Language of document : ECLI:EU:C:2016:838

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Novembru 2016(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent –Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali – Artikolu 6(3) – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali u aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent – Artikoli 6 u 9 – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Proġett ta’ bini ta’ ħajt ta’ lqugħ – Sit protett ta’ Strážovské vrchy – Proċedura amministrattiva għall-awtorizzazzjoni – Organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent – Talba intiża għall-kisba tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura – Ċaħda – Rimedju ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑243/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka, Is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura

Lesoochranárske zoskupenie VLK

vs

Obvodný úrad Trenčín,

fil-preżenza ta’:

Biely potok a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal (relatur), M. Vilaras u E. Regan, Presidenti tal-Awla, MM. A. Rosas, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Jarašiūnas u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Lesoochranárske zoskupenie VLK, minn I. Rajtáková, advokátka,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová u M. Kianička, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Lesoochranárske zoskupenie VLK (assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-foresti VLK, iktar ’il quddiem “LZ”), organizzazzjoni ta’ protezzjoni tal-ambjent ikkostitwita skont id-dritt Slovakk, u Obvodný úrad Trenčín (awtorità tad-distrett ta’ Trenčín, is-Slovakkja), dwar talba ta’ din l-organizzazzjoni biex tiġi rrikonoxxuta bħala parti fil-proċedura amministrattiva għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proġett ta’ bini ta’ ħajt ta’ lqugħ minħabba t-tkabbir ta’ park tal-annimali tal-kaċċa fuq sit protett.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 2(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“4.      It-terminu ‘pubbliku’ tfisser persuna waħda jew iktar fiżiċi jew ġuridiċi, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom.

5.      L-espressjoni ‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku affettwat jew li aktarx ikun affettwat minn, jew li għandu interess fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-ħarsien ambjentali u li jissodisfaw ir-rekwiżiti taħt id-dritt nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        L-Artikolu 6 tal-konvenzjoni msemmija intitolat “Parteċipazzjoni pubblika f’deċiżjonijiet dwar ċerti attivitajiet” jipprevedi:

“1.      Kull Parti:

[…]

b)      għandha tapplika wkoll, skont id-dritt nazzjonali tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għal deċiżjonijiet dwar attivitajiet proposti, li ma humiex elenkati fl-Anness I, li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent. Għal dan il-għan, il-partijiet għandhom jistabbilixxu jekk dan l-artikolu japplikax għal tali attività proposta

[…]

2.      Meta jinbeda proċess deċiżjonali li jmiss l-ambjent, il-pubbliku kkonċernat huwa informat kif għandu jkun, b’mod effettiv u fil-ħin mixtieq, permezz ta’ avviż pubbliku jew individwalment, skont il-każ, fil-bidu tal-proċess. […]

[…]

3.      Għall-istadji differenti tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku, hemm termini raġonevoli li jipprovdu żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi informat skont il-paragrafu 2 iktar ’il fuq u sabiex il-pubbliku jipprepara ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fix-xogħlijiet matul il-proċess deċiżjonali kollu fil-qasam tal-ambjent.

4.      Kull parti għandha tipprovdi għal parteċipazzjoni pubblika fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza effettiva.

5.      Kull parti għandha, kif xieraq, tinkoraġġixxi kull min għandu l-intenzjoni jressaq talba għal awtorizzazzjoni, jidentifika l-pubbliku kkonċernat, jinformah dwar is-suġġett tat-talba li huwa jikkunsidra li jressaq u jkollu diskussjoni miegħu dwar dan is-suġġett qabel ma jressaq it-talba tiegħu.

6.      Kull parti għandha titlob lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti biex jagħmlu mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jikkonsulta meta jagħmel talba għal dan, meta d-dritt nazzjonali jeżiġi dan, u mingħajr ħlas, minn meta tkun disponibbli, l-informazzjoni kollha li jkollha xi rilevanza għall-proċess deċiżjonali msemmi f’dan l-artikolu u li tista’ tinkiseb fil-mument tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jirrifjutaw li jiżvelaw ċerta informazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 4(3) u (4). […]

[…]

7.      Il-proċedura ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku tipprevedi l-possibbiltà għall-pubbliku li jressaq bil-miktub jew, kif xieraq, f’seduta jew f’investigazzjoni pubblika fil-preżenza tal-applikant, l-osservazzjonijiet, informazzjoni, analiżi jew opinjonijiet kollha li huwa jidhirlu xieraq fir-rigward l-attività proposta.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 9 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprevedi fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu:

