Language of document : ECLI:EU:C:2022:586

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 (1)

Kawża C680/20

Unilever Italia Mkt. Operations Srl

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

fil-preżenza ta’:

La Bomba S.n.c.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Artikolu 102 TFUE – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’ – Imputazzjoni lill-produttur tal-aġir tad-distributuri li magħhom dan għandu biss rabtiet kuntrattwali – Operat abbużiv – Klawżola ta’ esklużività – Ħtieġa li jintwerew l-effetti fuq is-suq”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Unilever Italia Mkt Operations Srl (iktar ’il quddiem “Unilever”) u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (iktar ’il quddiem l-“AGCM°”) (2) dwar sanzjoni imposta minn din l-awtorità fuq din il-kumpannija għal abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq Taljan tad-distribuzzjoni ta’ ġelati imqassma lil ċerti tipi ta’ stabbilimenti ta’ kummerċ, bħalma huma stabbilimenti tal-għawm u l-barijiet li min-naħa tagħhom jbiegħu mill-ġdid dan il-ġelat lill-konsumaturi finali.

2.        Din il-kawża tinkludi żewġ domandi preliminari li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża aspetti dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

3.        L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “unità ekonomika unika” (iktar ’il quddiem ta’ “unità ekonomika”) għal kumpanniji magħquda biss permezz ta’ rabtiet kuntrattwali. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-parametri ta’ dan il-kunċett għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u, b’mod partikolari, tal-implimentazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ network ta’ distribuzzjoni organizzat esklużivament fuq bażi kuntrattwali. Filwaqt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-gruppi ta’ kumpanniji toffri ħafna punti ta’ riferiment utli, din id-domanda tippermetti li jiġu kkjarifikati l-kriterji rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ unità ekonomika barra minn sitwazzjonijiet li jippreżentaw rabtiet ta’ kapital (3). Din il-kjarifika hija ta’ importanza prattika kunsiderevoli, peress li l-użu ta’ servizzi ta’ franchising, esternalizzazzjoni (outsourcing) jew subappalt (subcontracting) għal ċerti fażijiet ta’ distribuzzjoni huwa frekwenti fil-prattika ta’ impriżi kbar li jistgħu jkunu koperti mill-Artikolu 102 TFUE.

4.        It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-possibbiltà, għal awtorità tal-kompetizzjoni, li tikkunsidra li prattika li tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ klawżoli ta’ esklużività f’kuntratti ta’ distribuzzjoni għandha, min-natura tagħha, il-kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, mingħajr ma jkollha tistabbilixxi b’mod konkret li dan huwa l-każ għall-kuntratti inkwistjoni abbażi tal-kriterju tal-“kompetitur daqstant effiċjenti” (4).

II.    Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

5.        Unilever hija impriża li l-attività tagħha hija l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ konsum wiesa’, fosthom, fil-qasam tal-ġelati konċessi, “Algida” u “Carte d’Or”. Fl-Italja, hija tiddistribwixxi dawn il-ġelati f’dożi individwali intiżi sabiex jiġu kkonsmati “barra”, jiġifieri fil-barijiet, fil-kafeteriji, fil-klabbs tal-isport, fil-pixxini jew f’postijiet oħra ta’ divertiment (iktar ’il quddiem il-“punti ta’ bejgħ”), permezz ta’ network ta’ 150 distributur.

6.        Fit‑3 ta’ April 2013, kumpannija kompetitriċi, jiġifieri La Bomba Snc, ilmentat mal-AGCM dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ Unilever (5).

7.        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-AGCM iddeċidiet li Unilever kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tad-distribuzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ ġelati mogħtija lill-operaturi tal-punti ta’ bejgħ “barra mid-dar” (iktar ’il quddiem is-“suq inkwistjoni”), bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, hija imponiet fuq Unilever multa li tammonta għal EUR 60 668 850 u ordnat ukoll li jitwaqqaf l-aġir meqjus illegali.

8.        Skont l-AGCM, Unilever kienet mexxiet, fis-suq inkwistjoni, strateġija ta’ esklużjoni li tista’ tostakola t-tkabbir tal-kompetituri tagħha. Din l-istrateġija kienet prinċipalment ibbażata fuq l-applikazzjoni għall-operaturi tal-punti ta’ bejgħ ta’ klawżoli ta’ esklużività li jikkonsistu fl-obbligu li jiksbu l-provvisti tagħhom esklużivament mingħand Unilever għall-bżonnijiet kollha tagħhom ta’ ġelati ppakkjati. Minbarra l-klawżoli ta’ esklużività, l-istrateġija ta’ esklużjoni kienet tinkludi l-applikazzjoni simultanja fir-rigward ta’ dawn l-operaturi ta’ firxa wiesgħa ta’ tnaqqis u ta’ kummissjonijiet suġġetti għal kundizzjonijiet, bħat-twettiq ta’ għanijiet speċifiċi f’termini ta’ dħul mill-bejgħ jew iż-żamma, fl-assortimenti tagħhom, ta’ firxa speċifika ta’ prodotti ta’ Unilever. Dan it-tnaqqis u dawn il-kummissjonijiet, li kienu japplikaw, skont kumbinazzjonijiet u modalitajiet varjabbli, kważi għall-punti ta’ bejgħ kollha kienu intiżi sabiex jipprovdulhom inċentiv għaż-żamma tal-esklużività, billi jiskoraġġixxuhom milli jxolju l-kuntratt tagħhom sabiex jiksbu l-provvisti tagħhom mingħand kompetituri ta’ Unilever.

9.        Dan l-aġir ġie implimentat minn Unilever fil-parti l-kbira permezz tan-network tagħha ta’ 150 distributur (iktar ’il quddiem id-“distributuri”) li magħhom Unilever kienet stabbilixxiet relazzjoni ta’ esklużività, li skontha: i) Unilever kienet tbigħ il-prodotti tagħha lil wieħed biss minn dawn id-distributuri sabiex dan ibigħhom mill-ġdid f’territorju speċifiku u ii) dan id-distributur, li għalhekk kellu l-kwalità ta’ konċessjonarju fis-sens legali ta’ dan it-terminu, kien suġġett kemm għall-projbizzjoni ta’ bejgħ attiva fit-territorji attribwiti esklużivament lil konċessjonarji oħra kif ukoll għall-projbizzjoni li jiġu prodotti jew ikkummerċjalizzati prodotti ta’ operaturi kompetituri. Barra minn hekk, dan kellu jixtri t-tagħmir intiż li jaħżen u jippreżenta l-ġelati fil-punti ta’ bejgħ kif ukoll il-materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni li sussegwentement kellu jiġi ttrasferit mingħajr ħlas lill-operaturi ta’ dawn il-punti ta’ bejgħ.

10.      Żewġ aspetti tad-deċiżjoni kontenzjuża huma rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

11.      Minn naħa, l-aġir abbużiv imsemmi mill-AGCM, minkejja li twettaq materjalment mid-distributuri, ġie imputat biss lil Unilever minħabba li din tal-aħħar u d-distributuri kienu jifformaw entità ekonomika waħda, jiġifieri “unità ekonomika”. Fil-fatt, Unilever eżerċitat “ċertu grad ta’ interferenza fil-politika kummerċjali tad-distributuri”, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma kinux jaġixxu b’mod indipendenti meta jadottaw il-politika kummerċjali li tikkonsisti fil-previżjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ esklużività u fl-għoti ta’ inċentivi ekonomiċi sabiex il-punti ta’ bejgħ ikunu fidili lejhom u/jew sabiex jiksbu l-esklużività għall-prodotti ta’ Unilever, kif ukoll sabiex jeżerċitaw pressjoni intiża għall-protezzjoni ta’ din l-esklużività.

12.      Min-naħa l-oħra, l-AGCM qieset li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq inkwistjoni, l-aġir ta’ Unilever eskluda, jew tal-inqas illimita, il-possibbiltà għall-operaturi kompetituri li jikkompetu permezz tal-merti. Fil-fatt, billi bbażat ruħha fuq il-pożizzjoni dominanti tagħha, Unilever kienet ħajret lill-punti ta’ bejgħ biex fl-assortimenti tagħhom, għall-itwal żmien possibbli, jaħżnu l-prodotti tagħha biss, billi llimitat l-okkażjonijiet fejn it-trade marks differenti jiltaqgħu quddiem il-konsumatur, billi ostakolat it-tkabbir tal-kompetituri proporzjonalment għall-“merti” tal-offerti rispettivi tagħhom.

13.      Unilever ikkontestat id-deċiżjoni kontenzjuża fl-ewwel istanza quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja, iktar ’il quddiem it-“TAR”). Peress li t-TAR ċaħad ir-rikors fl-intier tiegħu, Unilever appellat quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan l-appell, Unilever allegat, b’mod partikolari, li t-TAR li ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ difetti li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża dwar, minn naħa, l-imputabbiltà lil Unilever tal-aġir implimentat mid-distributuri tagħha u, min-naħa l-oħra, dwar l-effetti tal-aġir inkwistjoni, li hija kienet tikkunsidra bħala li ma setax joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

14.      F’dan il-kuntest, peress li kellu dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dritt tal-Unjoni fir-rigward taż-żewġ aggravji ċċitati iktar ’il fuq, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) issospenda l-proċeduri quddiemu u għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Barra mill-każijiet ta’ kontroll ta’ kumpanniji, liema huma l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-koordinazzjoni kuntrattwali bejn operaturi ekonomiċi formalment awtonomi u indipendenti jagħti lok għal unità ekonomika fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE; b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ interferenza fl-għażliet kummerċjali ta’ impriża oħra, li tikkaratterizza normalment ir-relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni kummerċjali bejn produttur u intermedjarji ta’ distribuzzjoni, tista’ tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex wieħed jqis dawn l-entitajiet bħala li jappartjenu lill-istess unità ekonomika; jew għandu jkun hemm rabta “ġerarkika” bejn iż-żewġ impriżi, li tista’ tiġi kkonstatata fil-preżenza ta’ kuntratt li bis-saħħa tiegħu diversi impriżi awtonomi “jissottomettu ruħhom” għall-attività ta’ direzzjoni u ta’ koordinazzjoni ta’ waħda minnhom, b’mod li l-Awtorità ta’ kompetizzjoni (kompetenti) għandha tipproduċi l-prova ta’ pluralità sistematika u kostanti ta’ atti ta’ gwida li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni tal-impriża, jiġifieri fuq l-għażliet strateġiċi u operazzjonali ta’ natura finanzjarja, industrijali u kummerċjali?

