Language of document : ECLI:EU:C:2017:801

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Appell – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni 2007/436/KE – Responsabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri – Telf ta’ ċerti dazji fuq l-importazzjoni – Obbligu li jitħallas lill-Kummissjoni Ewropea l-ammont li jikkorrispondi għat-telf – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ittra tal-Kummissjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’”

Fil-Kawża C-599/15 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2015,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn R.‑H. Radu kif ukoll minn M. Chicu u A. Wellman, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u K. Stranz, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-proċedura:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G.-D. Balan, A. Caeiros u A. Tokár kif ukoll minn Z. Malůšková, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Marzu 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Rumanija titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Settembru 2015, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T-784/14, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2015:659), li permezz tiegħu hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Baġit tal-Kummissjoni Ewropea allegatament inkluża fl-ittra BUDG/B/03MV D(2014) 3079038, tad-19 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji

2        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17), tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200).

3        Skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/597 u l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436, id-dħul li ġej, b’mod partikolari, mid-“dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħrajn stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri” (iktar ’il quddiem ir-“riżorsi proprji”) jikkostitwixxu riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4        Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436 (ĠU L 153M p. 162), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 36, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1150/2000”), intitolament tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji għandu jkun stabbilit ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet doganali fir-rigward tad-dħul tal-intitolament fil-kontijiet u n-notifika lid-debitur.

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi:

“Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.”

6        Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji għandha ssir sa mhux iktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara dak li fih ikun ġie kkonstatat l-intitolament skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

7        Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi moratorji.

 Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

8        Skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

“1.      Meta l-konvenut jitlob li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, huwa għandu jressaq it-talba tiegħu permezz ta’ att separat fit-terminu msemmi fl-Artikolu 81.

[…]

7.      Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi fl-iqsar żmien possibbli dwar it-talba jew, meta jkun ġustifikat minħabba ċirkustanzi partikolari, għandha tinkludi l-eżami ta’ din it-talba mad-deċiżjoni fil-mertu. […]

8.      Jekk il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba jew tħalliha għad-deċiżjoni fil-mertu, il-President għandu jiffissa termini ġodda għat-tkomplija tal-istanza.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Permezz tal-ittra kontenzjuża, id-Direttur tad-Direttorat “Riżorsi proprji u programm finanzjarju” tad-Direttorat Ġenerali tal-baġit tal-Kummissjoni (iktar 'il quddiem id-“direttur”) fakkar li, f’April 2010, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu talbu lill-Kummissjoni tiddeċiedi, skont l-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), jekk maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni kinitx iġġustifikata fir-rigward ta’ kumpannija Ġermaniża li kienet ippreżentat, bħala responsabbli prinċipali, diversi dikjarazzjonijiet f’isem il-klijenti tagħha għat-trasport, matul is-snin 2006 u 2007, ta’ merkanzija taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern lejn Stat Membru li fih investigazzjoni kienet żvelat li merkanzija ma kinitx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni.

10      Id-direttur fakkar li, permezz tad-Deċiżjoni C (2011) 9750 finali, tal-5 ta’ Jannar 2012 (fajl REM 03/2010), il-Kummissjoni kienet ikkonstatat il-fondatezza tal-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni mitluba. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat li l-għeluq irregolari tal-operazzjonijiet ta’ tranżitu kien jikkostitwixxi manuvra frawdolenti, li seta’ jiġi raġonevolment spjegat biss bil-kompliċità attiva ta’ aġent tal-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat jew minn organizzazzjoni ħażina ta’ dan l-uffiċċju li ppermettiet lil terz jaċċedi għas-sistema kompjuterizzata l-ġdida ta’ tranżitu (NCTS).

11      Id-direttur indika wkoll, essenzjalment, li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu, għall-istess raġunijiet, taw maħfra tad-dazji dognali f’każ ieħor.

