Language of document : ECLI:EU:C:2007:249

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

26 ta' April 2007 (*)

“Proprjetà industrijali u kummerċjali – Dritt ta’ Trade Mark – Prodotti farmaċewtiċi – Importazzjoni parallela – Ippakkjar mill-ġdid ta’ prodott taħt Trade Mark”

Fil-kawża C-348/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Awwissu 2004, fil-kawża

Boehringer Ingelheim KG,

Boehringer Ingelheim Pharma GmbH & Co. KG

vs

Swingward Ltd,

u

Boehringer Ingelheim KG,

Boehringer Ingelheim Pharma GmbH & Co. KG

vs

Dowelhurst Ltd,

u

Glaxo Group Ltd

vs

Swingward Ltd,

u

Glaxo Group Ltd,

The Wellcome Foundation Ltd

vs

Dowelhurst Ltd,

u

SmithKline Beecham plc,

Beecham Group plc,

SmithKline & French Laboratories Ltd

vs

Dowelhurst Ltd,

u

Eli Lilly and Co.

vs

Dowelhurst Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, J. Klučka, J. Makarczyk, G. Arestis u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' 26 ta' Jannar 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal Boehringer Ingelheim KG u Boehringer Ingelheim Pharma GmbH & Co. KG, minn R. Subiotto, solicitor, kif ukoll minn E. Gonzalez Diaz u I. McGrath, legal advisers,

–        għal Eli Lilly and Co., minn S. Thorley u G. Hobbs, QC, kif ukoll minn G. Pritchard, barrister,

–        għal Glaxo Group Ltd, The Wellcome Foundation Ltd, SmithKline Beecham plc, Beecham Group plc u SmithKline & French Laboratories Ltd, minn M. Silverleaf, QC, u R. Hacon, barrister,

–        għal Swingward Ltd u Dowelhurst Ltd, minn N. Green u R. Arnold, QC, mandatarji ta’ C. Tunstall, solicitor,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Rasmussen u M. Shotter, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' 6 ta' April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7(2) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-Trade Marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), kif emendata mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ‘il quddiem id-"direttiva 89/104").

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawżi bejn Boehringer Ingelheim KG, Boehringer Ingelheim Pharma GmbH & Co. KG, Glaxo Group Ltd, The Wellcome Foundation Ltd, SmithKline Beecham plc, Beecham Group plc, SmithKline and French Laboratories Ltd u Eli Lilly and Co. (iktar ‘il quddiem, flimkien, "Boehringer Ingelheim et"), li huma produtturi ta’ prodotti farmaċewtiċi, u Swingward Ltd (iktar ‘il quddiem "Swingward") u Dowelhurst Ltd (iktar ‘il quddiem "Dowelhurst"), li huma importaturi paralleli u kummerċjanti ta’ prodotti bħal dawn, rigward prodotti mediċinali prodotti minn Boehringer Ingelheim et li ġew importati b'mod parallel u kkummerċjalizzati fir-Renju Unit minn Swingward u Dowelhurst, wara li ġew ippakkjati mill-ġdid u ngħataw tikketta ġdida.

 Id-dritt komunitarju

3        Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 28 KE, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għall-importazzjoni u l-miżuri b’effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri huma pprojbiti. Madankollu, skond l-Artikolu 30 KE, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet għall-importazzjoni bejn l-Istati Membri li huma ġġustifikati b’raġunijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali huma awtorizzati meta dawn ma jkunux la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija għall-kummerċ intrakommunitarju.

4        L-Artikolu 7 tad-direttiva 89/104, intitolat "Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark", jipprovdi:

"1.      It-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ merkanzija li tqiegħdet fuq is-suq taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju biex jopponi iktar kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija, speċjalment fejn il-kundizzjoni tal-merkanzija hi mibdula jew danneġġjata wara li tqiegħdet fuq is-suq."

5        Skond l-Artikolu 65(2) tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, moqri flimkien mal-punt 4 tiegħu, l-Artikolu 7(1), tad-direttiva 89/104 ġie emendat għall-finijiet ta’ l-imsemmi ftehim, billi l-frażi "fil-Komunità" ġiet issostitwita bil-kliem "fit-territorju ta’ parti kontraenti".

 Il-kawżi prinċipali, il-proċedura tar-rinviju preliminari fil-kawża C‑143/00 u d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju f'din il-kawża

6        Il-prodotti mediċinali kkonċernati fil-kawżi prinċipali ġew ikkummerċjalizzati fil-Komunità taħt Trade Marks differenti minn Boehringer Ingelheim et, fejn inxtraw minn Swingward kif ukoll minn Dowelhurst u ġew importati fir-Renju Unit. Sabiex jikkummerċjalizzawhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, dawn ta’ l-aħħar biddlu sa ċertu punt l-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti mediċinali kif ukoll il-fuljetti ta’ informazzjoni li huma inklużi magħhom.

7        Il-modifiki magħmula jvarjaw minn każ għall-ieħor. F’ċerti każijiet, tikketta b’informazzjoni importanti, bħall-isem ta’ l-importatur parallel u n-numru ta’ awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni parallela, tqiegħdet fuq il-pakkett oriġinali. Indikazzjonijiet miktuba f’lingwi oħra barra l-Ingliż baqgħu jidhru fuq dan l-ippakkjar u t-Trade Mark ma ġietx mgħottija. F'każijiet oħra, il-prodott ġie ppakkjat mill-ġdid f’kaxxi ddiżinjati mill-importatur parallel li fuqhom ġiet irriprodotta t-Trade Mark tal-produttur. F’każijiet oħra, il-prodott ġie ppakkjat mill-ġdid f’kaxxi ddiżinjati mill-importatur parallel li ma jurux it-Trade Mark tal-produttur, iżda l-isem ġeneriku tal-prodott. F’dan il-każ, il-pakkett li jinsab fil-kaxxa kellu t-Trade Mark oriġinali, iżda tikketta li teħel kienet tqegħdet sabiex turi l-isem ġeneriku tal-prodott kif ukoll l-identità tal-produttur u tad-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni parallela.

8        Boehringer Ingelheim et opponew dawn il-bidliet u għaldaqstant ressqu, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), rikorsi għal ksur tat-Trade Mark.

9        Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali kienet tiddependi minnn interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet ibbażati fuq it-trade mark tiegħu sabiex iwaqqaf jew jostakola l-importazzjoni tal-merkanzija tiegħu minn Stat membru għal ieħor jew sabiex jopponi ruħu kontra l-kummerċjalizzazzjoni jew il-promozzjoni ulterjuri tagħha meta l-importazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew il-promozzjoni ma taffettwax, jew ma taffettwax b’mod sostanzjali, is-suġġett speċifiku tad-drittijiet tiegħu?

2)      It-tweġiba għad-domanda preċedenti tkun differenti jekk ir-raġuni invokata mill-proprjetarju tkun li l-importatur jew id-distributur sussegwenti juża t-trade mark tiegħu b'mod li, minkejja li ma jippreġudikax is-suġġett speċifiku tiegħu, mhuwiex neċessarju?

3)      Jekk l-importatur tal-merkanzija tal-proprjetarju jew distributur ta’ din il-merkanzija importata għandu jipprova li l-użu tiegħu mit-trade mark tal-proprjetarju huwa ‘neċessarju’, din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta jekk huwa jistabbilixxi li l-użu tat-trade mark huwa raġjonevolment meħtieġ sabiex huwa jkollu aċċess (a) għal parti biss mis-suq ta’ din il-merkanzija jew (b) għas-suq kollu ta’ din il-merkanzija, jew din il-kundizzjoni teżiġi li l-użu tat-trade mark kien essenzjali sabiex jippermetti li l-merkanzija titqiegħed fis-suq, u, jekk l-ebda waħda minn dawn is-soluzzjonijiet ma hija korretta, xi tfisser ‘neċessarju’?

