Language of document : ECLI:EU:C:2016:734

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-29 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C‑158/14

A,

B,

C

u

D

vs

Minister van Buitenlandse Zaken

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Artikolu 267 TFUE — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Ammissibbiltà ta’ azzjoni għal annullament u l-istħarriġ tal-validità ta’ att tal-UE fil-kuntest ta’ proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 — Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK — Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 — Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/475/JHA — Definizzjoni ta’ atti terroristiċi — Kwistjoni dwar jekk atti ta’ forzi armati mhux tal-Istat f’kunflitt armat mhux internazzjonali jikkostitwixxux atti terroristiċi — Konvenzjonijiet ta’ kontra t-terroriżmu — Dritt umanitarju internazzjonali”





1.        A, B, C u D instabu li ġabru, u ttrasferew fondi lil-“Liberation Tigers of Tamil Eelam” (iktar ’il quddiem il-“LTTE”), grupp li ġġieldet gwerra ċivili kontra l-Gvern ta’ Sri Lanka biex toħloq stat indipendenti fit-Tramuntana u l-Lvant ta’ Sri Lanka għall-poplu Tamil u li ilu li ġie kklassifikat bħala “terrorist” mill-Unjoni Ewropea għal madwar 10 snin.

2.        L-awtoritajiet Olandiżi semmew lil A, B, C u D bħala persuni suġġetti għal miżuri restrittivi biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu, u applikaw leġiżlazzjoni Olandiża li timplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“KSNU”). Bħala riżultat ta’ dan, ir-riżorsi tagħhom huma ffriżati, huwa pprojbit li jiġu pprovduti b’servizzi finanzjarji jew għall-benefiċċju tagħhom u ma jistgħux jitqiegħdu riżorsi disponibbli għalihom. Meta ħadu dawk il-miżuri, l-awtoritajiet Olandiżi ttrattaw lil-LTTE bħala organizzazzjoni terrorista. Dik id-deċiżjoni ħadet inkunsiderazzjoni regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Europea li żamm lil-LTTE fuq lista ta’ gruppi involuti f’atti terroristiċi u li japplikaw għalihom miżuri restrittivi. Fil-kawża tagħhom quddiem il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi, A, B, C u D isostnu li dak ir-regolament huwa invalidu għaliex l-azzjonijiet tal-LTTE ma kinux atti terroristiċi. Huma jgħidu li l-LTTE pjuttost hija forza armata mhux tal-Istat involuta f’kunflitt armat mhux internazzjonali fi Sri Lanka u l-azzjonijiet tagħha kienu b’hekk irregolati bid-dritt umanitarju internazzjonali biss, u mhux bir-regoli tal-UE u bir-regoli internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għalhekk jirriżulta li l-Unjoni Ewropea qieset b’mod żbaljat l-attakki u l-ħtif ta’ persuni li l-LTTE wettqet bejn l-2005 u 2009 bħala “atti terroristiċi” li ġġustifika l-inklużjoni tal-LTTE fil-lista ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi.

3.        Ir-Raad van State (kunsill tal-istat) għamlet talba għal deċiżjoni preliminari fejn essenzjalment trid tkun taf dwar id-definizzjoni ta’ “atti terroristiċi” użata meta ġie adottat ir-regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill u jekk inkonsistenzi possibbli bejn id-definizzjoni fid-dritt tal-UE u dak internazzjonali (b’mod partikolari, il-korp tad-dritt internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-dritt umanitarju internazzjonali) jistgħux jaffettwaw il-validità tar-regolament ta’ implementazzjoni inkwistjoni. Hija tistaqsi wkoll jekk domandi A, B, C u D jistgħux jinvokaw l-invalidità ta’ dak ir-regolament ta’ implementazzjoni fil-kawża prinċipali, issa li l-individwi jgawdu minn aċċess dirett usa’ għall-qrati tal-UE wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

 Id-dritt internazzjonali

 Id-dritt umanitarju internazzjonali

4.        Id-dritt umanitarju internazzjonali jirregola t-tmexxija tal-ostilitajiet matul kunflitti armati internazzjonali u mhux internazzjonali. Huwa maħsub biex, inter alia, jipprovdi protezzjoni għal popolazzjonijiet ċivili f’żona ta’ kunflitt billi jiġu ristretti l-effetti tal-gwerra fuq il-persuni u l-proprjetà (2).

5.        Parti sinjifikattiva tad-dritt umanitarju internazzjonali tinsab fl-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève (3) u t-tliet Protokolli Addizzjonali tagħhom (4). Wieħed mill-prinċipji fundamentali sanċiti fil-konvenzjonijiet u l-protokolli addizzjonali huwa d-distinzjoni bejn il-popolazzjoni ċivili u l-kombattenti militari, u oġġetti ċivili u għanijiet militari. Huma jistabbilixxu drittijiet bażiċi tal-priġunieri tal-gwerra (pajżana u persunal militari); protezzjonijiet għall-midruba u l-morda; u l-protezzjonijiet għal u d-drittijiet mogħtija lill-pajżana (mhux kombattenti) fi u madwar żona tal-gwerra. L-Unjoni Ewropea ma hija parti fl-ebda waħda minn dawn il-konvenzjonijiet jew protokoll addizzjonali tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri kollha huma partijiet fihom.

6.        L-Artikolu 2 li huwa komuni għal kull Konvenzjoni ta’ Genève [“Applikazzjoni tal-Konvenzjoni(jiet)”] jistabbilixxi b’mod partikolari:

“Flimkien mad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implementati fi żmien ta’ paċi, din il-Konvenzjoni għandha tapplika għall-każijiet kollha ta’ gwerra ddikjarata jew ta’ kull kunflitt armat li jista’ jkun hemm bejn tnejn jew iżjed mill-Partijiet Kontraenti Għolja, anki jekk l-istat ta’ gwerra ma huwiex irrikonoxxut minn wieħed minnhom.

Il-Konvenzjoni għandha tapplika wkoll għall-każijiet kollha ta’ okkupazzjoni parzjali jew totali tat-territorju ta’ Parti Kontraenti Għolja, anki jekk dik l-okkupazzjoni ma tiltaqa’ mal-ebda reżistenza armata.

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 3 komuni għal kull waħda mill-Konvenzjonijiet ta’ Genève (“Kunflitti li ma humiex ta’ natura internazzjonali”), li jikkodifika regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (5):

“F’każ ta’ kunflitt armat li ma jkollux natura internazzjonali u li jinqala’ fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti Għolja, kull waħda mill-Partijiet fil-kunflitt hija obbligata tapplika mill-inqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(1)      Persuni li ma jieħdux parti attiva fl-ostilitajiet, inklużi membri tal-forzi armati li ċedew l-armi u dawk li huma hors de combat minħabba mard, ġrieħi, detenzjoni, jew kwalunkwe kawża oħra, għandhom jiġu ttrattati umanament fiċ-ċirkustanzi kollha, mingħajr distinzjoni negattiva bbażata fuq razza, kulur, reliġjon jew fidi, sess, twelid jew ġid, jew kriterji oħra simili. Għal dan l-iskop, l-atti li ġejjin huma u ser jibqgħu jkunu pprojbiti f’kull żmien u f’kull post li jkun fir-rigward tal-persuni msemmijin iktar ’il fuq:

(a)      vjolenza fuq il-ħajja u l-persuna, b’mod partikolari qtil ta’ kull tip, il-mutilazzjoni, it-trattament krudil u t-tortura;

(b)      teħid ta’ ostaġġi;

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        L-Artikolu 1 tal-Protokoll I (“Prinċipji ġenerali u kamp ta’ applikazzjoni”), li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ vittmi ta’ kunflitti armati internazzjonali u jikkodifika wkoll id-dritt internazzjonali konswetudinarju (6), jipprovdi b’mod partikolari:

“[…]

3.      Dan il-Protokoll, li jissupplementa l-Konvenzjonijiet ta’ Genève […], għandu japplika fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-[Artikolu 2 komuni].

4.      Is-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu preċedenti jinkludu kunflitti armati fejn popli jkunu qed jiġġieldu kontra dominazzjoni kolonjali u okkupazzjoni aljena u kontra reġimi razzisti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ awtodeterminazzjoni, kif sanċit fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-Dikjarazzjoni fuq il-Prinċipji tad-Dritt Internazzjonali dwar Relazzjonijiet ta’ Ħbiberija u Kooperazzjoni fost l-Istati skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.        L-Artikolu 51(2) tal-Protokoll I jipprovdi li “atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jixxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma pprojbiti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10.      Il-Protokoll II jirrigwarda l-protezzjoni ta’ vittmi ta’ kunflitti armati mhux internazzjonali. Il-QIĠ għadha ma ħaditx pożizzjoni dwar jekk dak il-Protokoll jikkodifikax regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

11.      L-Artikolu 1 tal-Protokoll II (“Kamp ta’ applikazzjoni materjali”) jipprovdi:

“1. Dan il-Protokoll, li jiżviluppa u jissupplementa [l-Artikolu 3 komuni] mingħajr ma jimmodifika l-kundizzjonijiet eżistenti ta’ applikazzjoni, għandu japplika għall-kunflitti armati kollha li ma humiex koperti bl-Artikolu 1 tal-[Protokoll I] u li jsiru fit-territorju ta’ Parti Kontraenti Għolja bejn il-forzi armati tagħha u forzi armati dissidenti jew gruppi armati organizzati li, taħt kmand responsabbli, jeżerċitaw dak il-kontroll fuq parti mit-territorju tagħha sabiex ikunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet militari sostnuti u miftehma u sabiex jiġi implementat dan il-Protokoll.