12      Fl-ittra kontenzjuża, id-direttur spjega li, fl-opinjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, ir-Rumanija kienet ikkunsidrata finanzjarjament responsabbli sa fejn il-verifika tad-dokumenti ta’ tranżitu li ntbagħtu lura lill-uffiċċju Ġermaniż tat-tluq kienet ipprekludiet lill-awtoritajiet Ġermaniżi milli jiġbru jew jirkupraw dazji doganali, li jikkostitwixxu riżorsi proprji tradizzjonali. Huwa speċifika li, għalkemm ir-Rumanija ma kinitx responsabbli għall-ġbir tad-dazji doganali sostnuti għall-importazzjoni fl-Unjoni, Stat Membru jibqa’ finanzjarjament responsabbli għat-telf ta’ riżorsi proprji jekk l-awtoritajiet tiegħu jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu wettqu żbalji jew ikunu aġixxew b’mod frawdolenti.

13      Id-direttur sussegwentement enfasizza li l-awtoritajiet Rumeni ma setgħux jiggarantixxu li d-dispożizzjonijiet doganali tal-Unjoni kienu ġew applikati b’mod korrett. Din l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni rriżultat f’telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali sa fejn l-awtoritajiet Ġermaniżi ma setgħux jiġbru dazji doganali u jqiegħeduhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Minn dan, id-direttur iddeduċa li r-Rumanija kellha tikkumpensa l-baġit tal-Unjoni għat-telf ikkawżat b’dan il-mod. F’dan ir-rigward, huwa għamel riferiment, b’analoġija, għall-punt 44 tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414).

14      Id-direttur spjega, essenzjalment, li rifjut tar-Rumanija li tagħmel disponibbli dawn ir-riżorsi proprji tradizzjonali jikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u fl-Unjoni u jostakola t-tħaddim tajjeb tas-sistema tar-riżorsi proprji.

15      Konsegwentement, huwa stieden lill-awtoritajiet Rumeni jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni ammont gross ta’ riżorsi proprji ta’ EUR 14 883.79, li minnu għandu jitnaqqas 25 % għall-ġbir, sa mhux iktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara li ntbagħtet l-ittra kontenzjuża. Huwa żied li kwalunkwe dewmien iwassal għall-ħlas ta’ interessi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Novembru 2014, ir-Rumanija ressqet kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjoni allegatament inkluża fl-ittra kontenzjuża.

17      B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Din l-eċċezzjoni kienet ibbażata fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament.

18      Ir-Rumanija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

19      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu u fl-10 ta’ April 2015, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Rumanija.

20      Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha

21      Sabiex tiġi evalwata n-natura kontestabbli tal-ittra kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 23 sa 33 u 35 tad-digriet appellat, it-tqassim tas-setgħat bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-qasam ta’ konstatazzjoni tar-riżorsi proprji skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/436 u tar-Regolament Nru 1150/2000. Hija kkonkludiet, fil-punt 37 ta’ dan id-digriet, li, fin-nuqqas ta’ setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att legali li bih tobbliga Stat Membru jagħmel disponibbli riżorsi proprji, l-ittra kontenzjuża kellha titqies biss li għandha valur informattiv u li hija sempliċi talba indirizzata lir-Rumanija.

22      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punti 38 sa 40 tad-digriet appellat, li opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni, bħal dik li tinsab fl-ittra kontenzjuża, ma torbotx lill-awtoritajiet nazzjonali u, fil-punti 41 sa 43 ta’ dan id-digriet, li hija ma għandhiex, l-istess bħal opinjoni motivata maħruġa fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, titqies li hija att li jista’ jiġi kkontestat.

23      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti mressqa mir-Rumanija. B’mod partikolari, fil-punti 50 u 51 tad-digriet appellat, hija ċaħdet bħala ineffettivi l-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-ittra kontenzjuża hija nieqsa minn bażi legali, minħabba li dawn l-argumenti kienu jirrigwardaw il-mertu tal-kontenut ta’ din l-ittra. Fil-punti 52 sa 56 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, irrispondiet għal argumenti bbażati fuq is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali li fiha dan l-Istat Membru jkun jinsab fir-rigward tal-obbligi tiegħu u tar-riskju pekunjarju, tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-riskju tal-ħlas ta’ interessi moratorji sostanzjali.

