Language of document : ECLI:EU:C:2009:660

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Azzjoni intiża biex twaqqaf l-inkonvenjenti jew riskji ta’ inkonvenjenti fir-rigward ta’ proprjetà immobbli minn ċentrali nukleari li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Obbligu li jiġu ttollerati l-inkonvenjenti kkawżati minn istallazzjonijiet li ġew awtorizzati mill-amministrazzjoni fl-Istat ospitanti – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa fi Stati Membri oħra – Trattament ugwali – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA”

Fil-Kawża C‑115/08

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Landesgericht Linz (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta Marzu 2008, fil-proċedura

Land Oberösterreich

vs

ČEZ as,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u P. Lindh, Presidenti tal-Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis u L. Bay Larsen, Imħallfin

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal-Land Oberösterreich, minn J. Hintermayr, F. Haunschmidt, G. Minichmayr, P. Burgstaller, G. Tusek u C. Hadeyer, Rechtsanwälte,

–        għal ČEZ as, minn W. Moringer, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u C. Rauscher kif ukoll minn C. Pesendorfer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. During, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, M. Nowacki u D. Krawczyk, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u B. Schima, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 KE, 12 KE, 28 KE u 43 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Land Oberösterreich u ČEZ as (iktar ’il quddiem “ČEZ”) dwar l-inkonvenjenti jew ir-riskji ta’ inkonvenjenti relatati ma’ radjazzjoni jonizzanti li jaffettwaw it-territorji agrikoli fl-Awstrija, li jappartjenu lill-imsemmija Land, minħabba l-użu minn ČEZ ta’ ċentrali nukleari f’Temelin, fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 It-Trattat tal-KEEA

3        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat tal-KEEA:

“Għandu jkun il-kompitu tal-Komunità li tikkontribwixxi ħalli jogħla il-livell tal-għixien fl-Istati Membri u għall-iżvilupp tal-iskambju kummerċjali ma’ pajjiżi oħra bil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment ta’ malajr u t-tkabbir tal-industriji nukleari.”

4        L-Artikolu 2 tat-Trattat tal-KEEA jipprovdi li:

“Sabiex twettaq il-kompiti tagħha, il-Komunità għandha, bi qbil mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Trattat:

[…]

b)      tistabilixxi, u tassigura l-applikazzjoni ta’ normi uniformi ta’ sigurtà biex tħares is-saħħa tal-ħaddiem u l-pubbliku in ġenerali,

c)      tiffaċilta l-investiment u tassigura, partikolarment billi tinkoraġixxi l-impriża kummerċjali, il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ l-enerġija nukleari fil-Komunità,

[…]”

5        L-Artikoli 30 sa 39 tat-Trattat tal-KEEA jikkostitwixxu l-Kapitolu 3, li jġib it-titolu “Protezzjoni tas-saħħa” tat-Titolu II tat-Trattat tal-KEEA, li jġib it-titolu “Dispożizzjonijiet maħsuba biex [jinkoraġġixxu l-progress] fil-qasam ta’ l-energija nukleari”.

6        L-Artikolu 30 tat-Trattat tal-KEEA jipprevedi li:

“Għandhom ikunu stabbiliti fil-Komunità normi bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikoli li jinħolqu minn radjazzjoni jonizzanti.

Il-frażi “normi bażiċi” għandha tfisser:

a)      id-dożi massimi kompatibbli ma’ sigurtà adekwata;

b)      il-grad massimu permissibli ta’ l-espożizzjoni u kontaminazjoni;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 31 tat-Trattat tal-KEEA:

“Il-Kummissjoni għandha tipprepara n-normi bażiċi wara li tieħu l-opinjoni ta’ grupp ta’ l-awtoritajiet maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost l-esperti xjentifiċi, speċjalment esperti tas-saħħa pubblika, mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar in-normi bażiċi hekk imħejjija.

Wara li jikkonsulta l-Assemblea, il-Kunsill li jaġixxi permezz ta’ vot b’ maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni li titrażmetti l-opinjonijiet li tkun irċeviet mill-Kumitati, għandha tistabbilixxi n-normi bażiċi.”

8        L-Artikolu 32 tat-Trattat tal-KEEA jipprovdi:

“Fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, in-normi bażiċi jistgħu jiġu riveduti jew issuplimentati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31.

Il-Kummissjoni tkun marbuta li teżamina talba bħal din magħmula minn Stat Membru.”

9        L-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KEEA jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jdaħħal id-dispożizzjonijiet leġistlattivi u amministrattivi meħtieġa biex jassiguraw konformità man-normi bażiċi kif stabbiliti [...]

Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tassigura li jkunu armonizzati id-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward fl-Istati Membri.

Għal dan l-iskop l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni dawk id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli mad-dħul fl-effett ta’ dan it-Trattat u ta’ abbozzi sussegwenti ta’ dispożizzjonijiet ta’ l-istess natura.

[...]”

10      L-Artikolu 35 tat-Trattat tal-KEEA jipprovdi kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jistabilixxi l-faċilitajiet meħtieġa għall-kontroll permanenti tal-livelli ta’ radjo-attività fl-atmosfera, fl-ilma u fil-ħamrija u għall-kontroll tal-konformità man-normi bażiċi.

Il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt ta’ l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ kontroll bħal dawn u tista’ twettaq provi dwar l-operat u l-effiċjenza tagħhom.”

11      Skont l-Artikolu 36 tat-Trattat tal-KEEA:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-kontroll previst fl-Artikolu 35, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tinżamm infurmata bil-livell ta’ radjo-attività li aktarx jaffetwa lill-popolazzjoni.”

12      L-Artikolu 37 tat-Trattat tal-KEEA jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni informazzjoni ġenerali suffiċjenti dwar kull pjan għar-rimi u l-iskart biex iqiegħed lill-Kummissjoni fil-pożizzjoni li tistabilixxi jekk l-implementazzjoni ta’ dak il-pjan tkunx aktarx tinvolvi l-kontaminazzjoni radjo-attiva ta’ l-ilma, tal-ħamrija jew ta’ l-atmosfera ta’ xi Stat Membru ieħor.

Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta l-grupp ta’ esperti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 31, għandha tagħti l-opinjoni dwar il-pjan fit-terminu ta’ sitt xhur.”

13      L-Artikolu 38 tat-Trattat tal-KEEA jipprevedi:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri rigward il-livell ta’ radjo-attività ta’ l-atmosfera, l-ilma jew il-ħamrija.

Fil-każ ta’ urġenza, il-Kummissjoni għandha toħroġ direttivi li jobbligaw lill-Istat Membru interessat li jieħu f’ terminu stabbilit mill-Kummissjoni il-miżuri kollha meħtieġa biex ma jħallix li n-normi bażiċi jiġu maqbuża u biex jassigura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli.

Jekk dan l-Istat ma jikkonformax ruħu mad-direttiva tal-Kummissjoni fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni jew xi Stat Membru kkonċernat jistgħu, indipendentement mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 141 u 142, jirreferi l-materja mmedjatament lill-Qorti tal-Ġustizzja.”

14      L-Artikolu 192 tat-Trattat tal-KEEA jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu il-miżuri ġenerali jew partikolari li jkunu approprjati ħalli jassiguraw it-twettieq tal-obbligi li joħorġu minn dan it-Trattat jew li jirriżultaw minn atti ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità. Għandhom jiffaċilitaw lill-Komunità l-otteniment tal-miri tagħha.

Għandhom jibqgħu lura milli jieħdu miżuri li aktarx ifixklu l-otteniment ta’ l-iskopijiet ta’ dan it-Trattat.”

 Il-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari

15      L-adeżjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari, adottata fis-17 ta’ Ġunju 1994, ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/819/Euratom, tas-16 ta’ Novembru 1999 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 4, p. 370). L-Istati Membri kollha huma parti wkoll minn din il-konvenzjoni.

16      It-tielet paragrafu tad-dikjarazzjoni mehmuża mad-deċiżjoni 1999/819, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/491/Euratom tad-29 ta’ April 2004 (ĠU L 172, p. 7), jipprevedi li “[i]l-Komunità għandha kompetenzi maqsuma mal-Istati Membri [...] f’oqsma koperti mill-Artikolu 7 u mill-Artikoli 14 sa 19 tal-Konvenzjoni, kif previst mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fl-Artikolu 2(b) tiegħu, u fl-artikoli rilevanti tat-Titolu II tal-Kapitolu 3 intitolat ‘Protezzjoni tas-saħħa’”.

17      Skont l-Artikolu 1(ii), il-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari għandha b’mod partikolari bħala għan li “biex jistabbilixxu u jżommu difiża effettiva fl-istallazzjonijiet nukleari kontra l-perikoli potenzali radjologiċi sabiex jipproteġu l-individwi, is-socjetà u l-ambjent mill-effetti li jagħmlu ħsara tar-radjazzjon[i] ta’ ioniżazzjoni minn tali ista[l]lazzjonijiet”.

18      L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari jistipula:

“1.      Kull Parti Appalti għandha tistabbilixxi u jżomm qafas leġislattiv u regol[a]torju biex jirregolaw is-sigurtà ta’ l-istallazzjonijiet nukleari.

2.      Il-qafas leġislattiv u regolatorju għandu jipprovdi għall-:

(i)       istabbiliment ta’ ħtiġiet applikabbli ċittadini ta’ sigurtà u regolamenti;

(ii)  sistema ta’ licenza rigward l-istallazzjonijiet nukleari u l-projbizzjoni tat-tħaddim ta’ istallazzjoni nukleari mingħajr liċenza;

(iii)  sistema ta’ spezzjonji regolatorja u stima ta’ istallazzjonijiet nukleari biex jiżguraw konformità mar-regolamenti applikabbli u kondizzjonijiet ta’ liċenzi;

(iv) l-infurzar tar-regolamenti applikabbli u tal-kondizzjonijiet ta’ licenzi, li jinkludu s-sospensjoni, modifikazzjoni jew revoka.”

19      L-Artikolu 8(1) ta’ din il-Konvenzjoni jistipula:

“Kull Partit Appalti għandha tistabbilixxi jew tinnomina korp regolatorju fdat bl-implimentazzjoni tal-qafas leġislattiv u regolatorju li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 7, u previst b’awtorità adegwata, kompetenza u riżorsi finanzjarji u umani biex jaderixxi r-risponsabiltajiet mogħtija lilu.”

20      L-Artikolu 14 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “L-istima u l-verifikazzjoni tas-sigurtà”, jistipula:

“Kull Parti Appalti għandha tieħu l-passi xierqa biex tassigura li:

(i)       stimi komprensivi u sistematiċi ta’ sigurtà huma mwettqa qabel il-kostruzzjoni u l-kummissjoni tal-istallazzjoni nukleari u matul il-ħajja tagħha. Tali stimi għandhom ikunu dokumentati tajjeb u sussegwentement aġġornati fid-dawl ta’ esperjenza ta’ tħaddim u tagħrif ġdid dwar is-sigurtà, u rivedut taħt l-awtorità tal-korp regolatorju;

(ii)  il-verifikazzjoni permess ta’ analisi, sorveljanza, ittestjar u spezzjoni ssir biex tassigura li l-istat fiżiku u t-tħaddim ta’ istallazzjoni nukleari jibqgħu skond id-disinn tagħha, ħtiġiet applikabbli ta’ sigurtà nazzjonali u limiti ta’ pjan operazzjonali u kondizzjonijiet.”