2)      Għall-finijiet li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti implimentata permezz ta’ klawżoli ta’ esklużività, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi implimentat fi-sens li jeżisti għall-Awtorità ta’ kompetizzjoni (kompetenti) obbligu li tivverifika jekk l-effett ta’ dawn il-klawżoli huwa li jeskludu mis-suq kompetituri daqstant effikaċji, u li tiġi eżaminata b’mod dettaljat l-analiżi ekonomiku prodott mill-parti fir-rigward tal-kapaċità konkreta tal-aġir inkwistjoni li jitkeċċew mis-suq kompetituri daqstant effikaċji? Jew, fil-każ ta’ klawżoli ta’ esklużività intiżi li jkeċċu jew ta’ aġir ikkaratterizzat minn diversi prattiki abużivi (tnaqqis ta’ lealtà [fedeltà] u klawżoli ta’ esklużività), l-obbligu legali għall-[AGCM] li tapplika l-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċji biex tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni hija ineżistenti?”

15.      Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Unilever, l-AGCM, il-Gvern Taljan u l-Gvern Grieg kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, dawn il-partijiet kollha esprimew ruħhom waqt is-seduta li nżammet fit‑3 ta’ Marzu 2022.

III. Analiżi

A.      Fuq lewwel domanda preliminari

16.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rabta strutturali li għandu jkun hemm bejn il-produttur u l-intermedjarji indipendenti sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu “entità ekonomika”, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’mod iktar preċiż, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk, fl-assenza ta’ rabtiet ta’ kapital, produttur u d-distributuri tiegħu jistgħux jifformaw tali “unità ekonomika” i) sempliċement bis-saħħa ta’ “ċertu livell ta’ ndħil” tal-ewwel “fl-għażliet kummerċjali” tad-distributuri tiegħu jew ii) jekk għal dan il-għan għandhiex tkun “rabta ġerarkika”, li bis-saħħa tagħha l-produttur jissuġġetta lid-distributuri tiegħu permezz ta’ “pluralità sistematika u kostanti ta’ atti ta’ gwida” li jistgħu jinfluwenzaw l-“għażliet strateġiċi u operattivi” tagħhom.

1.      Fuq lammissibbiltà

17.      L-AGCM u l-Gvern Taljan isostnu li l-ewwel domanda hija inammissibbli peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija nieqsa mill-preċiżazzjonijiet neċessarji. Dawn jirrilevaw ukoll li din il-kwistjoni tirreferi għall-Artikolu 101 TFUE, filwaqt li din id-dispożizzjoni ma ġietx applikata mill-AGCM.

18.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih isiru d-domandi magħmula minnha jew li, tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (6).

19.      F’dan il-każ, inqis, minn naħa, li l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, għalkemm fil-qosor, hija suffiċjenti sabiex tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqha hija bbażata l-ewwel domanda preliminari, jiġifieri dik tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” għal network ta’ distribuzzjoni fformat minn kumpanniji li ma għandhomx rabta kapitali mal-kumpannija dominanti (7). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li għalih irreferiet il-qorti tar-rinviju, fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, minbarra l-Artikolu 102 TFUE sal-Artikolu 101 TFUE, dan ma jidhirlix li jqiegħed inkwistjoni dak li ntqal preċedentament, b’mod partikolari peress li l-kunċett ta’ “unità ekonomika”, li huwa s-suġġett ta’ din id-domanda, huwa komuni għall-Artikoli 101 u 102 TFUE.

20.      Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel domanda preliminari tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

2.      Fuq ilmertu

a)      Osservazzjonijiet preliminari

21.      Sabiex tinftiehem aħjar il-problema mressqa mill-qorti tar-rinviju, infakkar li l-AGCM attribwixxiet l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss lil Unilever, minkejja li dan twettaq materjalment mid-distributuri, billi qieset li Unilever u dawn id-distributuri kienu jiffurmaw “unità ekonomika”, minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li Unilever kienet teżerċita ċertu livell ta’ interferenza fil-politika kummerċjali ta’ dawn id-distributuri. Minn naħa tagħha, Unilever essenzjalment tirribatti li d-distributuri huma imprendituri indipendenti – Unilever, ma għandha ebda sehem fil-kapital tagħhom u ebda rappreżentant fi ħdan il-Bordijiet tad-Diretturi tagħhom – li jiddeterminaw liberament il-politika kummerċjali tagħhom, kull wieħed għas-settur tiegħu stess, billi jassumu huma stess ir-riskji marbuta mal-attività tagħhom, u li, għaldaqstant, l-aġir abbużiv ma jistax jiġi imputat lilha (8).

22.      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tkun taf, minbarra l-każijiet fejn jeżistu rabtiet ta’ kapital, liema huma l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-koordinazzjoni kuntrattwali bejn produttur u l-intermedjarji ta’ distribuzzjoni tiegħu tagħtix lok għal unità ekonomika fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tipperċepixxi diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” f’dak li jirrigwarda n-natura u l-importanza tal-indizji li juru r-rabta strutturali li għandha teżisti bejn il-produttur u d-distributuri tiegħu sabiex tinħoloq, bejniethom, ċentru deċiżjonali uniku, bil-korollarju li l-aġir ta’ wieħed jista’ wkoll jiġi attribwit lill-ieħor.

23.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom, qabel kollox, jiġu spjegati l-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “unità ekonomika” li fuqhom hija bbażata l-loġika tal-imputabbiltà tar-responsabbiltà għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (9) (Taqsima b). Sussegwentement, għandu jiġi spjegat kif il-kunċett ta’ “unità ekonomika” ġie applikat fil-kuntest tal-imputabbiltà fil-preżenza ta’ rabtiet ta’ kapital (Taqsima c). Il-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu trasposti wkoll barra l-każ ta’ rabtiet ta’ kapital, bħal fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari sa fejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja toffri biss ftit eżempji ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” fil-preżenza ta’ rabtiet kuntrattwali (Taqsima d).

b)      Fuq ilkunċetti ta’ “impriża” u ta’ “unità ekonomika”, u limportanza tagħhom flimplimentazzjoni taddritt talkompetizzjoni talUnjoni

24.      It-terminu “impriża”, li jidher fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, jirrifletti l-għażla tal-awturi tat-Trattati li jużaw terminu awtonomu sabiex jindikaw l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jkun differenti mit-termini eżistenti fit-Trattat FUE (10). Għalkemm it-terminu “impriża” ma huwiex iddefinit fit-Trattat, il-kontenut ta’ dan il-kunċett ġie progressivament iffurmat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità kkostitwita minn elementi personali, materjali u immaterjali li jeżerċitaw attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (11).

25.      Ispirata minn approċċ funzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-kunċett ta’ “impriża” jindika unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-fatt, billi jsemmi l-attivitajiet tal-impriżi, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jistabbilixxi bħala kriterju deċiżiv l-eżistenza ta’ unità ta’ aġir fis-suq, mingħajr ma s-separazzjoni formali bejn diversi kumpanniji li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom tista’ tipprekludi tali unità għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (12).

26.      Dan il-kunċett ta’ “unità ekonomika” ġie żviluppat u applikat sabiex jintlaħaq għan doppju: minn naħa, sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE l-ftehimiet li jseħħu bejn entitajiet li jappartjenu lill-istess impriża (pereżempju fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji), sa fejn l-Artikolu 101(1) TFUE jkopri relazzjonijiet bejn żewġ entitajiet ekonomiċi jew iktar li jistgħu jidħlu f’kompetizzjoni ma’ xulxin (13), u, min-naħa l-oħra, sabiex l-aġir antikompetittiv ta’ sussidjarja fi ħdan grupp ta’ kumpanniji jiġi imputat lill-kumpannija omm.

27.      Issa, għalkemm il-kunċett ta’ “unità ekonomika”, għall-finijiet tal-ewwel għan, għandu, bħala prinċipju, jiġi interpretat b’mod strett peress li din hija eċċezzjoni li tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (14), tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-istess kunċett, għall-finijiet tal-imputazzjoni ta’ aġir, jistax jiġġustifika interpretazzjoni usa’, sa fejn il-kunċett ta’ “unità ekonomika” huwa intiż essenzjalment sabiex jiżgura portata iktar utli u sabiex iżid l-effett dissważiv u preventiv tar-regoli tal-kompetizzjoni (15).