24      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u ċaħdet ir-rikors tar-Rumanija bħala inammissibbli, sa fejn dan kien intiż kontra att li ma setax jiġi kkontestat, mingħajr ma tat deċiżjoni fuq it-talbiet għal intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Slovakka.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

25      Permezz tal-appell tagħha, ir-Rumanija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell ammissibbli, tannulla d-digriet appellat fl-intier tiegħu u taqta’ r-rikors għal annullament billi tiddikjarah ammissibbli u tannulla l-ittra kontenzjuża;

–        sussidjarjament, tiddikjara l-appell ammissibbli, tannulla d-digriet appellat fl-intier tiegħu u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddikjara r-rikors ammissibbli u tannulla l-ittra kontentenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

27      Fin-noti ta’ intervent tagħhom, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Slovakka jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appell.

 Fuq l-appell

 L-argumenti tal-partijiet

28      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Rumanija tqajjem żewġ aggravji.

29      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Rumanija takkuża lill-Qorti Ġenerali li kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 130(7) u (8) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, peress li hija tat deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-kawża.

30      Minn naħa, ir-Rumanija tirrileva li hija kienet talbet, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li din tiġi eżaminata flimkien mal-mertu. Issa, il-Qorti Ġenerali, li għandha, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, teżamina jekk iċ-ċirkustanzi partikolari jiġġustifikawx tali inklużjoni mal-mertu u, jekk iva, li din titwettaq, naqset milli timmotiva f’dan il-każ id-deċiżjoni tagħha li ma twettaqx l-eżami tal-eċċezzjoni flimkien mal-eżami fuq il-mertu.

31      Min-naħa l-oħra, ir-Rumanija tqis li, minkejja li rrifjutat li twettaq l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà flimkien mal-eżami fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali fil-fatt, fil-punti 29 sa 51 tad-digriet appellat, wettqet evalwazzjonijiet fuq il-mertu. Hija, fil-fatt, iddeċidiet dwar in-natura u l-bażi tal-obbligu pekunarju msemmi fl-ittra kontenzjuża billi telqet mill-premessa żbaljata li l-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali kienet applikabbli. Issa, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Rumanija sostniet li kien preċiżament minħabba l-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma kienx jattribwixxi responsabbiltà finanzjarja lil Stat Membru għat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali sostnut fi Stat Membru ieħor li l-ittra kontenzjuża kienet qed tipproduċi effetti legali. Il-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-argumenti billi ċaħdithom, fil-punt 51 tad-digriet appellat, bħala ineffettivi sa fejn kienu jirrigwardaw il-mertu tal-kontenut ta’ din l-ittra.

32      Ir-Rumanija żżid li din l-irregolarità proċedurali ppreġudikat l-interessi tagħha peress li d-dritt għal smigħ xieraq tagħha nkiser fin-nuqqas ta’ dibattitu kontradittorju u peress li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq diversi żbalji ta’ liġi li setgħu jiġu evitati b’dibattitu fuq il-mertu.

33      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Rumanija ssostni, essenzjalment, li l-analiżi tan-natura tal-ammont mitlub u tal-obbligi li huma s-suġġett tal-ittra kontenzjuża hija vvizzjata minn żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat dan l-ammont bħala “riżorsi proprji tradizzjonali” u applikat b’mod żbaljat il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza relatata magħhom. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tirrigwarda esklużivament ir-responsabbiltà finanzjarja diretta tal-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru. Għall-kuntrarju, din ma tirrigwardax il-każ, inkwistjoni f’dan il-każ, ta’ responsabbiltà finanzjarja eventwali ta’ Stat Membru ieħor, li qatt ma kellu r-responsabbiltà li jevalwa u li jiġbor id-dazji doganali inkwistjoni. L-imsemmija ittra għalhekk timponi fuq ir-Rumanija obbligu ġdid li ma jirriżultax mid-dritt tal-Unjoni. Peress li tirreferi esklużivament għal-leġiżlazzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali u għall-ġurisprudenza relatata magħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, injorat iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, u naqset milli tirrispondi għall-argumenti bbażati fuq in-natura ġdida tal-imsemmi obbligu.