4)      Jekk, prima facie, il-proprjetarju ta’ trade mark għandu d-dritt li jinvoka d-drittijiet tiegħu ta’ trade mark nazzjonali quddiem kull użu tat-trade mark tiegħu fuq merkanzija jew b’relazzjoni magħha, li mhuwiex neċessarju, il-fatt li jintuża dan id-dritt sabiex jiġu ostakolati jew esklużi l-importazzjonijiet paralleli tal-merkanzija tiegħu li ma jippreġudikawx l-għan speċifiku jew il-funzjoni essenzjali tat-trade mark jikkostitwixxi aġir abbużiv u restrizzjoni moħbija fil-kummerċ fis-sens tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 30 KE?

5)      Meta l-importatur jew persuna li tiddistribwixxi l-merkanzija importata tkun bi ħsiebha tuża t-trade mark tal-proprjetarju fuq din il-merkanzija jew b’relazzjoni magħha u meta dan l-użu ma jippreġudikax u ma jkunx ser jippreġudika l-għan speċifiku tat-trade mark, huwa għandu madankollu javża minn qabel lill-proprjetarju bl-intenzjoni tiegħu li ser juża t-trade mark?

6)      Jekk it-tweġiba għad-domanda preċedenti hija affermattiva, dan ifisser li l-fatt għall-importatur jew id-distributur li ma javżax lill-proprjetarju għandu bħala effett li jawtorizza lil dan ta’ l-aħħar li jillimita jew jostakola l-importazzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ din il-merkanzija, anki jekk din l-importazzjoni jew kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ma tkunx ser tippreġudika l-għan speċifiku tat-trade mark?

7)      Jekk importatur jew persuna li tiddistribwixxi merkanzija importata għandhom javżaw minn qabel lill-proprjetarju bl-użu tat-trade mark li ma jippreġudikax l-għan speċifiku tagħha,

a)      din il-kundizzjoni hija applikabbli għal kull użu ta’ din it-tip ta’ trade mark, inklużi r-reklamar, it-tikkettjar mill-ġdid u l-ippakkjar mill-ġdid, jew, jekk hija applikabbli biss għal ċerti użi, għal liema?

b)      l-importatur jew id-distributur għandhom jażvaw lill-proprjetarju jew huwa biżżejjed li huwa jirċievi dan l-avviż?

ċ)      x'għandu jkun iż-żmien tan-notifika qabel l-użu?

8)      Qorti ta’ Stat Membru tista’, fuq talba tal-proprjetarju tad-dritt ta’ trade mark, toħroġ inġunzjonijiet, tordna kumpens jew il-kunsinna ta’ ħażniet jew miżuri oħra fir-rigward ta’ merkanzija importata, ta’ l-ippakkjar tagħha jew tar-reklamar magħmul għaliha meta dawn il-miżuri (a) jwaqqfu jew jostakolaw il-moviment liberu ta' merkanzija mqiegħda fis-suq komunitarju mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, iżda (b) ma jkollhomx bħala skop li jipprevjenu preġudizzju tas-suġġett speċifiku tad-drittijiet u li ma jgħinux fil-prevenzjoni ta' dan il-preġudizzju?"

10      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Boehringer Ingelheim et (C-143/00, Ġabra p. I-3759), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

"1)      L-Artikolu 7(2) ta’ l-ewwel direttiva 89/104 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d-dritt tiegħu ta’ trade mark sabiex iwaqqaf importatur parallel milli jippakkja mill-ġdid prodotti mediċinali, sakemm l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jwassalx għat-taqsim artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri.

2)      Ippakkjar mill-ġdid ta’ prodotti mediċinali permezz ta' sostituzzjoni ta' l-ippakkjar huwa oġġettivament neċessarju fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk, mingħajru, l-aċċess effettiv għas-suq ikkonċernat jew għal parti importanti ta’ dan is-suq għandu jitqies li huwa mfixkel minħabba reżistenza qawwija ta’ parti kunsiderevoli tal-konsumaturi fir-rigward tal-prodotti mediċinali b'tikketta ġdida.

3)      L-importatur parallel għandu, f’kull każ, sabiex ikollu d-dritt li jippakkja mill-ġdid il-prodotti mediċinali taħt trade mark, josserva l-kundizzjoni ta’ avviż minn qabel. Jekk l-importatur parallel ma josservax din il-kundizzjoni, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott mediċinali ppakkjat mill-ġdid. Huwa l-importatur parallel li għandu javża huwa nnifsu l-proprjetarju tat-trade mark bl-ippakkjar mill-ġdid ippjanat. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Imħallef nazzjonali li għandu jevalwa, billi jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk il-proprjetarju kellux terminu raġjonevoli sabiex jesprimi ruħu rigward l-ippakkjar mill-ġdid ippjanat."

11      Il-High Court of Justice applikat is-sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq, u ddeċidiet favur ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

12      Madankollu, id-deċiżjoniet ta’ l-imsemmija qorti nazzjonali kienu s-suġġett ta’ rikorsi quddiem il-qorti tar-rinviju u, b’sentenza tal-5 ta’ Marzu 2004, din ta’ l-aħħar għamlet ċerti konstatazzjonijiet li huma differenti minn dawk li kienu saru mill-High Court of Justice.

13      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"Prodotti ppakkjati mill-ġdid

1)      Meta importatur parallel jikkummerċjalizza, fi Stat membru, prodott farmaċewtiku importat minn Stat membru ieħor fl-ippakkjar ta’ ġewwa oriġinali tiegħu, iżda b’imballaġġ estern ġdid li fih it-test huwa stampat fil-lingwa ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni (prodott 'ippakkjat mill-ġdid'):

a)      L-oneru tal-prova li dan l-ippakkjar ġdid jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb [et] (C‑427/93, C-429/93 u C 436/93[, Ġabra p. I-3457]), taqa’ fuq l-importatur jew huwa l-proprjetarju tat-trade mark li għandu jipprova li l-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti jew l-oneru tal-prova jvarja skond il-kundizzjoni in kwistjoni u, jekk iva, b’liema mod?

b)      L-ewwel kundizzjoni stabbilita fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, iċċitata iktar ’il fuq, kif interpretata fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 1999, […] Upjohn […] (C-379/97, [Ġabra p. I-6927]), u fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2002, [Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq], jiġifieri li għandha tiġi pprovata n-neċessità li l-prodott jiġi ppakkjat mill-ġdid sabiex ma jiġix ostakolat l-aċċess effettiv għas-suq, hija applikabbli biss għall-fatt ta' ppakkjar mill-ġdid permezz ta' sostituzzjoni ta' l-imballaġġ estern (bħalma ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-[Assoċjazzjoni Ewropea ta' Kummerċ Liberu] fil-kawża E-3/02, Paranova vs Merck) jew hija applikabbli wkoll għall-mod u l-istil preċiżi li fihom l-importatur parallel jeffettwa l-ippakkjar mill-ġdid b'sostituzzjoni ta' l-imballaġġ estern, u, jekk ikun il-każ, b'liema mod?

ċ)      Jeżisti ksur tar-raba' kundizzjoni stabbilita fis-sentenza [Bristol-Myers Squibb et] iċċitata iktar 'il fuq, jiġifieri li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid ma tkunx tali li tkun tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark jew tal-proprjetarju tagħha, biss meta l-ippakkjar ikun difettuż, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnat jew din il-kundizzjoni testendi wkoll għal kull fatt li jista' jkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark?

d)      Jekk it-tweġiba għad-domanda 1(ċ) hija li r-raba' kundizzjoni hija miksura minn kull fatt li jista' jkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark u jekk, i) it-trade mark ma titqiegħedx fuq l-ippakkjar estern ġdid ('tneħħija ta' trade mark'), ii) jew jekk l-importatur parallel iqiegħed fuq l-ippakkjar estern ġdid il-logo tiegħu jew stil jew get-up jew preżentazzjoni użat minn diversi prodotti differenti ('trade mark in komuni'), għandu jitqies li dawn it-tipi ta' diżinn ta' l-ippakkjar mill-ġdid jippreġudikaw ir-reputazzjoni tat-trade mark jew din hija kwistjoni ta' fatt li taqa' taħt l-evalwazzjoni tal-qrati nazzjonali?

e)      Jekk it-tweġiba għad-domanda 1(d) hija li din hija kwistjoni ta' fatt, fuq min jaqa' l-oneru tal-prova?

