Language of document : ECLI:EU:T:2003:326

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Diċembru 2003 (*)

“Kompetizzjoni – Distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Artikolu 81(1) KE – Ftehim fuq il-prezzijiet – Kunċett ta’ ftehim – Prova tal-eżistenza ta’ ftehim”

Fil-Kawża T-208/01,

Volkswagen AG, stabbilita f’Wolfsburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Bechtold, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Mölls, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, b’mod prinċipali, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/711/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2001, fi proċedura prevista mill-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża COMP/F-2/36.693 – Volkswagen) (ĠU L 262, p. 14) u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn V. Tiili, President, P. Mengozzi u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Volkswagen AG (iktar ’il quddiem “Volkswagen” jew “ir-rikorrenti”) hija l-kumpannija holding u l-ikbar impriża tal-grupp Volkswagen, attiva fis-settur tal-kostruzzjoni tal-vetturi bil-mutur. Il-vetturi bil-mutur prodotti mir-rikorrenti jinbiegħu fil-Komunità, fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u esklużiva, minn konċessjonarji li r-rikorrenti kkonkludiet kuntratt ta’ konċessjoni magħhom.

2        Skont l-Artikolu 4(1) tal-kuntratt ta’ konċessjoni fil-verżjonijiet tiegħu tax-xahar ta’ Settembru 1995 u tax-xahar ta’ Jannar 1998, Volkswagen tagħti lill-konċessjonarju territorju kuntrattwali għall-programm ta’ kunsinna u għas-servizzi ta’ wara l-bejgħ. Inkambju, il-konċessjonarju jintrabat li jippromwovi l-bejgħ u s-servizzi ta’ wara l-bejgħ b’mod intensiv fit-territorju konċess lilu u li jisfrutta l-potenzjal tas-suq bl-aħjar mod. Skont l-Artikolu 2(6) (verżjoni tax-xahar ta’ Jannar 1989), tal-kuntratt ta’ konċessjoni, il-konċessjonarju jintrabat li “iħares l-interessi ta’ [Volkswagen], tal-organizzazzjoni ta’ distribuzzjoni ta’ Volkswagen u tat-trade mark Volkswagen u li jiżgura l-promozzjoni tagħha bil-mezzi kollha”. Huwa wkoll stabbilit li “l-konċessjonarju għandu josserva, għal dan il-għan, ir-rekwiżiti kollha għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt f’dak li jirrigwarda d-distribuzzjoni tal-vetturi bil-mutur Volkswagen li huma ġodda, il-provvista ta’ partijiet separati [spare parts], is-servizzi ta’ wara l-bejgħ, il-promozzjoni tal-bejgħ, ir-reklamar u t-taħriġ, kif ukoll il-garanzija tal-livell tekniku tad-diversi oqsma tal-operazzjonijiet ta’ Volkswagen”. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 8(1) tal-kuntratt ta’ konċessjoni, “[Volkswagen] tagħmel suġġerimenti ta’ prezzijiet li mhumiex vinkolanti għall-prezz finali u għat-tnaqqis fil-prezz”.

3        Fis-17 ta’ Lulju 1997 u fit-8 ta’ Ottubru 1998, wara lment minn xerrej, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), talbiet għal informazzjoni rigward il-politika tariffarja tagħha u, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ tal-mudell tal-vettura Volkswagen Passat fil-Ġermanja. Ir-rikorrenti wieġbet għal dawn it-talbiet, rispettivament, fit-22 ta’ Awwissu 1997 u fid-9 ta’ Novembru 1998.

4        Fit-22 ta’ Ġunju 1999, abbażi tal-informazzjoni mibgħuta, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti fejn akkużata li kisret l-Artikolu 81(1) KE billi ftehmet mal-konċessjonarji Ġermaniżi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha fuq regoli tariffarji rigorużi għall-bejgħ tal-mudelli Volkswagen Passat.

5        Fid-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni semmiet, b’mod partikolari, tliet ċirkolari indirizzati mir-rikorrenti lill-konċessjonarji Ġermaniżi tagħha, fis-26 ta’ Settembru 1996, fis-17 ta’ April u fis-26 ta’ Ġunju 1997, u ħames ittri indirizzati lil x’uħud fosthom, fl-24 ta’ Settembru, fit-2 u fis-16 ta’ Ottubru 1996, fit-18 ta’ April 1997, u fit-13 ta’ Ottubru 1998 (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“istediniet ikkontestati”).

6        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 1999, ir-rikorrenti wieġbet għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u indikat li l-fatti deskritti fl-imsemmija dikjarazzjoni kienu, essenzjalment, eżatti. Ir-rikorrenti ma talbitx li tiġi mismugħa.

7        Fil-15 ta’ Jannar u fis-7 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni indirizzat żewġ talbiet ġodda għal informazzjoni lir-rikorrenti, u din wieġbet għalihom, rispettivament, fit-30 ta’ Jannar u fil-21 ta’ Frar 2001.