34      Dan l-iżball ta’ liġi effettwa kemm l-analiżi tal-kompetenza tal-Kummissjoni kif ukoll dak tan-natura tal-ittra kontenzjuża li l-Qorti Ġenerali wettqet fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma segwietx il-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam ta’ rikorsi għal annullament peress li ma tatx deċiżjoni dwar il-kontenut u l-kuntest tal-adozzjoni tal-ittra kontenzjuża, u bbażat ruħha esklużivament fuq analiżi tal-kompetenza tal-Kummissjoni. B’dan il-mod, hija kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

35      Sussidjarjament, minn naħa, ir-Rumanija tinvoka kontradizzjoni tal-motivi tad-digriet appellat sa fejn il-Qorti Ġenerali, fil-punt 29 ta’ dan id-digriet, irrikonoxxiet lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u obbligu ta’ ħlas ta’ tali riżorsi, filwaqt li jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 24 u 25 tal-imsemmi digriet li l-Istati Membri għandhom jikkonstataw dawn ir-riżorsi meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjoniiet previsti mid-Deċiżjoni 2007/436 u mir-Regolament Nru 1150/2000.

36      Min-naħa l-oħra, ir-Rumanija ssostni li l-mekkaniżmu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni kundizzjonali ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, dan ġie żviluppat fil-qasam ta’ riżorsi proprji tradizzjonali. Fi kwalunkwe każ, dan jippreżupponi l-eżistenza ta’ obbligu li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jiġu eżentati minnu u jirrigwarda biss is-sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm qbil dwar il-ġustifikazzjonijiet tad-dejn invokat. Hija tinsisti, f’dan il-kuntest, fuq ir-riskju għal Stat Membru li jkollu jħallas interessi moratorji fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas u tenfasizza r-riskju li ħlas kundizzjonali jsir definittiv fil-każ fejn ma tittieħidtx deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tippreżentax rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

37      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

38      B’risposta għall-ewwel aggravju mqajjem mir-Rumanija, il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-kontenut tal-ittra kontenzjuża, li permezz tagħha r-Rumanija tqieset finanzjarjament responsabbli għat-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali, il-Qorti Ġenerali, ġustament, eżaminat il-kompetenzi tal-Kummissjoni fid-dawl tar-regoli dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali. Hija eżaminat il-kontenut ta’ din l-ittra kif ukoll il-kuntest tal-qafas leġiżlattiv f’dan il-qasam fir-rigward biss tal-ammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ma eżaminat il-mertu tal-kawża. Issa, la l-kontenut tal-imsemmija ittra, li permezz tagħha l-Kummissjoni sempliċement semmiet ċerti fatti u esponiet l-opinjoni tagħha dwar il-konsegwenzi fil-qasam tar-riżorsi proprji billi stiednet lill-awtoritajiet Rumeni jagħmlu disponibbli ċertu somma, u lanqas is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni ma jippermettu li jiġi kkonstatat li din l-istess ittra tipproduċi effetti legali vinkolanti. Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Rumanija, il-Qorti Ġenerali ma “kklassifikatx in-natura tal-obbligi attribwiti lir-Rumanija permezz tal-ittra [kontenzjuża]” peress li hija qatgħatha b’mod ċar li din l-ittra kienet tikkostitwixxi sempliċi talba indirizzata lil dan l-Istat Membru u ma kinitx intiża li tipproduċi effetti legali.

39      B’risposta għat-tieni aggravju, essenzjalment, il-Kummissjoni tosserva li ġustament, fid-dawl tan-assenza ta’ kompetenza tagħha fil-qasam ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u wara analiżi kemm tal-kontenut kif ukoll tal-kuntest tal-ittra kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din l-ittra ma kinitx taqa’ fil-kategorija tal-atti li jistgħu jiġu kkontestati. Il-Qorti Ġenerali ma kklassifikat la l-ammont dovut bħala riżorsi proprji tradizzjonali u l-obbligi imposti fuq ir-Rumanija permezz tal-ittra kontenzjuża, la ma eżaminat il-kwistjoni ta’ jekk dan l-Istat Membru kellux jagħmel disponibbli s-somma inkwistjoni u lanqas, għaldaqstant, ma wettqet evalwazzjoni tal-mertu tal-każ.

40      L-assenza ta’ kompetenza sabiex tadotta deċiżjonijiet vinkolanti fil-qasam ta’ riżorsi proprji hija barra minn hekk ikkonfermata miċ-ċaħda, mill-Kunsill, ta’ proposta ta’ emenda tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1150/2000, li kienet tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li teżamina l-każ u tadotta deċiżjoni debitament motivata meta l-ammont tad-dazji kkonstatati jkun ogħla minn EUR 50 000.