21      L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari, intitolat “Protezzjoni [mi]r-radjazzjoni”, jistipula:

“Kull Parti Appalti għandha tieħu l-passi xierqa biex tassigura li fl-istati kollha ta’ pjan operazzjonali, l-espożizzjoni tar-radjazzjoni għal ħaddiema u għal pubbliku kawżati minn istallazzjoni nukleari għandhom jinżammu daqshekk baxxi sakemm huwa raġonevolment possibbli u li l-ebda individwu ma għandu jkun espost għad-dożi ta’ radjazzjoni li jeċċedu l-limitu ta’ dożi nazzjonali stabbiliti.”

22      L-Artikoli 16 sa 19 tal-imsemmija konvenzjoni, intitulati rispettivament “Tħejjijiet ta’ emerġenza”, “Seduta”, “Id-disinn u l-kostruzzjoni” u “Operat”, joħolqu diversi obbligi relatati ma’ dawn il-kwistjonijiet.

 Id-Direttiva 96/29/Euratom

23      Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/EURATOM, tat-13 ta’ Mejju 1996, li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 2, p. 291-404), ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 31 u 32 tat-Trattat tal-KEEA.

24      Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattika li tinvolvi radjazzjoni jonizzanti li tiġi minn sors artifiċjali jew sors naturali f’każijiet fejn radjunuklidi huma jew ġew ipproċessati minnħabba l-karatteristiċi radjuattivi, fissili jew fertili, fil-:

(a)       produzzjoni, ipproċċessar, żamma, użu, ħażna, trasportazzjoni, importazzjoni jew esportazzjoni mill-Komunità u rimi ta’ sustanzi radjuattivi;

(b)       il-ħidma ta’ tagħmir elettriku li jemittja radjazzjoni jonizzanti u li jkun fih komponenti li jaħdmu b’ differenza potenzjali ta’ aktar minn 5 kV;

(ċ)       użanza oħra speċifikata mill-Istati Membri.”

25      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Awtorizzazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Ħlief għal dak li hemm provdut f’dan l-Artikolu, Stat Membru jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel għall-użanzi li ġejjin:

a)      operazzjoni u t-tneħħija tal-kummissjoni ta’ faċilità taċ-ċiklu tal-karburant nukleari [...]”.

26      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 96/29 jistipula:

“Minbarra dan, Stat Membru għandu jiżgura li:

(a)       fil-kuntest tal-ottimizzazzjoni espożizzjoni għandha tinżamm kemm jista’ jkun raġonevolment baxx, akkont meħud tal-fatturi ekonomiċi u soċjali;

(b)       mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 12, is-somma tad-dożi minn kull prattika rilevanti m’għandhiex teċedi l-limiti tad-doża stabbilit f’dan it-Titolu għall-ħaddiema esposti, apprentisti u studenti u membri tal-pubbliku.”

27      L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-limiti tad-doża li għandhom jiġu osservati għall-pubbliku inġenerali.

28      Taħt it-Titolu VIII tal-istess direttiva, intitolat “Implimentazzjoni ta’ ħarsien mir-radjazzjoni għall-populazzjoni f’ċirkostanzi normali”, jinsab l-Artikolu 43 ta’ din tal-aħħar, intitolat “Prinċipji bażiċi”, li jipprevedi:

“Stat Membru għandu joħloq il-kondizzjonijiet meħtieġa biex jiżgura l-aħjar ħarsien possibli tal-populazzjoni bbażat fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 u li japplika l-prinċipji fundamentali li jirregolaw il-ħarsien operazzjonali tal-populazzjoni.”

29      L-Artikolu 44 tad-Direttiva 96/29, intitolat “Kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ prattiċi li jinvolvu riskju minn radjazzjoni jonizzanti għall-populazzjoni”, jistipula:

“Il-ħarsien operazzjonali tal-populazzjoni f’ċirkostanzi normali minn prattiċi bla ħsara għal awtorizzazzjoni minn qabel tfisser kull arranġament u servej għall-intraċċar u t-tneħħija tal-fatturi li, fil-kors ta’ ħidma li tinvolvi espożizzjoni għal radjazzjoni jonizzanti, jistgħu jikkawżaw riskju ta’ espożizzjoni għall-populazzjoni li ma tistax tiġi njorata mill-lat ta’ ħarsien mir-radjazzjoni. Din il-protezzjoni tista’ tinkludi d-doveri li ġejjin:

(a)       eżaminazzjoni u approvazzjoni ta’ pjanijiet għall-installazjonijiet li jinvolvu kull riskju ta’ espożizzjoni, u tas-sit propost ta’ dawn l-installazjonijiet ġewwa t-territorju kkonċernat, mill-lat ta’ ħarsien mir-radjazzjoni;

(b)       a[ċċ]etazzjoni fis-servizz ta’ dawn l-installazzjonijiet ġodda bla ħsara għal ħarsien adegwat li jiġi provdut [kontra] kull espożizzjoni jew kontaminazzjoni radjuattiva li aktarx testendi lill hinn mill-parametri, rendikont meħud, jekk rilevanti ta’ kondizzjonijiet demografiċi, meteoroloġiċi, ġejoloġiċi, idroloġiċi u ekoloġiċi;

(ċ)       l-eżaminazzjonijiet u l-approvazzjoni ta’ pjani għall-ħruġ ta’ efflussi radjuattivi.

Dawn id-doveri għandhom jitwettqu b’mod konformi mar-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti abbażi tal-firxa tar-riskju ta’ [espożizzjoni] involut.”

30      L-Artikolu 45 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Stimi tad-dożi tal-populazzjoni”, jistipula kif ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)       jiżguraw li l-istimi tad-doża minn prattiċi li għalihom saret referenza fl-Artikolu 44 huma magħmula kemm jista’ jkun b’mod realistiku kemm għal populazzjoni kollha u kemm għal gruppi ta’ referenza f’ post fejn dawn il-gruppi jistgħu jkunu;

(b)       jiddeċiedu fuq il-frekwenza tal-istimi u jieħdu pass meħtieġ sabiex jidentifika l-gruppi ta’ referenza tal-populazzjoni, akkont meħud tar-rottot effettivi ta’ trasmissjoni tas-sustanziradjuattivi;

(ċ) jiżguraw, akkont meħud tar-riskji radjoloġiċi, li l-istimi tad-dożi tal-populazzjoni jinkludu:

–        stima tad-dożi dovuti minn radjazzjoni esterna, li jindikaw, fejn xieraq, il-kwalità tar-radjazzjoni in kwistjoni,

–        stima ta’ tehid ta’ radjunuklidi, li jindikaw in-natura tar-radjunuklidi u, meta xieraq, l-istati fiżici u kemikali taghhom, u d-determinazzjoni tal-attività u koncentrazzjonijiet ta dawn ir-radjunuklidi,

–        stima tad-dożi li l-gruppi ta’ referenza tal-populazzjoni huma obbligati li jirċievu u l-ispeċifikazzjonijiet tal-karatteristiċi ta’ dawn il-gruppi.

(d)       jeżiġu li jinżammu rekords għal kejl ta’ espożizzjoni esterna, stimi ta’ teħid ta’ radjunuklidi u kontaminazzjoni radjuattiva kif ukoll riżultati tal-istimi tad-dożi li rċevew gruppi ta’ referenza u mill-populazzjoni.”

31      L-Artikolu 46 tal-istess direttiva bit-titolu “Spezzjoni” jipprevedi:

“Fir-rigward tal-ħarsien tas-saħħa tal-populazzjoni Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta’ spezzjoni li tinforza d-dispożizzjonijiet introdotti b’mod konformi ma’ din id-Direttiva u li tinbeda sorveljanza fiż-żona ta’ ħarsien mir-radjazzjoni.”

32      L-Artikolu 47 tad-Direttiva 96/29, intitolat “Responsabilitajiet tal-impriżi”, jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jeżiġi li l-impriża responsabbli għall-prattiċi li għalihom saret referenza fl-Artikolu 2 għandha tmexxihom skond il-prinċipji tal-ħarsien ta’ saħħa tal-populazzjoni fiż-żona ta’ ħarsien mir-radjazzjoni u b’mod partikolari sabiex twettaq id-doveri li ġejjin ġewwa dawn l-installazzjonijiet:

(a)       il-kisba u ż-żamma ta l-aħjar livell ta’ protezzjoni fl-ambjent u tal-populazzjoni;

(b)       l-kontroll tal-effettività ta’ tagħmir tekniku għall-ħarsien tal-ambjent u l-populazzjoni;

(ċ)       l-aċċettazzjoni fis-servizz, mill-lat ta’ sorveljanza ta’ ħarsien mir-radjazzjoni, ta’ tagħmir u proċeduri għal kejl u stima, kif xieraq, ta’ espożizzjoni u kontaminazzjoni radjuattiva tal-ambjent u l-populazzjoni;

(d)       kalibrazzjoni regolari tal-istrumenti u ċċekjar regolari li huma f’kondizzjoni ta’ użu u wżati korrettament.”

33      L-Artikoli 48 sa 53 tal-imsemmija direttiva, li jikkostitwixxu t-Titolu IX ta’ din tal-aħħar, huma relatati mal-interventi f’każijiet ta’ emerġenzi radjoloġiċi.

34      L-Artikolu 54 tal-istess direttiva jistipula:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi l-istandards bażiċi ta’ sigurtà għal ħarsien tal-ħaddiema tas-saħħa u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti bil-għan tal-implimentazzjoni uniformi mill-Istati Membri. Jekk Stat Membru ser jadotta limiti tad-dosaġġ li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti mill-Kummissjoni, għandu jinforma lil Kummissjoni u l-Istati Membri.”

35      Huwa stabbilit li r-Repubblika tal-Awstrija ma kkomunikatx informazzjoni tali la lill-Kummissjoni u lanqas lill-Istati Membri l-oħra.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

36      L-Artikolu 364(2) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem l-“ABGB”) jipprovdi:

“Il-proprjetarju ta’ immobbli jista’ jipprojbixxi lill-ġar milli jifta’ mill-fond tiegħu l-ilma ta’ skart, id-duħħan, il-gass, is-sħana, l-irwejjaħ, il-ħoss, it-tregħid u inkonvenjenzi simili oħra, safejn dawn jaqbżu l-livell regolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet lokali u jeffettwaw, b’mod partikolari, l-użu normali tal-immobbli. L-iskarikar dirett, mingħajr dritt ġuridiku speċifiku, huwa projbit f’kull każ.”

37      L-Artikolu 364 a tal-ABGB jipprovdi:

“Mandankollu, meta d-dannu, li jaqbeż dan il-livell, huwa kkważat minn minjieri jew impjant li kien is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva fil-fond tal-ġar, il-possessur huwa intitolat jitlob, permezz ta’ proċeduri quddiem il-qorti, il-kumpens tad-dannu sostnut biss, anki jekk dan jirriżulta minn ċirkustanzi li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċedura tal-awtorizzazzjoni amministrattiva.”