“2.      Kull parti għandha tiżgura li, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)      li jkollhom interess suffiċjenti jew, jekk le,

b)      li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva ta’ Parti tistabbilixxi tali kundizzjoni,

ikunu jistgħu jaġixxu quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, kemm fir-rigward tal-mertu kif ukoll tal-proċedura, ta’ kull deċiżjoni, kull att jew kull ommissjoni koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u mingħajr ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, dispożizzjonijiet oħra rilevanti ta’ din il-konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u f’konformità mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess ġudizzjarju wiesa’ fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies li huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-punt (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jiġu ppreġudikati fis-sens tal-punt (b) iktar ’il fuq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà li titressaq proċedura preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jitqiesu li jeludu l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jingħata bidu għal proċedura ġudizzjarja, meta dan l-obbligu jkun previst fid-dritt nazzjonali.

3.      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri preliminari msemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jipproċedu bi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4.      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inklużi konformità permezz ta’ ordni fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u mingħajr dewmien u ma għandhomx jinvolvu spiża projbittiva. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. Id-deċiżjonijiet tal-qrati, u sa fejn possibbli, dawk ta’ korpi oħra, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

6        L-Artikolu 2(2), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008 L 352M, p. 883) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/43”), jipprovdi:

“Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.”

7        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/43 jipprevedi:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ ‘Natura 2000’. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva 79/409/KEE [tal-Kunsill, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)].”

8        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/43 jipprovdi:

“1.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […]

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. […]

2.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ)(iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

[…]

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

[…]

4.      Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr […].

5.      Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

9        L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jiddisponi:

“Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

10      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [79/409] dwar iż-żoni klassifikati skont l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skont l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skont id-Direttiva [79/409], meta d-data tal-aħħar tiġi aktar tard.”

 Id-dritt Slovakk

11      L-Artikolu 13(2) taż-zákon č. 543/2002 Z.z. o ochrane prírody a krajiny (liġi Nru 543/2002 dwar il-protezzjoni tan-natura u l-pajsaġġ) jiddisponi:

“Għaż-żoni li għalihom huwa previst it-tieni livell ta’ protezzjoni, jinħtieġ permess mill-korp responsabbli għall-protezzjoni tan-natura

[…]

d)      għall-bini ta’ ħajt ta’ lqugħ barra l-limiti taż-żona muniċipali intiża għall-bini, bl-eċċezzjoni ta’ mixtliet, ġonna tal-frott u dwieli.

[…]”

12      Skont l-Artikolu 82(3) ta’ din il-liġi:

“[…] [H]uwa biss l-applikant li huwa parti fil-proċedura tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ deroga, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. […] Kull assoċjazzjoni li għandha personalità ġuridika u li ilha mill-inqas sena taħdem għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-pajsaġġ […] li nnotifikat bil-miktub il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura fi żmien sebat ijiem min-notifika msemmija fil-paragrafu 7, hija persuna kkonċernata.”

13      L-imsemmija dispożizzjoni, fil-verżjoni emendata tagħha fis-seħħ sa mill-1 ta’ Diċembru 2011, taqra kif ġej:

“Kemm il-darba din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, huwa biss l-applikant li għandu l-kwalità ta’ parti fil-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew għall-għoti ta’ deroga […], l-assoċjazzjonijiet li għandhom personalità ġuridika li, għal perjodu minimu ta’ sena, l-għan tagħhom huwa l-protezzjoni tal-ambjent […] u li talbu minn qabel biex jipparteċipaw fil-proċedura […], huma partijiet fil-proċedura […] jekk huma kkonfermaw l-interess tagħhom li jkunu parti bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi fil-bidu tal-proċedura amministrattiva; id-dikjarazzjoni għandha tiġi trażmessa lill-awtorità responsabbli għall-protezzjoni tan-natura fiż-żmien stabbilit għal dan il-għan mill-awtorità inkwistjoni u nnotifikat fl-istess ħin flimkien mal-informazzjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura bħala proċedura li tista’ taffettwa l-interessi tan-natura u tal-ispazji naturali protetti minn din il-liġi […]”.

14      L-Artikolu 14 tas-Správny poriadok (kodiċi ta’ proċedura amministrattiva), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“(1)      Hija parti fil-proċedura dik il-persuna li d-drittijiet, l-interessi legalment protetti jew l-obbligi tagħha huma involuti fil-proċedura, jew li d-drittijiet, l-interessi legalment protetti jew l-obbligi tagħha jistgħu jiġu direttament affettwati mid-deċiżjoni; parti fil-proċedura hija wkoll dik il-persuna li, sakemm ma ssirx prova kuntrarja, issostni li d-drittijiet tagħha, l-interessi legalment protetti jew l-obbligi tagħha jistgħu jkunu direttament affettwati mid-deċiżjoni.