41      Minbarra dan, anki fl-ipoteżi – quod non – li l-ittra kontenzjuża ma kinitx tirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi proprji, din ma tirriproduċix effetti legali vinkolanti, minħabba n-nuqqas ta’ bażi legali f’dan is-sens.

42      Fir-rigward tal-punt 29 tad-digriet appellat, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punti 24 sa 28 ta’ dan id-digriet, li dan il-punt għandu jinftiehem li jfisser li, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddikjaraw li ċerti ammonti ta’ dazji kkonstatati ma jistgħux jiġu rkuprati. L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jipprevedi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-każ ta’ impossibbiltà li jiġu rkuprati xi riżorsi proprji. Għalkemm hija tista’ tippreżenta osservazzjonijiet lil Stat Membru, hija ma għandha l-ebda setgħa li tadotta atti vinkolanti li jistabbilixxu l-ammonti ta’ riżorsi proprji dovuti, peress li huwa speċifikat li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejnha u Stat Membru, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi l-kwistjoni fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

43      Fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tar-riskju għall-Istat ikkonċernat li jkollu jħallas interessi moratorji u tal-ħlas kundizzjonali, il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li l-punti 54 sa 56 tad-digriet appellat ma huma vvizzjati minn ebda żball ta’ liġi. B’mod partikolari, hija tirrileva li l-possibbiltà li jitwettaq ħlas kundizzjonali tippermetti li jiġi evitat ir-riskju għall-Istat Membru li jkollu jħallas interessi moratorji, li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jirkupraw il-fondi li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni abbażi tal-ħlas kundizzjonali fid-dawl tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1150/2000, u li l-ħlas kundizzjonali ma huwiex intiż li jiggarantixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ interessi moratorji huwa marbut man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-riżorsi proprji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha u mhux mal-ittra kontenzjuża li fiha talba f’dan is-sens. L-obbligu ta’ ħlas tal-interessi moratorji jirriżulta direttament mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

44      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Slovakka huma tal-opinjoni li t-tieni aggravju għandu jintlaqa’. Dawn l-Istati Membri ma ressqu l-ebda argumenti dwar l-ewwel aggravju mqajjem mir-Rumanija.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Permezz taż-żewġ aggravji tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Rumanija takkuża, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet evalwazzjoni tan-natura kontestabbli tal-ittra kontenzjuża fid-dawl biss tal-kriterju tas-setgħat tal-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 2007/436 u r-Regolament Nru 1150/2000, minkejja li din id-deċiżjoni u dan ir-regolament ma kinux applikabbli, u dan mingħajr ma wettqet l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni flimkien mal-eżami fuq il-mertu.

46      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax jew le li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi deċiża immedjatament jew tiġix eżaminata flimkien mal-eżami fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Frar 1991, Bocos Viciano vs Il‑Kummissjoni, C-126/90 P, EU:C:1991:83, punt 6). Inklużjoni mal-mertu ma hijiex meħtieġa meta l-evalwazzjoni tal-eċċezzjoni ma tiddependix fuq l-evalwazzjoni tal-motivi fuq il-mertu invokati mir-rikorrent (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C-131/03 P, EU:C:2006:541, punt 95).

47      Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jitqiesu li huma “atti li jistgħu jiġu kkontestati”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu xi effetti legali vinkolanti (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-147/96, EU:C:2000:335, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) Dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-att, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-kawża. Kif ġie indikat fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, wara eżami tat-tqassim tas-setgħat bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-konstatazzjoni tar-riżorsi proprji skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/436 u tar-Regolament Nru 1150/2000, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 37 tal-imsemmi digriet, li, fin-nuqqas ta’ setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att legali li permezz tiegħu tobbliga Stat Membru jagħmel disponibbli riżorsi proprji, l-ittra kontenzjuża kellha titqies li għandha valur informattiv u li hija sempliċi talba indirizzata lir-Rumanija.

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali speċifikat li opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni, bħal dik li tinsab f’din l-ittra, ma torbotx lill-awtoritajiet nazzjonali u li hija ma għandhiex, l-istess bħal opinjoni motivata maħruġa fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, titqies li hija att li jista’ jiġi kkontestat.

