Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta' Ġunju 2011 minn Luigi Marcuccio kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta' Marzu 2011 fil-Kawża F-21/10, Marcuccio vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-286/11 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-digriet kkontestat fl-intier tiegħu u mingħajr eċċezzjoni, u, barra minn hekk, prinċipalment:

tilqa' t-talbiet kollha magħmula fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-appellata tirrimborsa lir-rikorrent l-ispejjeż esposti minnu fil-kuntest tad-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza appellata, jew, sussidjarjament:

tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, f'kompożizzjoni differenti, sabiex jiddeċiedi mill-ġdid fil-mertu fuq kull waħda mit-talbiet magħmula fil-punti preċedenti ta' dawn it-talbiet.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq nuqqas assolut ta' motivazzjoni tat-"talbiet għal-danni"

L-appellant isostni, f'dak li jikkonċerna n-nuqqas ta' istruzzjoni u l-iżnaturament tal-fatti, in-natura żbaljata u mhux raġonevoli tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli ta' liġi inerenti għall-ħolqien ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-kunċett tal-obbligu ta' motivazzjoni li għandhom dawn l-istituzzjonijiet kollha kif ukoll il-qrati tal-Unjoni Ewropea, u tal-kunċett ta' aġir illegali min-naħa ta' istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni aggravju bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza "fuq l-ispejjeż"

Ir-rikorrent isostni f'dan ir-rigward li l-kundanna ta' parti f'kawża li tirrimborsa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-ispejjeż esposti minnha, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, tista' tkun ibbażata biss fuq fatti strettament marbuta mal-kawża inkwistjoni, u mhux fuq aġir allegat tal-istess parti f'kawżi oħra.

____________