8        Fis-6 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti bid-Deċiżjoni tagħha 2001/711/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2001, fi proċedura prevista mill-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża COMP/F-2/36.693 – Volkswagen) (ĠU L 162, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

“Artikolu 1

[Volkswagen] wettqet ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE sa fejn hija ffissat il-prezzijiet tal-bejgħ tal-mudell Volkswagen Passat billi talbet li l-konċessjonarji kuntrattwali Ġermaniżi tagħha ma jagħtux roħs lill-klijenti tagħhom jew li jagħtuhom biss roħs ristrett fil-bejgħ ta’ dan il-mudell.

Artikolu 2

Minħabba l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, multa tal-ammont ta’ EUR 30,96 miljun hija imposta fuq [Volkswagen].

[...]

Artikolu 4

[Volkswagen], D-38436 Wolfsburg, hija destinatarja ta’ din id-deċiżjoni [...]”

 Proċedura

10      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2001, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

11      Fil-25 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni ppreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza l-kontroreplika tagħha, jiġifieri erbat ijiem wara l-iskadenza tat-terminu ffissat għall-preżentata tal-kontroreplika, mingħajr ma talbet li l-imsemmi terminu jiġi ddifferit u kisbet dan, u mingħajr ma indikat iċ-ċirkustanzi li huma tali li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet din il-kontroreplika bħala tardiva.

12      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri orali.

13      Il-partijiet instemgħu fit-trattazzjonijiet tagħhom u fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2003.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      B’mod prinċipali, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba li r-rikorrenti ma wettqitx ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Minn naħa, l-ebda akkordju [ftehim], fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma sar bejnha u bejn il-konċessjonarji Ġermaniżi tagħha. Min-naħa l-oħra, anki jekk jingħad li huma kienu s-suġġett ta’ ftehim, l-istediniet ikkontestati ma setgħux jaffettwaw, u inqas u inqas jaffettwaw b’mod konsiderevoli, il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’tali mod li l-Artikolu 81(1) KE mhuwiex applikabbli. Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

17      Qabel kollox, għandha tiġi eżaminata t-talba prinċipali intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, f’dan il-kuntest, il-motiv tar-rikorrenti li jgħid li l-istediniet ikkontestati ma kinux is-suġġett ta’ ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, bejnha u bejn il-konċessjonarji Ġermaniżi tagħha.

 L-argumenti tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti tosserva, qabel kollox, li, skont ġurisprudenza kostanti, il-qbil tar-rieda bejn impriżi jikkostitwixxi l-element ċentrali tal-kunċett ta’ ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Għal din ir-raġuni, miżuri unilaterali meħuda mingħajr il-ftehim mad-destinatarju tagħhom ma jaqgħux taħt din id-dispożizzjoni. Huma pprojbiti biss b’mod eċċezzjonali, meta huma jkollhom biss id-dehra ta’ natura unilaterali u meta d-destinatarju tagħhom jaċċetta b’mod taċitu. Dan huwa minnu anki fil-kuntest tad-distribuzzjoni selettiva (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1979, BMW Belgium vs Il-Kummissjoni, 32/78, 36/78 sa 82/78, Ġabra p. 2435, iktar ’il quddiem is-“sentenza BMW Belgium”; tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, iktar ’il quddiem is-“sentenza AEG”; tal-11 ta’ Jannar 1990, Sandoz prodotti farmaceutici vs Il-Kummissjoni, C-277/87, Ġabra p. I-45, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sandoz”, u tat-8 ta’ Frar 1990, Tipp-Ex vs Il-Kummissjoni, C-279/87, Ġabra p. I-261; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-41/96, Ġabra p. II-3383, punti 71 et seq, 162, 167, 169 u 170, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bayer”).

19      Għalhekk il-Kummissjoni tiżbalja meta tallega, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li stediniet unilaterali ta’ dak li jagħti l-liċenzja jikkostitwixxu ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, meta huma “jkollhom bħala għan li jinfluwenzaw” il-konċessjonarju fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu, u meta tikkonkludi, abbażi ta’ dan, li jeżisti tali ftehim f’dan il-każ. B’dan il-mod, il-Kummissjoni qed tipprova timponi approċċ ġuridiku ġdid li mhux biss iwessa’ l-kunċett ta’ “ftehim”, iżda jbiddel ukoll, favur tagħha, ir-regoli tal-oneru tal-prova. Dan l-approċċ jimplika li tentattiv ta’ influwenza diġà jista’ jikser l-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, la s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (T-62/98, Ġabra p. II-2707, iktar ’il quddiem is-“sentenza Volkswagen”), li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqha, u lanqas is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1985, Ford vs Il-Kummissjoni (25/84 u 26/84, Ġabra p. 2725, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ford”), u tal-24 ta’ Ottubru 1995, Bayerische Motorenwerke vs ALD (C-70/93, Ġabra p. I-3439, iktar ’il quddiem is-“sentenza BMW”), li s-sentenza Volkswagen tirreferi għalihom, ma jikkontestaw il-ġurisprudenza li tipprovdi li kollox jiddependi fuq il-fatt jekk jeżistix kunsens, espress jew taċitu.