(2)      Parti fil-proċedura hija wkoll dik il-persuna li tingħata tali status minn liġi partikolari.”

15      Skont l-Artikolu 15a(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, “persuna parteċipanti” tgawdi mid-dritt li tiġi informata bil-bidu ta’ proċedura amministrattiva, li tikkonsulta l-fajls ippreżentati mill-partijiet fil-proċedura amministrattiva, li tipparteċipa fil-verifiki tal-kontijiet u fl-ispezzjonijiet fuq il-post kif ukoll li tipproduċi provi u elementi oħrajn li abbażi tagħhom tkun ser tittieħed id-deċiżjoni.

16      L-Artikolu 250b(2) u (3) tal-Občiansky súdny poriadok (kodiċi ta’ proċedura ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“(2)      Jekk l-azzjoni tiġi ppreżentata minn persuna li tallega li hija ma ġietx innotifikata bid-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva, għalkemm hija għandha tkun involuta fil-proċedura, il-qorti għandha tistħarreġ il-validità ta’ din l-allegazzjoni, titlob lill-awtorità amministrattiva tinnotifika d-deċiżjoni amministrattiva lil din il-parti, u jekk ikun meħtieġ timponi s-sospensjoni tal-infurzabbiltà tagħha. L-awtorità amministrattiva hija marbuta b’din il-fehma tal-qorti. Jekk fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva wara l-eżekuzzjoni tal-ordni ġudizzjarja tan-notifika tad-deċiżjoni tinbeda azzjoni amministrattiva, l-awtorità amministrattiva għandha tinforma lill-qorti dwar dan mingħajr dewmien żejjed.

(3)      Il-qorti tipproċedi skont il-paragrafu 2 biss jekk mill-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma ġietx innotifikata lir-rikorrent ma jkunx għadu għadda terminu ta’ tliet snin”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      Fit-28 ta’ April 2004, ir-Repubblika tas-Slovakkja informat lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-klassifikazzjoni tas-sit ta’ Strážovské vrchy (muntanji ta’ Strážov, is-Slovakkja), ta’ erja totali ta’ ċirka 59 000 ettaru, bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva 79/409, sabiex tiżgura l-konservazzjoni u r-riproduzzjoni ta’ ċerti għasafar ta’ interess Ewropew, bħall-falkun pellegrin (falco peregrinus).

18      Barra minn hekk, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/218/KE, tal-25 ta’ Jannar 2008 li, b’implementazzjoni tad-Direttiva 92/43, tadotta l-ewwel lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Alpi (ĠU 2008, L 77, p. 106), parti mis-sit imsemmi, ta’ erja ta’ ċirka 29 000 ettaru, giet inkluża fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja.

19      Fit-18 ta’ Novembru 2008, LZ ġiet informata bil-ftuħ mill-awtorità tad-distrett ta’ Trenčín ta’ proċedura amministrattiva li tirrigwarda talba, imressqa mill-Biely potok a.s., għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proġett ta’ bini ta’ ħajt ta’ lqugħ, għat-tkabbir ta’ riżerva għat-trobbija ta’ ċriev, fuq porzjonijiet ta’ art li jinsabu fis-sit protett ta’ Strážovské vrchy.

20      Sussegwentement, LZ avviċinat lil din l-awtorità, li għadditilha l-proċess verbali tal-proċedura orali kif ukoll id-dokumenti preparatorji tad-deċiżjoni tal-għoti tal-awtorizzazzjoni mitluba.

21      Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, LZ talbet is-sospensjoni tal-proċedura amministrattiva billi indikat raġunijiet għar-rifjut tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha b’mod partikolari fuq ċerti elementi fl-osservazzjonijiet tas-Štátná ochrana prírody – Správy ZNP (Uffiċċju pubbliku għall-protezzjoni tan-natura – Servizz ZNP, is-Slovakkja), imressqa fit-3 ta’ Diċembru 2008.

22      B’deċiżjoni tat-23 ta’ April 2009, l-awtorità tad-distrett ta’ Trenčín ċaħdet it-talba ta’ LZ li tiġi rrikonoxxuta bħala parti fil-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni minħabba li l-leġiżlazzjoni applikabbli tagħti biss lill-assoċjazzjonijiet li għandhom personalità ġuridika bħalma hija LZ il-kwalità ta’ “persuna kkonċernata”, iżda mhux dik ta’ “parti fil-proċedura”.