28.      Fil-fatt, l-ewwel, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” tista’ tagħti lok ipso jure għal responsabbiltà in solidum bejn l-entitajiet li kienu jiffurmaw l-unità ekonomika kkonċernata fil-mument tat-twettiq tal-ksur (16). Storikament, ir-riferiment għall-“unità ekonomika” sar fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, u b’mod partikolari fil-qasam tal-akkordji, peress li dan il-kunċett għamilha possibbli li l-aġir tas-sussidjarji li joperaw fit-territorju tal-Unjoni jiġi konness mal-kumpannija omm li tinsab barra l-Unjoni, sabiex tkun tista’ tiġi ssanzjonata taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (17). Dan il-metodu ta’ imputazzjoni ta’ responsabbiltà permezz tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” għandu l-għan li jipprevjeni lill-kumpanniji milli jevitaw kemm l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll l-Artikolu 102 TFUE. Bħala eżempju, impriża dominanti tista’ timplimenta ristrutturazzjoni interna, billi taqsam l-attivitajiet tagħha bejn sussidjarji differenti (mhux dominanti) sabiex tnaqqas is-sehem mis-suq miżmum minn kull entità ġuridika distinta, mingħajr ebda intervent skont l-Artikolu 102 TFUE. Kieku ma kienx possibbli li l-aġir tas-sussidjarji jiġi imputat lill-impriża dominanti, impriża dominanti tkun tista’ tevita faċilment il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 102 TFUE.

29.      It-tieni, il-kunċett ta’ “unità ekonomika” jippermetti li jiżdied b’mod kunsiderevoli l-ammont tal-multa u, għaldaqstant, l-effett dissważiv tiegħu. Fil-fatt, l-użu tal-unità ekonomika jippermetti li jiġi kkalkolat l-ammont massimu tal-multa previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (18), jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ, abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet li jikkomponu l-unità ekonomika, u mhux biss dak tal-entità li effettivament wettqet il-ksur. Barra minn hekk, dan il-kunċett jippermetti li l-ammont bażiku tal-multa jiġi estiż u jiffaċilita ż-żieda ta’ dan l-ammont minħabba ċirkustanzi aggravanti, jiġifieri r-reċidiva u ż-żieda għal finijiet dissważivi (19).

30.      It-tielet, fil-livell tal-isfera privata tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni (private enforcement), vittma ta’ prattika antikompetittiva tista’ tippreżenta azzjoni għad-danni u interessi irrispettivament kontra kull impriża li tikkostitwixxi unità ekonomika (20).

31.      Il-fatt li l-kunċett ta’ ‘unità ekonomika’ jista’ jingħata interpretazzjoni restrittiva jew wiesgħa skont l-għan li għandu jintlaħaq ifisser li dan il-kunċett għandu jingħata tifsira “varjabbli”?

32.      Fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta fin-negattiv.

33.      Qabel kollox, mill-perspettiva tal-prevedibbiltà u taċ-ċertezza legali, jidhirli li huwa diffiċli li tiġi ġġustifikata l-eżistenza ta’ tali “varjabbiltà” fil-kunċett ta’ “unità ekonomika”, li, barra minn hekk, ma ssib ebda sostenn fil-ġurisprudenza attwali. Sussegwentement, mill-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-kriterju deċiżiv huwa l-eżistenza ta’ “unità ta’ aġir fis-suq”, kunċett li għandu jkun komuni kemm fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll fir-rigward tal-imputazzjoni tal-aġir. Fl-aħħar nett, minn perspettiva prospettiva, interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal-“unità ekonomika” tirriskja li jkollha l-konsegwenza li teskludi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE ftehimiet dannużi għall-kompetizzjoni – mhux biss orizzontali iżda wkoll vertikali (21).

34.      Għaldaqstant, għalkemm din id-domanda tqajjem analiżi li tirrigwarda prinċipalment l-imputazzjoni ta’ aġir antikompetittiv, ma għandux jintesa li l-klassifikazzjoni ta’ unità ekonomika fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ imputazzjoni timplika neċessarjament l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 101(1) TFUE fi ħdan l-entitajiet li jifformaw din l-unità ekonomika.

c)      Fuq lapplikazzjoni talkunċett ta’ “unità ekonomika” filkuntest ta’ kumpanniji li għandhom rabtiet ta’ kapital

35.      Il-kunċett ta’ “unità ekonomika” ġie applikat essenzjalment fir-rigward ta’ kumpanniji li pparteċipaw f’akkordji u li jagħmlu parti minn grupp ta’ kumpanniji. Fil-kuntest ta’ tali gruppi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li r-responsabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (22). Għalhekk, sabiex grupp ta’ kumpanniji jkun jista’ jitqies li jikkorrispondi għal unità ekonomika u sabiex b’hekk l-aġir tas-sussidjarja tiġi imputata lill-kumpannija omm, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: il-kumpannija omm għandu jkollha l-kapaċità li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja u, fuq kollox, hija għandha tkun eżerċitat din is-setgħa fil-prattika (23).

36.      Għall-finijiet tar-regoli ta’ imputabbiltà fil-kuntest ta’ rabtiet ta’ kapital, hemm żewġ xenarji possibbli: dak li fih il-kumpannija omm iżżomm il-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha u dak ta’ sehem iktar baxx tal-kumpannija omm fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, li ma jagħtix l-istess livell ta’ kontroll.

37.      Fir-rigward tal-ewwel każ, fejn kumpannija omm iżżomm (direttament jew indirettament) it-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija omm tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli skont liema l-imsemmija kumpannija omm teżerċita effettivament tali influwenza, sakemm din l-istess kumpannija omm ma tipprovax il-kuntrarju (24). Din il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti hija bbażata fuq il-premessa li ż-żamma ta’ kontroll totali ta’ sussidjarja tippreżumi neċessarjament il-kapaċità (ekonomika) li teżerċita tali influwenza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma hijiex is-sempliċi żamma tal-kapital tas-sussidjarja fiha nnifisha li tikkostitwixxi l-bażi ta’ din il-preżunzjoni iżda l-livell ta’ kontroll li din iż-żamma tinvolvi (25). Tali preżunzjoni timplika, sakemm ma tiġix ikkonfutata billi jiġu prodotti provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (26), li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha titqies li ġiet ipprovata b’mod li l-ewwel waħda tinżamm responsabbli għall-aġir tat-tieni, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tiġi prodotta xi prova addizzjonali (27).

38.      Fir-rigward tat-tieni każ, minbarra l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni, awtorità tal-kompetizzjoni għandha tibbaża r-responsabbiltà fuq elementi konkreti oħra ta’ influwenza determinanti. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-eżami tal-punt dwar jekk il-kumpannija omm tistax teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lis-sussidjarja mal-kumpannija omm tagħha u, għalhekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika. Issa, għalkemm l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija omm lis-sussidjarja tagħha li jaffettwaw l-aġir tagħha fis-suq jistgħu jikkostitwixxu provi suffiċjenti ta’ tali influwenza determinanti, huma ma jikkostitwixxux l-uniċi provi ammissibbli. L-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha jista’ jiġi dedott ukoll minn sensiela ta’ elementi konkordanti, anki jekk ebda wieħed minn dawn l-elementi, meħud waħdu, ma huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali influwenza (28). Huwa preċiżament dan l-istess approċċ li għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi applikat mutatis mutandis għall-kumpanniji li għandhom rabtiet kuntrattwali.

d)      Fuq lapplikazzjoni talkunċett ta’ “unità ekonomika” filkuntest ta’ kumpanniji li għandhom rabtiet kuntrattwali biss

39.      Għalkemm żviluppat fuq is-suġġett tar-relazzjonijiet bejn kumpannija omm u s-sussidjarji tagħha li jikkostitwixxu l-kuntest “tipiku” tal-eżistenza ta’ unità ekonomika, dan il-kunċett jista’ jiġi applikat barra mill-isfera tal-grupp ta’ kumpanniji (29). Kif indikat ukoll il-Qorti Ġenerali, l-eżistenza ta’ unità ekonomika ma tillimitax ruħha għall-każijiet fejn il-kumpanniji għandhom rabtiet ta’ kapital iżda tirrigwarda wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, ir-relazzjonijiet bejn kumpannija u r-rappreżentant kummerċjali tagħha jew bejn prinċipal u l-bejjiegħ tiegħu (30).

40.      Fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk prinċipal u l-intermedjarju tiegħu jifformawx unità ekonomika, fejn it-tieni huwa organu awżiljarju integrat fl-impriża tal-ewwel, tressqet sabiex jiġi ddeterminat jekk aġir jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Suiker Unie et jekk “[…] intermedjarju jeżerċita attività għall-benefiċċju tal-prinċipal tiegħu, huwa jista’ bħala prinċipju jiġi kkunsidrat bħala organu awżiljarju integrat fl-impriża ta’ dan il-prinċipal, fejn ikun marbut li josserva l-istruzzjonijiet tal-prinċipal u b’hekk jifforma, ma’ dik l-impriża, fuq l-eżempju tal-impjegat kummerċjali, unità ekonomika” (31) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan isegwi li intermedjarju indipendenti jista’ jifforma unità ekonomika mal-impriża prinċipali meta jwettaq attività għall-benefiċċju ta’ din tal-aħħar (32).

41.      F’dan ir-rigward, fis-sentenza Minoan Lines, il-Qorti Ġenerali adottat żewġ elementi bħala l-parametri ta’ riferiment prinċipali sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm unità ekonomika jew le: jiġifieri, minn naħa, it-teħid ta’ responsabbiltà jew le mill-intermedjarju ta’ riskju ekonomiku u, min-naħa l-oħra, il-provvista jew le ta’ servizzi esklużivi mill-intermedjarju (33).