 Il-kawża prinċipali u l-kuntest tagħha

38      Il-Land Oberösterreich huwa proprjetarju ta’ fondi intiżi għall-agrikoltura u għall-esperimentazzjoni tal-agronomija li fihom ġiet stabbilita skola tal-agrikoltura. Dawn il-fondi jinsabu fl-Awstrija madwar 60 km miċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin, li hija stess tinsab fit-territorju Ċek xi 50 km mill-fruntiera Awstrijaka.

39      Din iċ-ċentrali hija użata mill-impriża ta’ provvista ta’ enerġija ČEZ, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ta’ dritt Ċek ikkontrollata fil-parti l-kbira minnha mill-Istat Ċek.

40      Il-kostruzzjoni u l-użu taċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin ġew awtorizzati mill-awtoritajiet Ċeki fl-1985 u din tal-aħħar bdiet tiffunzjona b’mod esperimentali fid-9 ta’ Ottubru 2000.

41      Fl-2001, il-Land Oberösterreich u proprjetarji privati oħra ressqu rikori quddiem il-Landesgericht Linz ibbażati fuq l-Artikolu 364(2) tal-ABGB u intiżi sabiex ČEZ tiġi ordnata twaqqaf l-inkonvenjenti jew riskji ta’ inkonvenjenti relatati mar-radjazzjoni jonizzanti li tista’ toriġina mill-imsemmija ċentrali.

42      Skont il-Land Oberösterreich, ir-radjoattività prodotta mill-ħidma normali ta’ din iċ-ċentrali nukleari u, a fortiori, ir-riskji ta’ kontaminazzjoni relatati mal-użu u ma’ eventwali taħsir ta’ funzjoni ta’ din tal-aħħar jippreġudikaw għal żmien twil l-użu normali tal-proprjetà immobbli tiegħu. Għalhekk il-kundizzjonijiet għal azzjoni ta’ inibizzjoni tal-inkonvenjenti, f’dan il-każ preventiva, huma sodisfatti.

43      Barra minn hekk, l-imsemmija ċentrali hija s-suġġett ta’ negozjati bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Ċeka. Protokoll dwar dawn in-negozjati ġie ffirmat f’Melk (L-Awstrija) fit-12 ta’ Diċembru 2000. Fid-29 ta’ Novembru 2001, dawn iż-żewġ Stati adottaw dokument bit-titolu “Il-Konklużjonijiet tal-Proċess ta’ Melk u s-Segwitu tiegħu”, li referenza għalih tinsab b’mod partikolari fid-dikjarazzjoni konġunta mir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Awstrija dwar il-ftehim bilaterali tagħhom rigward l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Temelin, mehmuża mal-att finali tat-Trattat dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea tal-għaxar Stati Membri ġodda, li fosthom hemm ir-Repubblika Ċeka, iffirmat f’Ateni fis-16 ta’ April 2003 (ĠU L 236, p. 17), dikjarazzjoni li permezz tagħha dawn iż-żewġ Stati Membri jiddikjaraw li huma għandhom iwettqu l-obbligi bilaterali tagħhom taħt l-imsemmija konklużjonijiet.

44      Mis-sena 2003, iċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin bdiet taħdem b’mod sħiħ.

45      Kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà nukleari fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Novembru 2002 [COM(2002) 605 finali], fil-kuntest tan-negozjati li wasslu għall-adeżjoni ta’ għaxar Stati Membri ġodda fl-2004, il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà nukleari tal-faċilitajiet li l-Istati kandidati kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom kienu s-suġġett ta’ attenzjoni partikolari wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Cologne tat-3 u tal-4 ta’ Ġunju 1999, li stiednu lill-Kummissjoni sabiex tħares l-applikazzjoni ta’ normi għolja ta’ sigurtà fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. L-istima hekk imwettqa tat lok kemm għall-iżmuntaġġ tar-reatturi nukleari u kemm għal rakkomandazzjonijiet li huma maħsuba sabiex jittejbu dawn tal-aħħar bl-iskop li jilħqu livell ta’ sigurtà komparabbli ma’ dak eżistenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea għar-reatturi komparabbli, rikomandazzjonijiet li l-implementazzjoni effettiva tagħhom kienet is-suġġett ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni u l-Kunsill [ara, b’mod partikolari, il- punt 4 tal-introduzzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni, l-inċiż (b) tal-punt 1.1 u l-punt 3.2 ta’ din tal-aħħar].

46      B’mod parallel mal-proċess ta’ Melk li fih il-Kummissjoni kellha rwol attiv biex tiffaċilita d-djalogu bejn l-awtoritajiet Ċeki u Awstrijaċi, is-sigurtà taċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin ġiet għalhekk evalwata mill-Kummissjoni u l-Kunsill, bħall-istallazzjonijiet nukleari l-oħra tal-Istati kandidati, u r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni urew li din iċ-ċentrali, permezz tal-implementazzjoni tar-rikomandazzjonijiet proposti, ippreżentat livell ta’ sigurtà nukleari sodisfaċenti [ara l-inċiż (b) tal-punt 1.1 tal-imsemmija komunikazzjoni].

47      Barra minn dan, u kif jirriżulta mill-punt 5.3.2 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti sunt tal-attivitajiet imwettqa fl-2004 u fl-2005 għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-kapitoli 3 sa 10 tat-Titolu II tat-Trattat dwar l-Euratom [COM(2006) 395 finali], mill-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni Ewropea saru xi verifiki f’Temelin fl-2004 u fl-2005 skont l-Artikolu 35 tat-Trattat tal-KEEA.

48      Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tagħti l-opinjoni tagħha, fl-24 ta’ Novembru 2005, dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjoattiv li rriżulta mill-modifikazzjonijiet li saru fis-sit taċ-ċentrali tal-enerġija nukleari ta’ Temelín fir-Repubblika Ċeka, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Euratom (ĠU C 293, p. 40). Fl-imsemmija opinjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod partikolari li “l-implementazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjoattiv, taħt kwalunkwe forma, li tirriżulta mill-modifikazzjonijiet fuq is-sit taċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin […] m’għandhix twassal, kemm f’każ ta’ funzjonament normali u f’każ ta’ inċident tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fl-informazzjoni ġenerali, għal kontaminazzjoni radjoattiva sinjifikattiva mill-perspettiva sanitarja tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-atmosfera ta’ Stat Membru ieħor”.

49      Fit-3 ta’ Novembru 2006, iż-żewġ reatturi taċ-ċentrali ta’ Temelin kienu s-suġġett ta’ kontroll u ta’ dikjarazzjoni definittiva tal-konformità mal-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ.

 Id-domandi preliminari

50      Il-Landesgericht Linz tesponi li, skont il-ġurisprudenza preċedenti, l-Artikolu 364 a tal-ABGB, li jeskludi l-preżentazzjoni ta’ azzjonijiet għal twaqqif ta’ inkonvenjenti f’każ ta’ istallazzjonijiet li jingħataw awtorizzazzjoni amministrattiva, kien applikabbli wkoll fir-rigward ta’ stallazzjonijiet awtorizzati minn awtoritajiet barranin meta kien jidher li l-inkonvenjent ikkonċernat kien awtorizzat mid-dritt internazzjonali u li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni applikabbli fl-Istat ta’ oriġini kienu sostanzjalment ekwivalenti għal dawk prevalenti fl-Awstrija.

51      F’sentenza tal-4 ta’ April 2006, l-Oberster Gerichtshof madankollu ddeċidiet li biss l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 364 a. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni ta’ interessi interni diverġenti u b’ebda mod ma huwa ġġustifikat li l-leġiżlatur Awstrijak jimponi restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ proprjetà immobbli ppreġudikata fl-Awstrija biss fl-interess ta’ ekonomija barranija u f’isem l-interess pubbliku barrani.

52      Skont il-Landesgericht Linz, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Oberster Gerichtshof tista’ tikser id-dritt Komunitarju sa fejn tagħmel trattament differenti bejn l-istallazzjonijiet li jgawdu minn awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet Awstrijaċi u dawk li jgawdu minn awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor.

53      Filwaqt li kkunsidrat li la t-Trattat KE u t-Trattat tal-KEEA u lanqas id-dritt idderivat minn dawn tal-aħħar ma jfasslu regoli dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għal faċilitajiet nukleari u r-rikonoxximent ta’ awtorizzazzjonijiet tali fi Stati Membri oħra minn dawk li taw tali awtorizzazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-trattament differenti kif irrilevat jiksirx l-Artikoli 10, 12, 28 u 43 KE.

54      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesgericht Linz iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      (a)   Il-fatt li impriża li topera ċentrali elettrika fi Stat Membru, b’konformità mal-liġijiet ta’ dak l-Istat u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja, li fiha tipproduċi elettriku li mbagħad jiġi pprovdut lil diversi Stati Membri, tiġi mġiegħla, bis-saħħa ta’ deċiżjoni li tordna li jintemm inkonvenjent potenzjali li jirriżulta minn din iċ-ċentrali elettrika mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ġar – li hija eżegwibbli fl-Istati Membri kollha skont [ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 42-64)] – tadatta dik l-istallazzjoni għar-regoli tekniċi ta’ Stat Membru ieħor jew anke – jekk, minħabba l-kumplessità tal-istallazzjoni kollha kemm hi, ikun impossibbli li jittieħdu miżuri biex l-istallazzjoni tiġi adattata – twaqqaf l-operazzjonijiet fl-istallazzjoni, f’sitwazzjoni fejn dik il-qorti, b’riżultat ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mogħtija mill-ogħla qorti ta’ dak il-pajjiż, ma tkunx tista’ tikkunsidra l-awtorizzazzjoni ta’ operazzjoni eżistenti għaċ-ċentrali elettrika mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tinsab l-istallazzjoni, anke jekk tkun tista’ tikkunsidra, fil-kuntest ta’ tali azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent, awtorizzazzjoni għal istallazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi, bl-effett li l-ebda sentenza li tordna li jintemm inkonvenjent ma tingħata fir-rigward ta’ stallazzjoni li topera taħt awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi, jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti skont l-Artikolu 28 KE?

(b)      Il-ġustifikazzjonijiet stipulati fit-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa illegali, fi kwalunkwe każ, li ssir distinzjoni skont il-liġi ta’ Stat Membru bejn awtorizzazzjonijiet għal istallazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi u dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, meta dik id-distinzjoni hija motivata mix-xewqa li tiġi protetta biss l-ekonomija nazzjonali iżda mhux l-ekonomija ta’ Stat Membru ieħor, peress li din hija raġuni purament ekonomika li ma hijiex rikonoxxuta bħala li jistħoqqilha protezzjoni fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali?