2.      Dan il-Protokoll ma huwiex applikabbli għal sitwazzjonijiet ta’ disturbi u tensjonijiet interni, bħar-rewwixti, atti iżolati u sporadiċi ta’ vjolenza u atti oħrajn simili, li ma jitqiesux bħala kunflitti armati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.      L-Artikolu 4 tal-Protokoll II (“Garanziji Fundamentali”) jgħid b’mod partikolari li t-teħid bħala ostaġġi ta’ persuni li ma jiħdux sehem dirett jew waqfu milli jieħdu sehem f’ostilitajiet u atti ta’ terroriżmu kontrihom huma pprojbiti “f’kull żmien u f’kull post li jkun” (7) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13.      L-Artikolu 6 (“Prosekuzzjonijiet penali”) jistabbilixxi garanziji minimi applikabbli għall-prosekuzzjoni u s-sanzjoni ta’ reati kriminali li jirrigwardaw kunflitt armat mhux internazzjonali. Dan jeħtieġ li l-awtoritajiet fis-setgħa, fl-aħħar tal-ostilitajiet, jippruvaw jagħtu l-amnestija l-iktar wiesgħa possibbli lil persuni li pparteċipaw fil-kunflitt armat, jew dawk imċaħħdin mil-libertà tagħhom għal raġunijiet relatati mal-kunflitt armat, kemm jekk huma internati kif ukoll jekk huma detenuti (8).

14.      It-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) tal-Protokoll II jipprojbixxi “atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jixxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ċerti tribunali kriminali internazzjonali sabu li dik kienet regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, li l-ksur tagħha jagħti lok għal responsabbiltà kriminali individwali (9).

 Id-dritt internazzjonali fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-teħid tal-ostaġġi

 Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001)

15.      Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) [iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 1373 (2001)”] (10) fis-28 ta’ Settembru 2001, wara l-attakki li saru fl-Istati Uniti fil-11 ta’ Settembru ta’ dik is-sena. Il-Punt 1 jeħtieġ lill-Istati kollha biex:

“(a)      Jipprevjenu u jrażżnu l-finanzjament ta’ atti terroristiċi;

(b)      Jistabbilixxu bħala reat il-provvista jew il-ġbir intenzjonat, bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, ta’ fondi miċ-ċittadini tagħhom jew fit-territorji tagħhom bl-intenzjoni li l-fondi għandhom jintużaw, jew fl-għarfien li ser jintużaw, sabiex jitwettqu atti terroristiċi;

[…]

(d)      Jipprojbixxu liċ-ċittadini tagħhom jew lil kull persuna jew entità oħra li tinsab fit-territorju tagħhom milli jpoġġu fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi jew servizzi oħra relatati, għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni li jikkommettu jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jiffaċilitaw jew jipparteċipaw fit-twettiq ta’ atti terroristiċi, ta’ entitajiet li jappartjenu jew li huma kkontrollati, direttament jew indirettament, minnhom, u ta’ persuni u ta’ entitajiet li jaġixxu għan-nom ta’ jew fuq struzzjonijiet ta’ dawn il-persuni […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

16.      Il-Punt 3(d) jitlob lill-Istati sabiex “isiru partijiet kemm jista’ jkun malajr tal-konvenzjonijiet u protokolli internazzjonali relatati mat-terroriżmu, inkluża l-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tad-9 ta’ Diċembru 1999 [(11)]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-Konvenzjonijiet multilaterali u reġjonali kontra t-terroriżmu

17.      L-Istati għadhom (sa issa) ma qablux fuq definizzjoni komprensiva u ġeneralment applikabbli ta’ x’jikkostitwixxi att terroristiku (12).

18.      Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi”) ġiet iffirmata f’New York fil-15 ta’ Diċembru 1997 (13). Għalkemm l-Unjoni Ewropea nnifisha ma hijiex parti, l-Istati Membri tagħha kollha huma. L-aħħar premessa tal-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi tindika li l-attivitajiet ta’ forzi militari tal-Istati huma rregolati minn regoli tad-dritt internazzjonali barra mill-qafas tal-konvenzjoni u li l-esklużjoni ta’ ċerti azzjonijiet mill-kopertura tal-konvenzjoni għalhekk “ma tiskużax jew tillegalizza atti altrimenti illegali, jew tipprekludi l-prosekuzzjoni taħt liġijiet oħra […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

19.      L-Artikolu 19(2) jipprovdi li “l-attivitajiet tal-forzi armati matul il-kunflitt armat, kif inhu mifhum dak il-kliem skont id-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati b’dak id-dritt, ma humiex irregolati bil-[Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi], u l-attivitajiet magħmulin mill-forzi militari ta’ Stat fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn huma rregolati minn regoli oħra tad-dritt internazzjonali, huma [ukoll] mhux irregolati [minnha]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

20.      Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu”) ġiet iffirmata fin-New York fid-9 ta’ Diċembru 1999 (14). Għalkemm l-Unjoni Ewropea nnifisha ma hijiex parti, l-Istati Membri tagħha kollha huma. L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu jistabbilixxi li:

“Kull persuna twettaq reat fit-tifsira ta’ din il-Konvenzjoni jekk dik il-persuna bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, illegalment u bil-ħsieb, tipprovdi jew tiġbor fondi bl-intenzjoni li għandhom jintużaw jew fl-għarfien li ser jintużaw, għal kollox jew parzjalment, sabiex jitwettaq:

(a)      att li jikkostitwixxi reat fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ u kif iddefinit f’wieħed mit-trattati elenkati fl-Anness [(15)];

(b)      kull att ieħor intenzjonat li jikkawża l-mewt jew offiża gravi fuq persuna ċivili, jew fuq kull persuna oħra li ma tiħux parti attiva fl-ostilitajiet f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat, meta l-għan ta’ dak l-att, min-natura jew il-kuntest tiegħu, huwa l-intimidazzjoni ta’ popolazzjoni, jew biex il-gvern jew organizzazzjoni internazzjonali jiġu mġiegħla jagħmlu jew ma jagħmlux kwalunkwe att” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

21.      Bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, l-Istati Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa, skont il-prinċipji legali domestiċi tagħhom, għall-identifikazzjoni, l-iżvelar u l-iffriżar jew qbid ta’ kwalunkwe fondi użati jew allokati għall-finijiet tat-twettiq ta’ reati taħt l-Artikolu 2 flimkien mill-qligħ ġej minn dawk ir-reati, għall-finijiet ta’ konfiska possibbli.

22.      L-Artikolu 21 jgħid li “xejn fil-Konvenżjoni ma għandu jaffettwa drittijiet, obbligi u responsabbiltajiet oħra tal-Istati u l-individwi taħt id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-finijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dritt umanitarju internazzjonali u konvenzjonijiet rilevanti oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23.      Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar it-Terroriżmu Nukleari”) ġiet adottata f’New York fit-13 ta’ April 2005 (16). Għalkemm l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri huma partijiet (17). L-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni dwar it-Terroriżmu Nukleari jistabbilixxi li l-attivitajiet tal-forzi armati matul kunflitt armat, kif dak il-kliem huwa mifhum taħt id-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati b’dik il-liġi ma humiex irregolati mill-konvenzjoni, u li l-attivitajiet magħmulin mill-forzi militari ta’ Stat fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn huma rregolati b’regoli oħra tad-dritt internazzjonali, ukoll ma humiex irregolati mill-konvenzjoni.

24.      Il-konvenzjonijiet reġjonali jinkludu l-Konvenzjoni reċenti dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tal-Kunsill tal-Ewropa (iktar ’il quddiem il-“KtE”) (18). L-Unjoni Ewropea ffirmat, imma għadha ma rrattifikatx, dik il-konvenzjoni. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-Istati Membri, imma mhux kollha, iffirmawha jew irratifikawha (19). L-Artikolu 26(5) tal-Konvenzjoni tal-KtE dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu jistabbilixxi:

“L-attivitajiet tal-forzi armati matul kunflitt armat, kif inhu mifhum dak il-kliem skont id-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati minn dak id-dritt, ma humiex irregolati minn din il-Konvenzjoni, u l-attivitajiet li jsiru mill-forzi militari ta’ Parti fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn huma rregolati b’regoli oħra tad-dritt internazzjonali, ma humiex irregolati minn din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Teħid ta’ Ostaġġi

25.      Il-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Teħid ta’ Ostaġġi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi”) ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-NU fis-17 ta’ Diċembru 1979 (20). L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi jgħid li “sa fejn huma applikabbli [il-Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Protokolli tagħhom] għal att partikolari ta’ teħid ta’ ostaġġi, u sa fejn l-Istati Partijiet fil-Konvenzjoni [dwar l-Ostaġġi] huma marbuta taħt dawk il-konvenzjonijiet li jipprosegwixxu jew iroddu li dak li jkun ħa l-ostaġġi, il-Konvenzjoni [dwar l-Ostaġġi] ma għandhiex tapplika għal att ta’ teħid ta’ ostaġġi mwettaq matul kunflitti armati kif iddefiniti fil-[Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Protokolli tagħhom] […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-dritt tal-UE

 It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

26.      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”. L-ewwel paragrafu jispeċifika t-tipi ta’ atti li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn jinkludu atti tal-Kunsill. It-tieni paragrafu jippreskrivi r-raġunijiet għall-istħarriġ li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni. Bis-saħħa tas-sitt paragrafu, il-proċeduri għandhom “jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.”

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

27.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta” (21)) jgħid li “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu”.

28.      L-Artikolu 48(1) jipprovdi li “[k]ull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi”. Skont l-Artikolu 48(2), “[g]ħandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat”.

 Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

29.      Il-premessa 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (22) tirreferi għar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li tistabbilixxi strateġiji wesgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u partikolarment il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-premessa 5 tgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu miżuri addizzjonali biex timplementa r-Riżoluzzjoni 1373 (2001).