Prodotti li ngħataw tikketta ġdida

2)      Meta importatur parallel jikkummerċjalizza, fi Stat Membru, prodott farmaċewtiku importat minn Stat Membru ieħor fl-ippakkjar intern u estern oriġinali tiegħu billi jqiegħed fuqu tikketta addizzjonali esterna miktuba fil-lingwa ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni (prodott 'b'tikketta ġdida'):

a)      Il-ħames kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza [Bristol-Myers Squibb et,] iċċitata iktar 'il fuq, huma, b'mod ġenerali, applikabbli?

b)      Jekk it-tweġiba għad-domanda 2(a) hija fl-affermattiv, l-oneru tal-prova li l-ippakkjar b'tikketta ġdida jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb [et,] iċċitata iktar 'il fuq, taqa' fuq l-importatur jew huwa l-proprjetarju tat-trade mark li għandu jipprova li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti jew l-oneru tal-prova jvarja skond il-kundizzjoni in kwistjoni?

ċ)      Jekk it-tweġiba għad-domanda 2(a) hija fl-affermattiv, l-ewwel kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Bristol-Myers Squibb [et,] iċċitata iktar 'il fuq, kif interpretata fis-sentenza […] Upjohn […,] iċċitata iktar 'il fuq, u fis-sentenza [Boehringer Ingelheim et], iċċitata iktar 'il fuq, jiġifieri li għandha tiġi pprovata n-neċessità ta' ppakkjar mill-ġdid tal-prodott sabiex ma jiġix ostakolat l-aċċess effettiv għas-suq, hija applikabbli biss għall-fatt li titqiegħed tikketta mill-ġdid jew hija applikabbli wkoll għall-mod u l-istil preċiżi li fihom l-importatur parallel jeffettwa dan it-tqegħid tat-tikketta mill-ġdid?

d)      Jekk it-tweġiba għad-domanda 2(a) hija fl-affermattiv, jeżisti ksur tar-raba' kundizzjoni stabbilita fis-sentenza [Bristol-Myers Squibb et] iċċitata iktar 'il fuq, jiġifieri li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid ma tkunx tali li tkun tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark jew tal-proprjetarju tagħha, biss meta l-ippakkjar ikun difettuż, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnat jew din il-kundizzjoni testendi wkoll għal kull fatt li jista' jkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark?

e)      Jekk it-tweġiba għad-domanda 2(a) hija fl-affermattiv u jekk it-tweġiba għad-domanda 2(d) hija li r-raba' kundizzjoni hija miksura b'kull fatt li jista' jkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark, issir ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark f'dan is-sens meta, i) it-tikketta addizzjonali titqiegħed b'mod li taħbi totalment jew parzjalment waħda mit-trade marks tal-proprjetarju, ii) jew jekk ma jissemmix fuq it-tikketta addizzjonali li t-trade mark in kwistjoni hija tal-proprjetarju, iii) jew jekk l-isem ta' l-importatur parallel jiġi stampat f'ittri kbar?

Notifika

3)      Meta importatur parallel naqas, bħalma titlob il-ħames kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Bristol-Myers Squibb [et,] iċċitata iktar 'il fuq, milli jagħti notifika rigward prodott ippakkjat mill-ġdid u, għaldaqstant, ikun kiser it-trade marks/s tal-proprjetarju għal din is-sempliċi raġuni:

a)      Kull att ta' importazzjoni sussegwenti ta' dan il-prodott jikkostitwixxi ksur jew l-importatur jaġixxi bi ksur biss sa meta l-proprjetarju jsir jaf bil-prodott u t-terminu ta' notifika applikabbli jiskadi?

b)      Il-propjetarju huwa intitolat, minħabba l-ksur imwettaq mill-importatur, li jitlob kumpens finanzjarju (jiġifieri danni jew il-konfiska tal-profitti kollha miksuba mill-ksur) taħt l-istess kundizzjonijiet tal-każ ta' vjolazzjoni ta' trade mark?

ċ)      L-għoti ta' kumpens finanzjarju lill-proprjetarju minħabba dan it-tip ta' ksur imwettaq mill-importatur huwa suġġett għall-prinċipju ta' proporzjonalità?

d)      Jekk le, fuq liema bażi għandu jiġi evalwat tali kumpens fid-dawl tal-fatt li l-prodotti in kwistjoni tqiegħdu fis-suq taż-[Żona Ekonomika Ewropea] mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu?"

 Osservazzjonijiet preliminari

14      Għandu jiġi mfakkar li l-għan speċifiku tat-Trade Mark huwa li tiġi ggarantita l-oriġini tal-prodott li jġib din it-Trade Mark u li ppakkjar mill-ġdid ta' dan il-prodott magħmul minn terz mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju jista' joħloq riskji reali għal din il-garanzija ta' oriġini (ara s-sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29).

15      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-ippakkjar mill-ġdid, minnu nnifsu, tal-prodotti mediċinali li għandhom it-Trade Mark li jippreġudika l-għan speċifiku tagħha, mingħajr il-bżonn li jiġi evalwat f'dan il-kuntest liema huma l-effetti konkreti ta' l-ippakkjar mill-ġdid magħmul mill-importatur parallel (ara s-sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30).

16      Skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, l-oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-Trade Mark għall-ippakkjar mill-ġdid, in kwantu hija tikkostitwixxi deroga mill-moviment liberu tal-merkanzija, ma tistax tiġi ammesa jekk l-eżerċizzju ta' dan id-dritt mill-proprjetarju jikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 30, KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 18 u 31).

17      Restrizzjoni moħbija fis-sens ta' din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar teżisti meta jkun hemm l-eżerċizzju, mill-proprjetarju ta' Trade Mark, tad-dritt tiegħu li jopponi ruħu għall-ippakkjar mill-ġdid jekk dan l-eżerċizzju jiffavorixxi tqassim artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri u meta, barra minn hekk, l-ippakkjar mill-ġdid iseħħ b'tali mod li l-interessi leġittimi tal-proprjetarju jiġu osservati, li jfisser b'mod partikolari li l-ippakkjar mill-ġdid ma għandux jippreġudika l-istat oriġinali tal-prodott mediċinali jew ma jkunx tali li jippreġudika r-reputazzjoni tat-Trade Mark (ara s-sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32).

18      Oppożizzjoni ta' proprjetarju ta' Trade Mark għal ippakkjar mill-ġdid ta' prodotti farmaċewtiċi tgħin fi tqassim artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri meta dan l-ippakkjar huwa meħtieġ sabiex il-prodott importat b'mod parallel jkun jista' jiġi kkummerċjalizzat fl-Istat ta' importazzjoni (sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33).

19      B'hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-modifika miġjuba minn kwalunkwe ppakkjar mill-ġdid ta' prodott mediċinali li jġib Trade Mark – li toħloq minnha nfisha r-riskju ta' preġudizzju għall-istat oriġinali tal-prodott mediċinali – tista' tiġi pprojbita mill-proprjetarju tat-Trade Mark, sakemm l-ippakkjar mill-ġdid ma jkunx neċessarju għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti importati b'mod parallel u sakemm l-interessi leġittimi tal-proprjetarju jiġu mħarsa (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Bristol-Myers Squibb et, punt 57, kif ukoll Boehringer Ingelheim et, punt 34).