23      L-azzjoni amministrattiva ġerarkika ppreżentata minn LZ kontra din id-deċiżjoni ġiet miċħuda għall-istess raġuni mill-Krajský úrad pre životného prostredia Trenčín (awtorità reġjonali tal-ambjent ta’ Trenčín, is-Slovakkja), b’deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2009, li saret definittiva fl-10 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

24      Permezz ta’ deċiżjoni, din ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2009 u li saret definittiva fid-19 ta’ Ġunju 2009, l-awtorità tad-distrett ta’ Trenčín tat l-awtorizzazzjoniji mitluba minn Biely potok.

25      Fil-11 ta’ Ġunju 2009, LZ ippreżentat appell mid-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-Krajský súd v Trenčíne (qorti reġjonali ta’ Trenčín, is-Slovakkja), intiż għall-kisba tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

26      Din il-qorti, wara li ssospendiet il-proċedimenti sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125), annullat, b’deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2011, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq din is-sentenza.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2012, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja) annullat id-deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2011 tal-Krajský súd v Trenčíne (qorti reġjonali ta’ Trenčín) u rreferiet il-kawża lura lil dan tal-aħħar.

28      Mill-imsemmija deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2012 jirriżulta, minn naħa, li, skont id-dispożizzjonijiet tal-proċedura ċivili Slovakka, wara l-għeluq b’mod definittiv, fil-mertu, ta’ proċedura amministrattiva, li f’dan il-każ ġara wara d-deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2009 tal-awtorità tad-distrett ta’ Trenčín li laqgħet it-talba għall-awtorizzazzjoni, ma għadx hemm lok li jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju awtonomu tad-deċiżjoni li ċaħdet ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva, peress li d-drittijiet proċedurali inerenti għal din il-kwalità jistgħu jiġu eżerċitati biss fil-każ fejn il-proċedura tkun għadha pendenti u l-persuna li titlob ir-rikonoxximent tal-kwalità msemmija ma tkunx tista’ teżerċitahom iktar għaliex din il-proċedura tkun diġà ngħalqet b’mod definittiv fil-mertu.

29      Min-naħa l-oħra, jekk, f’tali sitwazzjoni, il-proċedura ġudizzjarja għar-rikonoxximent ta’ tali kwalità għandha tkun magħluqa, il-persuna kkonċernata għandha tkun avżata dwar il-possibbiltà li titlob rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura billi tressaq azzjoni bħala “parti omessa” skont l-Artikolu 250(b)(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, liema azzjoni għandha, madankollu, titressaq fit-terminu legali ta’ tliet snin previst mill-Artikolu 250(b)(3) ta’ din il-kodiċi.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2012, il-Krajský súd v Trenčíne (qorti reġjonali ta’ Trenčín) għat-tieni darbi, annullat id-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31      Skont din il-qorti, id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2009 tal-awtorità tad-distrett ta’ Trenčín ittieħdet b’mod prematur peress li, waqt l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva dwar it-talba għal awtorizzazzjoni, il-proċedura ġudizzjarja dwar it-talba intiża għar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti f’din il-proċedura amministrattiva ma kinitx magħluqa b’mod definittiv. Din il-qorti ssostni li, sa dan l-għeluq b’mod definittiv, il-proċedura dwar it-talba għal awtorizzazzjoni kellha tiġi sospiża.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2013, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) annullat id-deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2012 tal-Krajský súd v Trenčíne (qorti reġjonali ta’ Trenčín) essenzjalment għall-istess raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ Jannar 2012.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2013, il-Krajský súd v Trenčíne (qorti reġjonali ta’ Trenčín) ċaħdet it-talba għar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti fil‑proċedura mitluba minn LZ u kkunsidrat li ma hemmx għalfejn tavża lil din tal-aħħar dwar il-possibbiltà li titlob rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura billi tressaq azzjoni bħala “parti omessa” skont l-Artikolu 250(b)(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Civili, peress li, sadanittant, it-terminu ta’ tliet snin tal-Artikolu 250(b)(3) ta’ dan il-kodiċi kien għadda.

34      Fuq appell ta’ LZ minn din id-deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2013, il-qorti tar-rinviju ssostni li, fid-dawl tas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125), tqum essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda d-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, ġewx osservati d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent li huwa l-għan ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

35      Il-qorti tar-rinviju tqis, f’dan ir-rigward, li jista’ jiġi kkunsidrat li d-dritt nazzjonali proċedurali għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-proċedura amministrattiva dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjoni la tista’ titkompla u lanqas, għaldaqstant, tingħalaq b’mod definittiv sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni ġudizzjarja definittiva dwar it-talba għar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva.