(ċ)       Il-ġustifikazzjonijiet stipulati fit-Trattat KE u l-prinċipju korrispondenti ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li distinzjoni globali magħmula skont il-liġi ta’ Stat Membru bejn awtorizzazzjonijiet għal istallazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi u awtorizzazzjonijiet għal istallazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor hija fiha nfisha illegali, għaliex l-operazzjoni ta’ istallazzjoni awtorizzata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn din tinsab għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor f’kull każ individwali abbażi tal-periklu reali maħluq mill-operazzjoni tal-istallazzjoni lill-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika jew abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku oħra rikonoxxuti?

(d)      Fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-ġustifikazzjonijiet, il-qrati ta’ Stat Membru huma obbligati, fi kwalunkwe każ, li jittrattaw l-awtorizzazzjoni ta’ operazzjoni għal istallazzjoni mogħtija fl-Istat Membru fejn din tinsab bħala awtorizzazzjoni għal istallazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi jekk l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Istat Membru fejn tinsab l-istallazzjoni hija essenzjalment ekwivalenti, f’termini legali, għal dik ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi?

(e)      Sabiex jiġu kkunsidrati d-domandi preċedenti, huwa rilevanti li l-istallazzjoni awtorizzata fl-Istat Membru fejn din tinsab hija ċentrali nukleari, jekk, fi Stat Membru ieħor fejn hemm pendenti azzjoni biex jintemm inkonvenjent li hemm il-biża’ li jirriżulta minn din iċ-ċentrali nukleari, l-operazzjoni ta’ dak it-tip ta’ istallazzjoni hi pprojbita per se, minkejja li faċilitajiet nukleari oħra joperaw hemmhekk?

(f)      Jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali deskritta fl-inċiż (a) tal-ewwel domanda tikser l-Artikolu 28 KE, il-qrati tal-Istat Membru li quddiemhom hija pendenti azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent huma obbligati jinterpretaw il-liġi domestika b’mod li tikkonforma mal-liġi Komunitarja, sabiex it-terminu ‘istallazzjoni awtorizzata uffiċjalment’ ikun jista’ jkopri kemm l-awtorizzazzjonijiet ta’ operazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi kif ukoll dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor?

2.      (a)   Il-fatt li impriża li topera ċentrali elettrika fi Stat Membru, b’konformità mal-liġijiet ta’ dak l-Istat u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja, tiġi mġiegħla, bis-saħħa ta’ deċiżjoni li tordna li jintemm inkonvenjent potenzjali li jirriżulta minn din iċ-ċentrali elettrika mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ġar – li hija eżegwibbli fl-Istati Membri kollha skont ir-Regolament Nru 44/2001 – tadatta dik l-istallazzjoni għar-regoli tekniċi ta’ Stat Membru ieħor jew anke – jekk, minħabba l-kumplessità tal-istallazzjoni kollha kemm hi, ikun impossibbli li jittieħdu miżuri biex l-istallazzjoni tiġi adattata – twaqqaf l-operazzjonijiet fl-istallazzjoni, f’sitwazzjoni fejn dik il-qorti, b’riżultat ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mogħtija mill-ogħla qorti ta’ dak il-pajjiż, ma tkunx tista’ tikkunsidra l-awtorizzazzjoni ta’ operazzjoni eżistenti għaċ-ċentrali elettrika mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tinsab l-istallazzjoni, anke jekk tkun tista’ tikkunsidra, fil-kuntest ta’ tali azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent, awtorizzazzjoni għal istallazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi, bl-effett li l-ebda sentenza li tordna li jintemm inkonvenjent ma tingħata fir-rigward ta’ istallazzjoni li topera taħt awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi, hu kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor stipulata fl-Artikolu 43 KE?

(b)      Il-ġustifikazzjoni għal restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa illegali, fi kwalunkwe każ, li ssir distinzjoni skont il-liġi ta’ Stat Membru bejn awtorizzazzjonijiet għal istallazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi u dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, meta dik id-distinzjoni hija motivata mix-xewqa li tiġi protetta biss l-ekonomija nazzjonali iżda mhux l-ekonomija ta’ Stat Membru ieħor, peress li din hija raġuni purament ekonomika li mhijiex rikonoxxuta bħala li jistħoqqilha protezzjoni fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali?

(ċ)      Il-ġustifikazzjonijiet għal restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment stipulati fit-Trattat KE u, partikolarment, il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li distinzjoni globali magħmula skont il-liġi ta’ Stat Membru bejn awtorizzazzjonijiet għal istallazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi u awtorizzazzjonijiet għal istallazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor hija fiha nfisha illegali, għaliex l-operazzjoni ta’ istallazzjoni awtorizzata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn din tinsab għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor f’kull każ individwali abbażi tal-periklu reali maħluq mill-operazzjoni tal-istallazzjoni lill-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika jew abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku oħra rikonoxxuti?

(d)      Fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-ġustifikazzjonijiet għall-vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment, il-qrati ta’ Stat Membru huma obbligati, fi kwalunkwe każ, li jittrattaw l-awtorizzazzjoni ta’ operazzjoni għal istallazzjoni mogħtija fl-Istat Membru fejn din tinsab bħala awtorizzazzjoni għal istallazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi jekk l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Istat Membru fejn tinsab l-istallazzjoni hija essenzjalment ekwivalenti, f’termini legali, għal dik ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi?

(e)      Sabiex jiġu kkunsidrati d-domandi preċedenti anki fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment, huwa rilevanti li l-istallazzjoni awtorizzata fl-Istat Membru fejn din tinsab hija ċentrali nukleari, jekk, fi Stat Membru ieħor fejn hemm pendenti azzjoni biex jintemm inkonvenjent li hemm il-biża’ li jirriżulta minn din iċ-ċentrali nukleari, l-operazzjoni ta’ dak it-tip ta’ istallazzjoni hi pprojbita per se, minkejja li faċilitajiet nukleari oħra joperaw hemmhekk?

(f)      Jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali deskritta fl-inċiż (a) tat-tieni domanda tikser l-Artikolu 43 KE, il-qrati tal-Istat Membru li quddiemhom hija pendenti azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent huma obbligati jinterpretaw il-liġi domestika b’mod li tikkonforma mal-liġi Komunitarja, sabiex it-terminu ‘istallazzjoni awtorizzata uffiċjalment’ ikun jista’ jkopri kemm l-awtorizzazzjonijiet ta’ operazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi kif ukoll dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor?

3.      (a)   Il-fatt li l-qrati ta’ Stat Membru jikkunsidraw awtorizzazzjonijiet għall-operazzjoni ta’ istallazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi fil-kuntest ta’ azzjoni privata biex jintemm inkonvenjent mressqa kontra istallazzjoni, bir-riżultat li d-dritt li jintlaqgħu talbiet għall-inibizzjoni tal-operazzjoni tal-istallazzjoni jew għall-adattament tagħha [għar-regoli tekniċi tal-Istat domestiku] jiġi eskluż, filwaqt li ma jikkunsidrawx, fil-kuntest ta’ tali azzjonijiet, awtorizzazzjonijiet għall-operazzjoni ta’ istallazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra mogħtija mill-awtoritajiet ta’ dawk l-Istati Membri, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta għal raġunijiet ta’ ċittadinanza pprojbita skont l-Artikolu 12 KE?

(b)      Tali diskriminazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, fid-dawl tal-fatt li taffetwa l-kundizzjonijiet legali li taħthom l-impriżi li joperaw tali istallazzjonijiet jistgħu jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru kif ukoll il-kundizzjonijiet legali li taħthom tali impriżi jipproduċu l-’elettriku’ u jipprovduh lil Stati Membri oħra, u fid-dawl tal-fatt li hi konnessa, għall-inqas indirettament, mar-realizzazzjoni tal-libertajiet fundamentali?

(ċ)      Tali diskriminazzjoni tista’ tkun ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi, peress li l-qrati rilevanti tal-Istat Membru ma jagħmlux evalwazzjoni individwali li tikkunsidra l-kundizzjonijiet li fuqhom hi bbażata l-awtorizzazzjoni tal-istallazzjoni fl-Istat Membru fejn tinsab? Il-fatt li l-qrati tal-Istati Membri l-oħra jikkunsidraw l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tinsab l-istallazzjoni – għall-inqas jekk il-kundizzjoni li din l-awtorizzazzjoni hija essenzjalment ekwivalenti, minn perspettiva legali, għal awtorizzazzjoni għal istallazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi tkun sodisfatta – ma kienx ikun konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità?

(d)      Jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali deskritt fl-inċiż (a) tat-tielet domanda tikser l-Artikolu 12 KE, il-qrati tal-Istat Membru li quddiemhom hija pendenti azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent huma obbligati jinterpretaw il-liġi domestika b’mod li tikkonforma mal-liġi Komunitarja, sabiex it-terminu ‘istallazzjoni awtorizzata uffiċjalment’ ikun jista’ jkopri kemm l-awtorizzazzjonijiet ta’ operazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi kif ukoll dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor?

4.      (a)   Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 10 KE japplika wkoll, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri?

(b)      Mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu jkun dedott li l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tal-Istati Membri l-oħra iktar diffiċli jew anke impossibli u dan japplika, partikolarment, għad-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta’ istallazzjonijiet nukleari fit-territorji tagħhom?

(ċ)      Jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali deskritta fl-inċiż (a) tar-raba’ domanda tikser l-Artikolu 10 KE, il-qrati tal-Istat Membru li quddiemhom hija pendenti azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent huma obbligati jinterpretaw il-liġi domestika b’mod li tikkonforma mal-liġi Komunitarja, sabiex it-terminu ‘istallazzjoni awtorizzata uffiċjalment’ ikun jista’ jkopri kemm l-awtorizzazzjonijiet ta’ operazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi kif ukoll dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor?”

 Osservazzjoni preliminari

55      Skont il-Gvern Awstrijak, il-qorti tar-rinviju kienet tat immaġini imperfetta tal-Artikolu 364 a tal-ABGB. Il-ġurisprudenza tindika fil-fatt li l-awtorizzazzjonijiet maħruġa fl-Awstrija jeskludu wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni meta huma ġew adottati wara proċedura li ma tirrikonoxxix lill-ġar il-kwalità ta’ parti jew fil-presenza ta’ inkonvenjenti jew riskji gravi għall-ħajja u għas-saħħa. Għalhekk it-trattament differenti deskritt mill-qorti tar-rinviju ma kellhux għalhekk lok.

56      Il-Land Oberösterreich issostni li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-espressjoni “istallazzjoni awtorizzata uffiċjalment” li tinsab fl-Artikolu 364 a tal-ABGB tista’ tapplika wkoll għall-awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor. Dan ikun il-każ meta l-inkonvenjent huwa awtorizzat mid-dritt internazzjonali, meta l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni li jipprevalu fl-Istat ta’ stabbiliment huma ekwivalenti għal dawk li jipprevedi l-Istat domestiku u meta l-proprjetarju tal-proprjetà immobbli mhedda seta’ jipparteċipa fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni bħala parti. F’dan il-każ, huwa stabbilit li ċentrali nukleari ma tistax tkun awtorizzata fid-dritt Awstrijaku, li l-awtorizzazzjoni mogħtija minn ČEZ ma tissodisfax la n-normi tekniċi u lanqas ir-rekwiżiti proċedurali attwalment fis-seħħ u li l-Land Oberösterreich ma setgħetx tipparteċipa fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kkonċernata.