30.      L-Artikolu 1(1) jistabbilixxi li “l-Pożizzjoni Komuni taħdem [tapplika] flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin [għall‑]persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness”.

31.      L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi “persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” bħala:

–        il-persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew jipparteċipaw jew, jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi,

–        gruppi u entitajiet [li jappartjenu lil jew li huma] ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni, gruppi jew entitajiet li jaġixxu f’isem jew immexxija minn dawn il-persuni, gruppi u entitajiet, inklużi fondi li ġejjin jew iġġenerati minn proprjeta [li tappartjeni lil] jew [li hija kkontrollata] direttament jew indirettament minn dawn il-persuni u persuni, gruppi u entitajiet assoċjati.”

32.      Skont l-Artikolu 1(3), “att terroristiku” huwa:

“[…] wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li:

(i)      jintimida serjament lill-popolazzjoni, jew

(ii)      jostakola organizzazzjoni governattiva jew internazzjonali li twettaq jew tastjeni mit-twettiq ta’ att, jew

(iii) tgħarraq serjament jew tkisser il-politika, il-liġi kostituzzjonali, l-istrutturi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjonijiet internazzjonali:

(a)      attakk fuq il-ħajja ta’ persuna li jista’ jikkaġuna mewt;

(b)      attakki fuq l-integrita fiżika ta’ persuna;

(ċ)      is-sekwestru jew it-teħid ta’ ostaġġi;

(d)      toħloq distruzzjoni estensiva lil faċilita governattiva jew pubblika, sistema ta’ trasport, facilità infrastrutturali, li tinkludi sistema informattiva, post pubbliku jew proprjeta privata, x’aktarx li jqiegħed ħajja umana jew tirriżulta f’telf ekonomiku akbar;

(e)      is-sekwestru ta’ ajruplan, vapur jew mezz ieħor ta’ trasport pubbliku jew ta’ merkanzija;

(f)      il-fabbrikar, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-provvista jew l-użu ta’ armi, splussivi jew ta’ armi nukleari, bioloġiċi jew kimiċi, kif ukoll ir-riċerka dwar armi bioloġiċi jew kimiċi u l-iżvilupp tagħhom;

(g)      ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi, jew li jikkawżaw nirien, splużjonijiet jew għargħar liema effett jipperikola l-ħajja umana;

(h)      jinterferixxi jew ifixkel il-provvista (jew fornitura) ta’ ilma, enerġija jew riżors naturali u fundamentali, liema effett jipperikola l-ħajja umana;

(i)      theddid li jitwettaq xi wieħed mill-atti listjati taħt (a) għal (h);

(j)      imexxi grupp terroristiku

(k)      parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, li jinkludi wkoll l-forniment ta’ informazzjoni u riżorsi materjali, jew billi jiffinanzja b’kull mod l-attivitajiet tal-grupp terroristiku, li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-grupp.

[…]”

33.      Bis-saħħa tal-Artikoli 2 u 3 tagħha, (dik li kienet) il-Komunità Ewropea, filwaqt li kienet taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha minn (dak li kien) it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kienet meħtieġa “tordna l-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi u entitatjiet elenkati fl-Anness” u kellha tiżgura “li fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi u finanzjarji u servizzi relatati ma jkunux disponibbli direttament jew indirettament għall-benefiċċju ta’ persuni, gruppi u entitajiet elenkati fl-Anness”.

 Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001

34.      Il-premessi 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 (23) jirreferu għar-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Il-premessa 5 tgħid li azzjoni mill-Komunità hija neċessarja sabiex jiġu implementati l-aspetti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK” tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Skont il-premessa 14, il-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) (24) tista’ tinkludi l-persuni u l-entitajiet marbutin jew relatati ma’ pajjiżi terzi kif ukoll dawk li b’xi mod ieħor huma fiċ-ċentru tal-aspetti tal-PESK tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

35.      L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi l-“iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji u risorsi ekonomiċi oħra” bħala “[…] li ma jitħalliex kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’ jew innegozjar f’fondi f’kull mod li jirriżulta f’xi bidla fil-volum, ammont, lok, proprjetà, pussess, karattru, jew destinazzjoni tagħhom jew bidla oħra li jagħmilha possibbli li l-fondi jiġu użati, inkluż l-amministrazzjoni ta’ portafoll”. L-Artikolu 1(4) jistabbilixxi li “att terroristiku” għandu l-istess tifsira kif hemm fir-Regolament Nru 2580/2001 bħall-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (25).

36.      L-Artikolu 2(1) jipprovdi li, ħlief kif inhu permess taħt l-Artikoli 5 u 6 (26):

“(a)      Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’jew miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-[lista tal-Artikolu 2(3)] għandhom ikunu ffriżati;

(b)      L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u risorsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-[lista tal-Artikolu 2(3)].”

37.      Skont l-Artikolu 2(2) (u ħlief kif inhu permess skont l-Artikoli 5 u 6), “[…] għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija [fil-lista tal-Artikolu 2(3)].”

38.      L-Artikolu 2(3) jipprovdi li l-Kunsill għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament Nru 2580/2001 [iktar ’il quddiem il-“lista tal-Artikolu 2(3)”], skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dan jgħid li l-lista tal-Artikolu 2(3) għandha tikkonsisti minn:

“(i)      persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

(ii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

(iii) persuni legali, gruppi jew entitajiet li huma ta’ jew kontrollati minn persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii); jew

(iv)      persuni naturali legali, gruppi jew entitajiet li jaġixxu fl-interess ta’ jew fuq id-direzzjoni ta’ persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii).”

39.      Skont l-Artikolu 9 “[k]ull Stat Membru għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti meta d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jinkisru” u li “dawk is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi” (27).

 Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]tal-Kunsill 2002/475/ĠAI

40.      Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (28) tirriferi għall-fatt li l-Istati Membri kollha jew uħud minnhom huma partijiet f’numru ta’ konvenzjonijiet dwar it-terroriżmu. Il-premessa 6 tgħid li d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi għandha tiġi approssimata fl-Istati Membri kollha, inklużi dawk ir-reati dwar il-gruppi terroristiċi. Skont il-premessa 11, “[a]zzjonijiet mill-forzi armati matul il-perjodi ta’ kunflitt bl-armi, li huma rregolati mid-dritt umantiarju internazzjonali skond it-tifsira ta’ dawn it-termini f’dik il-liġi, u sakemm dawn huma regolati minn regoli oħra tad-dritt nternazzjonali, l-azzjonijiet mill-forzi armati ta’ l-Istat fl-eżerċizzju ta’ l-obbligi uffiċjali tagħhom ma humiex regolati minn din id-Deċijoni Kwadru [Qafas]” (29).

41.      L-Artikolu 1(1) jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-atti intenzjonali msemmija hawn taħt fil-punti (a) sa (i), kif imfissra bħala reati skond il-liġi nazzjonali, li, minħabba n-natura jew il-kuntest tagħhom, jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali fejn dawn isiru bl-iskop illi:

–        jintimidaw b’mod serju lill-popolazzjoni, jew

–        b’mod illeċitu iġiegħlu lill-Gvern jew organizzazzjoni internazzjonali li jagħmlu jew jonqsu milli tagħmel xi att, jew

–        jidestabilizzaw jew ikissru l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta’ pajjiz jew organizzazzjoni internazzjonali,

għandhom jitqiesu bħala reati terroristiċi:

[l-atti intenzjonali msemmijin fil-punti (a) sa (i) huma identiċi għal dawk previsti fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (30)].”

 Inklużjoni tal-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3)

42.      L-LTTE tpoġġa għall-ewwel darba fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/231/PESK mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/380/PESK (31). Huwa ddaħħal fl-istess jum fil-lista tal-Artikolu 2(3) mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379/KE (32). L-LTTE baqa’ hemm bħala riżultat ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet u regolamenti, kull waħda tħassar u tibdel lil ta’ qabilha, u inkluż ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010 (33). L-iktar lista reċenti tidher fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2425 (34).

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

43.      L-Artikolu 2(1) tas-Sanctieregeling terrorisme 2007-II (Regolament dwar is-Sanzjonijiet għat-Trażżin tat-Terroriżmu 2007-II; iktar ’il quddiem is-“Sanctieregeling 2007”) jawtorizza lill-Minister van Buitenlandse Zaken (Ministru tal-Affarijiet Barranin; iktar ’il quddiem il-“Ministru”), fi ftehim mal-Ministru tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem il-“Minister van Justitie”) u l-Ministru tal-Finanzi (iktar ’il quddiem il-“Minister van Financiën”), sabiex jadotta ordni ta’ elenkar fir-rigward ta’ persuni jew gruppi li, fl-opinjoni tiegħu, jappartjenu lill-grupp ta’ persuni jew gruppi suġġetti għar-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Meta tittieħed deċiżjoni bħal dik, ir-riżorsi kollha li jappartjenu lil dawk il-persuni jew gruppi għandhom jiġu ffriżati [Artikolu 2(2)]; huwa pprojbit li jiġu pprovduti b’servizzi finanzjarji jew għall-benefiċċju tagħhom [Artikolu 2(3)] jew li jitqiegħdu direttament jew indirettament għad-dispożizzjoni tagħhom riżorsi [Artikolu 2(4)].

44.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-Artikolu 2 tas-Sanctieregeling 2007 idaħħal fis-seħħ ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) imma ma jirriferixxix għar-Regolament Nru 2580/2001, għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jew għal kwalunkwe att ieħor li jqiegħdu persuni jew gruppi fil-lista tal-Artikolu 2(3).