20      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-importatur parallel li jippakkja mill-ġdid prodott mediċinali li jġib Trade Mark għandu javża minn qabel lill-proprjetarju tat-Trade Mark bit-tqegħid għall-bejgħ tal-prodott mediċinali ppakkjat mill-ġdid. Barra minn hekk, fuq it-talba tal-proprjetarju, huwa għandu jipprovdi kampjun tal-prodott ippakkjat mill-ġdid qabel it-tqegħid għall-bejgħ. Din il-kundizzjoni ta' l-aħħar tippermetti lill-proprjetarju jivverifika li l-ippakkjar mill-ġdid ma jsirx b'mod li jippreġudika direttament jew indirettament l-istat oriġinali tal-prodott u li l-preżentazzjoni wara l-ippakkjar mill-ġdid ma tkunx tali li tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark. Hija tippermetti, barra minn hekk, lill-proprjetarju tat-Trade Mark li jħares lilu nnifsu minn vjolazzjoni tat-Trade Mark (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Bristol-Myers Squibb et, punt 78, kif ukoll Boehringer Ingelheim et, punt 61).

21      B'hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 79 tas-sentenza tagħha Bristol-Myers Squibb et, iċċitata iktar ‘il fuq, iddeċidiet:

"[…] l-Artikolu 7(2), tad-Direttiva [89/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark jista' leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku, meta l-importatur ikun ippakkja l-prodott u reġa' qiegħed it-trade mark, sakemm

–        ma jiġix stabbilit li l-użu tad-dritt ta' trade mark mill-proprjetarju li jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ppakkjati mill-ġdid taħt din it-trade mark jiffavorixxi tqassim artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri. Tali huwa l-każ, b'mod partikolari, meta l-proprjetarju jkun qiegħed fis-suq, f'diversi Stati Membri, prodott farmaċewtiku identiku f'ippakkjar differenti u meta l-ippakkjar li effettwa l-importatur ikun, minn naħa, neċessarju għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott fl-Istat Membru ta' importazzjoni u, min-naħa l-oħra, magħmul taħt kundizzjonijiet tali li l-istat oriġinali tal-prodott ma jistax jiġi ppreġudikat minnu […]

–        ma jiġix stabbilit li l-ippakkjar mill-ġdid ma jistax jippreġudika l-istat oriġinali tal-prodott li jinsab fl-ippakkjar […]

–        ma jiġix indikat biċ-ċar fuq l-ippakkjar il-ġdid l-awtur ta' l-ippakkjar il-ġdid tal-prodott u l-isem tal-produttur […]

–        il-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid ma tkunx tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha. B'hekk l-ippakkjar m'għandux ikun difettuż, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnat, u

–        l-importatur ma jkunx avża, qabel it-tqegħid għall-bejgħ tal-prodott ippakkjat mill-ġdid, lill-proprjetarju tat-trade mark u jipprovdilu, fuq talba tiegħu, kampjun tal-prodott ippakkjat mill-ġdid."

 Fuq id-domanda 2(a), rigward il-kunċett ta' "ippakkjar mill-ġdid"

22      Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata d-domanda 2(a).

23      Fil-punt 6 tas-sentenza tagħha Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-ippakkjar ta' kull wieħed mill-prodotti mediċinali kkonċernati fil-kawżi prinċipali, kif ukoll il-fuljetti ta' informazzjoni inklużi fihom, ġew, sa ċertu punt, immodifikati, għall-finijiet ta' l-importazzjoni tagħhom fir-Renju Unit.

24      Fil-punt 7 ta' l-imsemmija sentenza, huwa osservat li l-mod li fih l-ippakkjar tad-diversi prodotti mediċinali kkonċernati ġie mibdul ivarja minn każ għall-ieħor. F'ċerti każijiet, tikketta li tinkludi ċerta informazzjoni importanti, bħall-isem ta' l-importatur parallel u n-numru ta' awtorizzazzjoni ta' importazzjoni parallela tiegħu, tqiegħdet fuq l-ippakkjar oriġinali. Indikazzjonijiet miktuba f'lingwa oħra barra l-Ingliż jibqgħu jidhru fuq dan l-ippakkjar u t-Trade Mark mhijiex mgħottija. F'każijiet oħra, il-prodott ġie ppakkjat mill-ġdid f'kaxxi li ġew iddiżinjati mill-importatur parallel u t-Trade Mark ġiet irriprodotta fuqhom. F'każijiet oħra, il-prodott ġie ppakkjat mill-ġdid f'kaxxi li ġew iddiżinjati mill-importatur parallel u li ma jġibux it-Trade Mark. Minflok, huwa l-isem ġeneriku tal-prodott li ġie mniżżel fuq il-kaxxa. Il-pakkett li jinsab fil-kaxxa jġib it-Trade Mark oriġinali iżda tikketta li teħel tqiegħdet sabiex tindika l-isem ġeneriku tal-prodott kif ukoll l-identità tal-produttur u tad-detentur ta' l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni parallela. F'dawn il-każijiet kollha ta' ppakkjar mill-ġdid, il-kaxxi jinkludu fuljett ta' informazzjoni intiż għall-pazjenti, li huwa miktub bl-Ingliż u li jġib it-Trade Mark.

25      Għandu wkoll jiġi osservat li s-seba' domanda magħmula mill-High Court of Justice, fil-kawża li tat lok għall-kawża Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar 'il fuq, kienet tistaqsi espliċitament jekk il-kundizzjoni tan-notifika minn qabel, bħalma hija mfakkra fil-punt 20 ta' din is-sentenza, hijiex applikabbli għall-użi kollha tat-Trade Mark, inklużi t-tqegħid ta' tikketa ġdida fuq il-prodott, jew jekk hijiex applikabbli biss għal xi wħud minn dawn l-użi.

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 55 tas-sentenza tagħha Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq, indikat li, bid-domandi 5, 6 u 7 tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifiki rigward il-kundizzjoni li tgħid li l-importatur parallel għandu javża minn qabel lill-proprjetarju tat-Trade Mark bit-tqegħid għall-bejgħ tal-prodott ippakkjat mill-ġdid.

27      Fil-punt 68 ta' l-imsemmija sentenza jiġi osservat li, f'kull każ, l-importatur parallel għandu josserva l-kundizzjoni ta' notifika minn qabel sabiex ikun intitolat jippakkja mill-ġdid prodotti mediċinali li għandhom Trade Mark.

28      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq, inkludiet fil-kunċett ta' ppakkjar mill-ġdid, it-tqegħid ta' tikketta mill-ġdid li ċertament jikkostitwixxi waħda mill-forom ikkontestati ta' modifika ta' l-ippakkjar tal-prodotti mediċinali kkonċernati msemmija mill-qorti tar-rinviju.

29      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-tqegħid ta' tikketta mill-ġdid fuq prodotti mediċinali li għandhom Trade Mark, l-istess bħall-ippakkjar ġdid tagħhom, jippreġudika l-għan speċifiku tat-Trade Mark, mingħajr ma hemm lok li jiġi evalwat f'dan il-kuntest liema huma l-effetti konkreti ta' l-operazzjoni magħmula mill-importatur parallel.

30      Fil-fatt, il-modifika li hija involuta bi kwalunkwe ppakkjar ġdid jew tqegħid ta' tikketta mill-ġdid fuq prodott mediċinali li għandu Trade Mark toħloq minnha nfisha riskji reali għall-garanzija ta' oriġini li tipprova tiżgura t-Trade Mark. Tali modifika tista' għaldaqstant tiġi pprojbita mill-proprjetarju tat-Trade Mark, sakemm l-ippakkjar il-ġdid jew it-tqegħid ta' tikketta mill-ġdid ma jkunx meħtieġ għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti importati b'mod parallel u l-interessi leġittimi tal-proprjetarju ma jkunx imħarsa b'mod ieħor.