57      F’dan ir-rigward, jeħtieġ madankollu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tagħti deċiżjoni fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, inkwantu interpretazzjoni tali taqa’ fil-fatt taħt il-kompetenza esklużiva tal-qrati nazzjonali. Jeħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkollha talba għal deċiżjoni preliminari quddiemha, tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tressqet quddiemha mill-imsemmija qorti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Heinrich Bauer Verlag, C‑360/06, Ġabra, p. I-7333, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq id-domandi preliminari

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

58      Kif jirriżulta mid-diċitura stess tad-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju tifformula dawn tal-aħħar billi tibbaża ruħha fuq il-premessa li d-deċiżjoni li hija tista’ eventwalment tagħti bl-effett li tisforza lil ČEZ sabiex taddatta ċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin, tabilħaqq sabiex ittemm it-tħaddim ta’ din tal-aħħar f’każ tal-impossibbiltà li tagħmel l-addattazzjonijiet meħtieġa, ser ikollha awtorità f’kull Stat Membru paragunabbli għal deċiżjonijiet mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

59      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ċek iqajjem żewġ oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ tali premessa.

60      L-ewwel nett, hu jikkontesta l-applikabbiltà nfisha tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward tad-deċiżjoni ġudizzjarja hekk ikkunsidrata. Fil-fatt, l-Artikolu 66(1) tal-imsemmi regolament jeskludi bħala regola applikabbiltà tali fil-preżenza ta’ azzjonijiet ġudizzjarji li ġew, l-istess bħar-rikors fil-kawża prinċipali, ippreżentati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Barra minn dan, ebda waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet previsti f’dan ir-rigward mill-paragrafu 2 tal-istess artikolu mhija applikabbli f’dan il-każ. Min-naħa, fil-fatt, l-azzjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx ippreżentata wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) bejn iż-żewġ Stati kkonċernati, billi r-Repubblika Ċeka ma kinitx parti minn din tal-aħħar fiż-żmien tal-introduzzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, il-kompetenza tal-qrati Awstrijaċi ma tirriżultax f’dan il-każ minn regoli ta’ kompetizzjoni konformi mar-regoli inklużi fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, iżda tassew minn regola ta’ kompetizzjoni purament interna bbażata fuq id-domiċilju tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

61      It-tieni nett, il-Gvern Ċek isostni li, anki jekk jiġi preżunt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 huma applikabbli, il-punt 1 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li deċiżjoni ma għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubblika tal-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent, għandu f’dan il-każ jiġi applikat quddiem il-qrati Ċeki.

62      Fid-dawl tar-risposta li ser tingħata għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, mhemmx madankollu lok li tingħata deċiżjoni fuq l-oġġezzjonijiet hekk ifformulati mill-Gvern Ċek, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

63      Il-Land Oberösterreich issostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli doppjament.

64      Min-naħa, it-tul eċċessiv tal-imsemmija domandi u kif ukoll il-fatt li dawn tal-aħħar iġibu numru kbir ta’ argumenti u elementi ta’ fatt jirrendu impossibbli l-formulazzjoni ta’ risposti ċari.

65      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata madankollu li l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt ikkontenuti kemm fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju u kif ukoll fid-domandi preliminari huma ta’ natura li jippermettulha teżerċita l-kompetenza tagħha.

66      Min-naħa l-oħra, il-Land Oberösterreich issostni li ma jeżistux rabtiet suffiċjenti bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u d-dritt Komunitarju, b’tali mod li d-domandi preliminari għandhom natura artifiċjali jew ipotetika.

67      F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi enfasizzat li l-kwistjoni dwar jekk sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija mill-qorti tar-rinviju hija kwistjoni dwar il-merti tal-interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li d-dubji eventwali li jistgħu jeżistu f’dan ir-rigward mhumiex ta’ natura li jaffettwaw l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari.

68      Jirriżulta minn dak li jippreċedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jeħtieġu interpretazzjoni

69      Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tesponi li d-dubji li hija għandha fir-rigward tal-konformità mad-dritt Komunitarju tal-Artikolu 364 a tal-ABGB fid-dawl tat-trattament differenti stabbilit minn din id-dispożizzjoni bejn, min-naħa, l-impriżi li għandhom stallazzjoni li tgawdi minn awtorizzazzjoni amministrattiva maħruġa fl-Awstrija, li mhumiex esposti għal azzjoni, meta jkun il-każ b’mod preventiv, għat-twaqqif ta’ inkonvenjenti min-naħa tal-ġirien u, min-naħa l-oħra, impriża bħal ČEZ li tipposjedi stallazzjoni, f’dan il-każ ċentrali nukleari, li tgawdi minn awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, u li tinsab esposta għal azzjoni għal twaqqif tal-inkonvenjent.

70      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tidentifika b’mod iktar partikolari erba’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jistgħu, skontha, jipprekludu differenza tali fit-trattament, jiġifieri, rispettivament, l-Artikoli 10 KE, 12 KE, 28 KE u 43 KE.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

71      Mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet li huma barra minn hekk sostnew fir-rigward tal-erba’ artikoli fuq imsemmija tat-Trattat KE, ČEZ, il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Pollakk u kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KEEA u ta’ leġiżlazzjonijiet adottati abbażi ta’ dan tal-aħħar huma rilevanti fir-rigward tal-problematika hekk imqajma mill-qorti tar-rinviju.

72      Billi tqis li t-trattament differenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa pprojbit taħt l-Artikolu 12 KE, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet minħabba ċittadinanza imsemmija f’dan l-artikolu tikkostitwixxi prinċipju ġenerali li għandu jiġi applikat fil-kuntest tat-Trattat tal-KEEA jew li, tal-inqas, il-fatt li wieħed huwa fil-preżenza ta’ impriża li taqa’ taħt dan l-aħħar trattat jimmilita favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 KE għal din tal-aħħar. L-Artikoli 30 sa 32 tat-Trattat tal-KEEA, id-Direttiva 96/29 u l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-KEEA jindikaw, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-isfera tat-Trattat tal-KEEA.

73      Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, għalkemm Stat Membru jeskludi li azzjoni għal twaqqif preventiv ta’ inkonvenjenti tista’ jiġi milqugħa meta l-attività fl-oriġini tal-kontroversja tibbenefika minn awtorizzazzjoni amministrattiva, dan l-Istat Membru ma jistax jawtorizza tali azzjoni meta l-attività inkwistjoni hija dik ta’ ċentrali nukleari stabbilita fi Stat Membru ieħor li fih hi tibbenefika minn awtorizzazzjoni amministrattiva. Fil-fatt, tali differenza fit-trattament ma tistax, skont il-Kummissjoni, tkun iġġustifikata, peress li, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ tali awtorizzazzjoni tindika, abbażi tad-dritt li jirriżulta mir-Trattat tal-KEEA, li l-osservanza ta’ valuri massimi, fir-rigward tal-espożizzjoni għar-radjazzjoni jonizzanti fil-kuntest ta’ tħaddim normali, ġiet debitament eżaminata u hija s-suġġett ta’ kontrolli kontinwi.

74      Skont il-Gvern Ċek, l-Artikoli 30 sa 39 tat-Trattat tal-KEEA u l-Artikoli 7, 8 u 14 tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari huma maħsuba sabiex jiġu applikati fil-kawża prinċipali. L-eżami, mill-qrati Awstrijaċi, tal-awtorizzazzjoni mogħtija għat-tħaddim taċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin mill-Kunsill għas-sigurtà nukleari, awtorità nazzjonali Ċeka maħluqa konformi mal-Artikolu 8 tal-imsemmija konvenzjoni, jikser id-dispożizzjonijiet fuq imsemmija u, b’mod partikolari, is-setgħat rikonoxxuti lil din l-awtorità nazzjonali, kif ukoll, bħala konsegwenza, l-Artikolu 192 tat-Trattat tal-KEEA. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jimplikaw b’mod partikolari obbligu ta’ kunfidenza reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija u l-kontrolli mmexxija minn dawn tal-aħħar.

75      Matul is-seduta, ČEZ sostniet li l-fatt li qorti Awstrijaka tagħmel evalwazzjoni fuq l-awtorizzazzjoni amministrattiva mogħtija mill-awtorità kompetenti Ċeka jew fuq is-sigurtà taċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin jirfes fuq il-kompetenzi tar-Repubblika Ċeka kif rikonoxxuti mill-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari u tikser kemm din tal-aħħar u kif ukoll il-prinċipju ta’ lealtà msemmi fl-Artikolu 192 tat-Trattat tal-KEEA.

76      Il-Gvern Pollakk jikkunsidra li l-Artikoli 30 sa 39 tat-Trattat tal-KEEA, id-Direttiva 96/29, b’mod partikolari l-Artikoli 4(1)(a), 13, 44 u 45 tagħha u l-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 14 u 15 tagħha jistabbilixxu standard armonizzat minimu fir-rigward ta’ dożi massimi ta’ emissjoni ta’ radjazzjoni jonizzanti li kull ċentrali nukleari għandha tosserva sabiex tkun tista’ tikseb awtorizzazzjoni għat-tħaddim tagħha. L-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu bl-istess mod l-implementazzjoni regolari ta’ stima ta’ sigurtà u ta’ verifiki permezz ta’ analiżi, sorveljanza, testijiet u ispezzjonijiet, u jippermettu kemm lill-Kummissjoni, bis-saħħa ta’ kontrolli in situ u ta’ informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lilha, u kif ukoll lill-Istati Membri ġirien, permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn il-partijiet u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni, li jwettqu stima tal-attività tal-faċilitajiet nukleari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha tillimita l-eżerċizzju tagħha għal verifika li ČEZ hija fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni biex topera ċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin, taħt il-piena li tmur kontra l-Artikolu 192 tat-Trattat tal-KEEA.

77      Bl-intervent tiegħu fl-istadju tal-proċedura orali, il-Gvern Franċiż sostna li kien meħtieġ, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikoli 30 sa 32, 33, 35, 37 u 38 tat-Trattat tal-KEEA, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll id-Direttiva 96/29, li għandhom speċifikament bħala għan li jiddefinixxu qafas li jippermetti li jiġu protetti l-popolazzjonijiet kontra r-riskju relatat mal-istallazzjonijiet nukleari.

78      Barra minn hekk, l-imsemmi gvern enfasizza li l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament taċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin kienu s-suġġett ta’ kontroll bir-reqqa mill-Kummissjoni matul il-proċess ta’ adeżjoni mingħajr mat-tħaddim tagħha ma ġie imqiegħed inkwistjoni f’din l-okkażjoni. Huwa jagħmel riferenza wkoll għall-verifiki magħmula mill-Kummissjoni u għall-opinjoni favorevoli mogħtija minnha, li ġew imsemmija fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza.