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

45.      A, B, C u D joqogħdu fil-Pajjiżi l-Baxxi. B’deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2010 (iktar ’il quddiem, l-“ordnijiet ta’ tismija”), il-Ministru semmihom bħala persuni fiżiċi li għalihom tapplika s-Sanctieregeling 2007. B’riżultat ta’ dan, ir-riżorsi tagħhom ġew iffriżati. B’deċiżjonijiet tal-25 ta’ Novembru 2010, tat-8 ta’ Diċembru 2010 u tal-10 ta’ Jannar 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), il-Ministru ċaħad il-kontestazzjonijiet li A, B, C u D għamlu kontra l-ordnijiet ta’ tismija. Id-deċiżjonijiet kkontestati kienu bbażati fuq il-fatt li A, B, C u D jappartjenu għal grupp ta’ persuni li tirriferi għalihom ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Il-Ministru ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin biex jasal għal dik il-konklużjoni: (i) A, B, C u D kienu involuti fil-ġbir ta’ fondi għal-LTTE; (ii) l-LTTE kien inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3); u (iii) kienu nbdew proċeduri kriminali kontra A, B, C u D quddiem it-taqsima tad-dritt kriminali tar-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) għar-raġuni ta’, inter alia, il-ksur allegat tagħhom tal-Artikoli 2(1), 2(2) u 3 tar-Regolament Nru 2580/2001.

46.      Fis-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2011, ir-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) ikkonkludiet, rigward il-fatt li tlieta minn erba’ appellanti nstabu ħatja għall-ksur tar-Regolament Nru 2580/2001, li B, C u D kienu għamlu attivitajiet (ta’ ġbir ta’ fondi) għal-LTTE imma lliberathom minn imputazzjonijiet li pparteċipaw fi grupp terroristiku. Hija kienet tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tat-terroriżmu fil-kodiċi kriminali tal-Pajjiżi l-Baxxi jimplementaw id-Deċiżjoni qafas 2002/475 u li l-kunflitt bejn il-Gvern ta’ Sri Lanka u l-LTTE kien kunflitt armat mhux internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Protokoll II (35). Bħala riżultat ta’ dan, wara li tqieset il-premessa 11 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475, l-imputazzjonijiet kontra B, C u D ma kienu jinvolvu l-ebda parteċipazzjoni fi grupp terroristiku. Madankollu, ir-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) sabet lil B, C u D ħatja li kisru l-Artikoli 2(1), 2(2) u 3 tar-Regolament Nru 2580/2001. Hija kkunsidrat li kienet marbuta mid-deċiżjoni tal-Kunsill li tinkludi lil-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3). Hija nnutat ukoll li d-deċiżjonijiet li bihom l-LTTE kien ġie inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3) u li kienu applikabbli fiż-żmien meta twettqu r-reati allegati ma kinux ġew ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, ir-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) assumiet li dawk id-deċiżjonijiet kienu validi. L-appelli minn dawk is-sentenzi kienu pendenti quddiem il-Gerechtshof Den Haag (qorti reġjonali tal-appell, Den Haag) meta qed jinkiteb dan.

47.      Fil-frattemp, l-appelli ta’ A, B, C u D mid-deċiżjonijiet ikkontestati ġew miċħudin bħala infondati mit-taqsimiet tad-dritt amministrattiv tar-rechtbank Zwolle-Lelystad (qorti distrettwali, Zwolle-Lelystad), ir-rechtbank ’s Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) u r-rechtbank Alkmaar (qorti distrettwali, Alkmaar). A, B, C u D imbagħad appellaw minn dawk is-sentenzi lill-qorti tar-rinviju. Huma jikkontestaw l-involviment tagħhom fil-ġbir tal-fondi għal-LTTE. Huma jissottomettu li t-taqsima tad-dritt kriminali tar-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) iddeċidiet li l-LTTE ma huwiex grupp terroristiku għaliex il-kunflitt tal-LTTE mal-Gvern tas-Sri Lanka kien kunflitt armat mhux internazzjonali.

48.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-LTTE kien tpoġġa fil-lista tal-Artikolu 2(3) minħabba sensiela ta’ attakki u ħtif bejn l-2005 u l-2009. Il-qorti tar-rinviju tgħid ukoll li dawk l-atti jidhru li seħħew fi Sri Lanka u li kienu konnessi mal-kunflitt bejn il-Gvern ta’ Sri Lanka u l-LTTE. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Minsitru kellu raġunijiet biex jassumi li A, B, C u D kienu involuti fil-ġbir ta’ fondi għal-LTTE. Madankollu, hija kellha dubji dwar il-validità tal-inklużjoni tal-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3) fiż-żmien tad-deċiżjonijiet tal-Ministru tal-25 ta’ Novembru 2010, tat-8 ta’ Diċembru 2010 u taż-żewġ Deċiżjonijiet tal-10 ta’ Jannar 2011. Hija wkoll inċerta dwar jekk A, B, C u D kienx ikollhom locus standi biex jikkontestaw il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 quddiem il-Qorti Ġenerali.

49.      F’dak l-isfond, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal gwida dwar id-domandi li ġejjin:

“1.      Fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 sa fejn dan ir-regolament inkluda l-LTTE fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali mill-appellanti f’din il-proċedura f’isimhom abbażi tal-Artikolu 263 TFEU, kien ikun ċertament ammissibbli?

2.      (a)   Fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-premessa 11 fil-preambolu tad-Deċiżjoni kwadru [qafas] 2002/475/JHA, azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt bl-armi, fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu reati terroristiċi fis-sens ta’ din id-Deċiżjoni kwadru [qafas]?

(b)      Jekk ir-risposta għad-domanda 2(a) tingħata fl-affermattiv, azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt bl-armi, fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu atti terroristiċi fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u tar-Regolament Nru 2580/2001?

3.      L-azzjonijiet li jifformaw il-bażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn inkluda l-LTTE fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, huma azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt bl-armi fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali?

4.      Fid-dawl, fost l-oħrajn, tar-risposti għad-domandi 1, 2(a), 2(b) u 3, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn l-LTTE kienet b’dan il-mod inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, huwa invalidu?

5.      Jekk ir-risposta għad-domanda 4 tingħata fl-affermattiv, din l-invalidità tapplika wkoll għad-deċiżjonijiet preċedenti u sussegwenti tal-Kunsill li jaġġornaw il-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet irriżultaw fl-inklużjoni tal-LTTE f’din il-lista?”

50.      A, B, C, u D, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern ta’ Spanja u l-Gvern tar-Renju Unit, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet, ħlief għall-Gvern tar-Renju Unit, ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2016.

 Evalwazzjoni

 Rimarki preliminari

51.      Fl-2011, l-LTTE kkontestat l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-Artikolu 2(3) quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn sostniet, inter alia, li r-Regolament Nru 2580/2001 ma japplikax f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat għaliex dawk il-kunflitti (u għalhekk dawk l-atti wkoll imwettqin f’dak il-kuntest) huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali biss. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dik l-eċċezzjoni (36) imma annullat għal raġunijiet (proċedurali) oħra sensiela ta’ regolamenti simili għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn dawk ir-regolamenti kkonċernaw l-LTTE. L-appell tal-Kunsill minn dik is-sentenza (37) ma huwiex immirat lejn l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “atti terroristiċi” fil-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti. Madankollu, dik l-analiżi tirrigwarda l-kwistjoni prinċipali li qajmet il-qorti tar-rinviju hawnhekk, jiġifieri jekk il-miżuri ristrettivi tal-UE kontra l-LTTE humiex kompatibbli mad-dritt umanitarju internazzjonali. Għalhekk ser nirreferi għaliha meta jkun xieraq.

52.      Imbagħad, il-miżuri tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma bbażati fuq is-Sanctieregeling 2007, li jimplementa r-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Is-Sanctieregeling 2007 ma jirriferi għall-ebda att tad-dritt tal-UE li qed tintalab gwida dwaru fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Lanqas ma jidher li A, B, C u D huma nnifishom inklużi fil-lista tal-Artikolu 2(3). F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari 2 sa 5 huma rilevanti biex tiġi riżolta l-kwistjoni fil-kawża prinċipali?

53.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun ovvju biżżejjed li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-UE ma jkollha l-ebda relazzjoni mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew l-iskop tagħha (38).

54.      Madankollu, ma narax għalfejn dik il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata hawnhekk. Minn naħa, huwa aċċettat li l-miżuri tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni kienu imposti fuq A, B, C u D għaliex kienu ġabru fondi għal-LTTE, li tidher fil-lista tal-Artikolu 2(3). Kif spjegajt, dik il-lista implementat f’dak li kien id-dritt Komunitarju l-aspetti PESK tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li min-naħa tagħha implementat ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Min-naħa l-oħra, kif tgħid id-deċiżjoni tar-rinviju, wieħed mill-argumenti quddiem il-qorti tar-rinviju għall-kontestazzjoni ta’ dawk il-miżuri hija li l-LTTE ma jistax jitqies bħala grupp terroristiku u għalhekk tpoġġa bi żball fil-lista tal-Artikolu 2(3). Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-miżuri tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni jkollhom jiġu annullati jekk jirnexxi dak l-argument, u li A, B, C u D jistgħu jkunu f’dak il-każ intitolati wkoll għall-kumpens għall-perijodi kollha li matulhom l-LTTE kien inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3). Fil-fehma tiegħi dak huwa biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li d-domandi 2 sa 5 għandhom konnessjoni mal-kawża prinċipali.

