Language of document : ECLI:EU:C:2010:344

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

tas-16 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawża C‑211/10 PPU

Doris Povse

vs

Mauro Alpago

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]

“Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Responsabbiltà tal-ġenituri komuni għaż-żewġ ġenituri – Tneħħija tal-wild minn Stat Membru ieħor bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju – Deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel Stat Membru li tirtira l-projbizzjoni u tattribwixxi provviżorjament is-setgħa ta’ deċiżjoni lill-ġenitur li ttrasferixxa ruħu mal-wild – Residenza tal-wild fit-tieni Stat Membru għal iktar minn sena – Deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel Stat Membru li tordna r-ritorn tal-wild f’dan l-Istat – Raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut, fit-tieni Stat Membru, tal-infurzar ta’ din l-aħħar deċiżjoni”





1.        Wild imwieled fl-Italja fl-2006, minn missier Taljan u omm Awstrijaka, li qatt ma żżewġu, jinsab attwalment fl-Awstrija ma’ ommu, kontra l-volontà ta’ missieru. Fil-kuntest ta’ proċedura li għandha l-għan li tistabbilixxi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild, qorti Taljana ordnat ir-ritorn tiegħu fl-Italja. L-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) (l-Awstrija) tagħmlilna ħames domandi dwar ir-raġunijiet li għalihom l-infurzar ta’ dan id-digriet jista’ eventwalment jiġi rrifjutat.

 Il-kuntest ġuridiku

2.        Is-sitwazzjoni hija rregolata, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (2), moqri flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 (3).

 Il-Konvenzjoni

3.        Fil-preambolu tal-Konvenzjoni, l-Istati firmatarji jiddikjaraw irwieħhom “[p]rofondement konvinti li l-interess tal-wild hija ta’ importanza primordjali għal kull kwistjoni dwar il-kustodja tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u jiddikjaraw li huma jixtiequ “jipproteġu l-wild, fuq il-livell internazzjonali, kontra l-effetti noċivi ta’ tneħħija jew ta’ żamma tal-wild fl-Istat tar-residenza abitwali tiegħu, kif ukoll jiżguraw il-protezzjoni tad-dritt ta’ viżta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4.        Skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ wild għandhom jitqiesu bħala illegali:

a)      meta dan ikun bi ksur tad-drittijiet ta’ kustodja, vestiti f’persuna, istituzzjoni jew entità oħra, kemm singolarment, kif ukoll konġuntement, taħt il-liġi tal-Istat fejn il-wild kien soltu joqgħod minnufih qabel it-tneħħija jew iż-żamma, u

b)      fil-waqt tat-tneħħija jew taż-żamma, dawk id-drittijiet kienu attwalment eżerċitati, konġuntement jew singolarment, jew kienu jkunu hekk eżerċitati kieku ma kienx għat-tneħħija jew għaż-żamma tiegħu.

Id-drittijiet ta’ kustodja imsemmija fis-subparagrafu (a) hawn iktar qabel jistgħu joriġinaw b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dak l-Istat [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

5.        L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni jipprovdi:

“Meta wild ikun tneħħa jew inżamm b’mod illeċitu skont l-Artikolu 3 u, fid-data tal-bidu tal-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat kontraenti fejn ikun jinsab il-wild, ikun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mid-data tat-tneħħija jew żamma illeċita, l-awtorità li tkun għandha tordna r-ritorn tal-wild biex dan isir minnufih.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, ukoll meta l-proċedimenti jkunu nbdew wara li jkun għalaq il-perijodu ta’ sena msemmi fil-paragrafu ta’ qabel, għandha tordna wkoll ir-ritorn tal-wild kemm-il darba ma jiġix pruvat li l-wild ikun issa adatta ruħu fl-ambjent ġdid tiegħu.

[...] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

6.        Skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk il-persuna, istituzzjoni jew entità oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

a)      il-persuna, l-istituzzjoni jew l-entità oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-wild ma kinux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-wild jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għat-tneħħija jew għaż-żamma tal-wild; jew

b)      ikun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-wild se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-wild f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk issib li l-wild joġġezzjona għar-ritorn tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal-fehmiet tiegħu.

Meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-artikolu, l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi għandhom iqisu l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-isfond soċjali tal-wild kif ipprovduta mill-Awtorità ċentrali jew minn xi awtorità kompetenti oħra tal-post fejn ikun soltu joqgħod il-wild”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tipprovdi:

“Il-fatt biss li deċiżjoni dwar il-kustodja ngħatat jew tista’ tiġi rikonoxxuta fl-Istat ikkonċernat ma jistax jiġġustifika r-rifjut li l-wild jintbagħat fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni, iżda l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istat ikkonċernat jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi ta’ din id-deċiżjoni li jidħlu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni:

“Deċiżjoni dwar ir-ritorn tal-wild mogħtija fil-kuntest tal-Konvenzjoni ma taffettwax il-mertu tad-dritt tal-kustodja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-Regolament

9.        Diversi premessi tar-Regolament jidhru li huma rilevanti għall-analiżi tal-kwistjonijiet imqajma b’dan ir-rinviju preliminari, b’mod partikolari:

“(12) Ir-raġunijiet tal-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri [wild], u partikolarment dwar il-kriterju tal-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett mal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza tal-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

[...]

(17)      F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma illegali ta’ minuri, ir-ritorn tal-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati tal-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija illegalment jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f'każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn tal-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.

[...]

(21)      Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.

[...]

(23)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere kkunsidra fil-konklużjonijiet tiegħu (punt 34) li sentenzi fil-qasam tat-tilwim familjari għandhom ikunu ‘awtomatikament rikonoxxuti f’kull parti tal-Unjoni mingħajr ebda proċedimenti intermedji jew bażi għar-rifjut tal-infurzar’. Huwa għalhekk li sentenzi dwar id-drittijiet ta’ aċċess u sentenzi dwar ir-ritorn li ġew ċertifikati ġewwa l-Istati Membri fejn oriġinaw skond id-disposizzjoniet ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati fl-Istati Membri kollha mingħajr ma tkun neċessarja ebda proċedura oħra. L-arranġamenti għall-infurzar ta’ dawn is-sentenzi jkomplu jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.

(24)      Iċ-ċertifikat maħruġ sabiex jiffaċilita l-infurzar tas-sentenza m’għandux ikun suġġett għall-appell. Għandu jiġi kkoreġut biss fejn hemm żball materjali, jiġifieri fejn ma jirriflettix b’mod korrett is-sentenza.”

10.      L-Artikolu 2 tar-Regolament jiddefinixxi xi kliem li huma użati fih. B’mod partikolari,

“4)      il-kelma ‘sentenza’ għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

[...]

11)      il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija tal-minuri jew iż-żamma fejn;

a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi tal-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza tal-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità tal-ġenitur.

[...]”.

11.      Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament, u bla ħsara tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 u 12, il-qrati ta’ Stat Membru huma kompetenti fir-rigward ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fil-konfront ta’ minuri li jirrisjedi abitwalment f’dan l-Istat Membru meta tressaq il-każ quddiem il-qorti.

12.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 tar-Regolament (4) jipprovdi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

(a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma;

jew

(b)      il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

(i)      Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentat quddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

(ii)      talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

(iii) każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

(iv)      sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn tal-minuri tkun inħarġet mill-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

13.      Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament:

“1.      Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika mal-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħorġu sentenza dwar il-bażi tal-[konvenzjoni] ħalli tikseb ir-ritorn tal-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.      Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 tal-[konvenzjoni], għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età tal-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom.

3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn tal-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

4.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi tal-Artikolu 13b tal-[konvenzjoni] jekk jiġi stabbilit li saru l-arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-minuri wara r-ritorn tiegħu jew tagħha.

5.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri sakemm il-persuna li talbet ir-ritorn tal-minuri tkun ingħatat l-opportunità li tinstema’.

6.      Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 tal-[konvenzjoni], il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha, kopja tal-ordni tal-qorti [...] sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data tal-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

7.      Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġew diġa fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni tal-kustodja tal-minuri.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

8.      Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 tal-[konvenzjoni], kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn tal-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 tal-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn tal-minuri.”

14.      L-Artikolu 15 tar-Regolament jikkonċerna l-possibbiltà ta’ trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ. Dan jipprovdi:

“1.      B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza tal-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

a)      twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

b)      titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5.

2.      Il-Paragrafu 1 għandu japplika:

a)      malli ssir l-applikazzjoni minn parti waħda; jew

b)      fuq mozzjoni proprja tal-qorti: jew

c)      mal-applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, skond il-paragrafu 3.

Trasferiment magħmul fuq mozzjoni tal-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet.

3.      Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru;

a)      ikun sar ir-residenza abitwali tal-minuri wara li l-qorti msemmija fil-paragrafu 1 tkun ħadet il-pussess; jew

(b)      hija r-residenza abitwali ta’ qabel tal-minuri; jew

(ċ)      huwa l-post taċ-ċittadinanza tal-minuri; jew

(d)      huwa r-residenza abitwali tad-detentur tar-responsabilità bejn il-ġenituri; jew

(e)      huwa l-post fejn tinstab proprjetà tal-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni tal-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew ħelsien ta’ din il-proprjetà.

4.      Il-qrati tal-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza tal-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skond il-paragrafu 1.

Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 14.

5.      Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi tal-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 8 sa 14.

6.      Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz tal-awtoritajiet ċentrali maħtura skond l-Artikolu 53 (5).”

15.      Il-Kapitolu III tar-Regolament iġib it-Titolu “Ir-rikonoxximent u l-infurzar”: it-Taqsima I tiegħu jirrigwarda r-rikonoxximent. F’din it-taqsima, b’mod partikolari, l-Artikolu 23 jelenka r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Dan jipprovdi:

“Sentenza dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

a)      Jekk l-imsemmi rikonoxximent jidħer ċar li huwa kuntrarju għall-politika pubblika tal-Istat Membru li fih r-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub wara li jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi tal-minuri;

b)      Jekk ġie mogħti, ħlief f'każ ta’ emerġenza, mingħajr ma l-minuri ingħata l-opportunità biex jinstema, bi ksur tal-prinċipji fondamentali tal-proċedimenti tal-Istat Membru fejn huwa mitlub ir-rikonoxximent;

ċ)      Fejn ġiet mogħtija b’kontumaċja jekk il-kontumaċi ma kienx/itx notifikat bid-dokument li stitwixxa l-proċedimenti jew b’xi document ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’mod li ħalla dik il-persuna tirranġa għad-difiża tagħha ħlief jekk jiġi ddeterminat li dik il-persuna aċċettat is-sentenza b’mod inekwivokabbli;

(d)       dwar it-talba ta’ pretensjoni minn kwalsijasi persuna li s-sentenza tikser d-drittijiet tagħhom tar-responsabbilità bħala ġenituri, jekk ġiet mogħtija mingħajr ma’ din il-persuna tkun ingħatat l-opportunità li tinstema’;

(e)       jekk hija rrekonċiljabbli ma’ xi sentenza dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri mogħtija aktar tard fi Stat Membru fejn hemm it-talba ta’ rikonoxximent;

(f)       Jekk hija rrekonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar tard dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri fi Stat Membru ieħor jew f’xi Stat li m’huwiex Membru tar-residenza abitwali tal-minuri kemm-il darba l-aħħar sentenza tkopri l-kondizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent fl-Istat Membru fejn saret it-talba għar-rikonoxximent;

jew

(g)       jekk il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 56 ma ġietx imħarsa (6).”

16.      L-Artikolu 24 ta’ din l-istess taqsima jipprovdi:

“Il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova tal-politika pubblika imsemmija fl-Artikol[u] [...] 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu [8] sa 14 (7).”

17.      It-Taqsima 4 tal-Kapitolu III, intitolat “L-infurzabilità ta’ ċerti sentenzi dwar id-drittijiet tal-aċċess u ċerti sentenzi li jeħtieġu r-ritorn tal-minuri”, tinkludi l-Artikoli 40 sa 45. L-Artikolu 40 intitolat “L-Iskop” jipprovdi:

“1.      Din it-taqsima għandha tapplika għal:

[…]

b)      ir-ritorn tal-minuri bħala konsegwenza ta’ sentenza mogħtija skond l-Artikolu 11(8).

2.      Id-disposizzjonijiet ta’ din it-Taqsima m’għandhomx iċaħħdu lil min għandu r-responsabbilità tal-ġenituri milli jfittex ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza skond id-disposizzjonijiet fit-Taqsima 1 u 2 ta’ dan il-Kapitolu.”

18.      Skont id-diċitura tal-Artikolu 42, intitolat “Ir-ritorn tal-minuri”:

“1.      Ir-ritorn tal-minuri imsemmija fl-Artikolu 40(1)(b) bħala konsegwenza ta’ sentenza tal-infurzar mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta u nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni tal-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li topponi r-rikonoxximent tagħha jekk is-sentenza ġiet iċċertifikata fl-Istat Membru tal-oriġini skond il-paragrafu 2.

Anke jekk il-liġi nazzjonali ma tipprovdiex għall-infurzabilità b’operat tal-liġi, minkejja kwalunkwe appell, ta’ xi sentenza li teħtieġ ir-ritorn tal-minuri imsemmija fl-Artikolu 11(b)(8), il-qorti tal-oriġini tista’ tiddikjara s-sentenza bħala nfurzabbli.

2.      L-Imħallef tal-oriġini li qata’ s-sentenza msemmija fl-Artikolu 40(1)(b) għandu joħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 biss jekk:

a)      il-minuri ingħata l-opportunità li jinstema, ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l-età jew livell ta’ maturità tiegħu;

(b)      il-partijiet ġew mogħtija opportunità li jinstemgħu; u

(ċ)      il-qorti kkunsidrat waqt li kienet qed taqta’ s-sentenza r-raġunijiet għal u x-xhieda wara tal-ordni maħruġa skond l-Artikolu 13 tal-[konvenzjoni].

Fil-każ li l-qorti jew kwalsijasi awtorità oħra tadotta miżuri biex tassigura l-protezzjoni tal-minuri wara r-ritorn tagħhom fl-Istat abitwali tar-residenza, iċ-certifikat għandu jinkludi fih id-dettalji dwar l-imsemmija miżuri.

L-Imħallef tal-oriġini għandu fuq mozzjoni tiegħu jew tagħha stess joħrog dak iċ-ċertifikat billi juża l-forma standard li tinstab fl-Anness IV (iċ-ċertifikat dwar ir-ritorn tal-minuri).

Iċ-ċertifikat għandu jiġi finalizzat fl-ilsien tas-sentenza.”

19.      Fost l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati f’dan ir-rigward tinsab, fil-punt 13 tal-Anness IV, l-attestazzjoni segwenti:

“Is-Sentenza tinvolvi li t-tfal jingħataw lura u li l-qorti tkun ikkunsidrat fil-ħruġ tas-sentenza tagħha r-raġunijiet għal u provi għad-deċiżjoni maħruġa skond l-Artikolu 13 tal-[konvenzjoni].”

20.      Skont l-Artikolu 43 tar-Regolament:

“1.      Il-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini għandha ssir applikabbli għal kull korrezzjoni fiċ-ċertifikat.

2. M’għandu jkun hemm l-ebda appell kontra l-ħrug taċ-ċertifikat skond l-Artikoli 41(1) [jew] 42(1)”.

21.      L-Artikolu 47 tar-Regolament, intitolat “Il-Proċedura tal-Infurzar”, jipprovdi:

“1.      Il-proċedura tal-infurzar hija rregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-infurzar.

2.      Kwalsijasi sentenza maqtugħa minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u ddikjarata li hija nfurzabbli skond it-Taqsima 2 jew li ġiet iċċertifikata skond l-Artikolu 41(1) jew l-Artikolu 42(1) għandha tiġi nfurzata fl-Istat Membru tal-infurzar bl-istess kondizzjonijiet daqs li kieku ġiet maqtugħa f’dak l-Istat Membru.

Partikolarment, sentenza li tkun ġiet iċċertifikata skond l-Artikolu 41(1) jew l-Artikolu 42(1) ma tistax tiġi nfurzata jekk ma tkunx konċiljabbli ma xi sentenza tal-infurzar sussegwenti”.

22.      L-Artikolu 53 tar-Regolament jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiddenomina wieħed jew iktar mill-awtoritajiet ċentrali biex jassistuh fl-applikazzjoni tar-Regolament. Skont l-Artikolu 55(ċ) tar-Regolament, waħda mill-funzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet, fil-kuntest ta’ kawżi speċifiċi għar-responsabbiltà tal-ġenituri, hija li “jiffaċilitaw il-komunikazzjonijiet bejn il-qrati, u partikolarment għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(6) and (7) u l-Artikolu 15”.

 Il-kuntest fattwali u proċedurali

23.      Hawnhekk ser nipproċedi bl-istess mod bħall-opinjoni tiegħi fil-każ Rinau (8), billi niġbor fil-qosor l-elementi prinċipali tal-kuntest fattwali u proċedurali tal-kawża, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju u mid-dokumenti annessi miegħu, fil-forma ta’ tabella sinottika.

Data

L-Italja

L-Awstrija

6.12.2006

Twelid tal-minuri; skont id-dritt Taljan, il-ġenituri għandhom kustodja komuni.

 

31.1.2008

L-omm titlaq mid-dar mal-minuri.

 

4.2.2008

Il-missier jitlob lit-Tribunale per i Minorenni di Venezia (qorti tal-minuri ta’ Venezia) il-kustodja esklużiva tal-minuri u l-projbizzjoni għall-omm li titlaq mit-territorju Taljan mal-minuri.

 

8.2.2008

It-Tribunale per i Minorenni di Venezia jipprojbixxi provviżorjament għall-omm li titlaq mill-Italja mal-minuri.

 
 

L-omm titlob il-kustodja esklużiva tal-minuri.

Minkejja l-projbizzjoni, l-omm tiċċaqlaq fl-Awstrija mal-minuri.

16.4.2008

 

Il-missier jitlob ir-ritorn tal-minuri abbażi tal-Konvenzjoni.

23.5.2008

Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar il-kustodja definittiva, it-Tribunale per i Minorenni di Venezia jordna opinjoni esperta psikoloġika u kuntatti regolari bejn il-minuri u l-missier, parzjalment fl-Italja u parzjalment fl-Awstrija, għand id-dipartimenti soċjali rispettivi, sabiex l-omm tkun tista’ tiċċaqlaq bejn iż-żewġ pajjiżi mal-minuri biex tippermetti l-kuntatti mal-missier, tneħħi l-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju; provviżorjament, hija tagħti d-dritt ta’ kustodja liż-żewġ ġenituri konġuntament u tippermetti lill-omm li żżomm il-minuri magħha fl-Awstrija, bl-unika setgħa ta’ deċiżjoni għall-ħajja ta’ kuljum tiegħu.

Inizjalment, il-qrati Awstrijaċi jinjoraw l-eżistenza u l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

6.6.2008

 

Fuq talba tal-omm, il-Bezirksgericht Judenburg (qorti kantonali ta’ Judenburg, kanton residenzjali tal-omm u tal-minuri) jipprojbixxi lill-missier milli jikkuntattja l-omm u l-minuri, minħabba li huwa kien qagħbar lill-omm.

3.7.2008

 

Abbażi tal-Artikolu 13(b) tal-Konvenzjoni (riskju gravi ta’ perikolu psikoloġiku f’każ ta’ separazzjoni mill-omm), il-Bezirksgericht Leoben (qorti kantonali ta’ Leoben, kanton li jappartjeni lil dak ta’ Judenburg) (9) tiċħad it-talba tal-missier (tas-16 ta’ April 2008) intiża sabiex jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri fl-Italja.

1.9.2008

 

B’appell tal-missier, il-Landesgericht Leoben (qorti reġjonali ta’ Leoben) tannulla d-digriet tat-3 ta’ Lulju 2008 abbażi tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament, inkwantu l-missier ma ngħatax smigħ xieraq mill-Bezirksgericht.

6.9.2008

 

Id-digriet tal-Bezirksgericht Judenburg tas-6 ta’ Ġunju 2008 skada, inkwantu laħaq it-terminu ta’ validità tiegħu.

21.11.2008

 

Il-Bezirksgericht Leoben tisma’ lill-missier u tiċħad mill-ġdid it-talba tiegħu, billi tiċċita din id-darba d-digriet tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tat-23 ta’ Mejju 2008 (li saret taf bih f’dak il-mument), li jipprevedi ż-żamma tal-minuri għand ommu fl-Awstrija.

7.1.2009

 

Il-Landesgericht Leoben tikkonferma ċ-ċaħda tat-talba tal-missier, li tirrigwarda l-motivazzjoni tal-Artikolu 13(b) tal-Konvenzjoni.

9.4.2009

Il-missier jitlob lit-Tribunale per i Minorenni di Venezia sabiex tordna r-ritorn tal-minuri skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament.

 

15.5.2009

L-omm tinvoka n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia, abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament; sussidjarjament, hija titlob ir-rinviju quddiem il-Bezirksgericht Judenburg, abbażi tal-Artikolu “15(b)(5)” (10) tar-Regolament.

 

30.4.2009 u 19.5.2009

It-Tribunale per i Minorenni di Venezia jisma’ r-rappreżentanti tal-partijiet, inkwantu l-omm ma tidhirx personalment, ir-rappreżentanti jiddikjaraw li lesti jiddiskutu pjan ta’ kuntatti bejn il-missier u l-minuri, li għandu jiġi ppreparat mill-espert maħtur mill-qorti.

 

26.5.2009

 

Fuq talba tal-omm (mhux innotifikata lit-Tribunale per i Minorenni di Venezia), il-Bezirksgericht Judenburg tiddikjara (mingħajr ma kienet semgħet il-missier) li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba għal kustodja fformulata mill-omm, “bis-saħħa tal-Artikolu 15(5)” tar-Regolament; hija titlob lit-Tribunale per i Minorenni di Venezia li tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha u li tibgħatilha l-proċeduri.

26.6.2009

Il-missier jiddikjara li huwa lest jikkonforma ruħu mal-pjan ta’ viżti li għandu jiġi stabbilit.

 

27.6.2009

L-omm tiddikjara li ma tridx taċċetta l-pjan ta’ viżti li għandu jiġi stabbilit, filwaqt li tinvoka diffikultajiet personali u biża’ għall-benesseri tal-minuri.

 

8.7.2009

L-espert jippreżenta l-proposta tiegħu tal-pjan ta’ kuntatti quddiem it-Tribunale per i Minorenni di Venezia, li tirċievi, fl-istess ġurnata, it-talba għal trasferiment tal-proċeduri tal-Bezirksgericht Judenburg.

 

10.7.2009

It-Tribunale per i Minorenni di Venezia tiċħad l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-omm, u tirrifjuta li tittrażmetti l-ġurisdizzjoni lill-Bezirksgericht Judenburg, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament mhumiex sodisfatti (is-sitwazzjoni mhijiex eċċezzjonali fis-sens tal-paragrafu 1, u r-rabta partikolari mal-Awstrija fis-sens tal-paragrafu 3 mhijiex stabbilita); hija tikkonstata li l-opinjoni esperta psikoloġika ma setgħetx titwettaq minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-omm; hija tordna r-ritorn immedjat tal-minuri fl-Italja, akkompanjata minn ommu (f’liema każ akkomodazzjoni soċjali jitqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha u kalendarju ta’ viżti jiġi stabbilit) jew għand missieru, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid ir-relazzjoni bejn il-missier u l-minuri; u hija tiċċertifika d-deċiżjoni tagħha konformament mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament.

 

25.8.2009

 

Il-Bezirksgericht Judenburg jagħti l-kustodja provviżorja lill-omm, minħabba li ritorn fl-Italja jkun perikoluż għall-aħjar interess tal-minuri. Id-deċiżjoni tagħha hija nnotifikata lill-missier, mingħajr traduzzjoni u mingħajr informazzjoni dwar id-dritt għar-rifjut ta’ aċċettazzjoni.

22.9.2009

 

Il-missier jitlob lill- Bezirksgericht Leoben l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn tat- Tribunale per i Minorenni di Venezia tal-10 ta’ Lulju 2009, filwaqt li jinvoka l-Artikolu 47 tar-Regolament.

23.9.2009

 

Il-Bezirksgericht Judenburg tiċċertifika li d-digriet tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2009 saret res judicata u għandha tiġi infurzata.

12.11.2009

 

Il-Bezirksgericht Leoben tiċħad it-talba ta’ infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia, minħabba li r-ritorn tal-minuri għand il-missier jesponih għal perikolu psikoloġiku.

30.11.2009

 

Il-missier jappella kontra d-deċiżjoni tal-Bezirksgericht Leoben tat-12 ta’ Novembru 2009.

20.1.2010

 

Il-Landesgericht Leoben jilqa’ l-appell tal-missier, filwaqt li jinvoka applikazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

16.2.2010

 

L-omm tippreżenta rikors għal “Reviżjoni” quddiem l-Oberster Gerichtshof kontra d-deċiżjoni tal-Landesgericht Leoben tal-20 ta’ Jannar 2010.

20.4.2010

 

L-Oberster Gerichtshof tagħmel ħames domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li titlob li dawn jiġu trattati taħt proċedura b’urġenza.

3.5.2010

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari tasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 Id-domandi rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Il-qorti tar-rinviju tammetti li, skont is-sentenza Rinau (11), meta ċertifikat inħareġ abbażi tal-Artikolu 42 tar-Regolament, il-qorti li tinforza s-sentenza tista’ biss tikkonstata l-infurzabbiltà ta’ deċiżjoni mogħtija abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament u taċċetta r-ritorn immedjat tal-wild. L-eżami tal-mertu tad-deċiżjoni tal-qorti Taljana hija għalhekk bħala prinċipju eskluża. Bl-istess mod, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali ta’ din il-qorti ma jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ rikors għal “Reviżjoni”. Madankollu, ċerti punti jirrikjedu fil-fehma tagħha eżami iktar dettaljat.

25.      Għaldaqstant, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tagħmel il-ħames domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      B’“sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri” fis-sens tal-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament [...] għandu jinftiehem ukoll bħala miżura provviżorja, li permezz tagħha “is-setgħa ta’ deċiżjoni tal-ġenitur” u b’mod partikolari d-dritt li jiddetermina l-post ta’ residenza huwa attribwit lill-ġenitur li ħataf lil minuri, sakemm tingħata deċiżjoni finali rigward id-dritt tal-kustodja?

2.      Digriet li jordna ritorn jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament biss meta l-qorti tordna r-ritorn abbażi ta’ deċiżjoni dwar id-dritt tal-kustodja mogħtija minnha stess?

3.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1 jew 2:

(a)      In-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini (domanda 1) jew l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament (domanda 2) jistgħu jiġu invokati fit-tieni Stat kontra l-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata mill-qorti tal-oriġini skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament,

(b)      jew jeħtieġ, f’tali każ, li l-parti li qed topponi titlob ir-revoka taċ-ċertifikat fl-Istat tal-oriġini, li jippermetti sospensjoni tal-eżekuzzjoni fit-tieni stat sakemm tingħata deċiżjoni fl-Istat tal-oriġini?

4.      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għad-domandi 1 u 2, jew għad-domanda 3(a):

Deċiżjoni li tingħata minn qorti tat-tieni Stat, li tagħti l-kustodja provviżorja lill-ġenitur li ħataf lil minuri u li titqies bħala infurzabbli skont id-dritt ta’ dan l-Istat, tipprekludi, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament, l-infurzar ta’ digriet li jordna r-ritorn mogħti preċedentement fl-Istat ta’ oriġini skont l-Artikolu 11(8) tal-imsemmi regolament, anki jekk ma tipprekludix l-infurzar ta’ deċiżjoni li tordna ritorn mogħtija mit-tieni stat skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag?

5.      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għad-domanda 4:

a)      L-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata li fir-rigward tagħha l-qorti tal-Istat tal-oriġini ħarġet ċertifikat skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament tista’ tiġi rrifjutata fit-tieni stat meta tpoġġi f’riskju serju l-aħjar interessi tal-minuri, minħabba li nbidlu ċ-ċirkustanzi minn meta ngħatat din id-deċiżjoni?

b)      jew il-parti li qed topponi għandha tinvoka l-bidla f’dawn iċ-ċirkustanzi fl-Istat ta’ oriġini abbażi tal-premessa li jista’ jkun hemm sospensjoni tal-eżekuzzjoni fit-tieni stat sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Istat tal-oriġini?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Peress li l-kawża hija suġġetta għal proċedura b’urġenza rregolata permezz tal-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura, osservazzjonijiet bil-miktub ġew imressqa mill-gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea biss, bl-eċċezzjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali, li għandhom il-kompetenza sabiex jintervjenu f’dan l-istadju. L-istess partijiet, kif ukoll il-gvern Ċek, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Litwan, Sloven u tar-Renju Unit kienu rappreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2010. Il-ġenituri, minkejja li għandhom il-kompetenza sabiex iressqu osservazzjonijiet bil-miktub u sabiex jiġu rappreżentati fis-seduta, ma għamlux użu, f’dan il-każ, tad-dritt tagħhom.

 Analiżi

 Rimarki preliminari

27.      L-interrogazzjonijiet tal-Oberster Gerichtshof tqajmu, b’mod sinjifikattiv, permezz tal-perċezzjoni ta’ kunflitt bejn l-interpretazzjoni litterali u l-interpretazzjoni teleoloġika ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament. Jidher għalhekk importanti li wieħed iżomm f’moħħu t-tliet prinċipji fundamentali wara d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament u li għandhom jiggwidaw kull interpretazzjoni teleoloġika (12).

28.      L-ewwel nett, ir-regolament huwa bbażat fuq is-supremazija tal-interess tal-wild u r-rispett tad-drittijiet tiegħu. Barra l-ħsieb li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’kull każ, l-aħjar interess tal-wild innifsu, din l-idea hija espressa, b’mod partikolari, fir-regola ġenerali li skontha huma l-qrati tal-post tar-residenza tiegħu li huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jirregolaw kull kwistjoni dwar il-kustodja jew ir-responsabbiltà tal-ġenituri u li għandhom għalhekk ikollhom bħala prinċipju l-ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, jidhirli li, jekk il-qorti msejħa tieħu deċiżjoni f’każ partikolari għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess partikolari ta’ kull wild ikkonċernat, l-interpretazzjoni tar-Regolament għandu jiġi bbażat fuq kunċett iktar globali tal-aħjar interess tal-wild, applikabbli b’mod ġenerali.

29.      It-tieni nett, ir-regolament jipprova jiggarantixxi li kull tneħħija illegali tal-wild tibqa’ bla effett legali, sakemm ma tiġix aċċettata sussegwentement mill-partijiet l-oħra interessati. F’din il-perspettiva, dan jipprevedi, minn naħa, mekkaniżmu kważi awtomatiku għall-ksib tar-ritorn tal-wild mingħajr dewmien u, min-naħa l-oħra, jillimita b’mod strett ħafna l-possibiltajiet ta’ trasferiment ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru tat-tneħħija illegali, filwaqt li jippermetti lill-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti li ma jagħtux deċiżjoni eventwali ta’ żamma meħuda abbażi tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni.

30.      B’hekk, anki fil-qasam limitat tar-responabbiltà tal-ġenituri u tat-tneħħija illegali tal-wild, ir-regolament għandu tal-inqas żewġ għanijiet – il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali tal-wild, u r-ritorn ta’ dan tal-aħħar, wara tneħħija illegali, fl-Istat tar-residenza abitwali preċedenti tiegħu – li jistgħu jkunu parzjalment inkompatibbli, tal-inqas jekk tneħħija tiġi mtawla fiż-żmien, b’tali mod li l-wild kiseb residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru tat-tneħħija.

31.      It-tielet nett, ir-regolament jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jkollhom livell għoli ta’ fiduċja reċiproka, li tillimita għall-minimu neċessarju r-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor u jirrendi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ dawn id-deċiżjonijiet kważi awtomatiċi. Barra minn dan, u fl-istess ħsieb, dan jipprevedi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u jinkoraġixxi lill-qrati nazzjonali sabiex jużawh.

32.      Żewġ aspetti oħra tar-Regolament jimmeritaw ukoll, fil-fehma tiegħi, li jiġu enfasizzati.

33.      Minn naħa, ir-regolament jipprevedi biss regoli dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar. Dan ma jirrigwarda b’ebda mod il-kwistjonijiet tal-merti. Kuntrarjament għal dak li qisu qed isostni l-gvern Awstrijak matul is-seduta, l-applikazzjoni tar-Regolament ma tirrilevax minn “integrazzjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-minuri”, iżda timmira sabiex tiddetermina ċarament, fis-sitwazzjonijiet transkonfinali, il-qorti kompetenti u sabiex tiżgura li l-qrati l-oħra jkollhom fiduċja fid-deċiżjonijiet tagħha, billi l-qrati kollha tal-Istati Membri għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom billi jagħtu preċedenza lill-aħjar interess tal-wild ikkonċernat.

34.      Min-naħa l-oħra, dan jippreżumi u anki, f’ċertu każijiet, jeżiġi li l-qrati u l-partijiet jaġixxu malajr fir-rigward ta’ tneħħija jew żamma illegali (13) ta’ wild. Jekk din l-azzjoni mħaffa ma hijiex żgurata fir-realtà, l-applikazzjoni tar-Regolament tbati, kif jidher f’dan il-każ. B’mod partikolari, ir-regolament għandu l-għan li jevita li sitwazzjoni tikkomplika ruħha minħabba rabtiet ġodda li l-wild seta’ għamel mal-Istat Membru tat-tneħħija illegali.

35.      Fl-aħħar, jeħtieġ li jitfakkru l-istadji suċċessivi tal-proċedura prevista mill-konvenzjoni u r-regolament f’każ ta’ tneħħija illegali (u kkontestat). L-ewwel nett, il-ġenitur abbandunat għandu jibda każ, abbażi tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni, quddiem il-qrati tal-Istat Membru tat-tneħħija, sabiex jikseb digriet ta’ ritorn. Din it-talba għandha tintlaqa’, ħlief jekk hemm raġuni eċċezzjonali għal rifjut, fosthom dawk elenkati fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni, u jekk, fil-każ ta’ rifjut ibbażat fuq il-punt (b) ta’ dan l-artikolu, ma huwiex stabbilit li l-miżuri xierqa ttieħdu sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-wild wara r-ritorn tiegħu (ara l-Artikolu 11(4) tar-Regolament. Fil-każijiet kollha, id-deċiżjoni għandha tittieħed, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, f’terminu ta’ sitt ġimgħat (Artikolu 11(3) tar-Regolament). Fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ żamma, din tal-aħħar għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti, u l-partijiet (prinċipalment il-ġenituri) għandhom ikollhom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom quddiem il-qorti kompetenti ta’ dan l-Istat. Jekk ikun il-każ, din l-aħħar qorti tista’ tordna madankollu r-ritorn tal-wild (Artikolu 11(8) tar-Regolament) u d-deċiżjoni tagħha tkun direttament infurzabbli fl-Istat Membru tat-tneħħija jekk hija ċċertifikata konformi mal-Artikolu 42 tar-Regolament. Madankollu, tali ċertifikazzjoni hija possibbli biss jekk il-qorti ħadet inkunsiderazzjoni r-raġunijiet u l-provi wara d-deċiżjoni ta’ żamma. Barra minn dan, qorti li tordna r-ritorn f’dawn iċ-ċirkustanzi għandha tinforma l-awtoritajiet tal-Istat Membru tat-tneħħija.

 Fuq l-ewwel domanda

36.      L-Oberster Gerichtshof tistaqsina jekk miżura provviżorja li tattribwixxi “s-‘setgħa ta’ deċiżjoni tal-ġenitur’, b’mod partikolari d-dritt li jiddetermina l-post ta’ residenza”, lill-ġenitur li ħataf il-wild, sakemm tingħata d-deċiżjoni ta’ kustodja definittiva, għandhiex tiġi meqjusa bħala “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] it-talba tar-ritorn tal-minuri” fis-sens tal-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament (14).

37.      Fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, għandu jiġi ddeterminat jekk, abbażi tad-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Mejju 2008, it-Tribunale per i Minorenni di Venezia tilfitx il-ġurisdizzjoni li kieku kienet iżżomm bis-saħħa tar-regola ġenerali tal-Artikolu 10 tar-Regolament, bħala qorti tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija illegali tiegħu. Fil-fatt, l-Oberster Gerichtshof iqis li l-wild issa kiseb residenza abitwali ġdida fl-Awstrija u li, għalkemm il-kundizzjoni taħt l-inċiż (a) ta’ dan l-artikolu (f’dan il-każ, il-kunsens tal-missier) ma kinitx sodisfatta, min-naħa l-oħra, l-ewwel żewġ kundizzjonijiet imposti fl-alternattiva, taħt l-inċiż (b) huma sodisfatti (jiġifieri li l-wild irrisjeda fl-Awstrija għal perijodu ta’ għall-inqas sena wara li missieru kellu informazzjoni fejn qiegħed il-wild u li l-wild ġie ssistemat fl-ambjent ġdid tiegħu). Jekk tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet addizzjonali, innumerati minn (i) sa (iv) hija sodisfatta wkoll, il-ġurisdizzjoni ġenerali tgħaddi għand il-qrati tal-Awstrija, l-Istat Membru tar-residenza abitwali ġdida tal-wild. L-Oberster Gerichtshof tiskarta l-kundizzjonijiet (i) sa (iii), iżda tikkunsidra li, jekk – kif sostnut mill-omm – id-deċiżjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tat-23 ta’ Mejju 2008 hija “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri”, il-kundizzjoni (iv) hija sodisfatta.

38.      L-Oberster Gerichtshof hija madankollu tal-fehma li, skont interpretazzjoni teleoloġika, din il-kundizzjoni ma għandhiex titqies li ġiet sodisfatta – anki jekk, skont interpretazzjoni litterali, id-deċiżjoni inkwistjoni hija sewwa sew “sentenza dwar kustodja”, meta din tirrigwarda l-kustodja tal-wild, anki jekk provviżorjament, u ma timplikax ir-ritorn tiegħu, tal-inqas fl-immedjat.

39.      Ir-raġunament tagħha huwa, essenzjalment, is-segwenti. Meta deċiżjoni ta’ kustodja definittiva ma timplikax ir-ritorn tal-wild, ma hemm ebda raġuni li tinżamm il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti. Il-qrati tal-Istat ġdid ta’ residenza abitwali huma dejjem iktar adattati sabiex jagħtu deċiżjonijiet ulterjuri dwar il-wild, u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament jistgħu jinftiehmu u huma raġonevoli. Min-naħa l-oħra, jekk awtorizzazzjoni provviżorja li l-wild jitħalla għand “il-ġenitur ħattaf” hija intiża biss sabiex tevita t-tneħħija tal-wild sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva, l-interpretazzjoni litterali, li ttellef il-qorti tar-residenza abitwali preċedenti mill-ġurisdizzjoni tagħha, tipprekludi lil din il-qorti milli tagħti d-deċiżjoni definittiva tagħha. Madankollu, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tar-Regolament, din il-qorti għandha titlef il-ġurisdizzjoni tagħha biss jekk il-proċedura dwar il-kustodja tlestiet mingħajr digriet ta’ ritorn. Il-gvern Awstrijak jaqbel kompletament ma’ dan ir-raġunament.

40.      Fl-istess ħsieb, il-Kummissjoni tenfasizza r-riskju li qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tiġi dissważa milli tadotta deċiżjoni ta’ kustodja provviżorja li tħalli l-wild fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ġdida, u li jkun fl-interess tal-wild, minħabba l-biża’ li tiċċaħħad mill-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tagħti deċiżjoni definittiva sussegwentement. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li, bħala eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali taż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti, il-kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ ġurisdizzjoni innumerati fl-Artikolu 10 tar-Regolament għandhom jirċievu intrepretazzjoni stretta iktar milli wiesgħa.

41.      L-Istati Membri rrappreżentati fis-seduta, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja, kollha ddefendew essenzjalment l-istess perspettiva.

42.      Nista’ naqbel, ġeneralment, ma’ din il-perspettiva, anki jekk inqis li jeħtieġ li tingħata xejra differenti lil ċerti dettalji u li jiġu eżaminati ċerti kunsiderazzjonijiet oħra, li jmorru fis-sens kuntrarju u ma jistgħux jiġu skartati mill-ewwel.

43.      L-ewwel nett, nosserva li r-riflessjonijiet tal-Oberster Gerichtshof huma bbażati f’ċerta miżura fuq ir-raġunijiet li inkoraġixxu lit-Tribunale per i Minorenni di Venezia sabiex jagħti l-kustodja provviżorja lill-omm. Madankollu, neżita milli nsegwi tali approċċ. Bħala prinċipju, ma jidhirlix li huwa mixtieq li r-regolament jiġi interpretat abbażi tal-motivazzjoni speċifika ta’ deċiżjoni ta’ kustodja individwali. Jeħtieġ pjuttost li jiġi ddeterminat jekk divrenzjar oġġettiv jistax jiġi dedott mill-fatt li d-deċiżjoni tkun provviżorja jew le. Barra minn hekk, jeżisti dejjem perikolu li l-qorti ta’ Stat Membru tinterpreta b’mod żbaljat il-motivazzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru ieħor (15). Ser nipprova għalhekk nanalizza l-kwistjoni billi nsegwi approċċ iktar ġenerali.

44.      Sussegwentement, neżita, f’kuntest bħal dan tal-aħħar, sabiex napplika mingħajr aġġustament ieħor il-prinċipju li skontu l-eċċezzjonijiet jew derogi għal regola għandhom jirċievu interpretazzjoni stretta. Fil-fatt, fil-każ tal-Artikolu 10, jekk ir-regola taż-żamma tal-qorti tar-residenza abitwali preċedenti tikkorispondi għal wieħed mill-prinċipji fundamentali tar-Regolament – jiġifieri, dak li tipprekludi l-att illegali tal-ġenitur ħattaf minn kull effett legali – l-eċċezzjoni tikkorrispondi għal prinċipju fundamentali ieħor, billi din hija regola ta’ ġurisdizzjoni “fformata fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju tal-qrubija” (16).

45.      Fl-aħħar, għandu jiġi rikkonoxxut li – anki jekk ir-riżultat irrikkmandat mill-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni u l-kważi totalità tal-Istati Membri rrappreżentati fis-seduta jista’ jidher seduċenti – ċerti argumenti jistgħu jimmilitaw kontrih. Dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

46.      L-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament jittratta sitwazzjoni li fiha l-wild irrisjeda tal-inqas sena fl-Istat Membru tat-tneħħija illegali, fejn huwa kiseb residenza abitwali ġdida u ġie ssistemat fl-ambjent ġdid tiegħu, u li fiha mhux biss il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tiegħu ma tawx, matul dan il-perijodu, deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-kustodja tal-wild, iżda anki qisu li – tabilħaqq temporanjament, iżda f’kull każ matul il-perijodu kkonċernat ta’ mill-inqas sena – l-aħjar interess tiegħu ried li huwa jibqa’ fl-Istat Membru ta’ tneħħija. Fid-dawl tal-mogħdija taż-żmien, huwa probabbli ħafna li dawn il-qrati jkollhom diffikultajiet ikbar biex jiġu infurmati dwar is-sitwazzjoni u l-entourage attwali tal-wild (pereżempju, permezz ta’ opinjonijiet esperti psikoloġiċi, rapporti tad-dipartimenti soċjali u/jew, skont l-età tal-wild, ta’ interrogazzjoni diretta). Barra minn dan, dawn il-qrati jinsabu fi Stat Membru li fih il-wild, mingħajr dubju, qed jitlef progressivament il-kuntatt. F’tali ċirkustanzi, il-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-qorti l-iktar qrib tal-wild ma għandhiex tippreċedi ż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-residenza abitwali preċedenti?

47.      Ma naħsibx li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fil-pożittiv.

48.      Meta wild ġie mċaqlaq illegalment fi Stat Membru ieħor, l-għan immedjat tar-Regolament u tal-Konvenzjoni huwa li jiġi żgurat ir-ritorn mgħaġġel tiegħu, sabiex iċaħħad lill-“ġenitur ħattaf” minn kull vantaġġ prattiku jew ġuridiku li seta’ jispera jieħu mis-sitwazzjoni (17). Jekk dan l-għan jitwettaq b’mod effikaċi, dan jipproduċi wkoll effett dissważiv kunsiderabbli. Madankollu, kif spjegat fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni li tippreċedi l-adozzjoni tar-Regolament (18), “jista’ javvera ruħu leġittimu f’ċerti każijiet li s-sitwazzjoni ta’ fatt maħluqa bil-ħtif ta’ wild jipproduċi bħala effett legali t-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni. Jeħtieġ għal dan il-għan jinsab ekwilibriju bejn l-opportunità li l-qorti li hija l-iktar qrib tal-wild tkun tista’ tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni u n-neċessità li jiġi prekluż li l-awtur tal-ħtif jieħu vantaġġ mill-att illegali tiegħu [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

49.      Huwa dan l-ekwilibriju – bejn żewġ prinċipji li identifikajt iktar ’il fuq (19) – li l-Artikolu 10 tar-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi fil-konfront, l-ewwel nett, tal-ġurisdizzjoni ġenerali fir-rigward ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u, sussidjarjament, permezz tal-Artikolu 11(8) tal-istess regolament, il-ġurisdizzjoni speċjali biex jiġi ordnat ir-ritorn tal-wild.

50.      Fir-rigward tat-tneħħijiet illegali, il-prinċipju bażiku, intiż sabiex jipprekludi l-“ġenitur ħattaf” minn kull vantaġġ li jirriżulta mill-att illegali tiegħu, jeżiġi ż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti. Dan il-prinċipju jgħodd mhux biss għall-ġurisdizzjoni ġenerali iżda wkoll, u a fortiori, għall-ġurisdizzjoni biex jiġi ordnat ir-ritorn.

51.      Madankollu, jidher għalkollox raġonevoli – u konformi mar-riċerka ta’ ekwilibriju deskritta iktar ’il fuq – li jiġi previst, kif inhu previst fl-Artikolu 10(a) tar-Regolament, li l-kisba ta’ residenza abitwali ġdida, akkumpanjata bil-kunsens ta’ kull persuna li għandha d-dritt ta’ kustodja, tista’ titrasferixxi din il-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ġdida. F’dan il-każ, il-ġurisdizzjoni biex jiġi ordnat ir-ritorn tal-wild ma għandhiex iktar raġuni li teżisti.

52.      Jista’ jidher ukoll raġonevoli li jiġi previst l-istess trasferiment ta’ ġurisdizzjoni kull darba li l-wild mhux biss kiseb residenza abitwali ġdida, iżda wkoll irrisjeda fl-Istat Membru ġdid għal iktar minn sena u ġie ssistemat fl-ambjent ġdid tiegħu, anki fin-nuqqas ta’ kunsens espliċitu tal-partijiet kollha li għandhom id-dritt ta’ kustodja. Din hija, fil-fatt, is-soluzzjoni applikata fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 (20), li tidher li hija konformi mal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-residenza abitwali, fl-aħjar interess tal-wild. Madankollu, għalkemm jirriżulta mill-ħidmiet preparatorji li jippreċedu l-adozzjoni tar-Regolament li numru ta’ delegazzjonijiet kienu favur din is-soluzzjoni (21), huwa finalment approċċ iktar esiġenti li ġie magħżul b’mod intenzjonali, li jillimita t-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni strettament għall-erba’ każijiet elenkati b’mod limitat fit-test finali tal-Artikolu 10(b) tar-Regolament.

53.      L-ewwel tliet każijiet jimplikaw, fil-fatt, il-kunsens taċitu tad-detenturi ta’ dritt ta’ kustodja (jiġifieri, normalment, il-ġenitur abbandunat), sa fejn ebda talba għar-ritorn tal-wild ma ġiet ifformulata fl-Istat Membru tat-tneħħija illegali, jew inkella jekk tali talba ġiet irtirata jew irrifjutata mingħajr ma l-applikant ma segwa l-proċedura skont l-Artikolu 11(7) u (8) tar-Regolament, fl-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti.

54.      Ir-raba’ każ, li jinteressana hawnhekk, huwa dak ta’ deċiżjoni ta’ kustodja li ma jimplikax ir-ritorn tal-wild, mogħtija minn qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti. Dan ma huwiex każ ta’ kunsens taċitu, min-naħa ta’ din il-qorti, għat-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni, iżda pjuttost ta’ deċiżjoni li tapprova l-kisba mill-wild ta’ residenza abitwali ġdida fi Stat Membru ieħor, li timplika t-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni. Għalhekk, filwaqt li, meta wild ibiddel ir-residenza abitwali billi jiċċaqlaq legalment minn Stat Membru għal ieħor, it-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni jseħħ awtomatikament bis-saħħa tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament, f’każ ta’ tneħħija illegali, il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti għandha tillegalizza din it-tneħħija billi tapprovaha biex tilħaq l-istess riżultat.

55.      Ma huwiex ikkontestat li tali approvazzjoni hija espressa b’deċiżjoni li għandha bħala għan li tirregola l-kwistjoni tal-kustodja b’mod duratur, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 10(b) tar-Regolament (residenza abitwali ġdida għal iktar minn sena, integrazzjoni fl-ambjent il-ġdid) jiġu sodisfatti. Skont interpretazzjoni litterali (il-gvern Sloven enfasizza d-definizzjoni wiesgħa ħafna tal-kelma “sentenza” fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament), l-istess japplika għal deċiżjoni provviżorja, intiża sabiex tiġi ssostitwita b’deċiżjoni permanenti ulterjuri.

56.      Madankollu, jiena ma naħsibx li dan għandu jkun il-każ. Il-perijodu ta’ sena li jikkundizzjona t-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni fil-każijiet previsti kollha fl-Artikolu 10(b) tar-Regolament jimplika ċarament, fl-ewwel tliet każijiet, data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni jew għall-konferma ta’ talba intiża għar-ritorn tal-wild. Ikun għalhekk ta’ stagħġib – u inkoerenti – jekk, fir-raba’ każ, din timplika data ta’ skadenza għat-tmiem tal-proċedura. Madankollu, l-inklużjoni tad-deċiżjonijiet provviżorji fil-kunċett ta’ “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri”. F’dan il-każ, qorti li ma tkun ħadet ebda “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [immedjatament] [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri” iżżomm il-ġurisdizzjoni tagħha sal-aħħar tal-proċedura, filwaqt li qorti li tat sentenza tali (li jista’ jkun mixtieq fl-interess tal-wild) timponi, għalhekk, data ta’ skadenza għat-teħid tad-deċiżjoni iktar permanenti tagħha.

57.      Meta qorti li għandha tagħti deċiżjoni dwar il-kustodja ta’ wild, u speċjalment meta din il-kawża tirriwgarda l-kuntest ta’ tneħħija illegali, hija għandha ħafna drabi tiffaċċja diffikultà ikbar. L-ostinazzjoni tal-ġenituri tista’ twassal lil wieħed mill-ġenituri sabiex juża l-proċeduri disponibbli kollha bl-għan ta’ rkupru tal-wild. F’ċerti każijiet, il-ġenitur ikkonċernat jista’ jiżbalja liema rimedju jagħżel, f’oħrajn, huwa jista’ jużahom konxjament. Barra minn dan, billi l-qrati ta’ żewġ Stati Membri huma neċessarjament ikkonċernati, il-proċeduri fi Stat jistgħu jdewmu dawk fl-Istat l-ieħor, u eventwali nuqqas ta’ komunikazzjoni tista’ ttawwal anki iktar dawn it-termini. Madankollu, fil-każijiet kollha, hemm perikolu reali li t-tul tal-proċedura jaħrab, bħala fatt, għall-istħarriġ tal-qorti li għandha tagħti deċiżjoni fl-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti.

58.      Dan il-każ ma huwiex illustrattiv. L-ewwel nett, jidher li l-Bezirksgericht Leoben ċaħdet it-talba għal ritorn magħmula mill-missier abbażi tal-Konvenzjoni biss fit-3 ta’ Lulju 2008, xi ħdax-il ġimgħa wara t-tressiq ta’ din it-talba fis-16 ta’ April 2008, filwaqt li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament jimponi terminu massimu ta’ sitt ġimgħat, “ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli”. Sussegwentement, wara dan ir-rifjut, minflok indirizza ruħu direttament għand it-Tribunale per i Minorenni di Venezia għall-kisba ta’ digriet skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament, il-missier appella mir-rifjut fl-Awstrija – darbtejn, għax l-ewwel rifjut ġie annullat u rifjut ġdid deċiż. Barra minn dan, anki wara r-rifjut tat-tieni appell tiegħu, fis-7 ta’ Jannar 2009, il-missier stenna tliet xhur qabel ma għamel it-talba skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament (22). Matul dan il-perijodu kollu, il-miżuri li t-Tribunale per i Minorenni di Venezia kien ippreveda sabiex ikun suffiċjentement informat biex jagħti deċiżjoni permanenti dwar il-kustodja tal-wild (kuntatti mal-missier, rapport ta’ espert psikologu) – miżuri li kienu, preċiżament, immotivaw id-deċiżjoni li l-wild jitħalla provviżorjament għand l-omm fl-Awstrija – ma ġewx imwettqa tajjeb, minħabba l-assenza totali ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-omm. Għalhekk, għadda perijodu ta’ sena, mingħajr ma dan ma jista’ jiġi attribwit la għall-kunsens tal-missier u lanqas għan-nuqqas ta’ xi azzjoni min-naħa tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia (23).

59.      Madankollu, il-qorti li quddiemha tressaq il-każ l-ewwel għandha ta’ spiss tieħu miżuri provviżorji immedjati, sabiex tieħu l-prekawzjonijiet l-iktar mgħaġġla, sakemm tistenna li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi neċessarji kollha biex tieħu deċiżjoni permanenti fir-rigward tal-kustodja tal-wild. Huwa preċiżament dak li seħħ f’dan il-każ. Ma huwiex konċepibbli li l-leġiżlatur ried li l-ġurisdizzjoni tkun trasferita awtomatikament wara sena f’tali sitwazzjoni, filwaqt li l-ewwel qorti kien jibqa’ jkollha l-ġurisdizzjoni kieku din il-qorti ma kellhiex tieħu miżura provviżorja immedjata li tirrinvija għal data ulterjuri d-deċiżjoni permanenti fir-rigward tal-kustodja. Dan iwassal sabiex jinterrompi l-kors ta’ proċedura mibdija quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, għar-raġuni biss li l-qorti kienet adottat miżura provviżorja li hija qieset neċessarja.

60.      Għall-kuntrarju, huwa biss jekk id-dekorrenza taż-żmien huwa akkumpanjat bil-kunsens tal-ġenitur li għamel it-talba – li jtemm b’mod definittiv kull proċedura diġà mibdija, jew li jeskludi kull proċedura ulterjuri, li kienet twassal għal digriet ta’ ritorn eżekuttiv bis-saħħa tal-Artikoli 11(8) u 42 tar-Regolament – jew b’deċiżjoni tal-qorti ta’ ġurisdizzjoni li quddiemha tressaq il-każ, li ttemm l-istanza ppreżentata quddiemha u li ma timplikax ir-ritorn tal-wild, li t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru tat-tneħħija illegali jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi ġġustifikat. Għalhekk, l-erba’ każijiet previsti fl-Artikolu 10(b) tar-Regolament għandhom kollha bażi koerenti f’deċiżjoni, espliċita jew impliċita, li teskludi r-rikors ulterjuri għall-mekkaniżmu tal-Artikoli 11(8) u 42 tar-Regolament.

61.      Matul is-seduta, il-kwistjoni qamet dwar kif il-qorti tal-Istat Membru tat-tneħħija illegali tista’ tiddetermina b’ċertezza jekk id-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti għandhiex natura provviżorja jew definittiva. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-kustodja ta’ wild huma dejjem, per se, suġġetti għall-possibbiltà ta’ reviżjoni skont bidla ta’ ċirkustanzi u għalhekk qatt ma jkollhom l-istess livell ta’ finalità bħal parti l-kbira tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji l-oħra (24). Barra minn dan, id-differenzi ta’ proċedura u ta’ terminoloġija bejn is-sistemi legali tal-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-funzjoni ta’ distinzjoni bejn deċiżjoni provviżorja u deċiżjoni “definittiva” inqas faċli.

62.      Jidhirli li r-risposta għandha tinsab fil-kriterju espress mill-gvern Franċiż, jiġifieri deċiżjoni ta’ kustodja għandha tiġi kkunsidrata bħala provviżorja sakemm il-qorti ma tkunx “tat deċiżjoni definittiva dwar il-kawża mressqa quddiemha”. Huwa biżżejjed għalhekk li jiġi eżaminat – bl-għajnuna, jekk ikun hemm bżonn, tal-awtoritajiet ċentrali rilevanti – jekk, fil-proċedura kkonċernata, għadx baqa’ miżuri li għandhom jittieħdu, mingħajr ma jkun neċessarju li titressaq kawża ġdida quddiem il-qorti.

63.      Għaldaqstant, nasal għall-konklużjoni li l-għanijiet tar-Regolament jipprekludu interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 10(b)(iv) u li miżura provviżorja li tattribwixxi l-kustodja ta’ wild lill-ġenitur li ħatfu sakemm tingħata d-deċiżjoni ta’ kustodja definittiva (jew permanenti) ma hijiex “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

64.      L-Oberster Gerichtshof tistaqsi jekk digriet ta’ ritorn jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament biss meta l-qorti tagħtih abbażi ta’ deċiżjoni ta’ kustodja mogħtija minnha nfisha.

65.      Hija tispjega li l-omm issostni li biss digriet ta’ ritorn mogħti abbażi ta’ deċiżjoni ta’ kustodja jaqa’ taħt l-Artikolu 11(8) tar-Regolament. Id-deċiżjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tal-10 ta’ Lulju 2009, li l-missier jitlob l-infurzar tagħha, ma hijiex ibbażata fuq deċiżjoni ta’ kustodja u għalhekk, ma taqax taħt din id-dispożizzjoni.

66.      L-Oberster Gerichtshof tammetta, ġustament, li tali interpretazzjoni ma hijiex elaborata la mid-diċitura tad-dispożizzjoni – li titkellem, mingħajr kwalifika, ta’ “kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrikjedi r-ritorn tal-minuri” – u lanqas mis-sentenza Rinau (25) – li tenfasizza l-awtonomija proċedurali tad-deċiżjoni li tiġi wara deċiżjoni ta’ żamma –, iżda tqis li din ma tistax tiġi eskluża fil-kuntest ta’ interpretazzjoni sistematika u teleoloġika. Minn naħa, jirriżulta mill-Artikolu 11(7) tar-Regolament li l-iskema tal-paragrafi (6) sa (8) li tagħti l-aħħar kelma lill-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti, hija ġġustifikata biss jekk id-digriet ta’ ritorn huwa bbażat fuq miżura dwar il-kustodja li timplika r-ritorn tal-wild. Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni tirrendi iktar koerenti s-sistema tal-Artikoli 10 u 11 fit-totalità tagħhom.

67.      Nippreċiża mill-bidu nett li ma jiena b’ebda mod konvinta li l-kunsiderazzjonijiet esposti mill-qorti tar-rinviju għandhom iwasslu għall-riżultat irrikkmandat. Kif spjegajt fil-kuntest tal-ewwel domanda, l-għan ewlieni tal-Konvenzjoni huwa li tiżgura, ħlief f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, ir-ritorn immedjat tal-wild, qabel ma d-domanda tal-kustodja jew tar-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżaminata. L-Artikolu 11 tar-Regolament huwa intiż sabiex isaħħaħ dan id-dispożittiv, dejjem fil-perspettiva ta’ ritorn mingħajr dewmien – u mhux wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-kustodja, wara proċedura li tista’ tkun waħda twila.

68.      L-Oberster Gerichtshof tikkunsidra madankollu – u din il-perspettiva ġiet difiża wkoll minn numru ta’ Stati Membri matul is-seduta – li digriet ta’ ritorn ibbażat fuq miżura ta’ kustodja li timplika r-ritorn tal-wild, meħud wara konstatazzjoni tal-fatti u kisba tal-provi, joffri garanzija aħjar ta’ fondatezza milli deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ sempliċi proċeduri għal miżuri provviżorji.

69.      Barra minn dan, skont il-qorti tar-rinviju, jekk deċiżjoni ta’ dan l-aħħar tip taqa’ taħt l-Artikolu 11(8) tar-Regolament, ikun diffiċli li dan l-artikolu jinftiehem fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, minflok li jeżiġi li l-qorti tal-Istat tat-tneħħija illegali tibda proċedura ta’ ritorn skont il-konvenzjoni, il-qorti tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti tista’ tagħti digriet sempliċi ta’ ritorn immedjatament wara l-ħtif, li jista’ jiġi direttament infurzat fl-Istat Membru l-ieħor eżattament bħad-deċiżjoni mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 11(8). Il-proċedura skont il-konvenzjoni, meħtieġa mill-Artikolu 11, tkun ta’ telf ta’ ħin u ma hijiex per se ta’ xi kwalunkwe utilità.

70.      Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan ir-raġunament, nirrikonoxxi li proċedura li timplika eżami iktar fid-dettall tal-fatti joffri garanzija ikbar ta’ fondatezza. Madankollu, il-proċedura tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament, jekk din titmexxa korrettament, toffri, fl-opinjoni tiegħi, garanzija għalkollox sodisfaċenti. Dan il-każ huwa dwar sitwazzjoni li fiha l-qorti tal-Istat tat-tneħħija illegali diġà rrifjutat li tordna r-ritorn tal-wild, għal wieħed jew diversi raġunijiet elenkati fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni, u kkomunikat lill-qorti tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti – bl-għajnuna eventwali tal-awtoritajiet ċentrali rispettivi, prevista fl-Artikolu 55(ċ) tar-Regolament – kopja tad-deċiżjoni tagħha kif ukoll tad-dokumenti rilevanti kollha. Din il-qorti – li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa ċ-ċirkustanzi li l-wild għex fihom qabel it-tneħħija tiegħu u dawk li huwa ser jgħix fihom, jekk ikun il-każ, meta jirritorna – ma tistax tiċċertifika, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament, id-deċiżjoni tagħha mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 11(8) ta’ dan tal-aħħar ħlief jekk hija ħadet inkunsiderazzjoni l-motivi u l-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ żamma (26). Għalhekk, hija tista’ tiġi preżunta – konformi wkoll mal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka wara r-regolament – li warrbet l-imsemmija motivi u provi fuq elementi oħra li l-ewwel qorti ma kellhiex konjizzjoni tagħhom.

71.      L-approċċ sostnut minn ċerti Stati Membri matul is-seduta jidher, għall-kuntrarju, li huwa bbażat fuq nuqqas ta’ fiduċja, min-naħa tal-qrati tal-Istat Membru tat-tneħħija, fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn dawk tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti. Tali approċċ jikkostitwixxi mhux biss iċ-ċaħda tal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka, iżda saħansitra ma jieħu ebda kunsiderazzjoni tal-vantaġġ evidenti li jirriżulta mill-eżami doppju tat-talba ta’ ritorn minn żewġ qrati, li waħda minnhom qiegħda f’pożizzjoni aħjar biex tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attwali li fihom jgħix il-wild, filwaqt li l-oħra hija f’pożizzjoni aħjar biex tevalwa ċ-ċirkustanzi li huwa għex fihom qabel u ser ikompli jgħix fihom fil-każ tar-ritorn tiegħu.

72.      Rigward it-tieni parti tar-raġunament, jidhirli li din hija bbażata fuq idea żbaljata tar-relazzjoni bejn il-konvenzjoni u r-regolament. Il-konvenzjoni tipprovdi mingħajr ambigwità li, f’każ ta’ ħtif ta’ wild, huwa l-ewwel lill-qrati tal-Istat fejn jinsab il-wild li jeħtieġ issir talba għall-ksib tar-ritorn immedjat tiegħu. Fil-fatt, huma dawn il-qrati li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jordnaw ir-ritorn bil-mod l-iktar effikaċi. Id-deċiżjonijiet tagħhom jiġu infurzati direttament skont il-proċedura nazzjonali. Huwa biss jekk dawn il-qrati jqisu li jeżisti wieħed mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni – għalhekk biss f’każijiet preżunti bħala eċċezzjonali – li huwa neċessarju li ssir talba, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament, lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti. Din tal-aħħar għandha sussegwentement tiġi persważa li r-raġuni invokata ma tipprekludix ir-ritorn qabel ma titwarrab id-deċiżjoni ta’ żamma skont il-konvenzjoni.

73.      Li kieku min-naħa l-oħra, ikun imiss lill-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti biex jordnaw ir-ritorn tal-wild, minn naħa, il-proċedura ta’ infurzar tiġi – dejjem, u mhux biss fil-każ li jsir rikors għall-Artikolu 11(8) tar-Regolament – ikkumplikata bin-neċessità ta’ kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet taż-żewġ Stati Membri differenti, li jimplika, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-bżonn li tinkiseb traduzzjoni tad-dokumenti rilevanti, u, min-naħa l-oħra, li ma teżistix protezzjoni essenzjali tal-aħjar interess tal-wild, jiġifieri d-doppju eżami obbligatorju f’każ ta’ dubju fir-rigward tal-opportunità li jiġi ordnat ir-ritorn tiegħu.

74.      Jidhirli għalhekk li l-iskema tal-Artikolu 11 tar-Regolament, meħud fl-intier tiegħu, hija għalkollox koerenti mingħajr ma hemm bżonn li wieħed jeżiġi deċiżjoni ta’ kustodja preliminari bħala bażi tad-deċiżjoni adottata abbażi tal-paragrafu 8 ta’ din id-dispożizzjoni.

75.      L-Oberster Gerichtshof tirrileva wkoll li deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament tista’, jekk hija tippreċedi deċiżjoni permanenti dwar il-kustodja, li tista’ twassal għal riżultat differenti, tobbliga l-wild sabiex ibiddel darbtejn il-post ta’ residenza tiegħu. Hawnhekk ukoll, din hija kunsiderazzjoni li ġiet enfasizzata minn numru ta’ Stati Membri matul is-seduta.

76.      Il-possibbiltà ta’ tneħħija doppja ma tistax tinċaħad. Madankollu, huwa element aċċettat, fil-fehma tiegħi, kemm mill-awturi tal-Konvenzjoni u kif ukoll minn dawk tar-Regolament bħala korollarju neċessarju tal-għan li għandu jiġi żgurat, li f’każ ta’ tneħħija jew żamma illegali, il-wild għandu jirritorna immedjatament u mingħajr dewmien. Din l-intenzjoni tidhirli ċara ħafna fl-iskema tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament. L-ewwel nett, il-wild huwa rritornat fl-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tiegħu u, sussegwentement, jiġu deċiżi l-kwistjonijiet ta’ kustodja u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Neċessarjament, dan jimplika, f’ċertu numru ta’ każijiet, tneħħija doppja – tabilħaqq tneħħija tripla, jekk wieħed jgħodd l-ewwel tneħħija illegali. Jekk multipliċità ta’ tneħħijiet ma hijiex tabilħaqq fl-interess tal-wild ikkonċernat, jidhirli li l-ikbar interess, li jiġi skoraġġut kull tentattiv ta’ ħtif billi jiċċaħadlu kull effett legali jew prattiku, għandu jkollu preċedenza, fil-ħsieb tar-Regolament (u tal-Konvenzjoni).

77.      Barra minn dan, għandha tiġi kkunsidrata l-proċedura fid-dawl tal-għan imfittex, jiġifieri r-ritorn tal-wild quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni. Dan ir-ritorn jikkonsisti sempliċiment sabiex “jikkoreġi” l-ewwel tneħħija illegali. Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha għalhekk teżamina l-kwistjoni ta’ kustodja billi tieħu inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha, u mill-inqas ċerti aspetti ta’ dan l-eżami bħall-osservazzjonijiet psikoloġiċi, ir-rapporti soċjali jew, jekk ikun il-każ, l-interrogazzjoni diretta jirrikjedu normalment il-preżenza tal-wild. Ma jistax ikun fl-interess ta’ dan tal-aħħar li dan il-proċess jiġi kkumplikat u mtawwal billi jinżamm fl-Istat Membru tat-tneħħija illegali. Fl-aħħar, il-qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha, li jkollha jew le bħala riżultat l-aħħar tneħħija, iżda li tkun ttieħdet b’għarfien sħiħ tal-fatti.

78.      Fl-aħħar, l-Oberster Gerichtshof tissuġġerixxi li l-possibbiltà, għall-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti, li tordna r-ritorn tal-wild abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament, mingħajr ma qabel tkun adottat deċiżjoni ta’ kustodja, tikser il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka, għax din tippreżumi li l-qrati tal-Istat Membru l-ieħor jistgħu jirrifjutaw ir-ritorn għal raġunijiet suġġettivi.

79.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Kif spjegajt preċedentement, il-proċedura tipprovdi pjuttost il-garanzija ta’ eżami doppju f’każ ta’ dubju fir-rigward tal-opportunità li jiġi ordnat ir-ritorn tal-wild, u teżiġi motivazzjoni maħsuba sew ta’ kull deċiżjoni ta’ ritorn adottata abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament. Dan ma jidhirlix li huwa inkompatibbli mal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka li hemm wara r-regolament u li – għall-kuntrarju – jeżiġi mill-qorti ta’ Stat Membru li ma tiddubitax b’mod soġġettiv fuq il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, iżda tippreżumi li d-deċiżjonijiet tagħhom huma wkoll oġġettivament immotivati bħal dawk tal-qrati tal-Istat Membru tagħha.

80.      Jiena tal-opinjoni għalhekk li xejn fid-diċitura jew fl-istruttura tar-Regolament ma jillimita l-possibbiltà li jiġi ordnat ir-ritorn tal-wild abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament fil-każ fejn l-istess qorti diġà tat deċiżjoni ta’ kustodja.

 Fuq it-tielet domanda

81.      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda, l-Oberster Gerichtshof tistaqsi jekk huwiex possibbli li jiġi invokat, fl-Istat ta’ infurzar, in-nuqqas tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini (l-ewwel domanda) jew l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament (it-tieni domanda) kontra l-infurzar ta’ deċiżjoni li l-qorti tal-oriġini ċċertifikat skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament, jew jekk, f’dan il-każ, il-konvenut għandux jitlob l-irtirar taċ-ċertifikat fl-ewwel Stat, li jippermetti s-sospensjoni tal-infurzar fl-Istat ta’ infurzar sakemm tingħata d-deċiżjoni fl-ewwel Stat.

82.      Sa fejn jiena nipproponi risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi, it-tielet domanda ma tqumx. Ser neżaminaha madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda, u fid-dawl speċjalment tal-interess iktar ġenerali li jista’ jkun hemm sabiex jiġu ċċarati l-limiti tal-possibbiltajiet ta’ oppożizzjoni għall-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament.

83.      L-Oberster Gerichtshof tirrileva li, peress li t-Tribunale per i Minorenni di Venezia ħarġet ċertifikat konformi mal-Artikolu 42 tar-Regolament, il-qrati Awstrijaċi ma humiex kompetenti biex jeżaminaw id-deċiżjoni tagħha fil-mertu. Madankollu, ma huwiex eskluż li dawn il-qrati jkunu jistgħu jivverifikaw jekk l-imsemmija deċiżjoni ngħatat abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament. Billi, skont l-Artikolu 40 ta’ dan tal-aħħar, it-Taqsima 4 tar-Regolament japplika “[għar-]ritorn tal-minuri bħala konsegwenza ta’ sentenza mogħtija skond l-Artikolu 11(8)”, l-Artikolu 42(1) tar-Regolament ma japplikax, u ċ-ċertifikat għandu għalhekk effett vinkolanti, biss jekk eżistiet tali deċiżjoni – li ma huwiex il-każ jekk ir-risposta għall-waħda jew l-oħra tal-ewwel żewġ domandi kienet affermattiva.

84.      Dejjem skont il-qorti tar-rinviju, billi l-imsemmi ċertifikat għandu l-għan li jippermetti l-infurzar immedjat mingħajr eżami ieħor fil-mertu, biss il-qorti tal-oriġini tista’ tikkonstata li dan ġie maħruġ bi żball. Issa, l-Artikolu 43 tar-Regolament jipprevedi biss “korrezzjoni” taċ-ċertifikat. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 805/2004 (27), dispożizzjoni iktar reċenti li titratta problema analoga, jipprevedi li ċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar għandu, fuq applikazzjoni mill-qorti tal-oriġini, jiġi rtirat fejn ikun ċar li jkun ingħata bi żball. Billi l-leġiżlatur Ewropew ma riedx ċertament jipprevedi protezzjoni ġudizzjarja inqas kontra r-ritorn ta’ wild milli kontra l-irkupru ta’ dejn mhux ikkontestat, l-istess għandu japplika, skont l-Oberster Gerichtshof, għaċ-ċertifikat previst f’dan il-każ. F’dan il-każ, għandu jiġi applikat ukoll b’analoġija l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004 (28), b’mod li jiġi permess sospensjoni tal-infurzar sakemm il-qorti tal-oriġini tkun iddeċidiet dwar it-talba ta’ korrezzjoni jew ta’ irtirar taċ-ċertifikat.

85.      Ir-raġunament tal-qorti tar-rinviju huwa bbażat wkoll fil-parti l-kbira tiegħu fuq paragun mar-Regolament Nru 805/2004, adottat inqas minn ħames xhur wara r-regolament, peress li l-ħidmiet preparatorji li jippreċedu ż-żewġ regolamenti seħħew fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-parti l-kbira matul l-istess perijodi. Huwa għalhekk ta’ stagħġib, fl-opinjoni tiegħi, li diverġenza kunsiderevoli bejn iż-żewġ testi (korrezzjoni biss f’każ ta’ żball materjali u irtirar jekk iċ-ċertifikat ikun ingħata bi żball fil-kuntest tar-Regolament Nru 805/2004) ma ssarrafx f’volontà ta’ divrenzjar min-naħa tal-leġiżlatur. Fil-fatt, jirriżulta mill-imsemmija ħidmiet preparatorji li għażliet differenti ġew ikkunsidrati fiż-żewġ każijiet, qabel ma naslu għat-testi diverġenti attwali (29).

86.      Għalhekk jidhirli li huwa eskluż li wieħed ifittex li jinterpreta l-ewwel regolament fid-dawl tat-tieni regolament, iktar u iktar meta, għalkemm dawn iż-żewġ regolamenti jaqgħu t-tnejn taħt il-qasam ġenerali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, il-kwistjonijiet preċiżi li huma jirrigwardaw huma differenti ħafna u ma jimplikawx neċessarjament approċċi komparabbli. Fil-fatt, ma hemmx miżura komuni bejn l-interess li jiġi żgurat ir-ritorn ta’ wild f’każ ta’ tneħħija illegali u l-interess ta’ rkupru ta’ dejn mhux ikkontestat. Ninnota, barra minn dan, li s-sitwazzjonijiet irregolati bid-dispożizzjonijiet rilevanti jiddiferixxu wkoll sa fejn, fil-kuntest tar-Regolament, jeżisti kunflitt, u għalhekk kontestazzjoni, diġà magħrufa u diġà meħuda inkunsiderazzjoni miż-żewġ qrati, filwaqt li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 805/2004, it-talba għall-irtirar taċ-ċertifikat tittrasforma dejn preżunt bħala mhux ikkontestat f’dejn tal-inqas parzjalment ikkontestat, li jista’ jiġġustifika sospensjoni min-naħa ta’ qorti ta’ infurzar li ma tkunx tressqitilha kawża qabel dwar id-dejn.

87.      B’hekk, huwa ovvju li l-kwistjoni li tqum tirrigwarda l-possibbiltajiet f’każ li ċertifikat tat-tip imsemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament inħareġ bi żball. Anki jekk l-interess li jinkiseb ir-ritorn immedjat ta’ wild li tneħħa illegalment u li jiġi żgurat l-infurzar sempliċi u mgħaġġel tad-deċiżjonijiet li jordnaw dan ir-ritorn skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament, jimmilita kontra l-possibbiltà li jiġi kkontestat iċ-ċertifikat previst fl-imsemmi artikolu, huwa dejjem possibbli li qorti toħroġ tali ċertifikat billi tikkunsidra żbaljat li hija għandha ġurisdizzjoni f’dan il-qasam filwaqt li fir-realtà l-kundizzjonijiet neċessarji għall-għoti ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 11(8) ma humiex sodisfatti.

88.      Eżempju li ssemma matul is-seduta huwa dak ta’ qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti li tordna r-ritorn tal-wild, mingħajr ma kien hemm qabel deċiżjoni ta’ żamma skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni fl-Istat Membru tat-tneħħija illegali, u li tiċċertifika d-digriet tagħha konformi mal-Artikolu 42 tar-Regolament. Il-qorti kkonċernata għandha tabilħaqq ġurisdizzjoni sabiex tieħu deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-wild f’dawn iċ-ċirkustanzi iżda, f’dan il-każ, ma tkunx deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament. Għaldaqstant, iċ-ċertifikazzjoni ta’ tali deċiżjoni konformi mal-Artikolu 42 ma hijiex prevista (30), u ċ-ċertifikat ikun għalhekk inħareġ bi żball.

89.      Ma huwiex konċepibbli li l-leġiżlatur ried jelimina kull mezz ta’ rimedju għal żball ta’ dan it-tip, li ma jikkorispondix neċessarjament għall-possibbiltà biss ta’ korrezzjoni msemmija fl-erba’ u għoxrin premessa tar-Regolament, jiġifieri “fejn ma jirriflettix b’mod korrett is-sentenza”.

90.      Din hija problematika li jiena diġà ddiskutejt fl-opinjoni tiegħi fil-kawża Rinau (31) kif ukoll, iktar riċentement u f’kuntest ftit differenti, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-każ Purrucker (32). Fuq dan il-punt, jiena ser nillimita ruħi niġbor fil-qosor il-perspettiva tiegħi f’dan ir-rigward, filwaqt li nirreferi għall-iżviluppi esposti fiż-żewġ kawżi ċċitati.

91.      Ir-regolament jipprojbixxi b’mod ċar kull rikors kontra l-għoti taċ-ċertifikat. Għall-kuntrarju, dan ma jipprojbixxix ir-rikors kontra d-deċiżjoni ċċertifikata. Jekk parti tqis li l-kundizzjonijiet neċessarji li jippermettu lill-qorti kkonċernata tagħti din id-deċiżjoni ma humiex sodisfatti, hija għandha tkun tista’ tikkontesta l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti quddiem il-qorti nfisha – kif l-omm tidher għamlet f’dan il-każ – u, eventwalment, tappella quddiem qorti għolja. Jekk id-dritt nazzjonali ma jippermettix rimedju f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti għandha, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Kull rikors jew kull kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jibbenefika mit-trattament l-iktar mgħaġġel possibbli.

92.      Tali konklużjoni tirrispondi għall-ewwel parti tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, iżda din tal-aħħar tistaqsi wkoll, fit-tieni parti tad-domanda tagħha, jekk, fil-preżenza ta’ deċiżjoni ċċertifikata iżda f’każ ta’ kontestazzjoni tal-mertu taċ-ċertifikat, il-qorti kkonċernata tistax tissospendi l-infurzar tad-deċiżjoni sabiex tippermetti l-irtirar eventwali taċ-ċertifikat.

93.      Jiena ninnota li, f’dan il-każ, xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas fid-dokumenti l-oħra mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li l-omm kompliet il-kontestazzjoni tagħha tal-ġurisdizzjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia billi appellat, fl-Italja, mid-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2009, li l-infurzar tagħha qed jintalab mill-missier fl-Awstrija.

94.      F’ċirkustanzi tali, jidhirli totalment eskluż li l-qrati Awstrijaċi jistgħu jissospendu l-infurzar ta’ din id-deċiżjoni sabiex jippermettu għall-omm li tippreżenta rikors. Dawn il-qrati ma għandhomx huma nfushom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar kawża u, billi ebda rikors ma ġie ppreżentat quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni, xejn fid-diċitura jew fl-għanijiet tar-Regolament ma jiġġustifika d-dewmien tal-infurzar ta’ deċiżjoni li l-għan tagħha huwa li jinkiseb ir-ritorn mingħajr dewmien tal-wild.

95.      Kien ikun mod ieħor li kieku l-omm kienet diġà ppreżentat tali rikors qabel ma l-missier ma talab l-infurzar tad-deċiżjoni fl-Awstrija? Sospensjoni tal-infurzar tista’ tidher iktar iġġustifikata f’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-qorti tal-Istat Membru ta’ infurzar hija kkonfrontata b’inċertezza reali, u mhux iktar ipotetika, fir-rigward tal-infurzabbiltà tad-deċiżjoni kkontestata. Hija setgħet għalhekk tevita tneħħija inġustifikata tal-wild, li kienet tkun segwita minn tneħħija ġdida jew miż-żamma inġustifikata tal-wild fl-Istat Membru ta’ oriġini.

96.      Madankollu ma iniex konvinta li r-regolament jippermetti tali sospensjoni. Mhux biss dan ma jipprevedihx espliċitament, iżda, barra minn dan, jista’ jiġi dedott mill-preżenza, xi mkien ieħor fir-regolament, ta’ dispożizzjoni li tippermetti s-sospensjoni tal-proċedura ta’ rikors għal dikjarazzjoni tal-infurzabbiltà ta’ deċiżjoni li tirrigwarda l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri (33), li din l-omissjoni hija intenzjonali – intenzjoni kkonfermata, barra minn dan, bil-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-attwali Artikoli 43 u 44 ġew ikkontestati fermament matul it-tħejjija tar-Regolament (34), mingħajr ma dispożizzjoni li tippermetti s-sospensjoni tal-infurzar ġiet adottata.

97.      Madankollu, bħall-konklużjoni li wasalt għaliha fir-rigward tal-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni (35), jidhirli ovvju li l-ġenitur li jikkontesta din id-deċiżjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini għandu jkun jista’ wkoll jitlob, f’dan l-istess Stat Membru, is-sospensjoni tal-infurzar tad-deċiżjoni, sospensjoni li l-qrati tal-Istat Membru ta’ infurzar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni.

98.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nasal għalhekk għall-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-tielet domanda tal-Oberster Gerichtshof fis-sens li, meta deċiżjoni ċċertifikata minn qorti ta’ Stat Membru konformi mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament hija kkontestata minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini jew l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament, l-uniku rimedju possibbli jikkonsisti fl-appell tad-deċiżjoni nfisha (u mhux taċ-ċertifikat) quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Il-qrati tal-Istat Membru ta’ infurzar ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jirrifjutaw jew jissospendu l-infurzar.

 Fuq ir-raba’ domanda

99.      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda preliminari jew għall-ewwel parti tat-tielet domanda, l-Oberster Gerichtshof tistaqsi jekk deċiżjoni, mogħtija minn qorti tal-Istat ta’ infurzar, li tattribwixxi l-kustodja lill-ġenitur li ħataf il-wild u li għandha titqies bħala infurzabbli skont id-dritt ta’ dak l-Istat, tostakolax, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament, l-infurzar ta’ digriet ta’ ritorn mogħti preċedentement fl-Istat ta’ oriġini abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament, anki meta din ma tipprekludix l-infurzar ta’ digriet ta’ ritorn mogħti mill-Istat ta’ infurzar skont il-konvenzjoni.

100. Qabel ma nittratta din id-domanda, li, fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, tirrigwarda l-effetti tad-digriet tal-Bezirksgericht Judenburg tal-25 ta’ Awwissu 2009, jidhirli utli li neżamina l-kundizzjonijiet li fihom din il-qorti qieset lilha nfisha li għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti l-imsemmi digriet.

101. Jirriżulta mid-deċiżjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tal-10 ta’ Lulju 2009 li l-omm l-ewwel nett talbet lill-qorti Taljana sabiex tirrinvija l-kawża quddiem il-qrati Awstrijaċi, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (36). Din it-talba ġiet miċħuda minħabba, l-ewwel nett, li s-sitwazzjoni ma kinitx eċċezzjonali, iżda kkonċernat kawża ordinarja bejn il-ġenituri dwar il-kustodja tat-tifel tagħhom (filwaqt li l-Artikolu 15 japplika “[b’]mod ta’ eċċezzjoni”), u, it-tieni nett, li l-wild ma kellux “konnessjoni partikolari” mal-Awstrija, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 15(3).

102. Din id-deċiżjoni tirrileva mill-ġurisdizzjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia u ma hijiex inkwistjoni f’dan ir-rinviju preliminari. Din tqajjem, madankollu, ċerti riżervi min-naħa tiegħi.

103. L-ewwel nett, ma jidhirlix korrett li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament minħabba li l-proċedura tirrigwarda kawża ordinarja bejn il-ġenituri dwar il-kustodja tat-tifel tagħhom. Il-kliem “[b’]mod ta’ eċċezzjoni” ma jeżiġux, fil-fehma tiegħi, li s-sitwazzjoni għandha tkun eċċezzjonali qabel ma d-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi applikata. Dawn jippermettu pjuttost lil qorti li għandha ġurisdizzjoni li tidderoga mir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni u li tirrinvija l-kawża, jew parti mill-kawża, lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-wild għandu konnessjoni partikolari jekk hija tqis li din l-aħħar qorti hija f’pożizzjoni aħjar biex tiddeċiedi dwar il-kawża u li r-rinviju ser iservi l-aħjar interess tal-wild – każ li jkun, bħala prinċipju, eċċezzjonali.

104. It-tieni nett, jidhirli li, kuntrarjament għal dak li jsostni t-Tribunale per i Minorenni di Venezia fil-motivazzjoni tiegħu, diversi kriterji alternattivi tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (li minnhom, konsegwentement, il-preżenza ta’ wieħed minnhom biss kien ikun biżżejjed biex jistabbilixxi “konnessjoni partikolari”) kienu fil-fatt sodisfatti f’dan il-każ. Għalhekk, huwa stabbilit li l-wild kellu ċ-ċittadinanza Awstrijaka barra miċ-ċittadinanza Taljana, li tissodisfa l-kundizzjoni fl-inċiż (ċ) tad-dispożizzjoni, li ma hijiex limitata għall-każ ta’ ċittadinanza waħda. Barra minn dan, jidher ċar li, meta t-talba għal rinviju ġiet miċħuda, l-omm kienet stabbiliet ir-residenza abitwali tagħha fl-Awstrija, li jikkorispondi għall-kriterju fl-inċiż (d) (37).

105. Għalhekk, u anki jekk il-motivazzjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tista’ titqies bħala żbaljata f’ċerti rigwardi, huwa ċar li xejn fl-Artikolu 15 tar-Regolament ma seta’ jobbliga din il-qorti li tqis li l-Bezirksgericht Judenburg kienet f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-kawża u li r-rinviju serva l-aħjar interess tal-wild, u għalhekk li ċċedi l-kawża lill-qorti Awstrijaka. Jiena ninnota wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx infurmata b’eventwali sejħa min-naħa tal-omm kontra dan ir-rifjut ta’ rinviju, li jidher li huwa r-rimedju normali li kellha tfittex min-naħa tagħha, jekk hija kkontestat il-motivazzjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia.

106. Sussegwentement, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, mingħajr ma stenniet it-trattament tat-talba tagħha mit-Tribunale per i Minorenni di Venezia, l-omm ippreżentat talba direttament quddiem il-Bezirksgericht Judenburg għall-kustodja. Din il-qorti, fis-26 ta’ Mejju 2009, iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni “bis-saħħa tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament” u talbet lill-qorti Taljana sabiex titrażmettilha l-proċedura. Jidher li huwa abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni li l-Bezirksgericht Judenburg tat id-deċiżjoni tagħha fil-25 ta’ Awwissu 2009, li tagħti l-kustodja provviżorjament lill-omm, deċiżjoni li fir-rigward tagħha l-Oberster Gerichtshof tistaqsi jekk din tostakolax l-infurzar ta’ digriet ta’ ritorn tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia, tal-10 ta’ Lulju 2009.

107. Aħna ma għandniex it-test ta’ din id-deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2009, iżda l-ġabra fil-qosor tal-Oberster Gerichtshof tidher li qed jindika li huwa b’interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 15 tar-Regolament li l-Bezirksgericht Judenburg iddikjarat li hija għandha ġurisdizzjoni. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jippermetti b’ebda mod lil qorti sabiex tiddikjara ex officio li hija għandha ġurisdizzjoni. Jirriżulta ċarament mill-Artikolu 15(5) tar-Regolament li tali dikjarazzjoni (38) ta’ ġurisdizzjoni għandha tkun ippreċeduta minn kawża mressqa quddiem il-qorti “skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b)” – għalhekk, fuq l-inizjattiva diretta jew indiretta tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li tissospendi l-proċeduri billi tistieden il-partijiet sabiex iressqu kawża quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, jew titlob hija stess lill-imsemmija qorti sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha. Talba għal rinviju, ifformulata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-wild għandu konnessjoni partikolari, hija ċertament possibbli bis-saħħa tal-paragrafu 2(ċ) (39); iżda s-soluzzjoni li għandha tingħata għal din it-talba tirrileva mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu – u għalhekk ta’ dik tal-Istat Membru tar-residenza abitwali (preċedenti).

108. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-Bezirksgericht Judenburg biex tagħti d-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2009 tidher kontestabbli. Jekk, bis-saħħa tal-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament, it-Tribunale per i Minorenni di Venezia kienet tilfet il-ġurisdizzjoni tagħha f’dak il-mument (domanda li jiena nipproponi li tintwieġeb fin-negattiv), huwa plawżibbli li l-Bezirksgericht Judenburg kellha ġurisdizzjoni skont ir-regola normali tal-Artikolu 8 tar-Regolament. Min-naħa l-oħra, hija ma setgħetx tikseb il-ġurisdizzjoni permezz tal-Artikolu 15 tar-Regolament, għaliex it-Tribunale per i Minorenni di Venezia ma ħadet ebda inizjattiva f’dan is-sens (40).

109. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-Oberster Gerichtshof tqajjem ċerti raġunijiet li għalihom ċ-ċertifikat tal-Bezirksgericht Judenburg, li jiddikjara li d-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2009 saret res judicata u kienet infurzabbli, seta’ ngħata bi żball, b’mod partikolari minħabba eventwali difetti ta’ notifika tad-deċiżjoni. Hija tippreċiża, madankollu, li ċ-ċertifikat jorbot lill-qrati Awstrijaċi l-oħra kollha u ma jistax jiġi rtirat, meta jkun il-każ, ħlief mill-Bezirksgericht Judenburg infisha, fuq talba jew ex officio. L-Oberster Gerichtshof ma tikkunsidrax il-possibbiltà li l-Bezirksgericht Judenburg żbaljat meta hija ddikjarat li hija kellha ġurisdizzjoni, u ma tindikax għalhekk jekk eventwalment hija (l-Oberster Gerichtshof) ma għandhiex ġurisdizzjoni. F’kull każ, jidhirli li d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 15 tar-regolament għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ fi ħdan is-sistema ġudizzjarja Awstrijaka.

110. Bla ħsara għal dawn il-kunsiderazzjonijiet, li l-Oberster Gerichtshof għandha, meta jkun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni, ser neżamina r-raba’ domanda preliminari billi nikkunsidra, kif għamlet l-Oberster Gerichtshof infisha, li d-deċiżjoni tal-Bezirksgericht Judenburg tal-25 ta’ Awwissu 2009 li tafda provviżorjament il-kustodja lill-omm hija infurzabbli.

111. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, jekk, fir-rigward tad-dritt ta’ kustodja, deċiżjoni infurzabbli li ma tkunx konċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija preċedentement tostakola bħala prinċipju l-infurzar ta’ din tal-aħħar – li huwa previst espliċitament mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament –, dan ma jkunx neċessarjament veru fid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, l-Oberster Gerichtshof infisha riċentement iddeċidiet li digriet ta’ ritorn mogħti fl-Awstrija bis-saħħa tal-Konvenzjoni għandu jiġi infurzat anki jekk miżura provviżorja ta’ kustodja deċiża minn qorti Awstrijaka oħra topponi dan, għaliex l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni jipprovdi li l-fatt biss li deċiżjoni ta’ kustodja ngħatat fl-Istat ikkonċernat ma jistax jiġġustifika r-rifjut li l-wild jintbagħat lura. Jekk, bis-saħħa tal-Artikolu 47(2) tar-regolament, id-digriet ta’ ritorn mogħti barra mill-pajjiż għandu jiġi trattat eżattament bħad-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, miżura provviżorja li tattribwixxi l-kustodja ma tistax tostakola l-infurzar tagħha.

112. Fid-domanda tagħha, l-Oberster Gerichtshof tippreżumi għalhekk li d-dispożizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (“sentenza li tkun ġiet iċċertifikata skond [...] l-Artikolu 42(1) ma tistax tiġi nfurzata jekk ma tkunx konċiljabbli ma xi sentenza tal-infurzar sussegwenti”) tirreferi għal kull deċiżjoni tal-infurzar sussegwenti, inkluż fl-Istat Membru ta’ infurzar. Il-Kummissjoni tipprekludi din l-interpretazzjoni, billi ssostni li din iġġib fix-xejn il-mekkaniżmu mixtieq mil-leġiżlatur fl-Artikolu 11(8) li jattribwixxi l-aħħar kelma fir-rigward tar-ritorn tal-wild lill-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti. Is-sens tad-dispożizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament huwa li jippreċiża li deċiżjoni sussegwenti ta’ qorti tal-Istat Membru tal-oriġini tista’ tirrendi irrelevanti d-deċiżjoni ta’ ritorn mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 11(8), li ma tkunx għalhekk infurzabbli.

113. Minkejja li d-diċitura tad-dispożizzjoni ma tipprovdix il-preċiżjoni proposta mill-Kummissjoni, jiena naqbel mal-perspettiva ta’ din tal-aħħar. Barra mill-argumenti li hija ssostni – u huwa żgur li l-Artikolu 11(8) tar-Regolament ma jkunx jagħmel sens jekk id-deċiżjoni li din tirrigwarda setgħet ġiet evitata b’deċiżjoni sussegwenti tal-qorti li diġà tat id-deċiżjoni ta’ żamma skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni –, huwa ċar li s-“sentenza tal-infurzar sussegwenti” tista’ tkun biss dik ta’ qorti li għandha ġurisdizzjoni. Issa, bħala ipoteżi, jekk din hija deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, huma l-qrati tal-Istat Membru fejn ingħatat id-deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu 11(8) tar-regolament li għandhom ġurisdizzjoni, u mhux dawk tal-Istat Membru fejn il-wild jinsab illegalment.

114. Il-kwistjoni li qamet matul is-seduta hija għaliex, jekk id-dispożizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament kienet limitata għall-każ tal-annullament ta’ deċiżjoni ċċertifikata fl-Istat Membru tal-oriġini, il-leġiżlatur ma kienx ippreċiżah espliċitament, pjuttost milli għażel il-frażi “ma tkunx konċiljabbli”, li tista’ tapplika wkoll fil-każ ta’ deċiżjoni meħuda sussegwentement fl-Istat Membru ta’ infurzar. Madankollu, jidhirli li risposta sodisfaċenti ngħatat ukoll għal din il-kwistjoni. Anki jekk hija eskluża l-possibbiltà li qorti tal-Istat Membru ta’ infurzar tkun tista’, sempliċement billi tadotta deċiżjoni kuntrarja, tirrendi irrelevanti d-deċiżjoni li għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament, tikkostitwixxi l-aħħar kelma fuq ir-ritorn tal-wild, jistgħu jeżistu tipi oħra ta’ deċiżjonijiet li ma jkunux konċiljabbli mad-digriet ta’ ritorn – pereżempju, jekk ir-ritorn huwa ordnat lil ġenitur li, sadanittant, ġie kkundannat għal piena ta’ ħabs. Għandu wkoll jiġi nnotat li l-Artikolu 47 tar-regolament japplika wkoll għad-deċiżjonijiet iċċertifikati konformi mal-Artikolu 41 tiegħu, li jirrigwarda d-drittijiet ta’ aċċess u li jistgħu għalhekk jiġu affettwati bid-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ordnijiet differenti.

115. F’kull każ, jeħtieġ li r-Regolament jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’mod konformi mal-Konvenzjoni, u speċjalment mhux b’mod li jagħti setgħa ta’ deċiżjoni msaħħa, mogħtija lill-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti bl-Artikolu 11(8) tar-Regolament u bis-sistema ta’ ċertifikazzjoni prevista fl-Artikolu 42 tiegħu, portata li twassal sabiex idgħajfu meta mqabbel mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, li tipprevedi b’mod partikolari li l-fatt waħdu li deċiżjoni dwar il-kustodja ġiet mogħtija fl-Istat ikkonċernat ma jistax jiġġustifika r-rifjut li l-wild jiġi rritornat, iżda li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi ta’ tali deċiżjoni.

 Fuq il-ħames domanda

116. Fl-aħħar, f’każ ta’ risposta negattiva għar-raba’ domanda, l-Oberster Gerichtshof tistaqsi jekk l-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata mill-qorti tal-oriġini, konformi mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament, jistax jiġi rrifjutat fl-Istat ta’ infurzar meta dan iqiegħed serjament fil-perikolu l-aħjar interess tal-wild, minħabba bdil ta’ sitwazzjoni wara l-għoti ta’ din id-deċiżjoni, jew inkella jekk dan il-bdil ta’ sitwazzjoni jistax jiġi invokat fl-Istat ta’ oriġini, u jekk huwiex possibbli li jkun hemm sospensjoni tal-infurzar fl-Istat ta’ infurzar sakemm il-qorti tal-Istat tal-oriġini tkun tat id-deċiżjoni tagħha.

117. Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-omm ser tirrifjuta f’kull probabbiltà li tmur l-Italja mal-wild u ma tistax tiġi mġiegħla tagħmel dan. L-infurzar tad-digriet ta’ ritorn jissepara għalhekk il-wild mill-omm sabiex jirritornah lill-missieru. Skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament, dan l-infurzar għandu jitwettaq fl-istess kundizzjonijiet daqs li kieku d-deċiżjoni ġiet mogħtija fl-Awstrija. Issa, skont il-ġurisprudenza Awstrijaka, digriet ta’ ritorn mogħti fl-Awstrija bis-saħħa tal-Konvenzjoni ma jistax jiġi infurzat jekk bdil ta’ sitwazzjoni ħoloq riskju gravi li l-wild ikun espost għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku, li jista’ jkun il-każ jekk huwa rrisjeda għal żmien twil fl-Istat ta’ infurzar.

118. F’dan il-każ, il-wild kien għex ftit inqas minn sena fl-Italja, it-Tribunale per i Minorenni di Venezia ta d-digriet ta’ ritorn tiegħu sena u nofs wara t-tneħħija illegali tal-wild lejn l-Awstrija. Ma kien hemm ebda kuntatt bejn il-missier u l-wild matul disa’ xhur wara dan id-digriet u, matul it-tmintax-il xahar preċedenti, il-kuntatti kienu limitati biss għal aċċess. Għalhekk, il-wild kien għadda iktar minn żewġ terzi ta’ ħajtu separat minn missieru. Il-qorti tar-rinviju tqis li ma jistax jiġi eskluż li jekk il-wild jiġi rtirat minn ommu sabiex jiġi rritornat lill-missieru, dan jista’ jipperikola serjament l-iżvilupp psikoloġiku tiegħu u li, anki jekk l-attitudni tal-omm tista’ tiġi kkritikata, dan ma jiġġustifikax riskju li l-wild jiġi espost għal tali perikolu.

119. Jista’ jkun għalhekk li tali digriet ta’ ritorn mogħti fl-Awstrija ma jkunx infurzabbli. Billi l-Artikolu 47 tar-Regolament jimponi l-istess trattament bħal dak tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istat ta’ infurzar, l-istess għandu japplika għad-deċiżjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia.

120. Madankollu, skont il-ħsieb u l-finalità tad-dispożizzjonijiet rilevanti, hija t-Tribunale per i Minorenni di Venezia li għandha tiddeċiedi jekk is-sitwazzjoni tbiddlitx. Din ma tirrigwardax l-infurzar fis-sens proprja tal-kelma iżda l-ġustifikazzjoni tal-mertu tad-digriet ta’ ritorn. Skont din il-perspettiva, l-omm għandha titlob lit-Tribunale per i Minorenni di Venezia tannulla d-deċiżjoni tagħha. Sadanittant, għandha titħalla s-sospensjoni tal-infurzar tad-deċiżjoni fl-Awstrija.

121. F’dan ir-rigward, il-gvern Awstrijak jinnota li, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament, il-proċedura ta’ infurzar hija rregolata bil-liġi tal-Istat Membru tal-infurzar. Jeħtieġ jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ostakoli kollha għall-infurzar li jirriżultaw minn din il-liġi. F’dan il-każ, dawn l-ostakoli jinkludu ċ-ċirkustanzi kollha li dehru sussegwentement li jistgħu jipperikolaw l-aħjar interess tal-wild. Jekk kienet il-qorti tal-Istat tal-oriġini li kellha teżamina tali ostakolu, dan iwassal għal separazzjoni tal-eżami ta’ numru ta’ ostakoli u għal kompetenza parallela tal-qrati taż-żewġ Stati, li ma jiffavorixxix la l-fiduċja reċiproka u lanqas l-aħjar interess tal-wild, li għandu jibqa’ l-aqwa kriterju. Fl-aħħar, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat ta’ infurzar tikkorispondi għall-istruttura tar-Regolament. Bis-saħħa tal-kriterju tal-qrubija, l-awtoritajiet tal-Istat fejn jinsab il-wild huma iktar adatti sabiex jevalwaw jekk is-sitwazzjoni nbiddlitx minn meta ngħatat id-deċiżjoni.

122. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 47(2) tar-Regolament għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ ritorn mgħaġġel tal-wild u tat-tqassim tal-ġurisdizzjonijiet li jirriżulta minnu. Peress li d-deċiżjoni finali vinkolanti dwar ir-ritorn tappartjeni lill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti, dik tal-Istat ta’ infurzar għandha tiddetermina biss il-modalitajiet tal-infurzar. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-regolament ifisser għalhekk li r-rekwiżiti proċedurali tal-Istat ta’ infurzar – pereżempju fir-rigward tat-termini, id-dipartimenti kompetenti u s-sistemi ta’ sanzjoni – huma applikabbli għall-infurzar innifsu, filwaqt li l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini għandha biss ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet dwar il-mertu tar-regolarità tat-titolu eżekuttiv – pereżempju biex tiddeċiedi jekk għandux ikun hemm sospensjoni tal-infurzar tad-deċiżjoni għaliex, minħabba bdil ta’ sitwazzjoni mill-għoti tat-titolu eżekuttiv, l-implementazzjoni tagħha ma tkunx iktar fl-aħjar interess tal-wild.

123. Min-naħa tiegħi, jiena naqbel mal-perspettiva tal-Kummissjoni, li biha l-qorti tar-rinviju tidher hija nfisha parzjalment konvinta (41). Skont l-istruttura tar-Regolament, id-deċiżjoni finali dwar l-opportunità li jiġi ordnat ir-ritorn tal-wild tappartjeni lill-qrati biss tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti tiegħu. Meta waħda mill-qrati tal-Istat tat-tneħħija illegali tat deċiżjoni ta’ żamma skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni, il-ġurisdizzjoni tagħhom f’dan ir-rigward hija eżawrita, ħlief għal dak li jirrigwarda, meta jkun il-każ, l-irtirar jew l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Kull deċiżjoni sussegwenti fuq il-mertu – li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi u l-provi li abbażi tagħhom id-deċiżjoni ta’ żamma ġiet mogħtija – tappartjeni lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti. Din id-deċiżjoni sussegwenti għandha, meta jkun il-każ, tiġi infurzata b’mod obbligatorju fl-Istat Membru l-ieħor – tabilħaqq, skont il-proċedura (jiġifieri l-forom) stabbilita bid-dritt tiegħu stess, iżda mingħajr ma jkun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ mertu li jistgħu jostakolaw l-infurzar.

124. Issa, jidhirli li huwa ovvju li riskju eventwali ta’ dannu fiżiku jew psikoloġiku jaqa’ taħt kunsiderazzjonijiet ta’ mertu u mhux taħt kunsiderazzjonijiet proċedurali. F’każ ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni finali li tordna r-ritorn tal-wild, huwa għalhekk lill-qorti li tat din id-deċiżjoni, u mhux dik li hija responsabbli mill-infurzar tagħha, li l-parti kkonċernata għandha tindirizza.

125. Rigward il-possibbiltà li tissospendi l-proċeduri sakemm tistenna r-riżultat ta’ tali kontestazzjoni, l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk li esponejt fil-punti 93 sa 97 ta’ dan it-teħid ta’ pożizzjoni japplikaw, u għandu jiġi konkluż li tali possibbiltà ma hijiex miftuħa quddiem il-qorti ta’ infurzar iżda li, f’każ ta’ kontestazzjoni quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jordnaw is-sospensjoni tal-infurzar sakemm jistennew id-deċiżjoni dwar il-kontestazzjoni.

126. Fl-aħħar, u f’kull każ, ninnota li l-qorti tar-rinviju tirreferi għal possibbiltà ta’ dannu psikoloġiku li jirriżulta mhux biss mis-separazzjoni tal-wild minn missieru matul id-disa’ xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tal-10 ta’ Lulju 2009, iżda wkoll mis-separazzjoni matul it-tmintax-il xahar li jippreċeduha. Madankollu, anki jekk l-infurzar ta’ din id-deċiżjoni seta’ jitqiegħed inkwistjoni, b’xi mod, mill-iżviluppi sussegwenti, dan ma jistax jitqiegħed inkwistjoni abbażi ta’ xi aspett tas-sitwazzjoni preċedenti, li t-Tribunale per i Minorenni di Venezia kellu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni. U, fir-rigward ta’ tali żviluppi sussegwenti, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi mogħdija taż-żmien ma tistax tiġi inkluża jekk il-proċedura prevista bir-Regolament hija segwita korrettament, inkwantu digriet meħud abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament jibbenefika mill-infurzabbiltà immedjata, mingħajr possibbiltà ta’ oppożizzjoni għar-rikonoxximent tiegħu.

 Konklużjoni

127. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Oberster Gerichtshof:

“1)      Miżura provviżorja li tattribwixxi l-kustodja ta’ wild lill-ġenitur li ħatfu sakemm tingħata d-deċiżjoni ta’ kustodja definittiva (jew permanenti) ma hijiex “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri” fis-sens tal-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.

2)      Digriet ta’ ritorn jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003 irrispettivament mill-fatt jekk il-qorti tatu jew le abbażi ta’ deċiżjoni ta’ kustodja li tat hija stess.

3)      Meta deċiżjoni ċċertifikata minn qorti ta’ Stat Membru konformi mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 hija kkontestata minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini jew l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 11(8) tal-imsemmi Regolament, l-uniku rimedju possibbli jikkonsisti fl-appell tad-deċiżjoni nfisha (u mhux taċ-ċertifikat) quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Il-qrati tal-Istat Membru ta’ infurzar ma għandhom ebda ġurisdizzjoni biex jirrifjutaw jew jissospendu l-infurzar.

4)      Deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-Istat ta’ infurzar, li tattribwixxi provviżorjament il-kustodja lill-ġenitur li ħataf il-wild, ma tostakolax l-infurzar ta’ digriet ta’ ritorn mogħti preċedentement fl-Istat tal-oriġini bis-saħħa tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003.

5)      Meta deċiżjoni ċċertifikata minn qorti ta’ Stat Membru konformi mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 hija kkontestata minħabba li l-infurzar tagħha jipperikola serjament l-aħjar interess tal-wild, minħabba l-bdil tas-sitwazzjoni wara l-għoti ta’ din id-deċiżjoni, l-uniku rimedju possibbli jikkonsisti fl-appell tad-deċiżjoni nfisha (u mhux taċ-ċertifikat) quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Il-qrati tal-Istat Membru ta’ infurzar ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jirrifjutaw jew jissospendu l-infurzar.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ir-Regolament tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 243, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).


3 – Konvenzjoni fuq l-aspetti ċivili fis-sekwestru internazzjonali tal-minuri, konkluża fil-25 ta’ Ottubru 1980 u fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 1983, li fiha l-Istati Membri kollha jifformaw parti (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”). Kuntrarjament għar-Regolament, din il-konvenzjoni ma tikkontjenix regoli dwar il-ġurisdizzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Regolament jispira ruħu mill-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri ta’ protezzjoni tal-minuri, konkluża f’Den Haag fid-19 ta’ Ottubru 1996 (ĠU 2008 L 151, p. 39). Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 60 tiegħu, ir-Regolament jipprevali fuq il-Konvenzjoni sa fejn din tal-aħħar tirrigwarda materji regolati bl-imsemmi regolament.


4 – L-Artikoli 9 u 12, li jirrigwardaw, rispettivament, il-każ fejn wild iċċaqlaq legalment fi Stat Membru ieħor u l-każ fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor li l-wild għandu rabta mill-qrib miegħu hija aċċettata b’mod inekwivoku mill-partijiet kollha, ma humiex rilevanti għal dan il-każ.


5 –      L-Artikolu 53 tar-Regolament jipprevedi d-denominazzjoni, minn kull Stat Membru, ta’ wieħed jew iktar mill-awtoritajiet ċentrali “biex jassistu bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament” (ara punt 22 ta’ din l-opinjoni).


6 –      L-Artikolu 56 tar-Regolament jirrigwarda t-tqegħid tal-minuri f’istitut jew ma’ familja tar-rispett fi Stat Membru ieħor.


7 –      Iċ-ċitazzjoni ssemmi biss ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, għall-esklużjoni ta’ dawk li jirrigwardaw id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg, li ma humiex rilevanti hawnhekk.


8 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, (C‑195/08 PPU (Ġabra p. I-5271).


9 –      Ma jirriżultax mill-proċess għal-liema raġuni il-proċeduri fl-Awstrija kienu saru quddiem żewġ qrati kantonali differenti.


10 –      Ara n-nota 36 ta’ din l-opinjoni.


11 – Iċċitata fin-nota 8 iktar ’il fuq.


12 – Ara wkoll is-sentenza Rinau, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 8 (punti 47 et seq.), kif ukoll l-opinjoni tiegħi fl-istess kawża (punti 15 et seq.).


13 – Ir-Regolament jirrigwarda fl-istess ħin il-każijiet ta’ tneħħija illegali u dawk ta’ żamma illegali. Iktar ’il quddiem, ser nitkellem biss dwar “tneħħija illegali”, għaliex din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet kollha espressi huma relatati maż-żewġ każijiet inkwistjoni.


14 – Kif ippreċiżat mill-gvern Taljan matul is-seduta, jidher li l-espressjoni “is-‘setgħa ta’ deċiżjoni tal-ġenitur’ b’mod partikolari d-dritt li jiddetermina l-post ta’ residenza”, użata fid-domanda preliminari, ma tirriflettix għalkollox korrettament il-kontenut tad-deċiżjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tat-23 ta’ Mejju 2008. Madankollu, huwa stabbilit li din id-deċiżjoni tirrigwarda sewwa sew il-kustodja tal-minuri u ma timplikax ir-ritorn tiegħu.


15 – Qed nistaqsi lili nnifsi jekk tali ma huwiex il-każ, sa ċertu punt, f’din il-kawża. Fil-fatt, l-Oberster Gerichtshof qisha qed tippreżumi li t-Tribunale per i Minorenni di Venezia tat il-kustodja provviżorjament lill-omm b’mod partikolari sabiex tevita ċaqliq ripetut tal-minuri, filwaqt li, skont qari tiegħi tad-digriet tat-23 ta’ Mejju 2008, din il-qorti ppruvat b’mod partikolari sabiex tiffaċilita ċ-ċaqliq tal-minuri, mal-omm, bejn l-Awstrija u l-Italja, biex iżomm il-kuntatt ma’ missieru.


16 – Ara t-tnax il-premessa tar-Regolament. Jeħtieġ jiġi nnotat, barra minn dan, li l-kriterju tal-qrubija jista’, min-natura tiegħu stess, jipproduċi riżultati li jvarjaw mal-mogħdija taż-żmien.


17 – Madankollu naqbel mal-preċiżjoni magħmula mill-gvern Franċiż fis-seduta, jiġifieri li din ma hijiex sanzjoni imposta fuq il-“ġenitur ħattaf”, iżda pjuttost miżura li għandha l-għan li tistabbilixxi s-sitwazzjoni ġuridika li kienet tipprevali fin-nuqqas tat-tneħħija illegali.


18 – Proposta għal Regolament tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2002, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 .u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar affarijiet tal-ikel [COM(2002) 222 finali/2] fir-rigward tal-Artikolu 21 tal-proposta għal regolament, li sar l-Artikolu 10 tar-Regolament. Ir-redazzjoni tad-dispożizzjoni tbidlet, iżda l-kontenut jibqa’ essenzjalment l-istess.


19 – Ara l-punti 28 u 29 ta’ din l-opinjoni.


20 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 3. Din il-konvenzjoni ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Malta, iżda sal-lum hija ġiet irratifikata biss minn tmienja minnhom, bl-esklużjoni tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika Taljana. L-Istati Membri l-oħra kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ġew awtorizzati sabiex jirratifikawha jew li jaderixxu magħha simultanjament, fl-interess tal-Unjoni Ewropea (ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/431/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2008, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jirratifikaw, jew jaderixxu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal u li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli interni rilevanti tal-liġi Komunitarja - Konvenzjoni fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (ĠU L 151, p. 36).


21 – Ara, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-Taqsima II tad-Dokument tal-Kunsill 13940/02, tat-8 ta’ Novembru 2002 (punti 11 et seq.)


22 – Jista’ jkun li dan it-terminu jiġi spjegat permezz ta’ komprensjoni ħażina tal-Artikolu 11(7) tar-Regolament li jipprevedi terminu ta’ tliet xhur biex jippermetti lill-partijiet sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq id-deċiżjoni ta’ żamma; iżda aħna ma għandniex informazzjoni f’dan ir-rigward.


23 – Niċċita hawnhekk l-illustrazzjoni ta’ dan il-każ, iżda ċirkustanzi komparabbli jirriżultaw ukoll mill-kawżi Rinau, iċċitata iktar ’il fuq, u Purrucker (C‑256/09), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, jien ninnota li ċertu dewmien fil-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tat-23 ta’ Mejju 2008 lill-qrati Awstrijaċi, u t-talba ta’ traferiment ta’ ġurisdizzjoni tal-Bezirksgericht Judenburg tas-26 ta’ Mejju 2009 lit-Tribunale per i Minorenni di Venezia setgħu kkontribwixxu wkoll għal titwil tal-proċedura.


24 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Purrucker, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 23 (punti 118 et seq.).


25 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 8 (b’mod partikolari, punti 63 et seq.).


26 – L-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) u l-punt 13 tal-Anness IV tar-Regolament.


27 – Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 7, p. 38).


28 – “Fejn id-debitur ikun [...] applika għall-[...] irtirar ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar skond l-Artikolu 10, il-qorti kompetenti jew awtorità fl-Istat Membru tal-infurzar tista’, wara applikazzjoni mid-debitur: [...] (ċ) taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, twaqqaf il-proċeduri ta’ infurzar”.


29 – Ara, per eżempju, fil-kuntest tar-Regolament, Dokument 7730/03 tad-delegazzjoni Ġermaniża, tal-21 ta’ Marzu 2003, li titlob b’mod żelanti (p. 10) favur il-possibbiltà ta’ rikors kontra l-ħruġ taċ-ċertifikat – pożizzjoni li madankollu ma ġietx ikkunsidrata fir-Regolament kif adottat. Fil-kuntest tar-Regolament Nru 805/2004, min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni [COM(2002) 159 finali] ipprevediet sempliċiment, iżda b’raġunament komplet u espliċitu fl-espożizzjoni tal-motivi, li d-deċiżjoni dwar talba għal ċertifikat “mhijiex suġġetta għal rikors” – pożizzjoni li l-Kummissjoni żammet fil-proposta emendata tagħha [COM(2003) 341 finali] anki wara proposta għal emenda tal-Parlament Ewropew li tistabbilixxi possibbiltà ta’ rikors, iżda li ma ġietx aċċettata mill-Parlament u mill-Kunsill fit-test finalment adottat.


30 – Ara s-sentenza Rinau, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 8, punti 58 et seq. Tali digriet, jekk dan ma għandux l-infurzabbiltà immedjata prevista fl-Artikoli 42 u 47 tar-Regolament, jista’ madankollu jibbenefika mill-proċeduri ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar previsti għal deċiżjonijiet oħra fl-Artikoli 28 et seq.


31 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 8; ara, b’mod partikolari, il-punti 85 sa 96 tal-opinjoni.


32 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 23; ara, b’mod partikolari, il-punti 127, 128 u 148 sa 154 tal-konklużjonijiet.


33 – Artikolu 35 tar-Regolament, fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III, li ma japplikax għad-deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn tal-minuri, irregolati permezz tat-Taqsima 4.


34 – Ara d-Dokument 7730/03 tad-Delegazzjoni Ġermaniża, tal-21 ta’ Marzu 2003, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 29. Qabel dan kien l-Artikolu 48 tal-abbozz ta’ regolament.


35 – Ara l-punt 91 ta’ din l-opinjoni.


36 – Meta ssir referenza għall-Artikolu “15(b)(5)”, ma huwiex ċert jekk it-Tribunale per i Minorenni di Venezia riedx ifisser il-punt (b) tal-paragrafi 1, 2 jew 3 tal-Artikolu 15 tar-Regolament, inkwantu kull wieħed minn dawn il-paragrafi jista’ jkun rilevanti meta dan ikun il-każ. L-ispjegazzjoni l-iktar plawżibbli tidher madankollu li l-omm talbet lil din il-qorti, abbażi tal-paragrafu 1(b) li titlob lill-Bezirksgericht Judenburg “biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5”.


37 – Barra minn dan, jiena ninnota li l-wild rrisjediet b’mod abitwali fl-Awstrija għall-iktar min-nofs ħajjitha (kemm jekk hemm jew ma hemmx “residenza abitwali” fis-sens tar-Regolament), li jista’ eventwalment jissodisfa l-kundizzjoni taħt l-inċiż (b), skont id-diċitura tagħha bil-Franċiż, iżda mhux neċessarjament f’verżjonijiet lingwistiċi oħra.


38 – Ninnota li l-verżjoni Ingliża tar-Regolament tipprevedi, iktar espliċitament, li l-qorti kkonċernata taċċetta l-ġurisdizzjoni, u mhux tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni.


39 – Jirriżulta mid-deċiżjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tal-10 ta’ Lulju 2009 li l-Bezirksgericht Judenburg effettivament għamlet tali talba – iżda simultanjament mad-dikjarazzjoni tagħha li kellha ġurisdizzjoni u għalhekk mingħajr ma stenniet risposta għal din it-talba.


40 – Barra minn dan, ninnota li l-Artikolu 15 huwa applikabbli biss jekk il-qorti li tittrasferixxi l-kawża għandha hija nfisha ġurisdizzjoni. Għalhekk, billi bbażat ruħha fuq dan l-artikolu, il-Bezirksgericht Judenburg, impliċitament iżda neċessarjament, irrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia fis-26 ta’ Mejju 2009.


41 – Ara l-punt 120 ta’ din l-opinjoni.