36      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, it-tkomplija tal-proċedura amministrattiva dwar it-talba għal awtorizzazzjoni tista’ tikser il-prinċipju ta’ kontradittorju sa fejn huwa l-applikant għall-awtorizzazzjoni biss li huwa parti għal din il-proċedura u ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-imsemmija proċedura ta’ organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent bħal LZ, argumenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent ma jiġux invokati, jew meħuda inkunsiderazzjoni, b’mod li l-għan fundamentali ta’ tali proċedura, jiġifieri dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, ma jkunx intlaħaq.

37      Għall-kuntrarju, jista’ jitqies ukoll li t-tkomplija tal-proċedura amministrattiva dwar it-talba tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni, anki meta hija pendenti l-proċedura ġudizzjarja għar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura, tippermetti trattament partikolarment mgħaġġel tal-imsemmija talba għall-awtorizzazzjoni. Jekk tali proċedura amministrattiva ma tistax titkompla mingħajr ma tkun ingħatat deċiżjoni dwar l-azzjonijiet ġudizzjarji relatati mar-rikonoxximent ta’ din il-kwalità, l-applikant għall-awtorizzazzjoni jista’ jilmenta mal-korpi amministrattivi minħabba trattament inġust.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fil-każ ta’ allegat ksur tad-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, implementat prinċipalment, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, bid-Direttiva tal-Kunsill 92/43 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jiġifieri b’mod partikolari permezz ta’ għajnuna sabiex tinkiseb l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali fuq proġett li x’aktarx jaffettwa b’mod sinjifikattiv żoni speċjali ta’ konservazzjoni kkonċentrati fin-netwerk ekoloġiku Ewropew taħt l-isem ta’ NATURA 2000, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u d-dritt li r-rikorrenti, fil-kwalità tagħha bħala assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru stabbilita għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ambjent fil-livell nazzjonali, issostni skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku ġenerali fil-proċess deċiżjonali u l-aċċess għall-qrati fil-qasam tal-ambjent u fil-limiti indikati fis-sentenza Lesoochranárske zoskupenie [tat-8 ta’ Marzu 2011] (C‑240/09, EU:C:2011:125) jistgħu jiġu applikati b’mod ekwu wkoll meta l-qorti nazzjonali tagħlaq l-istħarriġ ġudizzjarju f’tilwima dwar l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li ma tirrikonoxxix il-pożizzjoni legali bħala parti fi proċedura amministrattiva dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, u tistieden lir-rikorrenti sabiex tippreżenta appell peress li ġiet eskluża mill-proċedura amministrattiva msemmija?”

 Fuq id-domanda preliminari

39      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan jipprekludi interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali li appell minn deċiżjoni li jċaħħad ir-rikonoxximent lil organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett li jrid jitwettaq fuq sit protett skont id-Direttiva 92/43 ma għandux neċessarjament jiġi eżaminat waqt l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura msemmija, li tista’ tingħalaq b’mod definittiv qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni ġudizzjarja definittiva fuq il-kwalità ta’ parti, u hija awtomatikament miċħuda fil-mument li dan il-proġett jiġi awtorizzat, li jobbliga lil din l-organizzazzjoni tressaq tip ieħor ta’ azzjoni sabiex tikseb ir-rikonoxximent ta’ din il-kwalità u tissuġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju l-osservanza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

40      Fil-kawża prinċipali, LZ, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, titlob, permezz tal-qorti, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni sabiex tkun tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja, drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, sa fejn din l-organizzazzjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett ikkunsidrat, li għandu jitwettaq fuq sit protett skont id-Direttiva 92/43 bħala żona ta’ protezzjoni speċjali jew sit ta’ importanza Komunitarja, ittieħdet bi ksur tal-obbligi li jaqgħu fuq l-awtoritajiet nazzjonali skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

41      F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali proċedurali fis-seħħ, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent bħal LZ tista tikkontesta, fejn xieraq, permezz tal-qorti, deċiżjoni li setgħet ittieħdet bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni sussegwenti, biss jekk din l-organizzazzjoni tiġi rrikonoxxuta qabel bħala parti fil-proċedura inkwistjoni, f’dan il-każ il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett li għandu jitwettaq fuq sit protett.

42      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat mill-pjan jew mill-proġett timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, fihom innifishom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw attività fis-sit protett biss jekk ikollhom iċ-ċertezza li din l-attività ma għandhiex effetti ta’ ħsara fuq l-integrità tas-sit imsemmi. Dan huwa l-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ tali effetti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 99, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punti 49 u 50).

43      B’dan il-mod, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jikkontribwixxi għall-kisba tal-għan tal-miżuri meħuda abbażi ta’ din id-direttiva li, skont l-Artikolu 2(2) tagħha, huwa li jiġi żgurat il-manteniment jew ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Unjoni, u l-għan iktar ġenerali tal-istess direttiva li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fir-rigward is-siti protetti permezz tagħha.

44      Madankollu, ikun inkompatibbli mal-effett vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jattribbwixxi lil direttiva, li jiġi eskluż, fil-prinċipju, li l-obbligi li hija timponi jiġu invokati mill-persuni kkonċernati. L-effettività tad-Direttiva 92/43 kif ukoll l-għan tagħha, imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jeżiġu li individwi jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati u li l-qrati jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni din id-direttiva bħala element tad-dritt tal-Unjoni sabiex, b’mod partikolari, jivverifikaw jekk l-awtorità nazzjonali li toħroġ awtorizzazzjoni għal pjan jew proġett tkunx osservat l-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 6(3) tad-direttiva msemmija, imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, u li għalhekk baqgħet fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 66 u 69).

45      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jipprevedi li, qabel ma japprovaw proġett jew pjan bħal dak indikat f’din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, fejn xieraq, jieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-pubbliku. L-imsemmija dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li hija parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

46      Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-qasam ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku fid-deċiżjonijiet relatati ma’ attivitajiet partikolari japplikaw fil-każ tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar attivitajiet proposti li ma humiex elenkati fl-Anness I ta’ din il-konvenzjoni li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent. Kif jirriżulta minn dan l-Artikolu 6(3), (4) u (7), dan jagħti lill-pubbliku, b’mod partikolari, id-dritt li jipparteċipa “effettivament fix-xogħlijiet involuti fil-proċess deċiżjonali kollu fil-qasam ambjentali”, billi jissottometti “bil-miktub, jew, kif xieraq, f’seduta jew f’investigazzjoni pubblika fil-preżenza tal-applikant, l-osservazzjonijiet, informazzjoni, analiżi jew opinjonijiet kollha li huwa jidhirlu xieraq fir-rigward l-attività proposta”. Din il-parteċipazzjoni għandha tibda “fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza effettiva”.

47      Fil-kawża prinċipali, LZ, li huwa paċifiku li hija tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku kkonċernat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija wkoll koperta mill-kunċett iktar wiesa’ ta’ “pubbliku”, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni. Barra minn hekk, jekk, kif irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, il-proġett ta’ bini ta’ ħajt ta’ lqugħ f’sit protett, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex inkluż fl-attivitajiet elenkati fl-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ddeċidew jiftħu proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal dan il-proġett skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jippermetti, madankollu, li jitqies li dawn l-awtoritajiet nazzjonali kkunsidraw li huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni dwar l-importanza tal-effett tal-imsemmi proġett fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

48      Ċertament, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tippreċiża li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus hija rregolata bid-dritt intern tal-parti kontraenti kkonċernata. Madankollu, din il-preċiżjoni hija relatata biss mal-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku kif spjegat f’dan l-Artikolu 6, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ parteċipazzjoni ta’ organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent bħal LZ skont l-artikolu msemmi.

49      Konsegwentement, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent li, bħal LZ, tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandha skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din il-konvenzjoni, dritt ta’ parteċipazzjoni, fis-sens ippreċiżat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, f’proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ pjan jew proġett li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq l‑ambjent sa fejn, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, trid tittieħed waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva.

50      Konsegwentement, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati tal-Istati Membri li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali indikat fl-Artikolu 4(3) TUE, għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mid-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 52). Fir-rigward tad-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 47 tal-Karta.

51      Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tal-Karta, f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, u din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Madankollu, meta Stat Membru jistabbilixxi regoli ta’ dritt proċedurali applikabbli għall-azzjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-drittijiet li organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent għandha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sabiex jiġu kkontrallati deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward l-obbligi tagħhom skont dawn id-dispożizzjonijiet, dan l-Istat Membru jimplementa l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija u għandu għalhekk jitqies li qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 47 tal-Karta.

54      Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali indikat fl-imsemmi Artikolu 47 jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

55      Fir-rigward tal-imsemmi dritt għal rimedju effettiv, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jagħti dritt għal azzjoni legali lill-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) ta’ din il-konvenzjoni, li huwa l-każ fil-każ ta’ LZ, sa fejn l-azzjoni legali hija diretta kontra deċiżjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 9(2).

56      Madankollu, deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, li jirrigwardaw talba għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-evalwazzjoni tan-neċessità ta’ evalwazzjoni ambjentali tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett jew in-natura xierqa tal-konklużjonijiet li jirriżultaw minn tali evalwazzjoni fir-rigward ir-riskji ta’ dan il-proġett jew dan il-pjan għall-integrità ta’ tali sit, u kemm jekk ikunu indipendenti kif ukoll integrati f’deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, huma deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

57      Fil-fatt, kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali, fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, li ma jirrigwardawx attività msemmija fl-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, huma indikati fl-Artikolu 6(1)(b) ta’ din il-konvenzjoni u, għalhekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tagħha, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet jimplikaw li l-awtoritajiet kompetenti jevalwaw, qabel kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ attività, jekk din, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jistax ikollha effett sinjifikattiv fuq l-ambjent.

58      Madankollu, mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrestrinġi l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fid-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ rimedju msemmija peress li l-għan tagħha huwa li tagħti “aċċess wiesa’ għall-ġustizzja” lill-pubbliku kkonċernat li jinkludi l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) ta’ din il-konvenzjoni, [ara, b’analoġija, l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendat bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”) li jirriproduċi fi kliem kważi identiċi l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber, C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 39].

59      Għaldaqstant, dawn l-organizzazzjonijiet għandhom neċessarjament ikunu jistgħu jsostnu, ġudizzjarjament, ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jimplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent kif ukoll ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni tal-ambjent li għandhom effett dirett (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 85/337, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs. Il-Ġermanja, C‑137/14, EU:C:2015:683, punt 92).

60      Fost in-numru ta’ drittijiet li tali organizzazzjoni għandha tkun tista’ tinvoka fil-kuntest ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus hemm ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43 (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 85/337, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punti 49 u 58).

61      Għalhekk, tali organizzazzjoni għandha tkun tista’ tikkontesta, fil-kuntest ta’ tali azzjoni, mhux biss id-deċiżjoni li ma titwettaqx evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjan jew tal-proġett ikkunsidrat fuq is-sit ikkonċernat, iżda wkoll, skont il-każ, l-evalwazzjoni mwettqa meta din tkun ivvizzjata b’difetti (ara b’analoġija, fir-rigward l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 85/337, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 37).

62      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jeżiġi li l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9(2) tagħha jipprovdu rimedji “xierqa u effettivi”.

63      Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi eżaminat jekk l-Aritkolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jipprekludix, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali li minnhom jirriżulta li appell, imressaq minn organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 2(5) ta’ din il-konvenzjoni minn deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent bħala parti fil-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett li għandu jitwettaq fuq sit protett skont id-Direttiva 92/43, ma għandux neċessarjament jiġi eżaminat waqt l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura msemmija, li tista’ tingħalaq b’mod definittiv qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni ġudizzjarja definittiva fuq il-kwalità ta’ parti fil-proċedura, u hija awtomatikament miċħuda fil-mument li dan il-proġett jiġi awtorizzat, li jobbliga lil din l-organizzazzjoni tressaq tip ieħor ta’ azzjoni sabiex tikseb din il-kwalità u tissuġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju l-osservanza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

64      Filwaqt li, ċertament, bħala prinċipju, dan l-eżami huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju biss, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tislet mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterji li din il-qorti tista’ jew għandha tapplika f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jżomm lil qorti nazzjonali milli titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tad-disposiżizzjonijiet imsemmija fil-każ ineżami, sakemm madankollu, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess għad-dispożizzjoni ta’ din il-qorti nazzjonali, hija tipproċedi bil-konstatazzjoni u bl-evalwazzjoni tal-fatti neċessarji għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank, C‑312/14, EU:C:2015:794, punti 51 u 52).

65      Wara din il-kjarifika, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, il-protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet u, b’mod partikolari, li jiggarantixxu l-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 47, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 46).

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jistabbilixxi proċedura ta’ kontroll minn qabel li hija bbażata fuq kriterju ta’ awtorizzazzjoni strett li, bl-inkorporazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, tippermetti li jiġu evitati, b’mod effettiv, il-ħsarat lill-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati peress li tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew proġett meta jeżistu xi inċertezzi dwar l-assenza ta’ effetti dannużi ta’ dawn il-pjanijiet jew ta’ dawn il-proġetti għall-integrità ta’ dawn is-siti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 57 u 58, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 48).

67      Madankollu, fil-kawża prinċipali, filwaqt li huwa paċifiku li, sa ċertu punt, LZ setgħet tipparteċipa fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni bħala “persuna kkonċernata”, li ppermettilha, b’mod partikolari, li fid-dawl ta’ osservazzjonijiet ippreżentati minn awtorità ambjentali, tinvoka argumenti intiżi sabiex juru li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaffettwa l-integrità ta’ sit protett, din il-kwalità ma hijiex ekwivalenti għal “parti fil-proċedura”.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali, ikkontestata minn LZ, li appell minn deċiżjoni amministrattiva ta’ rifjut ta’ rikonoxximent bħala parti fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ma għandux neċessarjament jiġi eżaminat waqt l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura msemmija u huwa miċħud ex officio mal-għoti tal-awtorizzazzjoni mitluba, ma tiżgurax lil organizzazzjoni bħal LZ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-diversi prerogattivi li jirriżultaw mid-dritt ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif ippreċiżat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

69      Għaldaqstant, mill-atti tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-kwalità ta’ “parti fil-proċedura”, kieku din ġiet irrikonoxxuta lil LZ, kienet tippermetti lil LZ tipparteċipa b’mod iktar attiv fil-proċess deċiżjonali bl-iżvilupp ulterjuri u b’mod iktar rilevanti tal-argumenti tagħha dwar ir-riskji ta’ ħsara għall-integrità tas-sit protett bil-proġett previst, li barra minn hekk kien ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti qabel l-awtorizzazzjoni u t-twettiq ta’ dan il-proġett.

70      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju rrilevat ukoll li, sa fejn huwa l-applikant għall-awtorizzazzjoni biss li huwa parti fil-proċedura, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva ta’ organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent bħal LZ bħala parti fil-proċedura, argumenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent ma jkunux saru jew ittieħdu inkunsiderazzjoni, u għalhekk l-għan fundamentali tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, ma jkunx intlaħaq.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kwalità ta’ “persuna kkonċernata”, li ġiet irrikonoxxuta lil LZ fil-kawża prinċipali, hija insuffiċjenti sabiex, fil-kuntest ta’ appell, jiġu invokati l-argumenti għall-kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, peress li sabiex ikun jista’ jitressaq dan l-appell, hija meħtieġa l-kwalità ta’ “parti fil-proċedura”.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali, ikkontestata minn LZ, li l-preżentata ta’ appell kontra deċiżjoni ġudizzjarja amministrattiva li tirrifjuta r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti fi proċedura ta’ awtorizzazzjoni ma tipprekludix li din tal-aħħar tingħalaq b’mod definittiv u dan l-appell huwa miċħud ex officio fi kwalunkwe ċirkustanza sa mill-mument tal-għoti tal-awtorizzazzjoni kkonċernata, ma hijiex tali li, fid-dawl tal-għan li jiġi ggarantit aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fir-rigward ta’ appelli minn deċiżjonijiet ambjentali, tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent għandha skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intiż sabiex jiġu evitati l-ħsarat lill-integrità tas-siti protetti taħt din id-direttiva.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sa fejn dan jistabbilixxi d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, f’kundizzjonijiet li jiżguraw aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, drittijiet li għandha organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent li tissodisfa r-rekwiżiti indikati fl-Artikolu 2(5) ta’ din il-konvenzjoni, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din il-konvenzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan jipprekludi interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali li appell minn deċiżjoni li ma tirrikonoxxix lil tali organizzazzjoni l-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett li għandu jitwettaq fuq sit protett taħt din id-direttiva ma għandux neċessarjament jiġi eżaminat waqt l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura, li tista’ tingħalaq b’mod definittiv qabel ma tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja definittiva dwar il-kwalità ta’ parti, u huwa awtomatikament miċħud fil-mument li dan il-proġett jiġi awtorizzat, li b’hekk jobbliga lil din l-organizzazzjoni tressaq tip ieħor ta’ azzjoni sabiex tikseb din il-kwalità u tissuġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju l-osservanza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, sa fejn dan jistabbilixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, f’kundizzjonijiet li jiżguraw aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, drittijiet li għandha organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent li tissodisfa r-rekwiżiti indikati fl-Artikolu 2(5) ta’ din il-konvenzjoni bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din il-konvenzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan jipprekludi interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali li appell minn deċiżjoni li ma tirrikonoxxix lil tali organizzazzjoni l-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett li għandu jitwettaq fuq sit protett taħt id-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2006/105, ma għandux neċessarjament jiġi eżaminat waqt l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura, li tista’ tingħalaq b’mod definittiv qabel ma tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja definittiva dwar il-kwalità ta’ parti, u huwa awtomatikament miċħud fil-mument li dan il-proġett jiġi awtorizzat, li b’hekk jobbliga lil din l-organizzazzjoni tressaq tip ieħor ta’ azzjoni sabiex tikseb din il-kwalità u tissuġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju l-osservanza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.