55.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tiddividi t-tieni domanda f’żewġ partijiet, dik id-domanda fil-verità qed titlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni li ġejja: wara li tittieħed inkunsiderazzjoni l-premessa 11 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475, l-“atti terroristiċi” fit-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001 potenzjalment ikopru azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt armat fit-tifsira tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħall-kunflitt ta’ bejn l-LTTE u l-Gvern ta’ Sri Lanka? Sabiex nirrispondi dik id-domanda, jiena ser nipproċedi fuq il-bażi li dak il-kunflitt kien kunflitt armat mhux internazzjonali fit-tifsira tad-dritt umanitarju internazzjonali (39). Dak jimplika, b’mod partikolari, li ma kinitx sitwazzjoni ta’ disturbi u tensjonijiet interni li għalihom la japplika l-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u lanqas il-Protokoll II. Meta jsiru dawn l-assunzjonijiet, jiena nistrieħ fuq l-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-Ministru u r-rechtbank ’s Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) iddeċidew li l-kunflitt kien kunflitt armat mhux internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Protokoll II. Barra minn hekk, dik hija l-pożizzjoni tal-Kunsill f’dawn il-proċeduri.

56.      It-tielet u r-raba’ domandi jikkonċernaw essenzjalment il-validità tar-Regolament Nru 610/2010. Jekk wieħed jassumi li r-risposta għat-tieni domanda (kif mogħtija fil-qosor fil-punt preċedenti) hija “le”, il-Kunsill ikkunsidra b’mod żbaljat l-attakki u l-ħtif li wettaq l-LTTE bejn l-2005 u l-2009 bħala “atti terroristiċi” li jiġġustifikaw id-dħul ta’ dak il-grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3)? Imma jekk, għall-kuntrarju, ir-risposta għad-domanda msemmija fil-punt preċedenti hija “iva”? Il-ħames domanda tqum biss jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 huwa invalidu.

57.      L-ewwel domanda hija b’mod ċar distinta mid-domandi l-oħra u għalhekk ser nindirizzaha separatament. Din tirrigwarda l-ammissibbiltà u għalhekk għandha tiġi eżaminata l-ewwel.

 Azzjoni diretta minn A, B, C u D għall-annullament tar-Regolament Nru 610/2010 kienet tkun, lil hinn minn kull dubju, ammissibbli (l-ewwel domanda)?

58.      A, B, C u D ma għamlux azzjoni diretta skont l-Artikolu 263 TFUE biex jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010. Minflok huma invokaw l-invalidità ta’ dak ir-regolament quddiem il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jistgħux jagħmlu hekk. Jekk ma jistgħux, ma hemmx bżonn li jiġu kkunsidrati d-domandi dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 (40).

59.      Ir-regola ġenerali taħt id-dritt tal-UE hija li, fi proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, kull parti għandha d-dritt li teċċepixxi l-illegalità tad-dispożizzjonijiet li hemm fl-atti tal-UE li jservu bħala l-bażi għal deċiżjoni jew att ta’ dritt nazzjonali li jkunu ntużaw kontrihom u biex jitolbu lill-qorti nazzjonali tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (41). Filwaqt li l-qrati nazzjonali jistgħu jikkonkludu li att tal-UE huwa validu, huma ma jistgħux jiddikjarawh invalidu (42).

60.      Madankollu, hemm eċċezzjoni għal dik ir-regola ġenerali. Fis-sentenza tagħha TWD, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta parti għandha dritt ċar taħt dak li issa huwa l-Artikolu 263 TFUE li tistitwixxi proċeduri biex tikkontesta miżura tal-UE direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea u tħalli t-terminu preskritt f’dak l-artikolu jiskadi, hija ma tistax wara tikkontesta “indirettament” il-validità ta’ dik il-miżura billi tqajjem dubji fuq il-legalità tagħha quddiem qorti nazzjonali biex b’hekk dik il-kwistjoni titressaq quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja bil-proċedura tat-talba għal deċiżjoni preliminari (43). Fis-sentenza Pringle, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk huwa lil hinn minn kull dubju li dik il-parti kien ikollha locus standi taħt l-Artikolu 263 TFUE, l-eċċezzjoni tapplika (44). Jiena ser nirreferi għal dan bħala “l-eċċezzjoni TWD”. Fejn tapplika u l-parti ma tkunx għamlet azzjoni diretta fil-perijodu preskritt, l-att tal-UE jsir definittiv kontra dik il-persuna. B’dak il-mod, atti li jipproduċu effetti legali ma jistgħux jitpoġġew f’dubju b’mod indefinit (45) u għalhekk iċ-ċertezza legali tkun żgurata (46).

61.      L-eċċezzjoni TWD ġiet stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Dak iż-żmien, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE kien jistabbilixxi meta l-individwi kellhom locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni.

62.      F’dak il-kuntest, id-deċiżjoni tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja E u F (47). Dak il-każ kien jirrigwarda żewġ individwi li kienu kkontestaw il-legalità tal-inklużjoni ta’ grupp (li tiegħu kienu allegatament membri) fil-lista tal-Artikolu 2(3). Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u eżaminat l-applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjoni TWD u kkonkludiet li E u F ma kellhomx dritt inkontestabbli li jistitwixxu azzjoni diretta għaliex: (i) huma stess ma kinux fil-lista tal-Artikolu 2(3); (ii) id-deċiżjoni tar-rinviju ma stabbilixxietx li l-pożizzjoni tagħhom fi ħdan il-grupp kienet tagħtihom is-setgħa li jirrappreżentawh fil-Qorti Ġenerali; u (iii) huma ma kinux inkontestabbilment “direttament u individwalment ikkonċernati” bl-elenkar: l-inklużjoni tal-grupp f’dik il-lista kienet ta’ applikazzjoni ġenerali u serviet, flimkien mar-Regolament Nru 2580/2001, biex jiġi impost obbligu għall-konformità ma’ miżuri restrittivi speċifiċi fuq numru indeterminat ta’ persuni (48).

63.      Madankollu, għalkemm is-sentenza f’dak il-każ ingħatat f’Ġunju 2010, kienet tirrigwarda kwistjonijiet li nqalgħu qabel ma t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak it-trattat, is-sentenza E u F tibqax tfisser li A, B, C u D jistgħu jinvokaw l-invalidità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 fil-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi.

64.      Bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, individwu issa jista’ jistitwixxi proċeduri kontra (i) att indirizzat lilu (iktar ’il quddiem l-“ewwel parti”); (ii) att li jirrigwardah direttament u individwalment (iktar ’il quddiem it-“tieni parti”); u (iii) att regolatorju li jirrigwardah direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni (iktar ’il quddiem it-“tielet parti”).

65.      L-ewwel żewġ partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jikkorrespondu għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-kundizzjonijiet ta’ “interess dirett” u “interess individwali” f’dik id-dispożizzjoni jibqa’ jkollhom l-istess tifsira bħal qabel it-Trattat ta’ Lisbona (49). Għalhekk, il-kundizzjoni ta’ “interess dirett” tfisser li l-miżura kkontestata (i) għandha taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwu u (ii) ma għandha tħalli l-ebda diskrezzjoni lid-destinatarji tagħha, li huma fdati bil-kompitu li jimplementawha, billi dik l-implementazzjoni hija purament awtomatika u tirriżulta mir-regoli tal-UE mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħrajn (50). Il-kundizzjoni ta’ interess individwali hija ssodisfatta “biss jekk [l-att ikkontestat] [jaffettwa lir-rikorrenti] minħabba ċerti karatteristiċi li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjahom minn kwalunkwe persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju” (51).

66.      Bit-twessigħ tal-aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja permezz taż-żieda tat-tielet parti (52), it-Trattat ta’ Lisbona ried jiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, billi ma għandhom l-ebda interess individwali (u minkejja li huma kkonċernati direttament mill-att inkwistjoni), ikunu jistgħu jiksbu stħarriġ ġudizzjarju ta’ att regolatorju biss, li għalih ma hemm bżonn ta’ ebda miżuri ta’ implementazzjoni, billi jinkisru d-dispożizzjonijiet tiegħu biex imbagħad jiġi eċċepit li dawk id-dispożizzjonijiet kienu illegali fi proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali (53). It-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandha għalhekk tiġi interpretata b’mod li tiżgura dan il-livell ogħla ta’ protezzjoni ġudizzjarja. Ma jistax ikun il-każ li l-individwi għandhom igawdu inqas protezzjoni minn dik li gawdew qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

67.      Għalhekk, kif għandha l-eċċezzjoni TWD tiġi interpretata issa li l-aċċess għall-qrati tal-UE twessa’?

68.      Fis-sentenza Pringle l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-eċċezzjoni TWD baqgħet rilevanti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Hija rriferiet għal-locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mingħajr ma ddistingwixxiet bejn id-diversi bażijiet għal dak il-locus standi (54). Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “ma jidhirx li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu, lil hinn minn kull dubju, locus standi sabiex jippreżenta rikors għal annullament [ta’ deċiżjoni li temenda t-Trattati] skont l-Artikolu 263 TFUE” (55). Fiċ-ċirkustanzi, dik kienet konklużjoni ovvja.

69.      Fil-fehma tiegħi, ma hemmx raġuni tajba biex l-eċċezzjoni TWD tiġi interpretata b’mod differenti fir-rigward tat-tielet parti mill-mod kif tapplika għall-ewwel u t-tieni partijiet, jew li wieħed jaħseb li ma għandhiex tapplika għat-tielet parti.

70.      L-eċċezzjoni TWD hija limitata ħafna fil-portata tagħha – jekk hemm xi dubju dwar l-ammissibbiltà, l-eċċezzjoni ma tapplikax. Jekk hemmx “dubju” f’xi każ partikolari hija kwistjoni li għandha tkun tista’ tiġi riżolta fil-prattika mingħajr kumplessità żejda, billi avukat li jirrappreżenta individwu għandu jkun jista’ jagħti parir lill-klijent tiegħu b’ċertezza dwar mil-liema triq għandha tgħaddi l-kontestazzjoni tiegħu. Huwa jkollu bżonn ukoll jirreaġixxi malajr billi jrid ikun konxju tat-terminu ta’ xahrejn biex jistitwixxi proċeduri skont l-Artikolu 263 TFUE. Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni tiddependi fuq l-istat tal-ġurisprudenza u l-pożizzjoni tal-individwu kkonċernat fil-mument meta jkollu bżonn jiddeċiedi jekk jibdiex azzjoni diretta.