31      Għaldaqstant il-ħames kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et, iċċitata iktar ‘il fuq, rigward l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, li, meta jiġu sodisfatti, jipprekludu lill-proprjetarju tat-Trade Mark milli jopponi ruħu leġittimament kontra l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku li ġie ppakkjat mill-ġdid mill-importatur, huma applikabbli wkoll meta l-ippakkjar mill-ġdid jikkonsisti fi tqegħid ta' tikketta fuq l-ippakkjar oriġinali.

32      Għaldaqstant, it-tweġiba għad-domanda 2(a) għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-Trade Mark jista' leġittimament jopponi ruħu kontra l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku importat minn Stat Membru ieħor fl-ippakkjar intern u estern oriġinali tiegħu, flimkien ma' tikketta addizzjonali esterna mqiegħda mill-importatur, sakemm:

–        ma jiġix stabbilit li l-użu tad-dritt ta' Trade Mark mill-proprjetarju li jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li fuqhom tqiegħdet tikketta ġdida taħt din it-Trade Mark jiffavorixxi tqassim artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri;

–        ma jiġix stabbilit li t-tqegħid ta' tikketta mill-ġdid ma jistax jippreġudika l-istat oriġinali tal-prodott li jinsab fl-ippakkjar;

–        ma jiġix indikat biċ-ċar fuq l-ippakkjar l-awtur tat-tqegħid ta' tikketta mill-ġdid fuq il-prodott u l-isem tal-produttur tiegħu;

–        il-preżentazzjoni tal-prodott li fuqu tqiegħdet tikketta ġdida ma tkunx tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha; b'hekk it-tikketta m'għandhiex tkun difettuża, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnata, u

–        l-importatur ma jkunx avża, qabel it-tqegħid għall-bejgħ tal-prodott li fuqu tqiegħdet tikketta ġdida, lill-proprjetarju tat-Trade Mark u jipprovdilu, fuq talba tiegħu, kampjun ta' dan il-prodott.

 Fuq id-domanda 1(b) u 2(ċ) rigward l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta' neċessità ta' ppakkjar mill-ġdid bil-mod u bl-istil tiegħu

33      Bħalma jirriżulta minn dak li ntqal rigward id-domanda 2(a), il-proprjetarju tat-Trade Mark jista' jopponi leġittimament il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku meta l-importatur parallel ikun ippakkja l-prodott mill-ġdid u qiegħed mill-ġdid it-Trade Mark, jew meta jkun qiegħed tikketta fuq l-ippakkjar li fih jinsab il-prodott, sakemm ma jiġux sodisfatti ħames kundizzjonijiet, fosthom dik li jiġi stabbilit li l-użu tad-dritt ta' Trade Mark mill-proprjetarju li jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kif inhuma ppakkjati mill-ġdid jiffavorixxi tqassim artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri.

34      Skond Boehringer Ingelheim et, l-eżiġenza li l-ippakkjar ikun neċessarju sabiex il-prodott jiġi kkummerċjalizzat fl-Istat Membru ta' importazzjoni hija applikabbli wkoll għall-mod u l-istil li fihom l-ippakkjar isir mill-importatur parallel. Min-naħa l-oħra, Swingward u Dowelhurst kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li din l-eżiġenza hija intiża biss għall-fatt ta' l-ippakkjar mill-ġdid u mhux għall-mod jew l-istil li bihom dan jitwettaq.

35      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 19 ta' din is-sentenza, il-modifika involuta f'kull ippakkjar mill-ġdid ta' prodott mediċinali li jġib Trade Mark tista' tiġi pprojbita mill-proprjetarju tagħha, sakemm l-ippakkjar mill-ġdid ma jkunx neċessarju sabiex jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti importati b'mod parallel u sakemm l-interessi leġittimi tal-proprjetarju ma jiġux ukoll imħarsa.

36      Din il-kundizzjoni ta' neċessità hija sodisfatta meta regoli jew prassi fl-Istat Membru ta' importazzjoni jipprekludu l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-imsemmija prodotti fis-suq ta' dan l-Istat fl-istess ippakkjar bħal dak li fih dawn huma kkummerċjalizzati fl-Istat Membru ta' importazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Upjohn, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 37 sa 39 u 43).

37      Min-naħa l-oħra, tali kundizzjoni ta' neċessità mhijiex sodisfatta jekk l-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott jiġi spjegat esklużivament bit-tfittxija ta' vantaġġ kummerċjali mill-importatur parallel (ara s-sentenza Upjohn, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 44).

38      B'hekk, l-imsemmija kundizzjoni ta' neċessità tirrferi biss għall-fatt ta' ppakkjar mill-ġdid tal-prodott – kif ukoll l-għażla bejn l-ippakkjar il-ġdid u tqiegħid ta' tikketta mill-ġdid – sabiex tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta' dan il-prodott fis-suq ta' l-Istat ta' importazzjoni u mhux il-mod jew l-istil li fihom dan l-ippakkjar mill-ġdid jitwettaq (ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja EFTA tat-8 ta' Lulju 2003, Paranova vs Merck, E-3/02, EFTA Court Report 2004, p. 1, punti 41 sa 45).

39      It-tweġiba għad-domanda 1(b) u għad-domanda 2(ċ) għandha tkun li l-kundizzjoni li l-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott farmaċewtiku, b'imballaġġ ġdid tiegħu u billi titqiegħed mill-ġdid it-Trade Mark jew bi tqegħid ta' tikketta fuq l-imballaġġ li jinkludi dan il-prodott, hija neċessarja għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tiegħu fl-Istat Membru ta' importazzjoni, in kwantu hija waħda mill-kundizzjonijiet li, jekk jiġu sodisfatti, jipprekludu lill-proprjetarju tat-Trade Mark, skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, milli jopponi l-imsemmija kummerċjalizzazzjoni, tirreferi biss għall-fatt ta' l-ippakkjar mill-ġdid u mhux għall-mod u l-istil li fihom dan jitwettaq.

 Fuq id-domanda 1(ċ) u d-domanda 2(d), rigward il-kundizzjoni li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark

40      Mill-punti 21 u 32 ta' din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-Trade Mark jista' leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku, meta l-importatur parallel ikun ippakkja mill-ġdid il-prodott billi jkun qiegħed mill-ġdid it-Trade Mark, jew ikun qiegħed tikketta fuq l-imballaġġ li fih jinsab il-prodott, sakemm ma jiġux sodisfatti ħames kundizzjonijiet, fosthom dik li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha. B'hekk l-ippakkjar jew it-tikketta m'għandhomx ikunu difettużi, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnati.

41      Għandu jiġi osservat li, bħalma jsostnu Boehringer Ingelheim et kif ukoll il-Kummissjoni, il-kundizzjoni li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha ma tistax tiġi ristretta għall-każijiet biss ta' ppakkjar difettuż, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnat.

42      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi stabbilixxiett fil-punt 76 tas-sentenza Bristol-Myers Squibb et, iċċitata iktar ‘il fuq, li ppakkjar difettuż, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnat jista' jkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark, sempliċiment indikat ċerti każijiet li fihom preżentazzjoni inadegwata tal-prodott ippakkjat mill-ġdid tista’ tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha.

43      B'hekk, prodott farmaċewtiku ppakkjat mill-ġdid jista' jiġi ppreżentat b'mod inadegwat u, għaldaqstant, ikun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark, b'mod partikolari fil-każ fejn l-ippakkjar jew it-tikketta, minkejja li la huma difettużi u lanqas ta' kwalità ħażina jew mhux ordnati, ikunu tali li jippreġudikaw il-valur tat-Trade Mark billi joħolqu dannu għad-dehra ta' serjetà u ta' kwalità li hija marbuta ma' tali prodott kif ukoll mal-kunfidenza li hija tista' tispira fil-pubbliku kkonċernat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Bristol-Myers Squibb et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 76, kif ukoll ta' l-4 ta' Novembru 1997, Parfums Christian Dior, C-337/95, Ġabra p. I-6013, punt 45).

