementi ta’ natura li jaffettwaw il-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 6(3) tar‑Regolament Nru 717/2007.

 Fuq l-ispejjeż

81      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-eżami tad-domandi ppreżentati ma żvelax elementi ta’ natura li jaffettwaw il-validità tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2007, dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il‑Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.