79      Skont dan l-istess gvern, il-qafas hekk stabbilit mit-Trattat tal-KEEA jipprekludi qorti ta’ Stat Membru milli tordna lill-operatur ta’ ċentrali nukleari fi Stat Membru ieħor, abbażi tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni relatata mal-imsemmi qafas, biex jadatta jew itemm l-attività ta’ din iċ-ċentrali.

80      Barra minn hekk, il-gvern Franċiż u l-gvern Pollakk indikaw, fis-seduta, li huma jaqblu mal-perspettiva tal-Kummissjoni li skontha l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza msemmi fl-Artikolu 12 KE jikkostitwixxi prinċipju ġenerali li għandu jiġi applikat wkoll fil-kuntest tat-Trattat tal-KEEA. Skont dawn il-gvernijiet, f’dan il-każ tali prinċipju huwa miksur mid-differenza li tirriżulta mill-Artikolu 364 a tal-ABGB fir-rigward tal-faċilitajiet nukleari li għandhom awtorizzazzjoni maħruġa fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Awstrija skont normi li huma s-suġġett ta’ armonizzazzjoni Komunitarja minima.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Il-fatt li qorti tar-rinviju fformulat formalment id-domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju mhuwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawza li għandha quddiemha, kemm jekk hija għamlet referenza għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis, C-258/04, Ġabra p. I-8275, punt 20 u ġurisprudenza ċċitata, u kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 29 u ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ dritt Komunitarju li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kawża (ara, b’mod partikolari, sentenza tal-20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, Ġabra p. 1207, punt 9).

82      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat mill-bidu nett li l-kawża prinċipali tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk attività industrijali li tikkonsisti fit-tħaddim ta’ ċentrali nukleari tistax tiġi kkontestata u, meta jkun il-każ, liema huma l-kundizzjonijiet tekniċi li jistgħu jiġu imposti fuq tali ċentrali minħabba inkonvenjenti jew riskji ta’ inkonvenjenti allegatament soffruti minn proprjetà immobbli fi Stat Membru ieħor minħabba eventwali espożizzjoni għad-radjazzjoni jonizzanti li toriġina minn din iċ-ċentrali.

83      Tali attività industrijali taqa’ taħt, mill-għan tagħha per se u f’miżura sinjifikattiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA u huwa stabbilit li dan tal-aħħar jinkludi minbarra dan grupp ta’ regoli relatati preċiżament mal-ħarsien tal-popolazzjonijiet u tal-ambjent kontra r-radjazzjoni jonizzanti.

84      Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, abbażi tal-Artikoli 234 KE u 150 tat-Trattat tal-KEEA, kompetenza ta’ natura identika għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u tat-Trattat tal-KEEA. Anki ċ-ċirkustanza li l-qorti tar-rinviju formalment ressqet każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE u saqsiet lil din tal-aħħar dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KE mhijiex ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-imsemmija qorti bl-elementi kollha li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawza li għandha quddiemha, anki meta dawn tal-aħħar jaqgħu taħt il-kuntest tat-Trattat tal-KEEA u jimplikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bis-saħħa tal-kompetenza tagħha abbażi tal-Artikolu 150 tat-Trattat tal-KEEA (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986, Hurd, 44/84, Ġabra p. 29, punti 1 u 14).

85      Barra minn hekk, jeħtieġ jitfakkar li l-Artikolu 305(2) KE jipprevedi espressament li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE ma jidderogawx minn dawk tat-Trattat tal-KEEA.

86      F’dan il-każ, jirriżulta li l-eżami tal-prinċipji u tad-dispożizzjonijiet speċifiċi inklużi fit-Trattat tal-KEEA u ċerti atti adottati abbażi ta’ dan tal-aħħar jippermetti, kif inhu espost iktar ’il quddiem, li tingħata risposta għad-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq il-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet minħabba ċittadinanza fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA

 Fuq l-eżistenza tal-imsemmi prinċipju

87      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 12 KE li tagħmel riferenza għalih it-tielet domanda preliminari jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE.

88      Għalkemm it-Trattat tal-KEEA ma jinkludix dispożizzjoni espliċita li tikkorispondi għall-imsemmi artikolu tat-Trattat KE, madankollu jibqa’ il-fatt, hekk ġie enfasizzat sa mill-bidu nett mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 12 KE huwa parti mill-“prinċipji” tal-Komunità u li r-regola tat-trattament nazzjonali tikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet ġuridiċi fundamentali ta’ din tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punti 15 u 24).

89      L-imsemmi Artikolu 12, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, lanqas ma jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwalità li jikkostitwixxi per se wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1980, Überschär, 810/79, Ġabra p. 2747, punt 16, u tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑224/00, Ġabra p. I‑2965, punt 14).

90      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, jidher kuntrarju kemm għall-finalità u kemm għall-koerenza tat-trattati li d-diskriminazzjonijiet minħabba ċittadinanza, li huma pprojbiti fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE bis-saħħa tal-Artikolu 12 KE, jibqgħu, min-naħa l-oħra, ittollerati fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA.

91      Għandu wkoll jiġi ammess li l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, minkejja li huwa espressament imsemmi biss fl-Artikolu 12 KE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali li huwa maħsub sabiex jiġi applikat fil-kuntest tat-Trattat tal-KEEA.

 Fuq l-eżistenza, fil-kawża prinċipali, ta’ trattament differenti minħabba ċittadinanza fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA

92      L-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regoli ta’ trattament ugwali bejn ċittadini u dawk li mhumiex ċittadini jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari minħabba ċittadinanza, jew fuq fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Commerzbank, C-330/91, Ġabra p. I-4017, punt 14, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

93      F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Artikolu 364 a tal-ABGB jipprevedi li impriża fil-pussess ta’ stallazzjoni industrijali fit-territorju Awstrijak li tgawdi minn awtorizzazzjoni amministrattiva maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti Awstrijaċi ma tistax, bħala regola, tkun is-suġġett ta’ azzjoni bl-għan, abbażi tal-Artikolu 364(2) tal-ABGB, li tikseb it-twaqqif ta’ inkonvenjenti jew riskji ta’ inkonvenjenti kkawżati jew li jistgħu jiġu kkawżati mill-imsemmija istallazzjoni fir-rigward ta’ proprjetà fil-viċinanzi. F’tali każ, biss azzjoni li hija intiża biex jinkiseb kumpens għad-danni allegatament inkorsi mill-proprjetà fil-viċinanzi ta’ din l-istallazzjoni hija miftuħa għal proprjetarju ta’ din tal-aħħar, anki meta d-dannu jirriżulta minn ċirkustanzi li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva.

94      L-Artikolu 364 a tal-ABGB ma jagħmel ebda distinzjoni abbażi tan-natura preċiża tal-attività industrijali tal-istallazzjoni li kienet is-suġġett ta’ tali awtorizzazzjoni u lanqas abbażi taċ-ċirkustanzi li ġew meħuda inkunsiderazzjoni fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

95      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tispjega li impriża li, bħal ČEZ, għandha għad-dispożizzjoni tagħha stallazzjoni industrijali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih hija tgawdi mill-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa mogħtija mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni għal twaqqif tal-inkonvenjenti bbażata fuq l-Artikolu 364(2) tal-ABGB, mingħajr ma tkun tista’ tirrikorri għall-eċċezzjoni prevista f’dan ir-rigward fl-Artikolu 364 a tal-ABGB.

96      Huwa stabbilit li l-impriżi li joperaw stallazzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor barra mir-Repubblika tal-Awstrija huma, normalment, impriżi stabbiliti f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

97      Minn dan jirriżulta li t-trattament differenti stabbilit mill-Artikoli 364 (2) u 364 (a) tal-ABGB għad-detriment tal-istallazzjonijiet li jgawdu minn awtorizzazzjoni amministrattiva maħruġa fi Stat Membru ieħor barra mir-Repubblika tal-Awstrija jekwivali għal trattament differenti minħabba ċittadinanza.

98      It-tieni nett, filwaqt li l-imsemmi trattament differenti minħabba ċittadinanza huwa stabbilit, jeħtieġ jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar huwiex parti, f’dan il-każ, mill-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA.

99      F’dan ir-rigward, għalhekk huwa tabilħaqq minnu li t-Trattat tal-KEEA ma jikkontjenix titolu relatat mal-istallazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, jibqa’ il-fatt li t-Titolu II ta’ dan it-trattat, bit-titolu “Dispożizzjonijiet maħsuba biex [jinkoraġġixxu l-progress] fil-qasam ta’ l-energija nukleari”, jinkludi Kapitolu 3, bit-titolu “Protezzjoni tas-saħħa”, li huwa intiż sabiex jiżgura l-ħarsien tas-saħħa pubblika fis-settur nukleari (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il-Kunsill, C-62/88, Ġabra p. I-1527, punt 17).

100    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kapitolu 3 kellhom jingħataw interpretazzjoni wiesgħa biex jiġi żgurat l-effett utli tagħhom (ara, b’mod partikolari, sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-29/99, Ġabra p. I-11221, punt 78). Huwa għalhekk li, filwaqt li rrilevat li l-imsemmi Kapitolu 3 jimplementa l-Artikolu 2(b) tat-Trattat tal-KEEA, li jobbliga lill-Komunità biex “tistabbilixxi u tiżgura l-applikazzjoni ta’ normi uniformi ta’ sigurtà biex tħares is-saħħa tal-ħaddiem u l-pubbliku inġenerali”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li jidher li dan il-ħarsien ma jistax jintlaħaq mingħajr kontroll tas-sorsi ta’ radjazzjoni noċivi (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

101    Fil-punt 72 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet imsejħa tiddeċiedi fuq il-portata tal-kompetenza Komunitarja għall-finijiet tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari, ikkonstatat li l-Komunità għandha kompetenzi, maqsuma mal-Istati Membri, biex tieħu, skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija Komvenzjoni, il-miżuri adegwati sabiex, fil-kundizzjonijiet kollha ta’ funzjonament normali, l-espożizzjoni għar-radjazzjoni jonizzanti tal-ħaddiema u tal-pubbliku dovuta għal stallazzjoni nukleari tinżamm fuq livell l-iktar baxx li huwa raġonevolment possibbli li jintlaħaq u li ebda individwu ma jkun espost għal dożi ta’ radjazzjoni li jaqbżu d-dożi massimi previsti fuq livell nazzjonali.

102    Fil-punt 82 ta’ din l-istess sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja fakret ukoll li jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza preċedenti li, għad-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-Komunità, mhemmx għalfejn issir distinzjoni artifiċjali bejn il-ħarsien tas-saħħa tal-popolazzjoni u s-sigurtà tas-sorsi ta’ radjazzjoni jonizzanti. Hija ddeduċiet b’mod partikolari li l-Komunità għandha wkoll ċerta kompetenza esterna fl-oqsma koperti mill-Artikoli 7, 14 u 16 sa 19 tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari, li jittrattaw, rispettivament, dwar is-sistema ta’ awtorizzazzjoni applikabbli għall-bini u għat-tħaddim tal-faċilitajiet nukleari, l-evalwazzjoni u l-verifika tas-sigurtà, l-organizzazzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, l-għażla tas-sit, il-pjan u l-kostruzzjoni tal-faċilitajiet u kif ukoll it-tħaddim ta’ dawn tal-aħħar.