44      Għaldaqstant, it-tweġiba għad-domanda 1(ċ) u għad-domanda 2(d) għandha tkun li l-kundizzjoni li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha, in kwantu kundizzjoni neċessarja sabiex dan ta' l-aħħar ma jkunx jista', skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku, meta l-importatur parallel ikun ippakkja mill-ġdid il-prodott billi jkun qiegħed mill-ġdid it-Trade Mark, jew ikun qiegħed tikketta fuq l-imballaġġ li fih jinsab il-prodott, mhijiex limitata għall-każijiet li fihom l-ippakkjar mill-ġdid huwa difettuż, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnat.

 Fuq id-domanda 1(d) u d-domanda 2(e) rigward iċ-ċirkustanzi li għandhom mnejn ikunu ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark

45      Kif issostni ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, il-fatt, għall-importatur parallel, li ma jqiegħedx it-Trade Mark fuq l-ippakkjar estern ġdid (tneħħija ta' Trade Mark) jew li jqiegħed il-logo jew l-istil tiegħu jew inkella "get-up" jew preżentazzjoni użata minn diversi prodotti differenti ('Trade Mark in komuni'), bħall-fatt li titqiegħed tikketta addizzjonali b'mod li tiġi mgħottija kompletament jew parzjalment it-Trade Mark tal-proprjetarju, jew li ma jissemmix fuq it-tikketta addizzjonali li t-Trade Mark in kwistjoni hija l-proprjetà ta' dan ta' l-aħħar, jew li jiġi stampat l-isem ta' l-importatur parallel f'ittri kbar, bħala regola ġenerali, għandu mnejn ikun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark.

46      Madankollu, l-istess bħall-kwistjoni dwar jekk reklamar għandux mnejn jagħti l-impressjoni li teżisti rabta kummerċjali bejn il-bejjiegħ mill-ġdid u l-proprjetarju tat-Trade Mark u, għaldaqstant, li jikkostitwixxi raġuni leġittima fis-sens ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 (ara s-sentenza tat-23 ta' Frar 1999, BMW, C-63/97, Ġabra p. I-905, punti 51 u 55), il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti ta' din is-sentenza humiex tali li jkunu ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark hija kwistjoni ta' fatt li taqa' taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali li għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' kull każ.

47      Għaldaqstant, it-tweġiba għad-domanda 1(d) u għad-domanda 2(e) għandha tkun li l-kwistjoni dwar jekk il-fatt, għall-importatur parallel:

–        li ma jqiegħedx it-Trade Mark fuq l-imballaġġ estern ġdid tal-prodott (tneħħija tat-Trade Mark), jew

–        li jqiegħed fuq dan l-imballaġġ il-logo jew l-istil tiegħu jew inkella "get-up" jew preżentazzjoni użata għal diversi prodotti differenti (Trade Mark in komuni), jew

–        li jqiegħed tikketta addizzjonali fuq l-imsemmi imballaġġ b'mod li jgħatti kompletament jew parzjalment it-Trade Mark tal-proprjetarju, jew

–        li ma jsemmix fuq it-tikketta addizzjonali li t-Trade Mark in kwistjoni hija tal-proprjetarju, jew inkella

–        li ma jistampax l-isem ta' l-imporatur parallel f'ittri kbar

huwiex tali li jkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark hija kwistjoni ta' fatt li taqa' taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali li għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' kull każ.

 Fuq id-domanda 1(a) u (e), kif ukoll fuq id-domanda 2(b) rigward l-oneru tal-prova

48      Hekk kif intqal fil-punti 2 u 8 ta' din is-sentenza, il-kawżi prinċipali jikkonċernaw proċedimenti bejn, minn naħa, produtturi ta' prodotti farmaċewtiċi u importaturi paralleli u, min-naħa l-oħra, negozjanti fi prodotti farmaċewtiċi li kontrihom dawk ta' l-ewwel ressqu rikors għal ksur tad-drittijiet tagħhom ta' Trade Mark minħabba l-fatt li prodotti mediċinali ta' dawn il-produtturi kienu ġew importati b'mod parallel u kkummerċjalizzati fir-Renju Unit mill-imsemmija imporaturi, wara li ġew ippakkjati mill-ġdid jew wara li tqiegħdet tikketta ġdida fuqhom.

49      Kif ġie mfakkar fil-punt 15 ta' din is-sentenza, huwa l-ippakkjar mill-ġdid bħala tali tal-prodotti mediċinali li għandhom Trade Mark li jippreġudika l-għan speċifiku tagħha, mingħajr ma hemm lok li jiġi evalwat f'dan il-kuntest liema huma l-effetti konkreti ta' ppakkjar mill-ġdid magħmul mill-importatur parallel.

50      Jirriżulta wkoll mill-punti 31 sa 33 ta' din is-sentenza li, skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, il-proprjetarju tat-Trade Mark jista' leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku, meta l-importatur parallel ikun ippakkjah mill-ġdid billi jqiegħdu f'imballaġġ ġdid u jqiegħed it-Trade Mark mill-ġdid fuqu, jew billi jqiegħed tikketta fuq l-imballaġġ oriġinali, sakemm ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 32 ta' din is-sentenza.

51      Jekk il-kwistjoni ta' l-oneru tal-prova ta' l-eżistenza ta' dawn il-kundizzjonijiet, li, jekk jiġu sodisfatti, jipprekludu lill-proprjetarju tat-Trade Mark milli jopponi leġittimament il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku ppakkjat mill-ġdid, taqa' taħt id-dritt nazzjonali ta' l-Istati Membri, dan ifisser, għall-proprjetarji tat-Trade Marks, protezzjoni varjabbli skond il-liġi kkonċernata. L-għan ta' "l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri kollha", imsemmi fid-disa' premessa tad-Direttiva 89/104 u deskritt bħala "fundamentali" minnha, ma jinkisibx f'dak il-każ (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2005, Class International, C-405/03, Ġabra p. I-8735, punt 73).

52      Fid-dawl ta' dak li ntqal, għandu jiġi osservat li, f'sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali, ladarba jiġi stabbilit li l-prodotti mediċinali importati b'mod parallel ġew ippakkjati mill-ġdid, huma l-importaturi paralleli li għandhom jistabbilixxu l-eżistenza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 32 ta' din is-sentenza, li, jekk jiġu sodisfatti, jipprekludu lill-proprjetarji tat-Trade Marks milli jopponu leġittimament il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' l-imsemmija prodotti mediċinali (ara, b'mod analogu, is-sentenza Class International, iċċitata iktar 'il fuq, punt 74).

53      Rigward il-kundizzjoni li għandu jiġi stabbilit li l-ippakkjar mill-ġdid ma jistax jippreġudika l-istat oriġinali tal-prodott li jinsab fl-imballaġġ, biżżejjed, madankollu, li l-importatur parallel iressaq elementi ta' prova tali li jqajmu raġjonevolment il-preżunzjoni li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. A fortiori l-istess jgħodd għall-kundizzjoni li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha. Ladarba l-importatur iġib tali bidu ta' prova rigward din il-kundizzjoni ta' l-aħħar, jekk ikun xieraq, huwa l-proprjetarju tat-Trade Mark, li huwa fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa jekk l-ippakkjar mill-ġdid għandux mnejn ikun ta' ħsara għar-reputazzjoni tiegħu u għal dik tat-Trade Mark, li għandu jipprova li saret ħsara lilhom.