71.      Jekk l-individwu kien iġġustifikat b’mod plawsibbli f’li jkollu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ azzjoni diretta, l-eċċezzjoni TWD ma tapplikax — u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffavorixxi l-awtorizzazzjoni tal-kontestazzjoni tal-validità permezz tal-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE. Dan jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif jeħtieġ l-Artikolu 47 tal-Karta.

72.      Dik il-konklużjoni tagħmel sens ukoll f’termini ta’ ġestjoni tal-kawżi: ma huwiex fl-interess tal-ġudikatura tal-UE, bl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni TWD b’mod wiesa’ wisq, li jiġi inkoraġġut fluss ta’ azzjonijiet diretti kawtelatorji li l-Qorti Ġenerali jkollha bżonn tipproċessa u probabbilment tiddikjara debitament inammissibbli. Ikun aħjar li l-qrati nazzjonali jgħarblu u jwarrbu l-kontestazzjonijiet għall-validità li ma jidhrux konvinċenti prima facie.

73.      Bl-applikazzjoni ta’ dak ir-raġunament għall-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda jekk azzjoni magħmula minn A, B, C u D quddiem il-Qorti Ġenerali kinitx tkun ammissibbli “lil hinn minn kull dubju”. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, dak huwa t-test korrett li għandu jiġi applikat. Biex nesprimi l-punt mod ieħor, id-deċiżjoni ta’ A, B, C u D li jagħmlu l-kawża tagħhom fil-qorti nazzjonali minflok quddiem il-ġudikatura tal-UE tkun tidher li kienet iġġustifikata jew (i) jekk huwa ċar li ma kellhomx locus standi biex jibdew proċeduri fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE jew (ii) jekk kienu ġġustifikati li jkollhom dubju f’dak ir-rigward.

74.      Għalhekk, mhux talli ma kienx hemm dubju dwar A, B, C u D setgħux jikkontestaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 fuq il-bażi jew tal-ewwel jew tat-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, imma talli jidher ċar li l-Qorti Ġenerali kienet tiddikjara dik il-kawża bħala inammissibbli. L-ebda att tal-UE ma ġie indirizzat lill-A, B, C u D. Lanqas ma kienu mingħajr dubju “direttament u individwalment kkonċernati” bl-elenkar fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010. Jekk rikorrent ma jissodisfax kundizzjoni waħda jew l-oħra minn dawk iż-żewġ kundizzjonijiet, ma jkunx jista’ jikkontesta l-att (56). Ma hemm xejn fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 li jippermetti lil A, B, C u D li jiġu identifikati. Filwaqt li dak ir-regolament jista’ verament jikkonċerna persuni oħra individwalment (57), ma jidentifikax min hu membru ta’ jew bi kwalunkwe mod konness mal-gruppi u l-entitajiet elenkati fl-Anness tiegħu. Għalhekk, A, B, C u D ma kinux ikunu jistgħu juru li huma kienu kkonċernati “individwalment”.

75.      Fir-rigward tat-tielet parti, A, B, C u D kienu fil-fehma tiegħi ġġustifikati li jkollhom dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ kawża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 fuq il-bażi ta’ dik il-parti (“att regolatorju li jirrigward[hom] direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”).

76.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 huwa att regolatorju, jiġifieri att ta’ applikazzjoni ġenerali, li ma huwiex att leġiżlattiv (58) (li jfisser atti legali adottati bil-proċedura leġiżlattiva (59)). Ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, li jipprovdi li l-listi tal-Artikolu 2(3) għandhom jiġu stabbiliti, riveduti u emendati mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità u skont l-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dik il-proċedura ma kinitx proċedura leġiżlattiva. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 kien japplika wkoll parzjalment għal klassi indeterminabbli ta’ individwi u persuni ġuridiċi (60): bħala riżultat tal-elenkar tal-LTTE, kull persuna għandha tirrispetta l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(b) u 2(2) tar-Regolament Nru 2580/2001 (61). Għalhekk, anki jekk kien jirrigwarda individwalment l-LTTE, kien b’mod ċar att ta’ applikazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ A, B, C u D (62).

77.      Għalhekk huwa ċar li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 kien jikkonċerna lill-A, B, C u D. Kien lil hinn minn kull dubju li kien jirrigwardahom direttament u li ma kien iġib miegħu l-ebda miżura ta’ implementazzjoni?

78.      Il-kunċett ta’ interess dirett għandu l-bażi teoretika tiegħu, tal-inqas parzjalment, fl-idea ta’ kawżalità. Għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-att li hemm ilment dwaru u t-telf jew ħsara allegati li jiġġustifikaw l-għoti ta’ rimedju (63). Ir-raġunijiet ta’ politika li hemm wara r-rekwiżit huma ċari: jekk tenħtieġ miżura addizzjonali sabiex jingħata effett sħiħ lill-att ilmentat, hija dik il-miżura li għandha tiġi kkontestata quddiem il-qrati u mhux l-att oriġinali.

79.      Fil-punt 65 iktar ’il fuq, jiena spjegajt it-test fil-forma li l-Qorti tal-Ġustizzja użat fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-interess dirett. Madankollu, ma hijiex l-unika varjanti li tinsab fil-ġurisprudenza. Fis-sentenza Les Verts, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura tissodisfa t-test meta l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu sett komplet ta’ regoli li kienu biżżejjed fihom innifishom u “ma [kienu jirrikjedu] l-ebda dispożizzjoni ta’ implementazzjoni” (64). Dik il-varjanti hija riprodotta f’forma essenzjalment simili fit-tielet parti. Għalkemm l-inkorporazzjoni tal-kelma “u” tista’ tgħid li hija tawtoloġika, l-intenzjoni tidher ċara. Sabiex jiġi stabbilit jekk miżura hijiex ta’ interess dirett għar-rikorrent fil-pożizzjoni ta’ A, B, C u D, hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk iġġibx magħha miżuri ta’ implementazzjoni (65).

80.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li, fil-fehma tagħha, diffiċli tislet gwida preċiża mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tifsira u l-applikazzjoni eżatta tal-kliem “miżuri ta’ implementazzjoni” fil-każ ineżami. Filwaqt li huwa veru li l-ġurisprudenza ma tiddefinixxix dik l-espressjoni fi kliem, minkejja dan jidhirli li hemm żewġ elementi fiha li jistgħu jservu ta’ ftit gwida.

81.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza T & L Sugars li — f’każ li jinvolvi miżuri nazzjonali meħtieġa sabiex jiġu implementati żewġ regolamenti ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni — in-natura preċiża ta’ dawk il-miżuri ma kellhomx effett fuq il-kwalità tagħhom ta’ “miżuri ta’ implementazzjoni”. Hija kompliet tosserva li dik il-konklużjoni ma tpoġġietx fid-dubju min-natura allegatament mekkanika tagħhom. It-test huwa pjuttost jekk il-miżuri tal-UE jipproduċux l-effetti legali tagħhom fil-konfront tar-rikorrent biss permezz tal-atti intermedjarji meħudin (f’dak il-każ) mill-awtoritajiet nazzjonali: jekk huwa hekk, dawk l-atti jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni fit-tifsira tat-tielet parti (66).

82.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Telefónica li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att regolatorju jinvolvix dawk il-miżuri, il-kwistjoni għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata. Huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ persuni oħra u għandu jsir riferiment esklużivament għas-suġġett tal-azzjoni (67).

83.      Għalhekk il-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata billi tiġi kkunsidrata biss il-pożizzjoni ta’ A, B, C u D, fil-kuntest tas-suġġett tal-azzjoni tagħhom quddiem il-qorti nazzjonali, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 u, invista tar-rabta manifesta bejn iż-żewġ regolamenti, ir-Regolament Nru 2580/2001.

84.      Meta dak li ntqal iktar ’il fuq jiġi applikat għas-sitwazzjoni ta’ A, B, C u D fil-kawża prinċipali, jista’ jingħad li A, B, C u D kienu “kkonċernati direttament” mir-Regolament Nru 2580/2001 flimkien mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010? B’mod ċar, ma ġewx affettwati speċifikament, billi isimhom ma jidhirx fil-lista tal-Artikolu 2(3) (68). Imma jista’ jiġi argumentat tal-inqas li kienu ġew affettwati fis-sens li l-effett li parti tiġi inkluża f’dik il-lista huwa li l-ebda persuna suġġetta għad-dritt tal-UE ma tista’ tiġbor, jew tagħmel disponibbli fondi għall-benefiċċju tagħhom. Konklużjoni bħal dik mhux neċessarjament tkun inkonsistenti mal-leġiżlazzjoni jew mal-ġurisprudenza. Fuq dik il-bażi, jista’ jiġi sostnut li huma kellhom jikkontestaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 direttament fil-Qorti Ġenerali taħt it-tielet parti tal-Artikolu 263 TFUE. Id-diffikultà li joħloq dan l-approċċ hija li (sa fejn huwa possibbli li wieħed jista’ jgħid mill-fatti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) A, B, C u D ma kinux jafu li l-fondi tagħhom kienu ġew iffriżati fuq il-bażi tal-lista tal-Artikolu 2(3) sakemm ġew inklużi fl-ordnijiet ta’ tismija li għamel il-Ministru. Ma kien ġralhom xejn negattiv sa dak il-punt u għaldaqstant ma kien hemm xejn li setgħu jixtiequ jikkontestaw. Għalhekk, ma nistax ngħid li kienu intitolati “lil hinn minn kull dubju” li jistitwixxu proċeduri fil-Qorti Ġenerali fuq din il-bażi.