51      Qabel kollox, jidher, ċertament, li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ibbażat l-evalwazzjoni tagħha tan-natura kontestabbli tal-ittra kontenzjuża fuq eżami tas-setgħat tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/436 u tar-Regolament Nru 1150/2000. B’dan il-mod, kuntrarjament għal dak li tallega r-Rumanija, hija madankollu la wettqet evalwazzjoni tan-natura tal-fondi mitluba u lanqas ma kklassifikat dawn il-fondi bħala “riżorsi proprji”.

52      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement spjegat, fid-digriet appellat, b’mod astratt, l-obbligi u s-setgħat rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Issa, peress li, kif jirriżulta mill-punti 1 sa 7 tad-digriet appellat, il-Kummissjoni kienet ħarġet l-ittra kontenzjuża f’dan il-qasam, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tevalwa l-imsemmija obbligi u setgħat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar riżorsi proprji, unikament għall-finijiet tal-eżami tan-natura kontestabbli ta’ din l-ittra u bla ħsara għall-kwistjoni, fuq il-mertu, tal-applikabbiltà tagħha għall-fatti tal-każ u tal-klassifikazzjoni tal-ammont inkwistjoni.

53      Sussegwentement, għandu jitqies li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet ukoll korretta meta ċaħdet, mingħajr ma wettqet l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni flimkien mal-eżami fuq il-mertu, fil-punt 51 tad-digriet appellat, l-argumenti mressqa mir-Rumanija u bbażati fuq il-mertu tal-kontenut tal-ittra kontenzjuża bħala li kienu ineffettivi.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punti 59 sa 66 ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, fil-kuntest li fih inħarġet l-ittra kontenzjuża, l-imsemmija argumenti tar-Rumanija intiżi li juru li l-ittra kontenzjuża imponiet fuq dan l-Istat Membru obbligu ġdid, li ma huwiex previst mil-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

55      Fl-aħħar nett, min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat, hekk kif ġustament issostni r-Rumanija, li l-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat is-setgħat tal-awtur tal-att, mingħajr biss ma wettqet analiżi tal-kontenut stess tal-ittra kontenzjuża, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

56      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

57      Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk mill-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fuq motivi oħra ta’ dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 150, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C-93/13 P u C-123/13 P, EU:C:2015:150, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

59      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, minn analiżi tal-kontenut tal-ittra kontenzjuża, fid-dawl tal-kuntest tal-ħruġ tagħha kif ukoll tas-setgħat tal-Kummissjoni, jirriżulta, fil-fatt, li din l-ittra ma tistax tiġi kklassifikata bħala “att li jista’ jiġi kkontestat.”

60      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kontenut tal-imsemmija ittra, għandu jiġi rrilevat li, wara tfakkira tal-fatti inkwistjoni, id-direttur spjega permezz tagħha l-opinjoni ta’ dan id-Direttorat li r-Rumanija kienet ikkunsidrata bħala responsabbli għat-telf ta’ riżorsi proprji kkawżati fil-Ġermanja. Huwa qies li r-Rumanija kellha tikkumpensa dan it-telf u li, fil-każ ta’ rifjut li tqiegħed għad-dispożizzjoni l-ammont inkwistjoni, din tal-aħħar tkun qed tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tipperikola t-tħaddim tajjeb tas-sistema tar-riżorsi proprji. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa talabha tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu l-ammont ekwivalenti għat-telf inkwistjoni u speċifika li n-nuqqas ta’ ħlas fit-terminu stabbilit permezz ta’ din l-istess ittra jagħti lok għall-ħlas ta’ interessi moratorji skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

61      Minn din it-tfakkira jirriżulta li, permezz tal-ittra kontenzjuża, il-Kummissjoni, essenzjalment, esponiet lir-Rumanija l-opinjoni tagħha dwar il-konsegwenzi legali tat-telf ta’ riżorsi proprji kkawżati fil-Ġermanja u l-obbligi li, fl-opinjoni tagħha, jirriżultaw għar-Rumanija. Fid-dawl ta’ din l-opinjoni, hija talbet lil dan l-Istat Membru jagħmel disponibbli l-ammont inkwistjoni.

62      Issa, għandu jiġi kkunsidrat li la l-għoti ta’ sempliċi opinjoni legali, u lanqas sempliċi talba ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ammont inkwistjoni ma jistgħu jipproduċu effetti legali.

63      Is-sempliċi fatt li l-ittra kontenzjuża tistabbilixxi terminu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmi ammont filwaqt li tindika li dewmien jista’ jagħti lok għal interessi moratorji, fid-dawl tal-kontenut globali ta’ din l-ittra, la jippermetti li jitqies li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, minflok tesprimi l-opinjoni tagħha, tadotta att li jipproduċi effetti legali vinkolanti u lanqas, għaldaqstant, li tagħti lill-imsemmija ittra n-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat.

64      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest, għandu jiġi speċifikat li, matul is-seduta, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt la mir-Rumanija u lanqas mill-Istati Membri intervenjenti, osservat li ittra bħalma hija l-ittra kontenzjuża tikkostitwixxi prassi normali ta’ din l-istituzzjoni intiża għall-bidu ta’ diskussjonijiet informali fuq l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, li jistgħu jiġu segwiti mill-ftuħ tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dan il-kuntest huwa rifless fl-ittra kontenzjuża li tindika b’mod ċar ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija setgħet ma osservatx xi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, mir-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta mingħajr dubju li dan il-kuntest kien magħruf minnha u li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal kuntatti informali ġie mifhum sew.

65      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, opinjoni motivata ma tistax tipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-191/95, EU:C:1998:441, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika a fortiori għal ittri li, bħalma hija l-ittra kontenzjuża, jistgħu jitqiesu li huma sempliċi kuntatt informali qabel il-ftuħ tal-fażi prekontenzjuża ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

66      It-tielet nett, fir-rigward tas-setgħat tal-Kummissjoni, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li, fi kwalunkwe każ, din l-istituzzjoni ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tadotta atti vinkolanti li jobbligaw lil Stat Membru jagħmel disponibbli somma bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, minn naħa, anki jekk, bħalma tosserva r-Rumanija, dan l-ammont ma jistax jiġi kklassifikat bħala “riżorsi proprji”, il-Kummissjoni indikat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ma setgħet tiġi ddeterminata l-ebda bażi legali għall-adozzjoni ta’ att vinkolanti. Min-naħa l-oħra, anki jekk l-imsemmi ammont għandu jiġi kklassifikat bħala “riżorsi proprji”, għandu jiġi osservat li l-argument tal-Kummissjoni li hija ma għandha l-ebda setgħa deċiżjonali kemm taħt id-Deċiżjoni 2007/436 u lanqas taħt ir-Regolament Nru 1150/2000 ma ġiex kontradett mir-Rumanija.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ittra kontenzjuża ma tikkostitwixxix “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni tal-mertu dwar l-applikabbiltà tad-Deċiżjoni 2007/436 u tar-Regolament Nru 1150/2000 u l-klassifikazzjoni legali tal-ammont mitlub.

68      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti li r-Rumanija tislet mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mis-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali u mir-riskju finanzjarju sostnut minn dan l-Istat Membru. Fil-fatt, għalkemm il-kundizzjoni dwar l-effetti legali vinkolanti għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan id-dritt ma huwiex intiż li jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47, li skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) ta’ din il-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 47 ma tistax twassal biex twarrab din il-kundizzjoni mingħajr ma wieħed jeċċedi l-kompetenzi attribwiti mit-Trattat lill-qrati tal-Unjoni [ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C-131/03 P, EU:C:2006:541, punt 81, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il-Kummissjoni, C-477/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:292, punt 54].

69      Għaldaqstant, id-dispożittiv tad-digriet appellat, sa fejn jiċħad ir-rikors ippreżentat mir-Rumanija bħala inammissibbli, huwa fondat, b’tali mod li l-ewwel u t-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu evalwati l-argumenti dwar allegata kontradizzjoni tal-motivi inklużi fil-punti 24 u 25 u fil-punt 29 tad-digriet appellat u l-applikabbiltà tal-mekkaniżmu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni kundizzjonali. Konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

71      Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Rumanija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

72      L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

73      Għaldaqstant, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ir-Rumanija għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.