54      Għaldaqstant it-tweġiba għad-domanda 1(a) u (e) kif ukoll għad-domanda 2(b) għandha tkun li, f'sitwazzjonijiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, huma l-importaturi paralleli li għandhom jistabbilixxu l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li:

–        l-użu tad-dritt ta' Trade Mark mill-proprjetarju tagħha sabiex jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ppakkjati mill-ġdid taħt din it-Trade Mark jiffavorixxi t-tqassim artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri;

–        l-ippakkjar mill-ġdid ma jistax jaffettwa l-istat oriġinali tal-prodott li jinsab fl-imballaġġ;

–        l-awtur ta' l-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott u l-isem tal-produttur tiegħu huma indikati biċ-ċar fuq l-ippakkjar il-ġdid;

–        il-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha; b'hekk, l-ippakkjar mill-ġdid m'għandux ikun difettuż, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnat;

–        l-importatur għandu javża, qabel it-tqegħid għall-bejgħ tal-prodott ippakkjat mill-ġdid, lill-propjetarju tat-Trade Mark u jipprovdilu, fuq talba tiegħu, kampjun tal-prodott ippakkjat mill-ġdid,

u li, jekk jiġu sodisfatti, jipprekludu lill-proprjetarju tat-Trade Mark milli jopponi leġittimament il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku ppakkjat mill-ġdid.

Rigward il-kundizzjoni li għandu jiġi stabbilit li l-ippakkjar mill-ġdid ma jistax jaffettwa l-istat oriġinali tal-prodott li jinsab fl-imballaġġ, biżżejjed li l-importatur parallel iressaq elementi ta' prova tali li jqajmu raġjonevolment il-preżunzjoni li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. A fortiori l-istess jgħodd għall-kundizzjoni li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha. Ladarba l-importatur iressaq tali bidu ta' prova rigward din il-kundizzjoni ta' l-aħħar, jekk ikun xieraq, huwa l-proprjetarju tat-Trade Mark, li huwa fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa jekk l-ippakkjar mill-ġdid għandux mnejn ikun ta' ħsara għar-reputazzjoni tiegħu u tat-Trade Mark, li għandu jipprova li saret ħsara lilhom.

 Fuq it-tielet domanda, rigward il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' notifika minn qabel

55      Skond il-ġurisrudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-importatur parallel għandu, f'kull każ, sabiex ikun intitolat jippakkja mill-ġdid prodotti mediċinali li għandhom Trade Mark, josserva l-kundizzjoni ta' notifika minn qabel. Jekk l-importatur parallel ma josservax din il-kundizzjoni, il-proprjetarju tat-Trade Mark jista' jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott mediċinali ppakkjat mill-ġdid. Huwa l-importatur parallel innifsu li għandu javża lill-proprjetarju tat-Trade Mark bl-ippakkjar mill-ġdid ippjanat. Mhuwiex biżżejjed li l-proprjetarju jiġi infurmat b'sorsi oħra, bħall-awtorità li tagħti lill-importatur l-awtorizzazzjoni għal importazzjoni parallela (sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 63 u 64).

56      Għaldaqstant, meta importatur parallel ma jkunx ta lill-proprjetarju tat-Trade Mark in-notifika minn qabel rigward prodott mediċinali ppakkjat mill-ġdid, huwa jikser id-drittijiet ta' dan il-proprjetarju ma' kull importazzjoni sussegwenti ta' l-imsemmi prodott mediċinali, sakemm ma jkunx tah tali notifika.

57      Rigward il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tat-Trade Mark għandux dritt, minħabba l-ksur imwettaq mill-importatur parallel, għal kumpens finanzjarju taħt l-istess kundizzjonijiet tal-każ ta' vjolazzjoni ta' Trade Mark, Boehringer Ingelheim et isostnu li n-nuqqas ta' notifika minn qabel għandu jiġi ssanzjonat bl-istess mod bħall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Skond Swingward u Dowelhurst, in-nuqqas ta' notifika minn qabel ma jistax jagħti lok għal kumpens finanzjarju evalwat bl-istess mod bħallikieku l-prodotti kienu s-suġġett ta' vjolazzjoni ta' Trade Mark. Il-Kummissjoni tindika li l-kumpens għal nuqqas ta' notifika minn qabel għandu jiġi stabbilit b'mod konformi mal-prinċipji nazzjonali relatati mal-miżuri ta' kumpens finanzjarju sakemm ikunu kompatibbli mad-dritt Komunitarju u internazzjonali, u b'mod partikolari sakemm ikunu konformi mal-prinċipji ta' ekwivalenza, ta' effett utli u ta' proporzjonalità.

58      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħżlu, fil-kuntest tal-libertà mogħtija lilhom mit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, il-forom u l-metodi l-iktar xierqa sabiex jassiguraw l-effettività tad-Direttivi, fid-dawl ta’ l-iskop tagħhom (ara s-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Royer, 48/75, Ġabra p. 497, punt 75, tat-12 ta’ Settembru 1996, Gallotti et , C-58/95, C-75/95, C-112/95, C-119/95, C-123/95, C-135/95, C-140/95, C-141/95, C-154/95 u C-157/95, Ġabra p. I-4345, punt 14 kif ukoll ta' l-4 ta' Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 93).

59      B'hekk, meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt Komunitarju ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ fejn twettaq ksur, huwa obbligu ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li jadottaw miżuri xierqa sabiex jilqgħu għal tali sitwazzjoni, miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta' natura proporzjonali, iżda wkoll ta' natura effettiva u dissważiva biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-Direttiva 89/104 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar 'il fuq. punt 94).

60      Għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta b'mod partikolari mill-punt 21 ta' din is-sentenza, biżżejjed li waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 79 tas-sentenza Squibb et, iċċitata iktar 'il fuq, ma tiġix sodisfatta sabiex il-proprjetarju tat-Trade Mark ikun jista' leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku li ġie ppakkjat mill-ġdid.

61      Għaldaqstant id-dritt ta' projbizzjoni li għandu l-proprjetarju tat-Trade Mark fil-konfront ta' importatur parallel ta' prodotti farmaċewtiċi li, minkejja li ma kinux is-suġġett ta' vjolazzjoni ta' Trade Mark, ġew ikkummerċjalizzati bi ksur ta' l-obbligu ta' notifika minn qabel ta' dan il-proprjetarju ma jistax ikun differenti minn dak li għandu dan ta' l-aħħar fir-rigward tal-prodotti bi vjolazzjoni ta' Trade Mark.

62      Fiż-żewġ każijiet, il-prodotti ma kellhomx jiġu kkummerċjalizzati fis-suq ikkonċernat.

63      Barra minn hekk, miżura nazzjonali li tgħid li meta importatur parallel ikun ikkummerċjalizza prodotti li ma kinux is-suġġett ta' vjolazzjoni ta' Trade Mark mingħajr ma avża minn qabel lill-proprjetarju tat-Trade Mark, dan ta' l-aħħar għandu dritt għal kumpens finanzjarju taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-każ ta' vjolazzjoni ta' Trade Mark ma tidhirx, minnha nfisha, li tmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi f'kull każ, fid-dawl b'mod partikolari tad-daqs tal-ħsara kkawżata lill-proprjetarju tad-dritt ta' Trade Mark bil-ksur imwettaq mill-importatur parallel u billi jiġi osservat il-prinċipju ta' proporzjonalità, l-ammont tal-kumpens finanzjarju.