103    B’mod partikolari, hija ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari, li, anki jekk huwa minnu li t-Trattat tal-KEEA ma jagħtix il-kompetenza li jiġu awtorizzati l-kostruzzjoni jew it-tħaddim tal-istallazzjonijiet nukleari lill-Komunità, din tal-aħħar għandha, bis-saħħa tal-Artikoli 30 sa 32 tat-Trattat tal-KEEA, kompetenza normattiva sabiex tistabbilixxi, bl-għan tal-ħarsien tas-saħħa, sistema ta’ awtorizzazzjoni li għandha tiġi applikata mill-Istati Membri. Fil-fatt, tali att leġiżlattiv jikkostitwixxi miżura li tikkompleta n-normi bażiċi msemmija fl-Artikolu 30 tat-Trattat tal-KEEA (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 88 u 89).

104    Filwaqt li interpretat barra minn hekk l-Artikolu 37 tal-KEEA, li hija dispożizzjoni li għandha tiġi applikata biex jiġu evitati l-possibiltajiet ta’ kontaminazzjoni radjoattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-atmosfera ta’ Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni ġenerali li tirrigwarda pjan ta’ rimi ta’ skart radjoattiv għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni qabel ma dan ir-rimi jiġi awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, f’dan ir-rigward, l-importanza kbira tal-linji gwida li l-Kummissjoni tista’ tagħti, wara konsultazzjoni mal-grupp ta’ esperti, lil dan l-Istat Membru u li dan tal-aħħar għandu jkun jista’ jeżaminahom fil-fond f’tali ċirkustanzi li jippermettu li s-suġġerimenti tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni (sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Land de Sarre et, 187/87, Ġabra. p. 5013, punti 12 sa 16, u tat-12 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑61/03, Ġabra p. I-2477, punt 39).

105    Jista’ jiġi dedott minn dak kollu li jippreċedi li l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament ta’ stallazzjonijiet nukleari, fl-aspetti tagħhom relatati mal-ħarsien tas-saħħa kontra l-perikoli li jirriżultaw mir-radjazzjoni jonizzanti għall-popolazzjoni, jagħmlu parti mill-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA.

106    Ir-rikors fil-kawża prinċipali huwa intiż sabiex jiddetermina jekk l-effetti kkawżati jew li hemm riskju li jiġu kkawżati mir-radjazzjoni jonizzanti attwali jew futura li toriġina miċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin jiġġustifikawx, minkejja l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil din iċ-ċentrali, li ČEZ tiġi ordnata tipproċedi għall-adattazzjoni ta’ din tal-aħħar, u saħansitra għall-għeluq tagħha, għall-finijiet ta’ prevenzjoni jew limitazzjoni ta’ tali effetti jew riskji.

107    Minn dan isegwi li t-trattament differenti rrilevat fil-punt 97 ta’ din is-sentenza jagħmel parti, fir-rigward ta’ azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, mill-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA.

 Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

108    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 107 ta’ din is-sentenza mhijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż favur l-inkompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali bil-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA. Jeħtieġ ukoll jiġi eżaminat jekk l-esklużjoni tal-kunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 364 a tal-ABGB, tal-awtorizzazzjonijiet amministrattivi mogħtija lil stallazzjonijiet nukleari li jinsabu fit-territorju ta’ Stati Membri barra mir-Repubblika tal-Awstrija, u l-applikazzjoni għal dawn tal-aħħar tad-dispożizzjonijiet biss tal-Artikolu 364(2) tal-ABGB, jistax jiġi ġġustifikat minn ċirkustanzi oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza u jekk tali trattament differenti huwiex, f’dan il-każ, proporzjonali mal-għan legalment imfittex (ara b’mod partikolari f’dan is-sens, rigward l-Artikolu 12 KE, sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; tal-5 ta’ Ġunju 2008, Wood, C‑164/07, Ġabra p. I‑4143, punt 13, u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C‑524/06, Ġabra p. I-9705, punt 75).

109    Min-naħa, rigward l-interrogazzjoni li tirriżulta mill-ewwel u mill-inċiż (b) tat-tieni domanda preliminari, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li x-xewqa tal-leġiżlatur Awstrijaku li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-operaturi ekonomiċi nazzjonali, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra, ma tistax tiġi ammessa bħala ġustifikazzjoni tat-trattament differenti li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Lanqas ma jista’ jiġġustifika ostakolu għall-prinċipji fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanzija jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Decker, C-120/95, Ġabra p. I-1831, punt 39, u Kohll, C-158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 41), għanijiet ta’ natura purament ekonomika ma għandhomx jiġġustifikaw diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA.

110    Min-naħa l-oħra, rigward il-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-ħarsien tal-ħajja jew tas-saħħa, imqajma mill-qorti tar-rinviju, jew anki mill-ħarsien tal-ambjent jew tad-dritt għall-proprjetà, invokati ukoll mil-Land Oberösterreich, ma jidher lanqas li huma tali li jiġġustifikaw trattament differenti, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi maħruġa mill-awtoritajiet Awstrijaċi għal stallazzjonijiet industrijali li jinsabu fl-Awstrija u dawk mogħtija għal ċentrali nukleari li tinsab fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan tal-aħħar.

111    F’dan ir-rigward, jeħtieġ l-ewwel nett jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mir-raba’ premessa tal-preambolu tat-Trattat tal-KEEA, il-firmatarji ta’ dan tal-aħħar kienu “anzjużi li jistabilixxu kundizzjonijiet ta’ sigurtà li jeliminaw il-periklu għall-ħajja u s-saħħa tal-poplu”. L-Artikolu 2(b) tat-Trattat tal-KEEA jippreċiża, min-naħa tiegħu, li, sabiex twettaq il-kompiti tagħha, il-Komunità għandha, bi qbil mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan it-trattat, “tistabilixxi, u tassigura l-applikazzjoni ta’ normi uniformi ta’ sigurtà biex tħares is-saħħa tal-ħaddiem u l-pubbliku in ġenerali”.

112    Tali kundizzjonijiet, li huma ppreċiżati fl-Artikoli 30 sa 39 tat-Trattat tal-KEEA li jikkostitwixxu l-Kapitolu 3 tat-Titolu II tat-Trattat tal-KEEA, huma intiżi, kif irrilevat preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi żgurata protezzjoni tas-saħħa koerenti u effiċjenti tal-popolazzjoni mill-perikoli li jirriżultaw mir-radjazzjoni jonizzanti, huma x’inhuma s-sors u l-kategoriji ta’ persuni esposti għal din ir-radjazzjoni (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1991, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑70/88, Ġabra. p. I‑4529, punti 13 u 14).

113    L-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat tal-KEEA jipprevedu, b’mod partikolari, l-adozzjoni mill-Komunità, wara opinjoni ta’ grupp ta’ esperti xjentifiċi, ta’ normi bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni mill-perikoli tar-radjazzjoni jonizzanti.

114    Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KEEA, kull Stat Membru għandu jdaħħal il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji meħtieġa biex jiżgura konformità man-normi bażiċi kif stabbiliti mill-Komunità. Madankollu t-tieni paragrafu tal-istess artikolu jagħti lill-Kummissjoni kompetenza sabiex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet kollha biex tiżgura li jkunu armonizzati d-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward fl-Istati Membri. Kif preċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja, tali setgħa ta’ rakkomandazzjoni tista’ b’mod partikolari tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ dawk l-aspetti relatati mal-ippjanar u mal-kostruzzjoni u kif ukoll mat-tħaddim ta’ istallazzjoni nukleari li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza ta’ normi bażiċi. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri huma, barra minn hekk, obbligati li jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet permezz tal-komunikazzjonijiet imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KEEA (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105).

115    L-imsemmija normi bażiċi, li għandhom jiġu mmexxija mill-prinċipju tat-titjib tal-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-376/90, Ġabra p. I‑6153, punt 27), u li ġew immodifikati f’sensiela ta’ drabi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp tat-tagħrif xjentifiku fir-rigward ta’ protezzjoni mir-radjazzjoni, huma stabbiliti permezz tad-Direttiva 96/29.

116    Kif jirriżulta mill-punti 23 sa 34 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 96/29 tinkludi wkoll numru ta’ dispożizzjonijiet dwar is-sistemi ta’ awtorizzazzjoni, sorveljanza, ispezzjoni u intervent f’każ ta’ emerġenza radjoloġika, dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri fil-konfront ta’ prattiki li jimplikaw riskju ta’ radjazzjoni jonizzanti għall-popolazzjoni.

117    It-tieni nett, jeħtieġ jiġi enfasizzat li d-dispożittiv legali mħejji mit-Trattat tal-KEEA fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa mhuwiex limitat għall-previżjoni tal-ħolqien ta’ normi bażiċi, iżda jinkludi parti oħra relatata mal-kontroll tal-osservanza ta’ dawn tal-aħħar u kif ukoll mal-kontroll tad-radjoattività tal-atmosfera, tal-ilma u tal-ħamrija.

118    Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tal-imsemmi trattat jifformaw fil-fatt għaqda organizzata li tattribwixxi kompetenzi estiżi lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-popolazzjoni u tal-ambjent kontra r-riskji ta’ kontaminazzjoni nukleari (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Land de Sarre et, punt 11, u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 79).

119    Dan huwa b’mod partikolari l-għan tal-Artikoli 35 sa 38 tat-Trattat tal-KEEA li, kif irrilevat preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, jagħtu b’mod partikolari lill-Kummissjoni setgħat konsiderabbli (sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

120    Huwa b’hekk li l-Artikolu 35 KEEA jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu l-istallazzjonijiet meħtieġa sabiex iwettqu l-kontroll permanenti tar-rata tar-radjoattività tal-atmosfera, tal-ilma u tal-ħamrija, u l-kontroll tal-osservanza tan-normi bażiċi.

121    Il-Kummissjoni għandha, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 35 KEEA, dritt li taċċedi għal dawn l-istallazzjonijiet ta’ kontroll għall-finijiet li tivverifika l-funzjonament u l-effiċjenza tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 36 KEEA joħloq akkarigu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, obbligu li jikkomunikaw regolarment lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 35 KEEA, sabiex din l-istituzzjoni tkun informata bir-rata tar-radjoattività li tista’ ikollha impatt fuq il-popolazzjoni.

122    Kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, ġew imwettqa verifiki mill-Kummissjoni f’Temelin, skont l-Artikolu 35 KEEA, matul is-snin 2004 u 2005.

123    Kif ġie mfakkar fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 37 KEEA huwa intiż sabiex jipprevjeni l-possibbiltajiet ta’ kontaminazzjoni radjoattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-atmosfera ta’ Stat Membru ieħor. Skont din id-dispożizzjoni, l-informazzjoni ġenerali ta’ pjan ta’ rimi tal-iskart radjoattiv għandha tingħata lill-Kummissjoni qabel dawn ir-regoli jiġu awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex l-imsemmi Stat Membru jkun jista’ jeżamina l-gwidi mogħtija lilu mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni tal-grupp ta’ esperti, fil-fond u b’mod li s-suġġerimenti tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni.