85.      Alternattivament, hemm – kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju – argument li, billi l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2580/2001 jeħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti meta d-dispożizzjonijiet tar-regolament jinkisru, dan ifisser li l-miżuri ta’ implementazzjoni huma tassew meħtieġa? Jekk dak huwa l-każ, is-sitwazzjoni tkun ċara: A, B, C u D ma jistgħux ikunu meħtieġa li jistitwixxu proċeduri fil-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, jidher li ma jkollhom l-ebda locus standi fuq l-ebda bażi biex jagħmlu hekk. Dan l-argument kieku jirrifletti t-test tal-leġiżlazzjoni imma, tista’ tgħid għall-inqas, mhux il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq, li tissuġġerixxi li huwa neċessarju li jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u mhux iċ-ċirkustanzi ġenerali ta’ madwaru. Hawnhekk, ma hijiex kwistjoni ta’ sanzjonijiet li A, B, C u D għandhom jikkontestaw fl-azzjoni tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Pjuttost hija l-inklużjoni tagħhom f’deċiżjoni adottata bis-saħħa tas-Sanctieregeling 2007. Għal darba oħra, ma nistax ngħid li din il-kwistjoni hija lil hinn minn kull dubju.

86.      Mela x’inhi l-pożizzjoni fir-rigward tas-Sanctieregeling 2007 nnifsu? Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-Artikolu 2 tas-Sanctieregeling 2007 kien ġie ppromulgat sabiex jagħti effett lir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) u ma jagħmel l-ebda riferiment għar-Regolament Nru 2580/2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jew kull att li jpoġġi persuni jew gruppi fil-lista tal-Artikolu 2(3). Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi wkoll li l-Ministru bbaża l-ordnijiet ta’ tismija tiegħu fuq il-premessa li l-LTTE huwa grupp terroristiku għaliex huwa inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3) u fuq il-fatt li kienu nbdew proċeduri kriminali kontra A, B, C u D għar-raġuni, inter alia, tal-allegat ksur minnhom tal-Artikoli 2(1), 2(2) u 3 tar-Regolament Nru 2580/2001 (69). Fuq dik il-bażi jista’ jingħad li s-Sanctieregeling 2007, u l-ordnijiet magħmula taħtu, jirrappreżentaw miżura ta’ implementazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 263 TFUE? Meta nħares lejn l-affarijiet b’mod newtrali, jidhirli li, għal darba oħra, il-pożizzjoni ma hijex ċara u għalhekk, ma hijiex lil hinn minn kull dubju.

87.      Ħafna mill-istudju tad-dritt u ħafna mill-applikazzjoni tiegħu jirrigwardaw iċ-ċertezza. Dak huwa l-għan li d-dritt irid jilħaq, billi dawk li huma suġġetti għalih għandhom ikunu ċari x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Imma bl-użu tal-espressjoni “lil hinn minn kull dubju” fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ir-realtà li dak l-ideal jista’, kultant, ma jintlaħaqx. L-eċċezzjoni TWD tapplika, fl-interessi taċ-ċertezza legali, preċiżament (u esklużivament) f’sitwazzjonijiet fejn ma hemm l-ebda dubju dwar jekk kawża magħmula fil-Qorti Ġenerali minn din il-parti privata partikolari kinitx tkun ammissibbli. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Isegwi li l-eċċezzjoni TWD ma tapplikax.

88.      Għaldaqstant nikkonkludi, b’risposta għall-ewwel domanda, li azzjoni diretta minn A, B, C u D li tikkontesta l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn dak ir-regolament jikkonċerna l-LTTE, ma kinitx tkun ammissibbli lil hinn minn kull dubju. Isegwi li A, B, C u D kienu ġġustifikati li jqajmu l-invalidità ta’ dak ir-regolament quddiem il-qorti nazzjonali u jitolbu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ssir bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE.

 Interpretazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 (it-tieni sal-ħames domandi)

 Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931

89.      Tqum l-ewwel nett id-domanda jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex kompetenza biex tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li hija att PESK. Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, jeskludi l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, bl-eċċezzjoni tal-kompetenza tagħha biex tissorvelja l-konformità mal-Artikolu 40 TUE (70) u sabiex tikkontrolla l-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE. L-Artikolu 275 TFUE jgħid, b’mod partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza “sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 [TFUE] dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea” bħall-miżuri PESK li kklassifikaw lil-LTTE bħala grupp jew organizzazzjoni terroristika (71).

90.      Dak ma jkoprix prima facie l-interpretazzjoni jew l-istħarriġ tal-legalità ta’ dawk l-atti f’deċiżjoni preliminari. Madankollu, jiena nikkondividi l-pożizzjoni li ħa l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet reċenti tiegħu fil-kawża Rosneft li, fis-sistema kompleta ta’ rimedji legali u proċeduri ddisinjati biex jiġi żgurat l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti Ewropej, l-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) jinkludi mhux biss azzjonijiet għal annullament imma anki l-proċedura tad-deċiżjoni preliminari (72). L-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, li huwa bbażat fuq l-istat tad-dritt (73), għandu jiżgura, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE, aċċess għal rimedju effettiv li issa huwa ggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Deċiżjonijiet preliminari f’kawżi li jinvolvu l-validità għandhom rwol kruċjali f’dan ir-rigward għal persuni li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jistgħu jsofru konsegwenzi dannużi tal-miżuri PESK li ma humiex indirizzati lilhom direttament u li għalhekk bħala prinċipju ma humiex intitolati li jitolbu l-annullament ta’ dawk il-miżuri fil-qrati tal-UE fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Barra minn hekk, kif isostni l-Avukat Ġenerali Wathelet, is-setgħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ il-legalità ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati fuq il-bażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE, fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari, jinvolvi wkoll, neċessarjament, is-setgħa ta’ interpretazzjoni ta’ dawn l-atti (74).

91.      Fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, l-LTTE ma kienx ikkunsidrat bħala grupp jew organizzazzjoni terroristika taħt il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 sakemm il-Pożizzjoni Komuni 2006/380 daħlet fis-seħħ. Madankollu, il-Pożizzjoni Komuni 2006/380 sempliċement aġġornat il-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi taħt il-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Għalhekk, jiena nqis il-Pożizzjoni Komuni 2001/93, kif emendata mill-Pożizzjoni Komuni 2006/380, bħala deċiżjoni li tipprovdi “miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-[TUE]”, fit-tifsira tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza biex twieġeb it-tieni domanda sa fejn titlob interpretazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 flimkien mar-Regolament Nru 2580/2001.

 Il-kunċett ta’ “att terroristiku” fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001

92.      Il-kunċett ta’ “att terroristiku” fl-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 għandu jiġi interpretat wara li jitqiesu l-kliem, l-għanijiet u l-kuntest ta’ dawk id-dispożizzjonijiet; l-oriġini ta’ dik l-espressjoni jistgħu jipprovdu wkoll informazzjoni rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (75).

93.      L-LTTE ġie inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3) fuq il-bażi li wettaq atti li huma ddefiniti bħala “atti terroristiċi” fir-Regolament Nru 2580/2001, li huwa stess jirreferi għad-definizzjoni li hemm fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (76). Ma hemm xejn fil-kliem taż-żewġ miżuri tal-UE li jissuġġerixxi li dak il-kunċett jista’ ma jkoprix azzjonijiet imwettqa matul kunflitt armat u li huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali.

94.      L-għanijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001 lanqas ma jappoġġjaw interpretazzjoni bħal dik. Dawn il-miżuri essenzjalment għandhom għan preventiv: għandhom l-iskop li jiġġieldu t-terroriżmu billi jaqtgħuh mir-riżorsi finanzjarji tiegħu permezz tal-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni jew entitajiet issuspettati bl-involviment f’attivitajiet terroristiċi jew attivitajiet marbutin mat-terroriżmu (77). Il-protezzjoni ta’ dawk l-għanijiet hija importanti meta l-atti jitwettqu matul il-kunflitti armati daqs kemm meta jsiru f’ċirkustanzi oħrajn.

95.      Qari tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001 għalihom innifishom jissuġġerixxi għalhekk li hija xierqa interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett “atti terroristiċi”. Interpretazzjoni bħal dik trid tiġi kkwalifikata wara li jitqies il-kuntest tal-leġiżlazzjoni u tad-dritt internazzjonali li fih għandhom jiġu interpretati?

 Id-Deċiżjoni qafas 2002/475

96.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda speċifika [fil-punt (a) tat-tieni domanda] jekk il-premessa 11 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475 hijiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att terroristiku” fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001. Il-fatt li dik il-premessa tgħid li huma esklużi atti tal-forzi armati matul il-kunflitti armati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni qafas (78) għandu konsegwenzi fuq il-portata ta’ dik il-pożizzjoni komuni u r-regolament?

97.      Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba hija “le”.

