Language of document : ECLI:EU:C:2010:26

Kawża C-311/08

Société de Gestion Industrielle (SGI)

vs

L-Istat Belġjan

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Mons)

“Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Tassazzjoni diretta — Leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul — Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal‑kumpanniji — Kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ interdipendenza — Vantaġġ eċċezzjonali jew gratwit mogħti minn kumpannija residenti lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor — Żieda tal-ammont tal-vantaġġ inkwistjoni mal-profitti stess tal-kumpannija residenti li tat dan il-vantaġġ — Tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri — Ġlieda kontra l-evażjoni fiskali — Prevenzjoni ta’ prattiki abbużivi — Proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikoli 43 KE, 48 KE u 56 KE)

2.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Trattament ugwali — Diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza — Relazzjoni bejn l-Artikolu 12 KE u l-Artikoli 43 KE u 56 KE

(Artikolu 12 KE, 43 KE u 56 KE

3.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul

(Artikoli 43 KE u 48 KE)

1.        Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bis-saħħa tagħha kumpannija residenti tiġi ntaxxata għal vantaġġ eċċezzjonali jew gratwit li din l-istess kumpannija tagħti lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li magħha l-kumpannija residenti hija marbuta, direttament jew indirettament, b’rabtiet ta’ interdipendenza, filwaqt li ma tistax tiġi imposta taxxa fuq kumpannija residenti għal dan il-vantaġġ meta dan il-vantaġġ jingħata lil kumpannija oħra residenti, li magħha l-ewwel kumpannija tkun marbuta b’tali rabtiet, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 48 KE, peress li l-kwistjoni tirrigwarda esklużivament l-impatt tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni dwar it-trattament fiskali ta’ kumpannija li għandha rabtiet ta’ interdipendenza kkaratterizzati mill-eżerċizzju ta’ influwenza definittiva. Fil-fatt, jekk tali leġiżlazzjoni tista’, taffettwa wkoll l-eżerċizzju tal‑libertajiet l-oħra ta’ moviment, u, b’mod partikolari, dak tal-moviment ħieles tal-kapital skont l-Artikolu 56 KE, madankollu, f’tali sitwazzjoni, l‑Artikoli 43 KE u 48 KE huma applikabbli.

(ara l-punti 30, 36, 37)

2.        L-Artikolu 12 KE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju li fir-rigward tagħhom it‑Trattat ma jipprovdix regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni. Issa, l-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprevedu tali regoli speċifiċi fl-oqsma li jifformaw parti mil-libertà ta’ stabbiliment u mill-moviment liberu tal‑kapital.

(ara l-punti 31, 32)

3.        L-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix fil-prinċipju leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li biha kumpannija residenti hija ntaxxata għal vantaġġ eċċezzjonali jew gratwit meta din il-kumpannija tat dan il-vantaġġ lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li magħha hija marbuta, direttament jew indirettament, b’rabtiet ta’ interdipendenza, filwaqt li kumpannija residenti ma tistax tiġi ntaxxata fuq tali vantaġġ meta dan il‑vantaġġ jingħata lil kumpannija residenti oħra, li fir-rigward tagħha l‑ewwel kumpannija għandha tali rabtiet.

Tali differenza fit-trattament fiskali bejn il-kumpanniji residenti skont il‑post tal-uffiċċju reġistrat tagħhom li jibbenefikaw minn dawn il-vantaġġi eċċezzjonali jew gratwiti ċertament tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE moqri flimkien mal‑Artikolu 48 KE. Fil-fatt, kumpannija residenti tista’ tiġi skoraġġita milli takkwista, toħloq jew iżżomm sussidjarja fi Stat Membru ieħor jew ukoll li takkwista jew iżżomm sehem sostanzjali f’kumpannija stabbilita f’dan l‑aħħar stat, minħabba l-piż fiskali impost, f’sitwazzjoni transkonfinali, fuq l-għoti ta’ vantaġġi li din il-leġiżlazzjoni hija intiża għalihom. Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni tista’ tipproduċi effetti restrittivi fuq kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, peress li tali kumpannija tista’ tiġi skoraġġita milli takkwista, toħloq jew iżżomm sussidjarja fl-Istat Membru kkonċernat jew ukoll milli takkwista jew iżżomm sehem sostanzjali f’kumpannija stabbilita f’dan l-aħħar stat, minħabba l-piż fiskali impost, f’dan l-istat, fuq l-għoti ta’ vantaġġi li l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni hija intiża għalihom. Fi kwalunkwe każ, jeżisti, f’sitwazzjoni transkonfinali, ir-riskju ta’ tassazzjoni doppja, minħabba li l‑vantaġġi eċċezzjonali jew gratwiti mogħtija minn kumpannija residenti u li jiżdiedu mal-profitti stess tagħha u li jiżdiedu mill-ġdid mal‑profitti tagħha stess jistgħu jiġu ntaxxati fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal‑kumpannija benefiċjarja, fuq din il‑kumpannija stess.

Madankollu, fid-dawl tan-neċessità li jiġi mħares it-tqassim bilanċjat tas‑setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u dik tal-prevenzjoni tal‑evażjoni fiskali, meħuda flimkien, tali leġiżlazzjoni tipprova tilħaq għanijiet leġittimi kompatibbli mat-Trattat li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u hija xierqa sabiex tiġi żgurata l-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Fil-fatt, meta jiġi permess lill-kumpanniji residenti li jittrasferixxu l-profitti tagħhom taħt il-forma ta’ vantaġġi eċċezzjonali jew gratwiti lejn kumpannija li magħhom għandhom rabta ta’ interdipendenza u li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra, dan jirriskja li jikkomprometti tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, peress illi, skont l‑għażla magħmula mill-grupp ta’ kumpanniji li għandhom rabtiet ta’ interdipendenza, l-Istat Membru tal‑kumpannija li tat vantaġġi gratwiti jew eċċezzjonali jkun kostrett li jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa, bħala Stat ta’ residenza tal‑imsemmija kumpannija, id-dħul ta’ din tal-aħħar, għall-benefiċċju, eventwali, tal-Istat Membru fejn il-kumpannija benefiċjarja għandha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha. Billi tipprovdi li kumpannija residenti tiġi ntaxxata għal vantaġġ eċċezzjonali jew gratwit meta din tagħti dan il‑vantaġġ lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-Istat ikkonċernat li jeżerċita l‑kompetenza fiskali tiegħu relatata mal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu.

Barra minn hekk, meta jiġi permess li kumpanniji residenti jagħtu vantaġġi eċċezzjonali jew gratwiti lil kumpanniji li magħhom għandhom rabtiet ta’ interdipendenza u stabbiliti fi Stati Membri oħra, mingħajr ma tiġi pprovduta ebda miżura fiskali ta’ aġġustament, dan iġib ir-riskju illi, permezz ta’ montaturi purament artifiċjali, isiru trasferimenti ta’ dħul fi ħdan grupp ta’ kumpanniji lejn kumpanniji li l-uffiċċju reġistrat tagħhom jinsab fl-Istati Membri li japplikaw rati ta’ taxxa iktar baxxi jew fi Stati Membri fejn dan id-dħul ma jkunx taxxabbli.

Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l‑għanijiet tagħha, meħuda flimkien. Madankollu, għandu wkoll jiġi vverifikat jekk tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l‑għanijiet tagħha, meħuda flimkien. F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni nazzjonali li tibbaża ruħha fuq eżami ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli sabiex tiddetermina jekk tranżazzjoni għandhiex natura ta’ skema purament artifiċjali għal finijiet fiskali, għandha titqies li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet relatati man-neċessità li jiġi żgurat it-tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u dik li tiġi prevenuta l-evażjoni fiskali, meħuda flimkien, meta fl-ewwel lok, f’kull każ fejn hemm suspett li tranżazzjoni tmur lil hinn minn dak li l‑kumpanniji kkonċernati jkunu qablu f’ċirkustanzi ta’ kompetizzjoni sħiħa, il-persuna taxxabbli hija fil‑pożizzjoni, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi obbligi amministrattivi eċċessivi, li tipproduċi provi li jikkonċernaw l‑eventwali raġunijiet kummerċjali li għalihom din it-tranżazzjoni ġiet konkluża. Fit-tieni lok, meta l-kontroll ta’ dawk l-elementi li jwasslu għall‑konklużjoni li t‑tranżazzjoni inkwistjoni tmur lil hinn minn dak li l‑kumpanniji kkonċernati ftiehmu f’ċirkustanzi ta’ kompetizzjoni sħiħa, il‑miżura fiskali korrettiva għandha tkun limitata għall-ammonti li jmorru lil hinn minn dak li nqabel fuqu fin-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ interdipendenza bejniethom. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti nazzjonali fuq dawn l-aħħar żewġ punti, li jikkonċernaw l‑applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija proporzjonata mal‑għanijiet segwiti minnha meħuda flimkien.

(ara l-punti 44, 45, 53, 55, 63, 64, 67, 69-72, 75, 76 u d-dispożittiv)