20      Imbagħad ir-rikorrenti tosserva li, ukoll skont ġurisprudenza kostanti, aġir li jidher unilaterali jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE biss jekk ikun “parti” minn relazzjonijiet kuntrattwali, jiġifieri jekk ikun kompatibbli mar-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti skont l-interpretazzjoni konkordanti taż-żewġ partijiet fil-kuntratt. Huwa biss f’dan il-każ li l-“konkretizzazzjoni” tar-rabtiet kuntrattwali affermata mill-Kummissjoni tista’ sseħħ. Għaldaqstant mhuwiex biżżejjed li l-istediniet minn dak li jagħti l-liċenzja “jaqgħu” taħt rabta kuntrattwali diġà eżistenti, u lanqas li din il-persuna li tagħti l-liċenzja tirreferi, f’dawn l-istediniet, għall-kuntratt ta’ konċessjoni.

21      Ir-rikorrenti ssostni li konċessjonarju li jingħaqad ma’ netwerk ta’ distribuzzjoni jista’ jindika l-qbil tiegħu fuq politika ta’ distribuzzjoni biss sa fejn hija diġà hija stabbilita. Il-bidliet ulterjuri ta’ din il-politika jistgħu jseħħu biss jekk il-kuntratt jipprovdi riżerva korrispondenti, u biss f’dan il-limitu. Fin-nuqqas ta’ dan, il-kuntratt għandu jiġu mibdul miż-żewġ partijiet. L-istediniet ikkontestati, li wara kollox ġejjin, fir-rigward ta’ x’uħud minnhom, biss minn direttur tal-bejgħ tar-rikorrenti u li huma miktubin fuq karti bl-intestatura personali tiegħu, mhux biss huma oġġettivament inkompatibbli mal-kuntratt ta’ konċessjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 8(1) tiegħu, li jipprovdi biss għal prezzijiet suġġeriti, iżda wkoll ġew mifhumin bħala tali mill-konċessjonarji, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-reazzjonijiet tal-konċessjonarji Binder u Rütz. L-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, li din id-dispożizzjoni tal-kuntratt ma tiggarantixxix li r-rikorrenti ser tastjeni mill-istruzzjonijiet vinkolanti fiil-qasam tal-prezzijiet fil-kuntest tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi kuntratt, jew li ma jistax jiġi konkluż mill-fatt li aġir jikser l-Artikolu 81(1) KE li huwa ma jaqax taħt riżerva kuntrattwali ġenerali, huma inkompatibbli mal-metodi ta’ interpretazzjoni tal-kuntratti. Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ma tistax tissuġerixxi li l-kuntratt ta’ konċessjoni jinkludi riżerva impliċita li tippermetti l-iffissar tal-prezzijiet. Barra minn hekk, il-fatt li x’uħud mill-istediniet ikkontestati kienu akkumpanjati b’theddid ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni ma jfissirx li dan il-kuntratt jikkostitwixxi l-bażi oġġettiva ta’ dawn l-istediniet.

22      Ir-rikorrenti ssostni li għaldaqstant il-Kummissjoni żbaljat meta affermat li l-kwistjoni dwar jekk il-konċessjonarji kinux effettivament biddlu l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom wara l-istediniet ikkontestati setgħet tibqa’ sospiża u li konstatazzjonijiet iktar preċiżi f’dan ir-rigward ma kinux neċessarji. Fil-fatt, wieħed jista’ jammetti l-eżistenza ta’ ftehim biss jekk il-konċessjonarji kienu aċċettaw l-istediniet ikkontestati u – mill-inqas fir-rigward tal-prova ta’ dan il-ftehim – biddlu wkoll l-aġir tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet.

23      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aġir allegatament adottat mill-konċessjonarji wara l-istediniet ikkontestati, ir-rikorrenti ssostni li, jekk hija mhijiex f’pożizzjoni li tipprova li dawn ma influwenzawx l-aġir tal-konċessjonarji fil-qasam tal-prezzijiet, jibqa’ l-fatt li ċ-ċifri ċċitati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mhux talli ma jirriflettux bidliet sinjifikattivi ta’ dan l-aġir, iżda juru, bil-kontra, żieda fir-roħs. Ir-rikorrenti tipproponi li ssejjaħ xhud f’dan ir-rigward u tindika ċifri li jindikaw li r-roħs mogħti mill-konċessjonarji żdied.

24      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-istediniet ikkontestati saru parti integrali mill-kuntratt ta’ konċessjoni u jikkostitwixxu, minħabba f’hekk, ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

25      B’mod prinċipali, il-Kummissjoni ssostni, qabel kollox, li, skont is-sentenzi AEG, Ford, BMW u Volkswagen, mhuwiex neċessarju, mill-inqas fil-każ ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva bħalma huwa l-każ inkwistjoni, li jiġi mfittex fl-aġir li l-konċessjonarju jadotta fil-kuntest ta’ din l-istedina (pereżempju wara li jkun rċeviha) li huwa aċċetta. Dan il-qbil għandu jitqies bħala stabbilit bħala prinċipju, mis-sempliċi fatt li l-konċessjonarju daħal fin-netwerk ta’ distribuzzjoni. Għaldaqstant huwa meqjus bħala mogħti minn qabel mill-konċessjonarju. Skont il-Kummissjoni, din il-ġurisprudenza, li sservi ta’ bażi għad-deċiżjoni kkontestata, mhijiex ikkontestata mis-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti, anzi, pjuttost huwa l-kontra.

26      Imbagħad il-Kummissjoni ssostni li mhuwiex neċessarju li kuntratt ta’ distribuzzjoni jinkludi klawżola ta’ riżerva espliċita sabiex stedina indirizzata minn dak li jagħti l-liċenzja ssir parti minn dan il-kuntratt. Il-punt determinanti huwa l-għan wara l-istedina, li huwa li jiġu influwenzati l-konċessjonarji fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. Għalhekk, il-politika illegali ta’ dak li jagħti l-liċenzja, adottata fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni legali, tista’ ssir parti integrali minn dan il-kuntratt mingħajr ma dan ikollu jinkludi riżerva espliċita f’dan is-sens. Fil-fatt huwa preżunt li billi jaderixxi fis-sistema ta’ distribuzzjoni, il-konċessjonarju japprova minn qabel il-politika ta’ distribuzzjoni ta’ dak li jagħti l-liċenzja, politika li naturalment mhijiex prevedibbli fid-dettalji l-iktar speċifiċi tagħha fil-mument tal-adeżjoni tal-konċessjonarju. Dawn il-prinċipji jgħoddu wkoll għall-politika ta’ dak li jagħti l-liċenzja fil-qasam tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid. Is-sentenzi AEG u Ford jikkonfermaw dan l-argument.

27      Sussidjarjament u fil-każ li jitqies li klawżola ta’ riżerva espliċita hija neċessarja, l-Artikolu 2(1) jew l-Artikolu 2(6) tal-kuntratt ta’ konċessjoni għandu, skont il-Kummissjoni, jitqies bħala tali klawżola. L-argumenti mressqa mir-rikorrenti, ibbażati fuq il-portata tal-Artikolu 8(1) tal-kuntratt ta’ konċessjoni, fuq in-nuqqas f’dan il-kuntratt ta’ klawżola li tipprovdi għal sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tas-suġġerimenti tal-kostruttur u fuq il-fatt li l-Artikolu 2(1) jew l-Artikolu 2(6) tal-imsemmi kuntratt huwa msemmi biss f’uħud mill-istediniet ikkontestati ma jikkontestawx din l-evalwazzjoni.

28      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aġir effettivament adottat mill-partijiet wara l-istediniet ikkontestati, il-Kummissjoni tqis, fid-difiża tagħha, li dan l-aġir jindika li huma qiesu l-istediniet ikkontestati baħal parti mill-kuntratt ta’ konċessjoni. L-argumenti tar-rikorrenti rigward it-tifsira li għandha tingħata lir-reazzjonijiet tal-konċessjonarji Binder u Rütz għall-istediniet ikkontestati u lill-fatt li x’uħud mill-istediniet ikkontestati kienu ġejjin minn direttur tal-bejgħ ta-rikorrenti li kitibhom fuq karti bl-intestatura personali tiegħu, ma jikkontestawx din l-evalwazzjoni.

29      Madankollu l-Kummissjoni tfakkar li l-ftehim issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat biss fuq l-istediniet ikkontestati, għaliex l-approvazzjoni tal-konċessjonarji diġà kienet ingħatat minn qabel, permezz tal-adeżjoni tagħhom fis-sistema ta’ distribuzzjoni. Għaldaqstant, mhuwiex rilevanti li l-konċessjonarji approvaw ukoll l-istediniet ikkontestati għal darba oħra, a posteriori, permezz tal-aġir effettiv tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet. Din il-kwistjoni tista’ titħalla sospiża (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kunsiderazzjonijiet kollha tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huma għaldaqstant irrilevanti.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza

30      Skont ġurisprudenza kostanti, sabiex ikun hemm ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod definit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 112, u tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 256, u s-sentenza Bayer, punt 67).

31      Fir-rigward tal-forma ta’ espressjoni tal-imsemmija rieda komuni, biżżejjed li stipulazzjoni tkun l-espressjoni tar-rieda tal-partijiet li jaġixxu fis-suq b’mod konformi mat-termini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112; Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u s-sentenza Bayer, punt 68).

32      Għaldaqstant il-kunċett ta’ ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza, huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ qbil tar-rieda bejn mill-inqas żewġ partijiet, li l-forma li fih huwa manifestat mhijiex importanti sakemm hija tikkostitwixxi l-espressjoni eżatta tar-rieda ta’ dawn (is-sentenza Bayer, punt 69).

33      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta deċiżjoni tal-produttur tikkostitwixxi aġir unilaterali tal-impriża, din id-deċiżjoni ma taqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AEG, punt 38; is-sentenza Ford, punt 21; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T-43/92, Ġabra p. II-441, punt 56, u s-sentenza Bayer, punt 66).

34      F’ċerti ċirkustanzi, miżuri adottati jew imposti mill-produttur b’mod li jidher unilaterali fil-kuntest tar-relazzjonijiet unilaterali kontinwi li huwa għandu mad-distributuri tiegħu tqiesu li jikkostitwixxu ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (is-sentenza BMW Belgium, punti 28 sa 30; is-sentenza AEG, punt 38; is-sentenza Ford, punt 21; is-sentenza Sandoz, punti 7 sa 12; is-sentenza BMW, punti 16 u 17, u s-sentenza Bayer, punt 70).

35      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn impriża tkun adottat miżura ġenwinament unilaterali, u għaldaqstant mingħajr il-parteċipazzjoni espressa jew taċita ta’ impriża oħra, u l-każijiet fejn il-miżura għandha biss id-dehra ta’ natura unilaterali.

36      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma tistax tqis li aġir li jidher li huwa unilaterali min-naħa ta’ produttur, adottat fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali li huwa għandu mal-bejjiegħa mill-ġdid tiegħu, fil-fatt jagħti lok għal ftehim bejn impriżi, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, jekk hija ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ qbil, espress jew taċitu, min-naħa tal-imsieħba l-oħra, mal-aġir adottat mill-produttur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BMW Belgium, punti 28 sa 30; is-sentenza AEG, punt 38; is-sentenza Ford, punt 21; is-sentenza Sandoz, punti 7 sa 12, u s-sentenza Bayer, punt 72).

37      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabitx il-prova ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, bejn ir-rikorrenti u l-konċessjonarji tagħha, fir-rigward tal-istediniet ikkontestati.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li mhuwiex stabbilit li l-istediniet ikkontestati tqiegħdu effettivament fis-seħħ. Il-Kummissjoni tammetti dan, b’mod partikolari, fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kliem li ġej:

“Fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, huwa prattikament impossibbli li wieħed ikun jaf l-aġir eżatt tal-konċessjonarji […]”

39      Imbagħad il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, kif jirriżulta essenzjalment mill-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument imressaq mill-Kummissjoni, b’mod prinċipali, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa li l-politika ta’ distribuzzjoni inkwistjoni tar-rikorrenti ġiet aċċettata b’mod taċitu mill-konċessjonarji mal-firma tal-kuntratt ta’ konċessjoni. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, “il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn il-konċessjonarji Volkswagen Ġermaniżi effettivament biddlu l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom skont iċ-ċirkolari u l-intimazzjonijiet tista’ titħalla sospiża” (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha fil-punt 8 tar-risposta tagħha, li tgħid li “mhuwiex neċessarju, mill-inqas fil-każ ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva bħalma huwa l-każ [inkwistjoni], li jiġi mfittex fl-aġir li l-konċessjonarju jadotta fil-kuntest ta’ din l-istedina (pereżempju wara li jkun rċeviha) li huwa aċċetta l-istedina tal-kostruttur”. Skont il-Kummissjoni, “[d]an il-qbil għandu jitqies bħala stabbilit, bħala prinċipju, mis-sempliċi fatt li l-konċessjonarju daħal fin-netwerk ta’ distribuzzjoni” u “[g]ħaldaqstant huwa meqjus bħala mogħti minn qabel”. Il-Kummissjoni tkompli tgħid, essenzjalment, li ma tantx huwa rilevanti li l-kuntratt jinkludi jew le klawżola ta’ riżerva espliċita li tipprovdi għall-possibbiltà ta’ stedina bħalma huma l-istediniet ikkontestati. Fin-nuqqas ta’ tali klawżola, din l-istedina tista’ madankollu ssir parti integrali mill-kuntratt, “tidħol” fil-kuntratt. Il-punt determinanti huwa l-għan wara din l-istedina, li huwa li jiġu influwenzati l-konċessjonarji fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt (punti 11 u 12 tar-risposta).

41      L-istess idea hija espressa fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni, filwaqt li tiċċita s-sentenza Volkswagen (punt 236), tgħid li “stediniet indirizzati minn kostruttur ta’ vetturi bil-mutur lill-konċessjonarji tiegħu b’kuntratt jikkostitwixxu ftehim meta huma ‘(intiżi) […] sabiex jinfluwenzaw lill-konċessjonarji […] fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tagħhom mal-(kostruttur jew l-importatur)”.

42      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma tallega li l-kuntratt ta’ konċessjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) jew l-Artikolu 2(6) tiegħu, jikser id-dritt dwar il-kompetizzjoni.

43      Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni ripetut biċ-ċar fil-punt 15 tar-risposta, jammonta għall-allegazzjoni li konċessjonarju li ffirma kuntratt ta’ konċessjoni konformi mad-dritt dwar il-kompetizzjoni jitqies, mal-firma u permezz ta’ din il-firma, aċċetta minn qabel bdil ulterjuri illegali ta’ dan il-kuntratt, meta, preċiżament minħabba l-konformità tiegħu mad-dritt dwar il-kompetizzjoni, l-imsemmi kuntratt ma setax jippermetti lill-konċessjonarju li jipprovdi għal tali bdil.

44      Dan l-argument tal-Kummissjoni, li huwa l-bażi prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata u li bis-saħħa tiegħu l-Kummissjoni teskludi bħala irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk il-konċessjonarji tar-rikorrenti effettivament qablux mal-istediniet ikkontestati meta saru jafu bihom, jiġifieri wara li huma ġew indirizzati lilhom, ma jistax jinltaqa’.

45      Fil-fatt, huwa ċertament prevedibbli li bdil kuntrattwali jista’ jitqies bħala aċċettat minn qabel, mal-firma u permezz ta’ din il-firma ta’ kuntratt ta’ konċessjoni legali, fir-rigward ta’ bdil kuntrattwali legali li huwa previst mill-kuntratt, jiġifieri bdil li l-konċessjonarju ma jistax, fid-dawl tal-użanzi kummerċjali jew tal-leġiżlazzjoni, jirrifjuta. Min-naħa l-oħra, ma jistax jingħad li bdil kuntrattwali illegali jista’ jitqies bħala aċċettat minn qabel, mal-firma u permezz ta’ din il-firma ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni legali. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-qbil mal-bdil kuntrattwali illegali jista’ jseħħ biss wara li l-konċessjonarju jsir jaf bil-bdil mixtieq minn dak li jagħti l-liċenzja.

46      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiżbalja meta tallega, f’din il-kawża, li l-iffirmar mill-konċessjonarji tar-rikorrenti tal-kuntratt ta’ konċessjoni involva aċċettazzjoni min-naħa tagħha tal-istediniet ikkontestati. Tali allegazzjoni tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE kif interpretat mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-punti 30 sa 36 iktar ’il fuq, li jeżiġi li tinġab il-prova tal-qbil tar-rieda tal-partijiet.

47      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza li hija tinvoka insostenn tal-argument tagħha, meta hija tallega li, skont is-sentenzi AEG, Ford, BMW u Volkswagen, mhuwiex neċessarju, mill-inqas fil-każ ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva bħal dak inkwistjoni, li jiġi mfittex fl-aġir li l-konċessjonarju jadotta fil-kuntest ta’ din l-istedina (pereżempju wara li jkun rċeviha) li huwa aċċetta, u dan il-qbil għandu jitqies bħala stabbilit, bħala prinċipju, mis-sempliċi fatt li l-konċessjonarju daħal fin-netwerk ta’ distribuzzjoni.

48      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza AEG, tikkonstata b’mod espliċitu l-qbil tad-distributuri mal-aġir antikompetittiv ta’ AEG meta hija tgħid li “fil-każ ta’ ammissjoni ta’ distributur, l-approvazzjoni hija bbażata fuq l-aċċettazzjoni, espressa jew taċita, min-naħa tal-kontraenti, tal-politika segwita minn AEG li teżiġi, fost l-oħrajn, l-esklużjoni tan-netwerk ta’ distributuri li għandhom il-kwalitajiet sabiex jiġu ammessi, iżda li mhumiex lesti li jaderixxu ma’ din il-politika” (punt 38 tas-sentenza).

49      Fi kliem ieħor, fis-sentenza AEG, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssuġġerietx li l-qbil tad-distributuri mal-politika antikompetittiva ta’ AEG kienet tikkostitwixxi qbil mogħti minn qabel, mal-firma tal-kuntratt, ma’ politika ta’ produttur li għadha mhijiex magħrufa.

50      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dak li jingħad fil-punt 38 tas-sentenza AEG, jiġifieri li l-aġir ta’ AEG mhuwiex unilaterali iżda “jaqa’ taħt ir-relazzjonijiet kuntrattwali li l-impriża għandha mal-bejjiegħa mill-ġdid tagħha” mhijiex affermazzjoni assoluta, iżda hija bbażata fuq il-konstatazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-qbil tad-distributuri ma’ dan l-aġir, liema aġir kien intiż, ipotetikament, sabiex jinfluwenza l-imsemmija relazzjonijiet kuntrattwali.

51      Fis-sentenza Ford, il-kawża ma kinitx tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-konċessjonarji kinux qablu jew le maċ-ċirkolari b’għan antikompetittiv li Ford kienet indirizzatilhom. Fil-fatt, kien stabbilit li ċ-ċirkolari kienet tqiegħdet effettivament fis-seħħ minn Ford u li l-konċessjonarji, minkejja dikjarazzjonijiet ta’ protesta, ċedew. Il-kawża kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk din iċ-ċirkolari, applikata mill-partijiet, setgħetx tiġi marbuta mal-kuntratt ta’ konċessjoni Ford, għall-eżami ta’ dan il-kuntratt fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE għal eventwali eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li qieset li ċ-ċirkolari inkwistjoni kienet marbuta mal-kuntratt ta’ konċessjoni (Anness I tal-imsemmi kuntratt), setgħet tgħid li l-Kummissjoni kellha d-dritt teħodha inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħha tal-imsemmi kuntratt għal eventwali eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE (is-sentenza Ford, punti 20, 21 u 26).

52      F’dak li jikkonċerna s-sentenza BMW, mogħtija fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din is-sentenza mhijiex direttament rilevanti fil-każ inkwistjoni. Fil-fatt, f’din il-kawża, id-domanda magħmula ma kinitx dwar jekk ftehim kienx effettivament sar bejn BMW u l-konċessjonarji tagħha fuq il-kontenut taċ-ċirkolari indirizzata minn BMW lill-imsemmija konċessjonarji, iżda pjuttost dik jekk tali stedina, jekk jingħad li ġiet aċċettata u li hija tikkostitwixxi, għaldaqstant, ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, kinitx taqa’ taħt ir-regolament ta’ eżenzjoni rilevanti, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 123/85, tat-12 ta’ Diċembru 1984, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [81](3) tat-Trattat KEE għal kategoriji ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni u ta’ servizzi ta’ bejgħ u ta’ wara l-bejgħ ta’ vetturi bil-mutur [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1985, L 15, p. 16).

53      F’dak li jikkonċerna l-kawża li tat lok għas-sentenza Volkswagen, jirriżulta biċ-ċar, kemm mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni kif ukoll mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’din il-kawża (ara l-punt 236 tas-sentenza Volkswagen, moqrija flimkien mal-punti li hija tirreferi għalihom) u kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (C-338/00 P, Ġabra p. I-9189), li l-inizjattivi tal-kostruttur ġew effettivament segwiti b’azzjoni, pererss li l-konċessjonarji Taljani kkonformaw ruħhom magħhom u għaldaqstant irrifjutaw li jbiegħu lill-klijenti barranin tagħhom. Għalhekk, l-aċċettazzjoni tal-inizjattivi antikompetittivi ta’ Volkswagen mill-konċessjonarji tagħha ma kintix f’dubju f’din il-kawża.

54      Għalhekk, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Volkswagen, li tikkonsisti fiċ-ċaħda tal-motiv ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura allegatament unilaterali tal-inizjattivi ta’ Volkswagen, kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ qbil li jirriżulta mit-tqegħid fis-seħħ effettiv tal-inizjattivi tal-kostruttur.

55      Minn din l-analiżi tas-sentenzi AEG, Ford, BMW u Volkswagen jirriżulta li l-Kummissjoni żbaljat meta invokathom insostenn tal-argument tagħha li l-firma ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni timplika, bħala prinċipju u b’mod inkonfutabbli, l-aċċettazzjoni taċita ta’ eventwali bdil illegali ta’ dan il-kuntratt.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-argument sostnut mill-Kummissjoni f’din il-kawża huwa invalidat biċ-ċar permezz tas-sentenzi Sandoz, BMW Belgium, Bayer u s-sentenza Tipp-Ex vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, iċċitati mir-rikorrenti. Fil-fatt, dawn is-sentenzi jikkonfermaw, ilkoll, in-neċessità, sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li tinġab il-prova tal-qbil tar-rieda tal-partijiet. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, tali qbil tar-rieda tal-partijiet għandu jirrigwarda aġir determinat, li għandu, għaldaqstant, ikun magħruf mill-partijiet meta huma jaċċettawh.

57      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-element determinanti tal-inklużjoni ta’ stedina f’kuntratt huwa li din l-istedina tkun intiża sabiex tinfluwenza l-konċessjonarju fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. Jekk dan kien ikun il-każ, it-trażmissjoni minn dak li jagħti l-liċenzja ta’ stedina lill-konċessjonarji tiegħu twassal, sistematikament, għall-konstatazzjoni ta’ ftehim, peress li, minnha nfisha, tali stedina hija intiża sabiex tinfluwenza dawn il-konċessjonarji fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tagħhom.

58      Bil-kontra, stedina tidħol f’kuntratt diġà eżistenti, jiġifieri ssir parti integrali mill-imsemmi kuntratt, ladarba, ċertament, din l-istedina tkun intiża sabiex tinfluwenza l-konċessjonarji fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, iżda, fuq kollox, ladarba din l-istedina tiġi, b’mod jew ieħor, effettivament aċċettata mill-konċessjonarji.

59      F’dan il-każ, il-Kummissjoni sempliċement osservat dak li kien ċar, jiġifieri li l-istediniet ikkontestati kienu intiżi sabiex jinfluwenzaw lill-konċessjonarji fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tagħhom. Hija ma qisitx bħala rilevanti li ġġib il-prova ta’ qbil effettiv tal-konċessjonarji ma’ dawn l-istediniet meta huma saru jafu bihom, iżda qieset, b’mod żbaljat, li l-firma tal-kuntratt, legali, kienet timplika aċċettazzjoni taċita mogħtija minn qabel għall-imsemmija stediniet. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ġabitx il-prova tal-eżistenza ta’ ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 66 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li jeżaminaw l-aġir, il-kitbiet u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet, bl-ebda mod ma huma intiżi sabiex jipprovaw li l-konċessjonarji qablu mal-istediniet ikkontestati meta huma saru jafu bihom. Permezz ta’ dawn il-premessi, il-Kummissjoni għandha biss l-għan li tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-kuntratt, espressa fil-premessi 63 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata u li tikkostitwixxi l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni eżaminat iktar ’il fuq, li jipprovdi li rabta organika, ikkostitwita permezz tal-Artikolu 2(1) jew tal-Artikolu 2(6) tal-kuntratt ta’ konċessjoni, f’kull każ tgħaqqad l-istediniet ikkontestati mal-imsemmi kuntratt. Huwa wkoll f’dan is-sens li wieħed għandu jifhem l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, fil-punt 29 tar-risposta tagħha, li l-konċessjonarji qiesu l-istediniet ikkontestati bħala “parti” mill-kuntratt.

61      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jitqies li klawżola ta’ riżerva hija neċessarja fil-kuntratt ta’ konċessjoni sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-inklużjoni tal-istediniet ikkontestati f’dan il-kuntratt, l-Artikolu 2(1) jew l-Artikolu 2(6) tal-imsemmi kuntratt għandu jitqies bħala tali klawżola.

62      Dan l-argument sussidjarju ma jistax jintlaqa’.

63      Fil-fatt, l-Artikolu 2(1) jew l-Artikolu 2(6) tal-kuntratt ta’ konċessjoni, li jipprovdi li l-konċessjonarju jintrabat li “iħares l-interessi ta’ [Volkswagen], tal-organizzazzjoni ta’ distribuzzjoni ta’ Volkswagen u tat-trade mark Volkswagen u li jiżgura l-promozzjoni tagħha bil-mezzi kollha”, jista’ jiġi interpretat biss fis-sens li qed jirreferi unikament għall-mezzi li huma konformi mal-liġi. Interpretazzjoni kuntrarja twassal, fil-fatt, sabiex jiġi konkluż minn tali klawżola kuntrattwali, miktuba fi kliem newtrali, li l-konċessjonarji ntrabtu b’patt illegali.

64      Fir-rigward tal-Artikolu 8(1) tal-kuntratt ta’ konċessjoni, dan huwa wkoll miktub fi kliem newtrali, jew saħansitra pjuttost fis-sens li jipprojbixxi l-possibbiltà għal Volkswagen li toħroġ suġġerimenti ta’ prezzijiet vinkolanti.

65      Il-fatt li, fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-Artikolu 8(1) tal-kuntratt ta’ konċessjoni “ma joffrix il-garanzija lill-konċessjonarji li l-kostruttur ser jastjeni għal dejjem milli jagħti istruzzjonijiet vinkolanti fil-qasam tal-prezzijiet, […]” jenfasizza biss in-newtralità ta’ din id-dispożizzjoni u l-fatt li huwa bl-ebda mod ma jħabbar miżuri vinkolanti.

66      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-fatt li Volkswagen tinvoka l-Artikolu 2 tal-kuntratt ta’ konċessjoni fl-istediniet ikkontestati mhuwiex ir-raġuni, oġġettivament, għaliex dan l-artikolu huwa l-bażi ta’ dawn l-istediniet. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ eventwali rabta organika bejn l-Artikolu 2 tal-kuntratt ta’ konċessjoni u l-istediniet ikkontestati tista’ tiġi stabbilita biss oġġettivament, fl-analiżi tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati u indipendentement minn dak li jingħad ulterjorment minn wieħed mill-kontraenti. Kif intqal iktar ’il fuq, mit-termini nfushom tal-imsemmi Artikolu 2 jirriżulta li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tipprevedi bdil antikompetittiv tal-kuntratt.

67      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 2(1) jew l-Artikolu 2(6) tal-kuntratt ta’ konċessjoni jikkostitwixxi l-klawżola ta’ riżerva rilevanti li għandha bħala effett li l-istediniet ikkontestati ġew aċċettati sa mill-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, huwa żbaljat.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma ġabitx il-prova, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ qbil bejn ir-rieda tar-rikorrenti u dik tal-konċessjonarji tagħha, fir-rigward tal-istediniet ikkontestati. Konsegwentement id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tal-Artikolu 81(1) KE u għaldaqstant għandha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar il-motiv l-ieħor ta’ annullament ippreżentat mir-rikorrenti, u lanqas fuq it-talba sussidjarja intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeciedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/711/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2001, fi proċedura prevista mill-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża COMP/F-2/36.693 – Volkswagen) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Tiili

Mengozzi

Vilaras

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Diċembru 2003.

Reġistratur

 

       President

H. Jung

 

       V. Tiili


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.