98.      Id-Deċiżjoni qafas 2002/475 tarmonizza l-liġijiet kriminali tal-Istati Membri u għandha l-għan tal-approssimazzjoni tad-definizzjoni ta’ “reati terroristiċi” fl-Istati Membri (79). Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet tagħha huma b’hekk differenti minn dawk tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001, li huma kkonċernati b’miżuri preventivi kontra t-terroriżmu u ma humiex intiżi biex jakkumpanjaw jew jappoġġjaw proċeduri tad-dritt kriminali nazzjonali (80). Il-kliem tal-premessa 11 (speċjalment il-frażi “ma humiex regolati minn din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]”) innifsu jagħmilha ċara li, kif tissottometti l-Kummissjoni, l-uniku skop ta’ dik il-premessa huwa li jiġi ċċarat li d-Deċiżjoni qafas 2002/475 ma tirregolax l-“azzjonijiet” ta’ forzi armati matul perijodu ta’ kunflitt armat. Għalhekk, il-premessa 11 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475 ma tipprovdi l-ebda linja gwida dwar it-tifsir ta’ “att terroristiku” fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u fir-Regolament Nru 2580/2001 (81). Fi kwalunkwe każ, dik il-pożizzjoni hija konsistenti ma’ ġurisprudenza stabbilita li tgħid li premessa fil-preambolu ta’ att tal-UE ma għandha l-ebda forza legali vinkolanti u għalhekk ma tistax tintuża biex issir deroga mid-dispożizzjonijiet attwali ta’ dak l-att jew biex jiġu interpretati b’mod ċar kuntrarju għal kliemhom (82). Il-premessa 11 ma tirriferixxi speċifikament għall-ebda dispożizzjoni fil-parti dispożittiva tad-Deċiżjoni qafas 2002/475 u għalhekk taħt l-ebda ċirkustanza ma għandha impatt fuq kif jiġu interpretati atti oħra tal-UE.

 Interpretazzjoni f’konformità mad-dritt internazzjonali

99.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, xorta għadu neċessarju li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 3(5) TUE, li jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta u l-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Għaldaqstant, meta tadotta att, hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (83).

100. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha, kemm jista’ jkun possibbli, tiġi interpretata b’mod li huwa konsistenti mad-dritt internazzjonali (84). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan ir-rekwiżit l-iktar għal ftehimiet li jorbtu formalment lill-Unjoni (85), ir-rekwiżit għandu portata iktar wiesgħa. Fis-sentenza Poulsen u Diva Navigation, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li l-[Unjoni Ewropea] għandha tirrispetta d-dritt internazzjonali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha u li, għaldaqstant, [id-dispożizzjoni tad-dritt tal-UE li kellha tinterpreta f’dak il-każ] għandha tiġi interpretata, u l-portata tagħha limitata, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali [konswetudinarju] tal-baħar” (86) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet pass ulterjuri fil-kawża Intertanko (87). Hija ddeċidiet li l-fatt li ftehim internazzjonali jorbot lill-Istati Membri kollha imma mhux lill-UE jista’ jkollu “konsegwenzi għall-interpretazzjoni, […] tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju” anki jekk il-ftehim ma jikkodifikax regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, u li hija obbligata li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju “billi tieħu inkunsiderazzjoni” il-ftehim inkwistjoni (88). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat dak permezz tal-“prinċipju konswetudinarju tal-bona fides” u l-prinċipju ta’ koperazzjoni leali f’dak li issa huwa l-Artikolu 4(3) TUE. L-għan huwa sabiex jiġi evitat, kemm jista’ jkun, li d-dritt tal-UE jiġi interpretat b’mod li jkun impossibbli għall-Istati Membri li jissodisfaw l-impenji tad-dritt internazzjonali tagħhom.

101. Għalhekk huwa meħtieġ li l-ewwel jiġi eżaminat jekk il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 jistgħux jiġu interpretati b’mod konsistenti mar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali. Jekk it-tweġiba hija “iva”, ma hemmx bżonn li jiġi aċċertat jekk dawk ir-regoli humiex fost dawk li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-legalità tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE (89).

102. Għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali u, min-naħa l-oħra, ir-regoli tad-dritt internazzjonali fuq il-kontroterroriżmu jew it-teħid ta’ ostaġġi. F’dawn il-konklużjonijiet ser neżamina biss dawk is-sorsi tad-dritt internazzjonali li għalihom sar riferiment jew fid-deċiżjoni tar-rinviju jew fis-sottomissjonijiet tal-partijiet.

–       Id-dritt umanitarju internazzjonali

103. L-ewwel nett, fir-rigward tad-dritt umanitarju internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija intitolata tassumi li l-Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Protokolli tagħhom huma rilevanti billi l-LTTE u l-Gvern ta’ Sri Lanka kienu qed jiġġieldu f’kunflitt armat fiż-żmien tal-fatti. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha huma partijiet f’dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli (90). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha dmir li teħodhom inkunsiderazzjoni meta tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, irrispettivament minn jekk dawk il-konvenzjonijiet u protokolli jikkodifikawx regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali (91).

104. Jiena ma naċċettax is-sottomissjoni li għamlu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li, peress li l-LTTE kien forza armata mhux tal-Istat involuta f’kunflitt armat mhux internazzjonali fi Sri Lanka, id-dritt umanitarju internazzjonali kien jipprekludi li l-attakki u l-ħtif li wettaq bejn l-2005 u l-2009 jitqiesu bħala “atti terroristiċi”. L-ewwel nett, l-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève, li speċifikament jirregola kunflitti mhux internazzjonali, jipprojbixxi vjolenza lill-ħajja u lill-persuna fi kwalunkwe żmien u fi kwalunkwe post li jkun, b’mod partikolari l-qtil ta’ kull tip, u t-teħid ta’ ostaġġi meta mwettqa kontra “persuni li ma jieħdux parti attiva fl-ostilitajiet, inklużi membri tal-forzi armati li ċedew l-armi u dawk li huma hors de combat minħabba mard, ġrieħi, detenzjoni, jew kwalunkwe kawża oħra” (92). Għalkemm impliċitament, dik id-dispożizzjoni tipprojbixxi atti ta’ terroriżmu li jistgħu jipproduċu tali konsegwenzi (93).

105. L-Artikolu 4(2)(d) tal-Protokoll II huwa iktar espliċitu meta jgħid li l-parteċipanti f’kunflitt armat mhux internazzjonali ma jistgħux fi kwalunkwe żmien u fi kwalunkwe post li jkun iwettqu atti ta’ terroriżmu kontra persuni li ma jiħdux sehem dirett jew li waqfu milli jieħdu sehem fl-ostilitajiet (94). Lanqas ma jistgħu, skont l-Artikolu 13(2) tal-Protokoll II, iwettqu atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan tagħhom huwa li jxerrdu t-terrur fost il-popolazzjoni ċivili.

106. Il-Protokoll I japplika primarjament għall-kunflitti armati internazzjonali (95) u għalhekk ma jidhirx li huwa rilevanti direttament fil-proċeduri ineżami. Anki jekk dak il-protokoll japplika għall-kunflitt bejn il-Gvern ta’ Sri Lanka u l-LTTE (96), madankollu, il-konklużjoni ma tkunx differenti billi l-Protokoll I jipprojbixxi wkoll “atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jixxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili” (97). Id-dritt umanitarju internazzjonali għalhekk “jipprojbixxi atti ta’ terrur f’kunflitt armat kemm internazzjonali kif ukoll mhux internazzjonali, irrispettivament minn jekk humiex imwettqa minn partijiet tal-Istat jew partijiet li ma humiex tal-Istat” (98).

107. X’inhi l-pożizzjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet diretti kontra persuni li jieħdu sehem attiv f’kunflitt armat jew kontra oġġettivi militari u li ma jxerrdux terrur fost il-popolazzjoni ċivili? Il-kombattenti f’kunflitt armat internazzjonali għandhom id-dritt li jipparteċipaw direttament f’ostilitajiet u għalhekk igawdu minn immunità fir-rigward tal-azzjonijiet tagħhom bħala kombattenti sakemm jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali. B’kuntrast, il-parteċipanti f’kunflitt armat mhux internazzjonali ma jgawdux minn immunità anki meta l-azzjonijiet tagħhom huma f’konformità mal-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Artikoli 4(2)(d) u 13(2) tal-Protokoll II (99). Għalhekk, pereżempju, suldat ta’ forza armata mhux tal-Istat li, mingħajr ma jikser id-dritt umanitarju internazzjonali, ikun qatel għadu kombattent li jkun tal-forzi governattivi f’kunflitt mhux internazzjonali jista’ jiġi pproċessat għall-qtil volontarju. Dak jirriżulta mill-prinċipji ta’ sovranità u nuqqas ta’ indħil f’affarijiet domestiċi (100). Għaldaqstant, il-parteċipanti f’kunflitt mhux internazzjonali ma jaħarbux minn miżuri ripressivi jew preventivi li Stat jista’ jsib li huma xierqa fiċ-ċirkustanzi (101), iżda dan għandu jkollu ġurisdizzjoni biex jimponi dawk il-miżuri u għandu jirrispetta l-konvenzjonijiet ta’ kontra t-terroriżmu applikabbli u regoli oħra tad-dritt internazzjonali li jorbtuh (102).

108. Ġie propost l-argument li jekk azzjonijiet ta’ parteċipanti f’kunflitt armat mhux internazzjonali jiġu kkaratterizzati bħala “terroristiċi” jista’ jnaqqsilhom l-inċentiv li jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali, fuq il-bażi li dawk il-parteċipanti ma tantx ikollhom għalfejn jikkonformaw (b’mod partikolari) mal-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Artikoli 4(2)(d) u 13(2) tal-Protokoll II jekk dik il-konformità ma tiġix fl-aħħar mill-aħħar ippremjata f’termini ta’ responsabbiltà kriminali (103).

109. Huwa veru li l-protezzjoni offruta mill-Artikolu 6(5) tal-Protokoll II hija relattivament dgħajfa: dik id-dispożizzjoni hija abbozzata f’termini purament programmatiċi (104) (“[…] jippruvaw jagħtu l-amnestija l-iktar wiesgħa possibbli […]”) u għalhekk ma toffri l-ebda premju paragunabbli mal-immunità tal-“kombattent” għal dawk li jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali matul l-ostilitajiet (105). Il-fatt li d-dritt umanitarju internazzjonali ma jimponix immunità jista’ jimmina l-effettività ta’ dak id-dritt u jżid l-ispejjeż tal-infurzar tiegħu. