Language of document : ECLI:EU:C:2015:11

Kawża C‑573/13

Air Berlin plc & Co. Luftverkehrs KG

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e. V.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1008/2008 — Servizzi bl-ajru — It-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) — Trasparenza tal-prezzijiet — Sistema ta’ riżervazzjoni elettronika — Tariffi tal-passiġġieri — Indikazzjoni tal-prezz definittiv f’kull ħin”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Jannar 2015

1.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni — Tariffi — Trasparenza tal-prezzijiet — Sistema ta’ riżervazzjoni elettronika ta’ servizzi tal-ajru — Obbligu tal-fornitur tas-servizzi li jindika l-prezz definittiv li għandu jitħallas ma’ kull indikazzjoni tal-prezz

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1008/2008, premessa 16 u Artikolu 23(1))

2.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni — Tariffi — Trasparenza tal-prezzijiet — Sistema ta’ riżervazzjoni elettronika ta’ servizzi tal-ajru — Obbligu tal-fornitur tas-servizzi li jindika l-prezz definittiv li għandu jitħallas għal kull titjira murija

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1008/2008, Artikolu 23(1))

1.        It-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika ta’ servizzi bl-ajru, il-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat f’kull indikazzjoni tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru, inkluż fl-ewwel indikazzjoni tagħhom.

Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat “dejjem”, mingħajr ebda distinzjoni bejn il-mument meta l-imsemmi prezz jiġi indikat għall-ewwel darba, il-mument meta l-klijent jagħżel titjira partikolari, jew il-mument tal-konklużjoni definittiva tal-kuntratt. Barra minn hekk, mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008 jirriżulta li l-obbligu impost fuq it-trasportatur bl-ajru li “dejjem” jindika l-prezz definittiv li għandu jitħallas huwa neċessarju sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jqabblu effettivament il-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru pprattikati mit-trasportaturi differenti bl-ajru, b’mod konformi mal-għan ta’ tqabbil effettiv tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru segwit mill-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 25, 34, 35 u d-dispożittiv 1)

2.        It-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika ta’ servizzi bl-ajru, il-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat mhux biss għas-servizz bl-ajru magħżul mill-klijent, iżda wkoll għal kull servizz bl-ajru li tintwera t-tariffa tiegħu.

Fil-fatt, l-obbligu li jiġi indikat il-prezz definittiv li għandu jitħallas għal kull titjira li tintwera t-tariffa tagħha, u mhux biss għat-titjira magħżula, jippermetti lill-klijenti li jqabblu effettivament il-prezz tas-servizzi bl-ajru, b’mod konformi mal-għan ġenerali tat-trasparenza tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru segwit mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Barra minn hekk, dan l-obbligu ma jwassal għall-ebda projbizzjoni tal-indikazzjoni tat-tariffa tal-passiġġieri jew tat-tariffa tat-trasport għal kull waħda mill-imsemmija titjiriet fil-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tielet sentenza tal-imsemmi Artikolu 23, peress li l-obbligu li jiġu speċifikati tal-inqas l-imsemmija tariffi kif ukoll it-taxxi, l-imposti tal-ajruport u l-imposti l-oħra, il-ħlasijiet addizzjonali jew id-drittijiet meta dawn l-elementi jkunu żdiedu mat-tariffa tal-passiġġieri jew mat-tariffa tat-trasport jiżdied mal-obbligu li jirriżulta mit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu 1 li jiġi indikat il-prezz definittiv.

(ara l-punti 41, 43-45 u d-dispożittiv 2)