42.      Fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju ekonomiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Suiker Unie, li intermedjarju ma jistax jitqies li huwa organu awżiljarju integrat fl-impriża tal-prinċipal meta l-ftehim li jkollu ma’ dan tal-aħħar jagħtih jew iħallilu funzjonijiet li ekonomikament ikunu simili għal dawk ta’ negozjant indipendenti, minħabba li dan il-ftehim jipprevedi t-teħid ta’ responsabbiltà, minn dan l-intermedjarju, tar-riskji finanzjarji marbuta mal-bejgħ jew mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi mat-terzi (34). Għalhekk, meta distributur jassumi r-riskji finanzjarji assoċjati mal-bejgħ, pereżempju, billi jakkwista l-oġġetti u jżomm id-dritt ta’ proprjetà sabiex imbagħad jerġa’ jbigħhom għar-riskju tiegħu stess, dan id-distributur ma jaġixxix, bħala prinċipju, bħala organu awżiljarju integrat fl-impriża tal-produttur, u għalhekk lanqas bħala li jifforma unità ekonomika (35).

43.      Fir-rigward tan-natura esklużiva tas-servizzi pprovduti mill-intermedjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma jimmilitax favur l-idea ta’ unità ekonomika l-fatt li, b’mod parallel mal-attivitajiet eżerċitati f’isem il-prinċipal, l-intermedjarju jwettaq, bħala negozjant indipendenti, tranżazzjonijiet ta’ daqs kunsiderevoli fis-suq tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni (36).

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, ikkonfermat l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li fornitur ta’ servizzi jista’ jitlef il-kwalità tiegħu ta’ operatur ekonomiku indipendenti, u għalhekk ta’ impriża, meta ma jiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tiegħu fis-suq, iżda jiddependi kompletament fuq il-prinċipal tiegħu, minħabba l-fatt li huwa ma jassumi ebda wieħed mir-riskji finanzjarji u kummerċjali li jirriżultaw mill-attività ta’ dan tal-aħħar u jopera bħala awżiljarju integrat fl-impriża tal-imsemmi prinċipal (37). Madankollu, dawn iż-żewġ kriterji ma jistgħux ikunu eżawrjenti u waħedhom lanqas ma jistgħu jkunu deċiżivi sabiex jiġi stabbilit jekk l-aġir antikompetittiv ta’ aġent jistax jiġi imputat lill-prinċipal tiegħu (38).

45.      Fit-tieni lok, fis-sentenza Remonts (39), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tanalizza b’mod iktar ġenerali l-kunċett ta’ “unità ekonomika” fil-kuntest ta’ aġir ta’ fornitur indipendenti li jipprovdi servizzi lil impriża. Din is-sentenza ġiet adottata f’kuntest fattwali differenti mill-kawża prinċipali, jiġifieri prattiki miftiehma fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti (bid rigging), iżda tippermetti li jiġu identifikati parametri ta’ riferiment utli, li jikkoinċidu parzjalment ma’ dawk diġà identifikati. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li impriża tista’, bħala prinċipju, tinżamm responsabbli għal prattika miftiehma minħabba l-aġir ta’ fornitur indipendenti li jipprovdilha servizzi biss jekk waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun issodisfatta: i) dan il-fornitur kien jopera fil-verità taħt id-direzzjoni jew il-kontroll tal-impriża mqiegħda inkwistjoni (40), jew ii) din l-impriża kellha l-għarfien tal-għanijiet antikompetittivi mfittxija mill-kompetituri tagħha u l-imsemmi fornitur u kellha l-ħsieb tikkontribwixxi għalihom permezz tal-aġir tagħha (41), iii) l-imsemmija impriża setgħet raġonevolment tipprevedi l-aġir antikompetittiv tal-kompetituri tagħha u tal-fornitur u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (42).

46.      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li għandhom jingħataw elementi ta’ risposta lill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

e)      Fuq l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali vertikali skont l-Artikolu 102 TFUE

47.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn naf jien, għadha ma kellhiex tevalwa aġir ta’ distributuri indipendenti li jista’ jiġi imputat lill-impriża dominanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Issa, il-kunċett ta’ “unità ekonomika”, lil hinn mill-kuntest tar-rabtiet ta’ kapital, huwa neċessarjament ikkundizzjonat mill-kuntest fattwali li fih taqa’ r-rabta kuntrattwali. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġu stabbiliti minn qabel u in abstracto elementi li jippermettu li jiġi rrilevat li ċerta konfigurazzjoni kuntrattwali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “unità ekonomika”. Bla ħsara għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti biex tevalwa l-fatti fil-kawża prinċipali, inqis li l-elementi li ġejjin jistgħu jkunu utli.

48.      Fl-ewwel lok, nikkonstata li fil-prattika l-użu tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” huwa inqas frekwenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, u dan jispjega għalfejn il-kwistjonijiet ta’ imputabbiltà rarament kienu s-suġġett ta’ analiżi quddiem il-qrati tal-Unjoni (43). Dan huwa dovut parzjalment għall-fatt li tali klassifikazzjoni ma hijiex dejjem indispensabbli. Fil-fatt, inqis li, f’konfigurazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-aġir abbużiv huwa materjalment implimentat permezz ta’ distributur terz, dan l-aġir jista’ tassew jiġi imputat lill-impriża dominanti jekk jirriżulta li jkun ġie adottat minn dan id-distributur skont l-istruzzjonijiet speċifiċi mogħtija minn din l-impriża u għalhekk abbażi tal-implimentazzjoni ta’ politika kummerċjali unika. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, impriża dominanti tkun tista’ faċilment tevita l-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 102 TFUE billi tiddelega lid-distributuri tagħha jew lil intermedjarji indipendenti oħra, obbligati li jsegwu l-istruzzjonijiet tagħha, ċertu aġir abbużiv, bħal dak li huwa kkontestat f’dan il-każ mill-AGCM. Fil-fatt, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti (u mhux id-distributuri) li għandha r-responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern, kemm direttament, permezz ta’ aġir abbużiv implimentat minnha stess, jew indirettament, permezz ta’ aġir iddelegat minnha lil operaturi indipendenti marbuta li jeżegwixxu l-istruzzjonijiet tagħha (44). Barra minn hekk, billi applikat b’analoġija l-kriterju li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza Remonts, għandu jiġi vverifikat jekk l-impriża dominanti setgħetx raġonevolment tipprevedi l-aġir antikompetittiv min-naħa tad-distributuri tagħha u jekk kinitx lesta taċċetta r-riskju (45).

49.      Fit-tieni lok, jekk l-Awtorità tikkunsidra li għandha xorta waħda timputa r-responsabbiltà lid-distributuri wkoll, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika għandha ssir fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lill-produttur ma’ dawn id-distributuri sabiex jiġi kkonstatat, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji, l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti min-naħa tal-produttur fuq id-distributuri, b’mod li jkun jista’ jiġi stabbilit li d-distributuri essenzjalment aġixxew bħala longa manus tal-produttur. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta d-distributuri jqisu li jkollhom jirriproduċu, fir-rigward tal-operaturi, il-prattiki ta’ esklużjoni maħsuba u implimentati mill-produttur.

50.      F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, u b’mod partikolari fil-kuntest ta’ relazzjoni bejn impriża dominanti u d-distributuri tagħha, l-elementi relatati mal-bilanċ tas-setgħa ekonomika jistgħu jkunu rilevanti wkoll. F’dan il-kuntest, jistgħu jiġu rrilevati l-elementi li ġejjin: i) l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tal-produttur, sa fejn din tista’ twassal lid-distributur jibża’ ġustament li barra mir-relazzjoni tiegħu ma’ dan il-produttur jirnexxilu biss b’diffikultà jsib produttur ieħor sabiex jiżgura d-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu; ii) l-importanza li d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ tal-prodotti tal-produttur dominanti jirrappreżenta fid-dħul mill-bejgħ globali tad-distributur, li b’hekk jasal ġustament jibża’ li se jitlef parti importanti mid-dħul mill-bejgħ globali tiegħu fil-każ fejn dan jinterrompi r-relazzjonijiet tiegħu mal-produttur; iii) il-valur ekonomiku tal-miżuri ta’ inċentiv, bħat-tnaqqis jew il-vantaġġi mogħtija mill-produttur lid-distributur, li l-effett tagħhom huwa li jikkundizzjona d-deċiżjonijiet tad-distributur bil-biża’ li jiġu rrifjutati jew imnaqqsa tali benefiċċji bħala sanzjoni għall-ksur tiegħu tal-klawżoli ta’ esklużività imposti minn dan il-produttur, jew għan-nuqqas tiegħu li jgħaddi fuq l-operaturi dawn il-klawżoli u/jew prattiki ta’ esklużjoni l-oħra (bħat-tnaqqis għal fedeltà) iddefiniti minn qabel mill-imsemmi produttur. Bl-istess mod, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet kompetittivi min-naħa tal-impriża dominanti, u b’mod partikolari, jekk id-distributuri jkunu f’pożizzjoni li jduru lejn produtturi oħra mingħajr diffikultà, kif ukoll is-saħħa tas-suq kumpensatorja ta’ dawn id-distributuri (speċjalment fil-każ ta’ supermarkets kbar).

51.      It-tieni, fir-rigward tar-rabtiet organizzattivi, jidhirli li huwa rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ unità, li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ eventwali prattiki ta’ kontroll (monitoring) eżerċitati in situ jew inkella mill-produttur fuq l-osservanza tal-klawżoli ta’ esklużività u tal-klawżoli l-oħra ta’ esklużjoni (bħat-tnaqqis għal fedeltà jew il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment) fir-relazzjonijiet bejn id-distributuri u l-operaturi.

52.      It-tielet, fir-rigward tar-rabtiet ġuridiċi, l-elementi li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti: i) l-istabbiliment minn qabel mill-produttur tal-formoli ta’ kuntratt li d-distributur għandu obbligatorjament japplika għall-operaturi, u ii) id-definizzjoni minn qabel mill-produttur ta’ arranġamenti speċifiċi ta’ bejgħ mal-operaturi. F’dan ir-rigward, għandhom isiru żewġ rimarki.

53.      Minn naħa, inqis li ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita “l-eżistenza ta’ subordinazzjoni ġerarkika” (biex nuża t-termini tad-domanda preliminari) bejn l-impriża dominanti u d-distributuri tagħha li abbażi tagħha l-impriża dominanti tissuġġetta lid-distributuri permezz ta’ “pluralità sistematika u kostanti ta’ atti ta’ gwida” li jistgħu jinfluwenzaw l-“għażliet strateġiċi u operattivi” tagħhom. Għalkemm l-eżistenza ta’ tali rabta ġerarkika timplika li ma hemm ebda dubju li d-distributur isofri l-influwenza determinanti tal-produttur, huwa importanti li, lil hinn mir-rabtiet ġerarkiċi fformalizzati minn atti ta’ gwida, dan id-distributur ma huwiex liberu li jiddeċiedi dwar dak kollu li jista’ jnaqqas l-effettività tal-prattiki ta’ esklużjoni deċiżi minn qabel mill-produttur dominanti, u dan għaliex jibża’ ġustament mill-konsegwenzi ekonomiċi dannużi jekk ma jsostnix tali aġir sistematikament.

54.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni tal-“livell ta’ ndħil”, għandu jiġi kkonstatat li r-relazzjonijiet vertikali kollha jippresupponu l-eżistenza ta’ ftehim li jagħti lill-prinċipal ċertu livell ta’ influwenza fuq is-suġġett l-ieħor. Dan il-livell ta’ influwenza jista’ jkun għoli u jestendi għal diversi aspetti tal-attivitajiet kummerċjali li huma s-suġġett tar-relazzjoni kuntrattwali, iżda dan ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex tinħoloq unità ekonomika. Fil-fatt, is-sempliċi koordinazzjoni jew interferenza fid-deċiżjonijiet meħuda minn suġġett ieħor, anki jekk huma importanti u jistgħu jirrappreżentaw aġir restrittiv tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, ma jistgħux jindikaw li d-distributur ma jaġixxix b’mod awtonomu.

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda tkun li l-Artikoli 101 u 102 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, barra mill-każijiet fejn jeżistu rabtiet ta’ kapital, koordinazzjoni kuntrattwali bejn produttur u l-intermedjarji ta’ distribuzzjoni tiegħu tagħti lok għal “unità ekonomika”, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, meta, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn il-produttur u d-distributuri tiegħu, dan il-produttur jeżerċita influwenza determinanti fuq dawn id-distributuri, b’tali mod li dawn tal-aħħar jitqiesu li jirriproduċu l-aġir ikkonċepit u implimentat mill-imsemmi produttur, li ma jistgħux jaġixxu b’mod indipendenti fis-suq. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta, skont din il-koordinazzjoni kuntrattwali, l-imsemmija distributuri, minn naħa, ma jġarrbu ebda riskju finanzjarju marbut mal-bejgħ tal-prodott tal-istess produttur, jew, min-naħa l-oħra, jikkonkludu kuntratti esklużivi ma’ dan tal-aħħar.

B.      Fuq ittieni domanda preliminari

56.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ ta’ klawżoli ta’ esklużività jew ta’ aġir ikkaratterizzat minn numru kbir ta’ prattiki (b’mod partikolari tnaqqis u klawżoli ta’ esklużività), awtorità tal-kompetizzjoni hijiex obbligata li tibbaża l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE fuq il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċi u li teżamina fid-dettall l-analiżi ekonomiċi prodotti, jekk ikun il-każ, mill-impriża dominanti fir-rigward tal-kapaċità “konkreta” tal-aġir inkwistjoni li teskludi mis-suq kompetituri daqstant effikaċi. Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda tirriżulta, b’mod partikolari, mid-dubji ta’ interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Intel.

57.      Sabiex inqiegħed f’kuntest it-tħassib ta’ din il-qorti, infakkar li, matul l-investigazzjoni tagħha, l-AGCM qieset li hija ma kellhiex tanalizza l-istudji ekonomiċi prodotti minn Unilever sabiex turi li l-prattiki inkwistjoni ma setgħux jeskludu mis-suq il-kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċi, sa fejn dawn l-istudji kienu totalment irrilevanti fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur inkwistjoni (46). Biex iżid mal-analiżi tal-AGCM, it-TAR qies li l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Intel kienu japplikaw biss f’każ ta’ tnaqqis għal esklużività u mhux fil-każ ta’ obbligi ta’ esklużività flimkien ma’ diversi tnaqqis. Għaldaqstant, it-TAR ikkunsidra li ma kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija studji prodotti minn Unilever.

58.      Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fiha żewġ partijiet:

–        l-ewwel waħda hija intiża li tiddetermina jekk, anki fil-każ ta’ klawżoli li jimponu obbligu ta’ esklużività, għandhiex tiġi analizzata l-kapaċità tagħhom li jeskludu mis-suq kompetituri li huma minn tal-inqas daqstant effikaċi bħall-impriża dominanti, u

–        it-tieni waħda hija intiża li tikkonstata jekk, fil-kuntest ta’ tali analiżi, awtorità tal-kompetizzjoni għandhiex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni studji ekonomiċi prodotti mill-impriża akkużata.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

59.      Qabel ma nittratta dawn iż-żewġ partijiet, inqis li huwa utli li jiġi osservat li din id-domanda preliminari tikkostitwixxi l-estensjoni diretta tat-tielet domanda preliminari li din l-istess qorti għamlet fil-kawża li tat lok għas-sentenza SEN. Din id-domanda kienet intiża għall-konstatazzjoni dwar jekk, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ aġir ta’ impriża dominanti, għandhomx jitqiesu bħala rilevanti l-elementi prodotti minn din l-impriża intiżi li juru li, minkejja l-kapaċità astratta tagħha li tipproduċi effetti restrittivi, dan l-aġir ma pproduċiex konkretament tali effetti u, fl-affermattiv, jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni hijiex obbligata teżamina dawn l-elementi fid-dettall (47).

60.      Għalkemm id-domanda magħmula fil-kawża SEN kienet ta’ natura iktar ġenerali, l-analiżi magħmula fil-konklużjonijiet tiegħi, fid-dawl tal-kontribuzzjonijiet tas-sentenza SEN, tippermetti li din id-domanda preliminari titqiegħed fil-pajsaġġ normattiv tal-Artikolu 102 TFUE u li tingħata risposta parzjali għad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

61.      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti ma huwiex neċessarju li jintwera li l-aġir inkwistjoni effettivament ipproduċa effetti antikompetittivi. Awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata biss li turi l-potenzjal (il-kapaċità) dannuż tal-aġir ikkritikat, indipendentement mit-twettiq konkret tal-effetti antikompetittivi. Fil-fatt, ikun kuntrarju għal-loġika inerenti tal-Artikolu 102 TFUE, li hija ta’ natura preventiva u prospettiva, li wieħed ikollu jistenna li l-effetti antikompetittivi jseħħu sabiex ikun jista’ jiġi legalment ikkonstatat abbuż (48).

62.      Minn dan isegwi li l-provi prodotti minn impriża sabiex tindika l-assenza ta’ effetti antikompetittivi, bħal analiżijiet ekonomiċi, la jista’ jkollhom funzjoni li jeżoneraw u lanqas ma jistgħu jittrasferixxu l-oneru tal-prova lill-awtorità tal-kompetizzjoni, b’mod jiġi impost fuqha l-oneru li turi l-materjalizzazzjoni konkreta tad-dannu li jirriżulta mill-aġir ikkritikat. Barra minn hekk, in-natura antikompetittiva ta’ aġir għandha tiġi evalwata fil-mument meta twettaq dan l-aġir, li huwa konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, peress li l-impriża dominanti għandha tkun tista’ tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha abbażi ta’ elementi eżistenti (49).

63.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-evalwazzjoni tal-kapaċità li tiġi ristretta l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li tipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati, għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw l-aġir inkwistjoni, li, fil-fehma tiegħi, jinkludi wkoll il-provi prodotti mill-impriża dominanti intiżi li juru li, minkejja l-kapaċità astratta tagħha li tipproduċi effetti restrittivi, l-aġir inkwistjoni ma pproduċiex konkretament tali effetti. Barra minn hekk, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, l-ammissibbiltà ta’ dan it-tip ta’ prova, mill-perspettiva proċedurali, hija inkontestabbli (50).

64.      Fir-rigward tal-valur probatorju ta’ dan it-tip ta’ prova, dan ivarja skont il-kuntest fattwali. Pereżempju, prova ekonomika li turi, wara t-tmiem tal-aġir ikkontestat, in-nuqqas ta’ effetti ta’ esklużjoni tista’ tikkorrobora l-prova tan-natura purament ipotetika ta’ dan l-aġir. Madankollu, tali aġir purament ipotetiku ma jistax jitqies bħala abbużiv fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (51). Huwa minn din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset fis-sentenza SEN li provi tal-assenza ta’ effetti ta’ esklużjoni konkreti jistgħu jikkostitwixxu “indizju li l-aġir inkwistjoni ma setax jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati” u li “[d]an il-bidu ta’ prova għandu madankollu jiġi kkompletat, mill-impriża kkonċernata, permezz ta’ provi li jistgħu juru li din l-assenza ta’ effetti konkreti kienet fil-fatt il-konsegwenza tal-inkapaċità tal-imsemmi aġir li jipproduċi tali effetti” (52).

2.      Fuq lewwel parti

65.      Permezz tal-ewwel parti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, wara s-sentenza Intel, awtorità tal-kompetizzjoni għandhiex tanalizza, anki fil-każ ta’ klawżola ta’ esklużività, il-kapaċità ta’ din il-klawżola li teskludi mis-suq il-kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċi bħall-impriża dominanti.

66.      Sabiex tinftiehem aħjar din il-kwistjoni, hija meħtieġa tfakkira qasira tal-fatti u tal-kwistjonijiet imqajma fil-kawża li tat lok għas-sentenza Intel.

67.      Matul is-sena 2009, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni kontra Intel, li skontha din wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE bejn ix-xhur ta’ Ottubru 2002 u ta’ Diċembru 2007, billi implimentat strateġija intiża li teskludi kompetitur, jiġifieri AMD, mis-suq ta’ proċessuri (CPU x86). Din id-deċiżjoni ddeskriviet żewġ tipi ta’ aġir adottati minn Intel fir-rigward tas-sħab kummerċjali tagħha, jiġifieri t-tnaqqis kundizzjonali u r-“restrizzjonijiet ovvji”. L-ewwel tip ta’ aġir, li huwa rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tiegħi, kien jikkonsisti fl-għoti ta’ tnaqqis lil erba’ manifatturi tat-tagħmir informatiku (OEM), jiġifieri Dell, Lenovo, HP u NEC, bil-kundizzjoni li huma jixtru mingħandha t-totalità jew kważi totalità taċ-CPUs x86 tagħhom. Bl-istess mod, Intel tat ħlasijiet lil MSH, l-ewwel distributur Ewropew ta’ desktops, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tbigħ esklużivament kompjuters mgħammra b’CPUs x86 prodotti minn Intel. Il-Kummissjoni qieset li dan it-tnaqqis kundizzjonali mogħti minn Intel kien jikkostitwixxi tnaqqis għal fedeltà u li l-ħlas kundizzjonali ta’ Intel lil MSH kellu mekkaniżmu ekonomiku ekwivalenti għal dak tat-tnaqqis kundizzjonali lill-OEM. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet ukoll analiżi ekonomika fuq il-kapaċità tat-tnaqqis li jeskludi kompetitur li jkun effikaċi daqs Intel mingħajr madankollu ma jkun jokkupa pożizzjoni dominanti (53).

68.      Intel ikkontestat l-analiżi tal-Kummissjoni, quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħdet ir-rikors (54), billi ddeċidiet, essenzjalment, li t-tnaqqis mogħti kien tnaqqis ta’ esklużività, fis-sens li kien marbut mal-kundizzjoni li l-klijent ikun akkwista mingħand Intel jew it-totalità, jew parti sinjifikanti, tal-ħtiġijiet tiegħu ta’ CPU x86. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-klassifikazzjoni ta’ “inġusta” ta’ tali tnaqqis ma kinitx tiddependi minn analiżi tal-fatti tal-kawża intiża li tistabbilixxi l-kapaċità tagħha li tirrestrinġi l-kompetizzjoni (55). Għal raġunijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet uriet, kif meħtieġ mil-liġi u abbażi ta’ analiżi tal-fatti tal-każ, il-kapaċità tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet ta’ esklużività mogħtija li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (56).

69.      Intel ippreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fejn hija sostniet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, b’mod partikolari, billi ma eżaminatx it-tnaqqis kontenżjuż fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (l-ewwel motiv). Permezz tas-sentenza Intel, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet dan il-motiv, annullat is-sentenza inizjali u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, li, permezz ta’ sentenza ġdida, annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (57). Fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-ewwel aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, essenzjalment, li għalkemm l-impriża mqiegħda inkwistjoni ssostni, matul il-proċedura amministrattiva, is-sostanzjata bi provi, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati, l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti hija obbligata li tanalizza, b’mod partikolari, jekk il-prattiki li huma s-suġġett tal-investigazzjoni humiex effettivament kapaċi jeskludu mis-suq il-kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċi (58).

70.      Hija l-portata ta’ dan il-prinċipju li hija s-suġġett ta’ din id-domanda preliminari. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dan il-prinċipju japplikax biss fil-każ fejn investigazzjoni tkun tikkonċerna tnaqqis għal esklużività jew jekk japplikax ukoll fil-każ fejn l-aġir ikkritikat ikun ikbar, li jkun jinkludi wkoll obbligi ta’ esklużività u ta’ tipi oħra ta’ tnaqqis u ta’ kumpens imsejħa “ta’ fedeltà”.

71.      Għar-raġunijiet li ġejjin, u kif diġà ġie indikat fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li dan l-istess prinċipju japplika b’mod ġenerali, u indipendentement mit-tip ta’ restrizzjoni, meta impriża dominanti tipproduċi provi intiżi li juru li l-aġir inkwistjoni ma setax jipproduċi tali effetti.

72.      Fl-ewwel lok, dan jirriżulta mill-formulazzjoni tal-punti 137 sa 140 tas-sentenza Intel.

73.      Qabel kollox, fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li: “[…], għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti f’suq, il-fatt li torbot xerrejja, anki jekk fuq it-talba tagħhom, permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, kemm jekk l-obbligu huwa stipulat mingħajr kwalifika oħra, kemm jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess japplika meta l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, taħt il-ftehimiet konklużi ma’ dawn ix-xerrejja jew unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri tnaqqis marbut mal-kundizzjoni li l-klijent, irrispettivament mill-ammont ta’ dan ix-xiri, jixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew għall-parti l-kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti” (59). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat iż-żewġ kategoriji bħala “klawżoli potenzjalment abbużivi”, jiġifieri l-obbligi ta’ esklużività puri u sempliċi u tnaqqis suġġetti għal obbligu ta’ esklużività, mingħajr ma għamlet distinzjoni fir-rigward tal-ħsara tagħhom għall-kompetizzjoni.

74.      Sussegwentement, fil-punt 138 tas-sentenza Intel, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[m]adankollu, din il-ġurisprudenza għandha tiġi ċċarata iktar fil-każ fejn l-impriża kkonċernata ssostni, matul il-proċedura amministrattiva u abbażi ta’ provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni allegati” (60). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-kjarifika li tidher fil-punti sussegwenti ta’ din is-sentenza tirrigwarda kull impriża li ssostni, matul il-proċedura amministrattiva, l-assenza ta’ kapaċità ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, indipendentement mit-tip ta’ aġir inkwistjoni. Din il-preċiżazzjoni tapplika evidentement fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ prattiki identifikati fil-punt preċedenti tal-imsemmija sentenza.

75.      Għalhekk, fil-punt 139 tas-sentenza Intel, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[f]’tali każ, il-Kummissjoni mhux biss hija obbligata tanalizza, minn naħa, l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-għoti tat-tnaqqis inkwistjoni, it-tul tiegħu u l-ammont tiegħu, iżda hija obbligata wkoll tevalwa l-eżistenza eventwali ta’ strateġija intiża li teskludi l-kompetituri li tal-inqas huma daqstant effettivi [effikaċi]” (61). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet daret għall-analiżi li l-Kummissjoni hija obbligata twettaq bi tweġiba għall-argumenti mressqa mill-impriża kkonċernata li l-aġir inkwistjoni ma jistax jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Dan japplika b’mod ċar kemm għall-obbligi ta’ esklużività kif ukoll għat-tnaqqis suġġett għal obbligu ta’ esklużività.

76.      Fl-aħħar nett, fil-punt 140 tas-sentenza Intel, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “[l]-analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni hija rilevanti wkoll għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk sistema ta’ tnaqqis li taqa’, bħala prinċipju, taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 102 TFUE tistax tkun oġġettivament iġġustifikata. Barra minn hekk, l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta minn sistema ta’ tnaqqis, żvantaġġuża għall-kompetizzjoni, tista’ tiġi kkumpensata, jew anki maqbuża, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effikaċja li minnhom japprofitta wkoll il-konsumatur […]. Tali bbilanċjar tal-effetti, vantaġġużi u żvantaġġużi għall-kompetizzjoni, tal-prattika kkontestata jista’ jsir fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni biss wara analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li tal-inqas huma daqstant effettivi [effikaċi], inerenti għall-prattika inkwistjoni” (62). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-evalwazzjoni tal-argumenti difensivi mressqa mill-impriża dominanti, jiġifieri l-ġustifikazzjonijiet oġġettivi jew il-vantaġġi f’termini ta’ effikaċità, tista’ ssir biss wara analiżi li tikkonċerna l-kapaċità li teskludi l-kompetituri li minn tal-inqas daqstant effikaċi. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espressament għat-tnaqqis, il-ħsieb wara dan il-punt tas-sentenza Intel huwa li għandhom jiġu eżaminati tali argumenti meta jiġi stabbilit li l-aġir inkwistjoni jista’ jipproduċi effetti ta’ esklużjoni għal kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċi, li huwa applikabbli indipendentement mit-tip tal-aġir inkwistjoni.

77.      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni litterali ta’ dawn il-punti tas-sentenza Intel hija kkorroborata mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 133 u 134 ta’ din is-sentenza, ikkonfermat li “l-Artikolu 102 TFUE bl-ebda mod ma għandu bħala għan li jimpedixxi lil impriża li tikseb, fuq mertu tagħha stess, il-pożizzjoni dominanti f’suq. Din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża li tiżgura li kompetituri inqas effikaċi mill-impriża f’pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq […]. Għalhekk, mhux kull effett ta’ esklużjoni neċessarjament jippreġudika l-kompetizzjoni. Mid-definizzjoni tagħha stess, il-kompetizzjoni fuq il-mertu tista’ twassal għat-telf tas-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effettivi [effikaċi] u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva b’mod partikolari tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni” (63).

78.      Dawn iż-żewġ punti jeħtieġu żewġ kummenti. Minn naħa, kif ġie analizzat b’mod iktar iddettaljat fil-konklużjonijiet fil-kawża SEN, il-kunċett ta’ “kompetizzjoni fuq il-merti”, li għalih tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex marbut ma’ forma preċiża ta’ prattiki, jibqa’ astratt u ma jistax jiġi ddefinit b’mod li jippermetti li jiġi ddeterminat, minn qabel, jekk aġir jaqax jew le taħt tali kompetizzjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “kompetizzjoni fuq il-merti” jesprimi ideal ekonomiku, li juża bħala sfond it-tendenza tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li jiffavorixxi analiżi tal-effetti antikompetittivi tal-aġir, iktar milli analiżi bbażata fuq il-forma tiegħu (64), b’mod partikolari ladarba li issa huwa aċċettat li t-tnaqqis ta’ fidelità ma huwiex neċessarjament dannuż għall-kompetizzjoni (65).

79.      Min-naħa l-oħra, b’mod iktar konkret, mill-punti 138 sa 140 tas-sentenza Intel jirriżulta li l-Artikolu 102 TFUE għandu jinftiehem bħala dispożizzjoni li tipprekludi lill-impriża dominanti milli timplimenta aġir li jista’ jeskludi mis-suq kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċi f’termini ta’ kwalità, ta’ innovazzjoni u ta’ għażla ta’ prodotti offruti, u li l-projbizzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma tirreferix biss għall-aġir relatat mal-prezzijiet, bħat-tnaqqis għal esklużività, iżda wkoll għall-prattiki kummerċjali l-oħra kollha li ma jagħmlux riferiment għall-prezzijiet, bħalma huma l-obbligi ta’ esklużività, sa fejn hija l-ħsara ta’ dan l-aġir li tiddetermina l-karattru abbużiv tagħhom u mhux il-forma tagħhom.

3.      Fuq ittieni parti

80.      Permezz tat-tieni parti, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tal-klawżoli ta’ esklużività, awtorità tal-kompetizzjoni hijiex obbligata teżamina b’mod iddettaljat l-analiżijiet ekonomiċi prodotti mill-parti dominanti fir-rigward tal-kapaċità konkreta tal-aġir inkwistjoni li jeskludi mis-suq kompetituri daqstant effikaċi.

81.      Kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, l-ammissibbiltà ta’ dan it-tip ta’ prova, mill-perspettiva proċedurali, hija inkontestabbli. Għaldaqstant, sa fejn l-oneru tal-prova tal-effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi jaqa’ fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, dawn huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni bir-reqqa l-provi prodotti mill-impriża dominanti, meta din tkun intiża li turi li, minkejja l-(allegata) kapaċità astratta tagħha li tipproduċi effetti restrittivi, l-aġir inkwistjoni ma pproduċiex konkretament tali effetti (66).

82.      Sabiex jiġu ċċarati ċerti aspetti prattiċi tal-portata ta’ dan l-obbligu tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, jidhirli li huwa utli li nagħmel il-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

83.      Fl-ewwel lok, meta impriża f’pożizzjoni dominanti ssostni, abbażi ta’ provi konkreti, li l-aġir tagħha ma huwiex suxxettibbli li jirrestrinġi l-kompetizzjoni abbażi ta’ test AEC, l-Artikolu 102 TFUE jimponi fuq l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti l-obbligu li twettaq analiżi sabiex jiġi determinat jekk dan huwiex il-każ (67). Din l-analiżi għandha tkun ibbażata fuq provi tanġibbli (68), li jikkonstataw effett restrittiv li jmur lil hinn minn sempliċi ipoteżi (69). Jekk, wara tali analiżi, jiġi kkonstatat li l-aġir inkwistjoni ma huwiex tali li jeskludi mis-suq lill-kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċi bħall-impriża dominanti, l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha tikkonkludi li l-Artikolu 102 TFUE ma ġiex miksur, filwaqt li, jekk dan l-aġir jitqies li jista’ jkollu effetti ta’ esklużjoni kontra kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċi bħall-impriża dominanti, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-difiżi sussegwentament imressqa mill-impriża kkonċernata sabiex turi li l-aġir ikkontestat huwa oġġettivament iġġustifikat jew li l-effetti restrittivi li jirriżultaw huma kkumpensati, saħansitra maqbuża, minn vantaġġi f’dak li jirrigwarda effikaċja favur il-konsumaturi (70).

84.      Fit-tieni lok, a fortiori,  meta l-impriża dominanti tipproduċi provi ekonomiċi sabiex turi li l-aġir tagħha ma għandux il-kapaċità li jeskludi kompetituri daqstant effikaċi, awtorità tal-kompetizzjoni ma tistax tinjorahom. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punti 74 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija preċiżament il-produzzjoni ta’ provi li juru l-assenza ta’ effetti restrittivi li toħloq l-obbligu għall-awtorità tal-kompetizzjoni li teżaminahom b’rabta mal-obbligi ta’ esklużività u l-prattiki ta’ tnaqqis. F’dawn iċ-ċirkustanzi, awtorità tal-kompetizzjoni għandha tevalwa l-provi ekonomiċi prodotti mill-impriża matul l-investigazzjoni u teħodhom inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-possibbiltà li l-aġir inkwistjoni jista’ jeskludi mis-suq kompetituri daqstant effikaċi bħall-impriża dominanti.

85.      Issa, anki jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni tikkunsidra, bħal f’dan il-każ, li l-metodoloġija użata għall-finijiet tal-istudju ekonomiku ma hijiex rilevanti, hija ma tistax teskludi mill-ewwel ir-rilevanza ta’ tali studju, ħlief sabiex tindika, fid-deċiżjoni li permezz tagħha din l-awtorità tikkwalifika aġir bħala “abbużiv”, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-metodoloġija li fuqha huwa bbażat dan l-istudju ma tippermettix li wieħed jipprova li l-aġir imqiegħed inkwistjoni ma huwiex adattat sabiex jeskludi kompetituri daqstant effikaċi.

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata li turi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi invokati mill-impriża dominanti, li l-aġir ta’ din l-impriża kellu l-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, billi tanalizza, jekk ikun il-każ u f’dan ir-rigward, ukoll il-provi invokati mill-imsemmija impriża li skonthom l-aġir inkwistjoni ma pproduċiex effetti antikompetittivi fuq is-suq rilevanti. Dan l-obbligu japplika kemm għal klawżoli ta’ esklużività kif ukoll għal aġir ikkaratterizzat minn numru kbir ta’ prattiki u jimplika dmir ta’ motivazzjoni, min-naħa tal-awtorità tal-kompetizzjoni, jekk din tqis li tali provi ma kinux kapaċi juru l-esklużjoni, minn dan is-suq, ta’ kompetituri daqstant effikaċi bħall-impriża dominanti.

IV.    Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja):

1)      L-Artikoli 101 u 102 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, barra mill-każijiet fejn jeżistu rabtiet ta’ kapital, koordinazzjoni kuntrattwali bejn produttur u l-intermedjarji ta’ distribuzzjoni tiegħu tagħti lok għal “unità ekonomika”, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, meta, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn il-produttur u d-distributuri tiegħu, dan il-produttur jeżerċita influwenza determinanti fuq dawn id-distributuri, b’tali mod li dawn tal-aħħar jitqiesu li jirriproduċu l-aġir ikkonċepit u implimentat mill-imsemmi produttur, li ma jistgħux jaġixxu b’mod indipendenti fis-suq. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta, skont din il-koordinazzjoni kuntrattwali, l-imsemmija distributuri, minn naħa, ma jġarrbu ebda riskju finanzjarju marbut mal-bejgħ tal-prodott tal-istess produttur, jew, min-naħa l-oħra, jikkonkludu kuntratti esklużivi ma’ dan tal-aħħar.

2)      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata li turi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi invokati mill-impriża dominanti, li l-aġir ta’ din l-impriża kellu l-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, billi tanalizza, jekk ikun il-każ u f’dan ir-rigward, ukoll il-provi invokati mill-imsemmija impriża li skonthom l-aġir inkwistjoni ma pproduċiex effetti antikompetittivi fuq is-suq rilevanti. Dan l-obbligu japplika kemm għal klawżoli ta’ esklużività kif ukoll għal aġir ikkaratterizzat minn numru kbir ta’ prattiki u jimplika dmir ta’ motivazzjoni, min-naħa tal-awtorità tal-kompetizzjoni, jekk din tqis li tali provi ma kinux kapaċi juru l-esklużjoni, minn dan is-suq, ta’ kompetituri daqstant effikaċi bħall-impriża dominanti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      L-Awtorità Nazzjonali Garanti għall-Kompetizzjoni u għas-Suq (l-Italja).


3      Dwar il-kunċett ta’ “unità ekonomika”, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-Kawża Sumal (C‑882/19, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Sumal”, EU:C:2021:293, punti 23 sa 31), kif ukoll, għad-duttrina, W.Wils (2000), “The Undertaking as Subject of E.C. Competition Law and the Imputation of Infringements to Natural or Legal Persons”, European Law Review, Vol. 25, 2000, p. 99 sa 116; u O. Odudu u D. Bailey (2014) “The single economic entity doctrine in EU competition law”, Common Market Law Review, Vol. 51, Nru 6, 2014, p. 1721 sa 1758.


4      Magħruf taħt it-terminu Ingliż ta’ “as efficient competitor test”, iktar ’il quddiem it-“test AEC”.


5      Skont La Bomba, matul l-aħħar snin, Unilever ordnat lill-operaturi ta’ punti ta’ bejgħ sabiex ma jikkummerċjalizzawx, flimkien mal-prodotti tagħha stess, is-silġ ġelat ta’ La Bomba, u jekk le jheddu li ma japplikax it-tnaqqis previst fil-ftehim diġà konkluż u li jimponu, barra minn hekk, il-ħlas ta’ penalitajiet jew it-tħassir tal-kuntratt.


6      Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja).


7      Dan premess, nikkonstata li l-ewwel domanda preliminari, kif ifformulata, fiha riferimenti għal żewġ kriterji ta’ evalwazzjoni tal-unità ekonomika, jiġifieri l-“grad ta’ interferenza” u r-“rabta ġerarkika” bejn l-impriżi. Issa, dawn il-kriterji jimplikaw neċessarjament stima kwantitattiva abbażi ta’ kontenut konkret ta’ relazzjonijiet bejn il-kumpanniji kkonċernati. Għaldaqstant, ir-rilevanza tal-imsemmija kriterji ma tistax tiġi evalwata in abstracto u minn qabel, kif tixtieq il-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti risposti utli billi tipprovdi linji gwida li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi, hija ma tistax tagħti risposti li jikkonsistu essenzjalment fil-verifika, abbażi tal-punti ta’ fatt li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, jekk Unilever u d-distributuri kinux jifformaw “unità ekonomika” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.


8      Barra minn hekk, l-aġir awtonomu ta’ Unilever ma setax jikkostitwixxi abbuż b’esklużjoni, peress li l-ftehim ta’ esklużività konklużi direttament bejn Unilever u l-punti ta’ bejgħ ikopru biss 0.8 % tat-total tal-punti ta’ bejgħ operattivi fl-Italja.


9      Għal analiżi tar-regoli ta’ imputabbiltà applikabbli fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża SEN”, EU:C:2021:998, punti 146 sa 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Bħal “kumpannija” jew “persuna ġuridika”. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 102).


11      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sumal”, EU:C:2021:800, punt 41).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il‑Kummissjoni (T‑68/89, T‑77/89 u T‑78/89, EU:T:1992:38, punt 357); tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Viho vs Il‑Kummissjoni (C‑73/95 P, EU:C:1996:405, punt 54), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Dutheillet de Lamothe fil-kawża Béguelin Import (22/71, mhux ippubblikati, EU:C:1971:103, p. 967).


14      Ara, f’dan is-sens, il-punt 30 tal-Linji gwida tal-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet vertikali tat‑28 ta’ Ġunju 2022 (ĠU 2022, C 248, p. 1).


15      Ara, f’dan ir-rigward, R. Whish u D. Bailey, Competition Law, l-10 edizzjoni, Oxford, 2021, p. 100 u 101.


16      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021 Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑152/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Telekom II”, EU:C:2021:238, punt 73), u tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza SEN”, EU:C:2022:379, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fuq il-bażi teoretika tar-responsabbiltà konġunta tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja li tikkonsisti fl-unità ekonomika, ara l-konklużjonijiet fil-kawża Sumal (punti 35 sa 38).


17      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (48/69, iktar ’il quddiem is-“sentenza ICI”, EU:C:1972:70, punti 129 sa 141), u tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punt 41), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 tal-konklużjonijiet fil-kawża Sumal.


18      Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli (81 KE) u (82 KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


19      Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, punti 28 u 30).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sumal (dispożittiv u punt 48).


21      Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għal ftehimiet vertikali li jikkostitwixxu “restrizzjonijiet fundamentali” (hardcore restrictions) fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal‑20 ta’ April 2010 dwar dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1), li skada fil‑31 ta’ Mejju 2022, u tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 tal‑10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2022, L 134, p. 4), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 330/2010, hija eskluża.


22      Sentenza Deutsche Telekom II (punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, The Dow Chemical Company vs Il‑Kummissjoni (C‑179/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:605, punt 55).


24      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 61), u tal‑15 ta’ April 2021, Italmobiliare et vs Il‑Kummissjoni (C‑694/19 P, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza Italmobiliare”, EU:C:2021:286, punti 47 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara l-konklużjonijiet fil-kawża SEN (punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Il-Qorti tal-Unjoni kkunsidrat li dawn il-provi jistgħu jaqgħu taħt aspetti tal-politika kummerċjali ta’ sussidjarja, pereżempju, jekk il-kumpannija omm setgħetx tinfluwenza l-politika tal-prezzijiet, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, l-għanijiet tal-bejgħ, il-marġni gross, l-ispejjeż tal-bejgħ, il-“cash-flow”, il-ħażniet u l-marketing (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T-112/05, EU:T:2007:381, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Sentenza Italmobiliare (punt 55). Infakkar li, anki fil-każ fejn il-kumpannija parent iżżomm it-totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni milli jistabbilixxu l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti permezz ta’ provi oħra jew permezz ta’ kombinazzjoni ta’ tali elementi mal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs Il‑Kummissjoni, C‑595/18 P, EU:C:2021:73, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Sentenza Deutsche Telekom II (punti 75 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et (C‑542/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Remonts”, EU:C:2016:578, punti 20, 27 u 33), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża VM Remonts et (C‑542/14, EU:C:2015:797, punti 48).


30      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni (T‑66/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Minoan Lines”, EU:T:2003:337, punti 125 u 128).


31      Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, iktar ’il quddiem is-“sentenza Suiker Unie”, EU:C:1975:174, punt 480). Il-korsiv miżjud minni.


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, voestalpine et voestalpine Wire Rod Austria vs Il‑Kummissjoni (T‑418/10, EU:T:2015:516, punt 153).


33      Sentenza Minoan Lines (punti 125 sa 128).


34      Sentenza Suiker Unie (punt 482).


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kumissjoni (T‑325/01, EU:T:2005:322, punt 118).


36      Ara s-sentenza Suiker Unie (punt 544) u Minoan Lines (punt 128).


37      Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, EU:C:2006:784, punti 43 u 44). Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1995, Volkswagen u VAG Leasing (C‑266/93, EU:C:1995:345, punt 16).


38      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża VM Remonts et (C‑542/14, EU:C:2015:797, punti 53).


39      Ara s-sentenza Remonts (punt 31).


40      Sentenza Remonts (punt 25).


41      Sentenza Remonts (punti 29 u 30).


42      Sentenza Remonts (punt 31).


43      Ara, madankollu, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punti 818 sa 822), Deutsche Telekom II (punti 68 sa 87) u SEN (punti 104 sa 123).


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Intel”, EU:C:2017:632, punt 135), u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770), li tikkonferma li tali abbuż jista’ jiġi kkonstatat anki jekk l-effetti antikompetittivi jistgħu jseħħu biss permezz tal-intervent ta’ terzi.


45      Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Skont Unilever, għall-istess raġuni, l-AGCM irrifjutat li tiltaqa’ mal-ekonomisti tagħha, li kienu talbu l-organizzazzjoni ta’ laqgħa sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet għat-twettiq ta’ dawn l-istudji ekonomiċi.


47      Ara s-sentenza SEN (punti 49 sa 58) u l-konklużjonijiet fil-kawża SEN (punti 109 sa 121).


48      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet fil-kawża SEN (punti 110 u 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet fil-kawża SEN (punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara s-sentenza SEN (punt 52) u l-konklużjonijiet fil-kawża SEN (punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara l-konklużjonijiet fil-kawża SEN (punti 41 u 116, u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara s-sentenza SEN (punt 56).


53      Konkretament, din l-analiżi kienet tikkonsisti fl-istabbiliment tal-prezz li fih kompetitur effikaċi daqs Intel kellu jipproponi ċ-CPUs tiegħu sabiex jikkumpensa OEM għat-telf ta’ tnaqqis li kien jagħtiha Intel. Saret analiżi simili għall-ħlasijiet mogħtija lil MSH.


54      Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Intel vs Il-Kummissjoni (T‑286/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2014:547, punt 79).


55      Sentenza inizjali (punti 80 sa 89).


56      Sentenza inizjali (punti 172 sa 197).


57      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2022, Intel Corportation vs Il‑Kummissjoni (T‑286/09 RENV, EU:T:2022:19).


58      Sentenza Intel (punti 138 u 139).


59      Enfasi miżjuda minni.


60      Enfasi miżjuda minni.


61      Enfasi miżjuda minni.


62      Enfasi miżjuda minni.


63      Enfasi miżjuda minni.


64      Ara l-konklużjonijiet fil-kawża SEN (punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Ara, f’dan is-sens, il-punt 37 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009, C 45, p. 7), li jipprovdi li “[k]umpaniji jistgħu joffu dan it-tip ta’ ħlas lura biex jattiraw iktar domanda, u bħala tali jistgħu jistimolaw id-domanda u jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi”.


66      Konklużjonijiet fil-kawża SEN (punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).


67      Sentenza Intel (punti 139 u 140).


68      Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 202).


69      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 65).


70      Sentenza Intel (punt 140).