64      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, it-tweġiba għat-tielet domanda għandha tkun li, meta importatur parallel ma jkunx ta lill-proprjetarju tat-Trade Mark in-notifika minn qabel rigward prodott farmaċewtiku ppakkjat mill-ġdid, huwa jikser id-drittijiet ta' dan il-proprjetarju ma' kull importazzjoni sussegwenti ta' l-imsemmi prodott, sakemm ma jkunx tah tali notifika. Is-sanzjoni ta' dan il-ksur għandha mhux biss tkun proporzjonata, iżda wkoll effettiva u dissważiva biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-Direttiva 89/104. Miżura nazzjonali li tgħid li, fil-każ ta' tali ksur, il-proprjetarju tat-Trade Mark għandu dritt għal kumpens finanzjarju taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk ta' vjolazzjoni ta' Trade Mark ma tidhirx, minnha nfisha, li tmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi f'kull każ, fid-dawl b'mod partikolari tad-daqs tal-ħsara kkawżata lill-proprjetarju tad-dritt ta' Trade Mark bil-ksur imwettaq mill-importatur parallel u billi jiġi osservat il-prinċipju ta' proprozjonalità, l-ammont tal-kumpens finanzjarju.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tieni Awla taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(2) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-Trade Marks, kif emendata mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-Trade Mark jista' leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku importat minn Stat Membru ieħor fl-ippakkjar intern u estern oriġinali tiegħu, flimkien ma' tikketta addizzjonali esterna mqiegħda mill-importatur, sakemm:

–        ma jiġix stabbilit li l-użu tad-dritt ta' Trade Mark mill-proprjetarju li jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li fuqhom tqiegħdet tikketta ġdida taħt din it-Trade Mark jiffavorixxi t-tqassim artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri;

–        ma jiġix stabbilit li t-tqegħid ta' tikketta mill-ġdid ma jistax jippreġudika l-istat oriġinali tal-prodott li jinsab fl-ippakkjar;

–        ma jiġix indikat biċ-ċar fuq l-ippakkjar l-awtur tat-tqegħid ta' tikketta mill-ġdid fuq il-prodott u l-isem tal-produttur tiegħu;

–        il-preżentazzjoni tal-prodott li fuqu tqiegħdet tikketta ġdida ma tkunx tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha; b'hekk it-tikketta m'għandhiex tkun difettuża, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnata, u

–        l-importatur ma jkunx avża, qabel it-tqegħid għall-bejgħ tal-prodott li fuqu tqiegħdet tikketta ġdida, lill-proprjetarju tat-Trade Mark u jipprovdilu, fuq it-talba tiegħu, kampjun ta' dan il-prodott.

2)      Il-kundizzjoni li l-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott farmaċewtiku, b'imballaġġ ġdid tiegħu u billi titqiegħed mill-ġdid it-Trade Mark jew bi tqegħid ta' tikketta fuq l-imballaġġ li jinkludi dan il-prodott, hija neċessarja għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tiegħu fl-Istat Membru ta' importazzjoni, in kwantu hija waħda mill-kundizzjonijiet li, jekk jiġu sodisfatti, jipprekludu lill-proprjetarju tat-Trade Mark, skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, kif emendata mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea milli jopponi l-imsemmija kummerċjalizzazzjoni, tirreferi biss għall-fatt ta' l-ippakkjar mill-ġdid u mhux għall-mod u l-istil li fihom dan jitwettaq.

3)      Il-kundizzjoni li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha, in kwantu kundizzjoni neċessarja sabiex dan ta' l-aħħar ma jkunx jista', skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, kif emendata mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku, meta l-importatur parallel ikun ippakkja mill-ġdid il-prodott billi qiegħed mill-ġdid it-Trade Mark, jew ikun qiegħed tikketta fuq l-imballaġġ li fih jinsab il-prodott, mhijiex limitata għall-każijiet li fihom l-ippakkjar mill-ġdid huwa difettuż, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnat.

4)      Il-kwistjoni dwar jekk il-fatt, għall-importatur parallel:

–        li ma jqiegħedx it-Trade Mark fuq l-imballaġġ estern ġdid tal-prodott (tneħħija tat-Trade Mark), jew

–        li jqiegħed fuq dan l-imballaġġ il-logo jew l-istil tiegħu jew inkella "get-up" jew preżentazzjoni użata għal diversi prodotti differenti (Trade Mark in komuni), jew

–        li jqiegħed tikketta addizzjonali fuq l-imsemmi imballaġġ b'mod li jgħatti kompletament jew parzjalment it-Trade Mark tal-proprjetarju, jew

–        li ma jsemmix fuq it-tikketta addizzjonali li t-Trade Mark in kwistjoni hija tal-proprjetarju, jew inkella

–        li ma jistampax l-isem ta' l-imporatur parallel f'ittri kbar

huwiex tali li jkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark hija kwistjoni ta' fatt li taqa' taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali li għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' kull każ.

5)      F'sitwazzjonijiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, huma l-importaturi paralleli li għandhom jistabbilixxu l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li:

–        l-użu tad-dritt ta' Trade Mark mill-proprjetarju tagħha sabiex jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ppakkjati mill-ġdid taħt din it-Trade Mark jiffavorixxi t-tqassim artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri;

–        l-ippakkjar mill-ġdid ma jistax jaffettwa l-istat oriġinali tal-prodott li jinsab fl-imballaġġ;

–        l-awtur ta' l-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott u l-isem tal-produttur tiegħu huma indikati biċ-ċar fuq l-ippakkjar il-ġdid;

–        il-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha; b'hekk, l-ippakkjar mill-ġdid m'għandux ikun difettuż, ta' kwalità ħażina jew mhux ordnat;

–        l-importatur għandu javża, qabel it-tqegħid għall-bejgħ tal-prodott ippakkjat mill-ġdid, lill-propjetarju tat-Trade Mark u jipprovdilu, fuq talba tiegħu, kampjun tal-prodott ippakkjat mill-ġdid,

u li, jekk jiġu sodisfatti, jipprekludu lill-proprjetarju tat-Trade Mark milli jopponi leġittimament il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' prodott farmaċewtiku ppakkjat mill-ġdid.

Rigward il-kundizzjoni li għandu jiġi stabbilit li l-ippakkjar mill-ġdid ma jistax jaffettwa l-istat oriġinali tal-prodott li jinsab fl-imballaġġ, biżżejjed li l-importatur parallel iressaq elementi ta' prova tali li jqajmu raġjonevolment il-preżunzjoni li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. A fortiori l-istess jgħodd għall-kundizzjoni li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid m'għandhiex tkun tali li tista' tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tat-Trade Mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha. Ladarba l-importatur iressaq tali bidu ta' prova rigward din il-kundizzjoni ta' l-aħħar, jekk ikun xieraq, huwa l-proprjetarju tat-Trade Mark, li huwa fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa jekk l-ippakkjar mill-ġdid għandux mnejn ikun ta' ħsara għar-reputazzjoni tiegħu u tat-Trade Mark, li għandu jipprova li saret ħsara lilhom.

6)      Meta importatur parallel ma jkunx ta lill-proprjetarju tat-Trade Mark in-notifika minn qabel rigward prodott farmaċewtiku ppakkjat mill-ġdid, huwa jikser id-drittijiet ta' dan il-proprjetarju ma' kull importazzjoni sussegwenti ta' l-imsemmi prodott, sakemm ma jkunx tah tali notifika. Is-sanzjoni ta' dan il-ksur għandha mhux biss tkun proporzjonata, iżda wkoll effettiva u dissważiva biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-Direttiva 89/104, kif emendata mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992. Miżura nazzjonali li tgħid li, fil-każ ta' tali ksur, il-proprjetarju tat-Trade Mark għandu dritt għal kumpens finanzjarju taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk ta' vjolazzjoni ta' Trade Mark ma tidhirx, minnha nfisha, li tmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi f'kull każ, fid-dawl b'mod partikolari tad-daqs tal-ħsara kkawżata lill-proprjetarju tad-dritt ta' Trade Mark bil-ksur imwettaq mill-importatur parallel u billi jiġi osservat il-prinċipju ta' proprozjonalità, l-ammont tal-kumpens finanzjarju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.