124    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, f’dan ir-rigward, l-importanza tar-rwol tal-Kummissjoni, li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biss viżjoni ġenerali waħda fir-rigward tal-iżviluppi tal-attivitajiet tas-settur nukleari fuq it-territorju kollu tal-Komunità (sentenza Land de Sarre et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 12 u 13).

125    Kif ġie indikat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni, konformi mal-Artikolu 37 KEEA, tat l-opinjoni tagħha, fl-24 ta’ Novembru 2005, billi qalet li din l-istituzzjoni kkonkludiet li l-implementazzjoni tal-pjan tar-rimi tal-iskart radjoattiv, taħt kwalunkwe forma, li tirriżulta mill-modifiki fuq is-sit taċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin, ma tistax twassal, kemm f’termini ta’ funzjonament normali u kif ukoll ta’ inċident tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fl-informazzjoni ġenerali, għal kontaminazzjoni radjoattiva sinjifikattiva mill-perspettiva sanitarja tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-atmosfera ta’ Stat Membru ieħor.

126    Fl-aħħar, l-Artikolu 38 KEEA jinvesti lill-Kummissjoni bis-setgħa li tibgħat rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fir-rigward tar-rata ta’ radjoattività tal-atmosfera, tal-ilma u tal-ħamrija u, f’każ ta’ emerġenza, bis-setgħa li tistabbilixxi direttiva li permezz tagħha hija tordna lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jadotta, fit-terminu li hija tiddetermina, il-miżuri neċessarji kollha sabiex tevita eċċess tan-normi bażiċi u sabiex tiżgura l-osservanza tal-leġiżlazzjonijiet. Jekk dan l-Istat ma jikkonformax ruħu, fit-terminu previst, mad-direttiva tal-Kummissjoni, din tal-aħħar jew kull Stat Membru interessat jista’, b’deroga mill-Artikoli 141 KEEA u 142 KEEA, mill-ewwel iressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

127    It-tielet nett, għandu jitfakkar li kemm il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri jagħmlu parti mill-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari li, skont l-inċiż (ii) tal-ewwel Artikolu tagħha għandha b’mod partikolari l-għan li “jistabbilixxu u jżommu difiża effettiva fl-istallazzjonijiet nukleari kontra l-perikoli potenzali radjologiċi sabiex jipproteġu l-individwi, is-socjetà u l-ambjent mill-effetti li jagħmlu ħsara tar-radjazzjon[i] ta’ ioniżazzjoni minn tali ista[l]lazzjonijiet”.

128    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 15 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi li kull parti parti appalti għandha tieħu l-passi xierqa biex tiżgura li fl-istati kollha ta’ pjan operazzjonali, l-espożizzjoni tar-radjazzjoni għal ħaddiema u għal pubbliku kawżati minn istallazzjoni nukleari għandhom jinżammu daqshekk baxxi sakemm huwa raġonevolment possibbli.

129    Barra minn hekk, il-preambolu tal-imsemmija konvenzjoni terġa’ tiddikjara, fl-inċiż (iii), “li r-r[e]sponsab[b]iltà għas-sigurtà hija f’idejn l-istat li għandu ġurisdizzjoni fuq l-installazzjoni nukleari”, filwaqt li, skont l-Artikolu 7(2) tal-istess konvenzjoni, kull parti appalti għandha tistabbilixxi qafas leġi[ż]lattiv u regolatorju li jinkludi b’mod partikolari sistema ta’ għoti ta’ liċenza għall-istallazzjonijiet nukleari u l-projbizzjoni tat-tħaddim ta’ istallazzjoni nukleari mingħajr liċenza; sistema ta’ spezzjoni regolatorja u stima ta’ istallazzjonijiet nukleari biex jiżguraw konformità mar-regolamenti applikabbli u kundizzjonijiet ta’ liċenzi u kif ukoll l-infurzar tar-regolamenti applikabbli u tal-kundizzjonijiet ta’ liċenzi.

130    Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tan-negozjati li wasslu għall-adeżjoni ta’ għaxar Stati Membri ġodda fl-Unjoni, fl-1 ta’ Mejju 2004, il-kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà tal-faċilitajiet nukleari li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom dawn tal-aħħar, fosthom dik ta’ Temelin, ġew eżaminati mill-Kummissjoni, li wassal għall-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet Komunitarji li huma maħsuba għat-titjib tagħhom bl-iskop li jilħqu livell ta’ sigurtà komparabbli ma’ dak eżistenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea għar-reatturi komparabbli, rakkomandazzjonijiet li l-implementazzjoni effettiva tagħhom kienet is-suġġett ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni u l-Kunsill.

131    Jeħtieġ ukoll jiġi enfasizzat li, f’każ ta’ taħsir ta’ funzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita bis-saħħa tat-Trattat tal-KEEA, l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom numru ta’ rimedji sabiex ifittxu jiksbu l-korrezzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa fir-rigward tagħhom.

132    L-ewwel nett, l-Artikolu 32 KEEA jinvesti kull Stat Membru bid-dritt li jippreżenta talba sabiex n-normi bażiċi jkunu jistgħu jiġu riveduti u issuplimentati skont l-Artikoli 30 u 31 KEEA, talba li l-Kummissjoni għandha, f’każ bħal dan, l-obbligu li teżamina.

133    Sussegwentement, skont l-Artikolu 142 KEEA, kull Stat Membru li jikkunsidra li Stat Membru ieħor ikun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skont it-Trattat KEEA jista’ iressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’sitwazzjoni ta’ emerġenza deskritta fl-Artikolu 38 KEEA, it-tressiq ta’ tali każ jista’ jsir minnufih.

134    Fl-aħħar, l-Artikoli 145 sa 149 KEEA jipprevedu, bħad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat KE, mekkaniżmi ta’ stħarriġ ġudizzjarju kemm dwar il-legalità ta’ atti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni u kemm tal-każijiet fejn tali istituzzjoni tastjeni milli tiddeċiedi bi ksur tat-Trattat tal-KEEA.

135    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, meta Stat Membru jkun ħoloq dispożizzjoni interna li, bħall-Artikolu 364 a tal-ABGB, tipprekludi, kif espost mill-qorti tar-rinviju, li jsir rikors għal azzjoni għat-twaqqif ta’ inkonvenjenti meta l-inkonvenjent jew ir-riskju ta’ inkonvenjent allegat joriġina minn stallazzjoni industrijali li tgawdi minn awtorizzazzjoni amministrattiva, l-imsemmi Stat Membru ma jistax jeskludi b’mod kategoriku mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni l-awtorizzazzjonijiet maħruġa lill-istallazzjonijiet nukleari li jinsabu fi Stati Membri oħra billi jippretendi jiġġustifika tali esklużjoni permezz tax-xewqa tal-ħarsien tal-ħajja, tas-saħħa pubblika, tal-ambjent u tad-dritt għal proprjetà.

136    Fil-fatt, esklużjoni tagħmel astrazzjoni totali tal-fatt li l-kuntest normattiv Komunitarju kif deskritt fil-punti 111 sa 134 ta’ din is-sentenza u li fih huma parzjalment inklużi tali awtorizzazzjonijiet tikkontribwixxi preċiżament b’mod sostanzjali sabiex tiġi żgurata tali protezzjoni. Anki l-imsemmija esklużjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala neċessarja għall-imsemmija għanijiet ta’ protezzjoni u lanqas, għalhekk, ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’tali mod li jiżgura l-konformità ta’ dan tal-aħħar mad-dritt Komunitarju

137    Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-inċiż (f) tal-ewwel domanda, mill-inċiż (f) tat-tieni domanda, mill-inċiż (d) tat-tielet domanda, mill-inċiż (c) tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn eventwali nonkonformità mad-dritt Komunitarju tal-interpretazzjoni attwalment applikata mill-qrati nazzjonali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

138    F’dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita żviluppata fir-rigward tal-Artikolu 10 KE, iżda li għandha applikazzjoni wkoll fid-dawl tal-Artikolu 192 KEEA, l-obbligu tal-Istati Membri, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, li jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari kollha intiżi sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju huwa impost fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji. Il-qorti tar-rinviju hija wkoll kompetenti biex tinterpreta l-liġi nazzjonali li għandha tiġi applikata minnha, sa fejn possibbli, b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju. Jekk applikazzjoni konformi tali mhijiex possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tapplika integralment id-dritt Komunitarju u tipproteġi d-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lill-individwi, billi ma tapplikax, skont il-bżonn, kull dispożizzjoni sa fejn l-applikazzjoni tagħha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Murphy et, 157/86, Ġabra p. 673, punt 11, u kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht, C-262/97, Ġabra p. I-7321, punti 38 sa 40).

139    Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, jeħtieġ li d-domandi magħmula jiġu mwieġba fis-sens li l-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet minħabba ċittadinanza fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEEA jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha impriża, li tgawdi minn awtorizzazzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tħaddem ċentrali nukleari li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja intiża għall-kisba tat-twaqqif ta’ inkonvenjenti jew riskji ta’ inkonvenjenti fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li toriġina minn din l-istallazzjoni, filwaqt li l-impriżi li jgawdu minn stallazzjoni industrijali li tinsab fl-Istat Membru ospitanti u li jgawdu minn awtorizzazzjoni amministrattiva ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ azzjoni tali u huma esposti biss għal azzjoni intiża għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni mġarrba minn proprjetà immobbli fil-viċinanzi.

140    Jeħtieġ tingħata risposta wkoll fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tinterpreta l-liġi interna li għandha tiġi applikata minnha, sa fejn possibbli, b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju. Jekk applikazzjoni konformi tali mhijiex possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tapplika integralment id-dritt Komunitarju u tipproteġi d-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lill-individwi, billi ma tapplikax, skont il-bżonn, kull dispożizzjoni sa fejn l-applikazzjoni tagħha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt Komunitarju.

 Fuq l-ispejjeż

141    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet minħabba ċittadinanza fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEEA jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha impriża, li tgawdi minn awtorizzazzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tħaddem ċentrali nukleari li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja intiża għall-kisba tat-twaqqif ta’ inkonvenjenti jew riskji ta’ inkonvenjenti fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li toriġina minn din l-istallazzjoni, filwaqt li l-impriżi li jgawdu minn stallazzjoni industrijali li tinsab fl-Istat Membru ospitanti u li jgawdu minn awtorizzazzjoni amministrattiva ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ azzjoni tali u huma esposti biss għal azzjoni intiża għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni mġarrba minn proprjetà immobbli fil-viċinanzi.

2)      Il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta l-liġi interna li għandha tiġi applikata minnha, sa fejn possibbli, b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju. Jekk applikazzjoni konformi tali mhijiex possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tapplika integralment id-dritt Komunitarju u tipproteġi d-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lill-individwi, billi ma tapplikax, skont il-bżonn, kull dispożizzjoni sa fejn l-applikazzjoni tagħha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt Komunitarju.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.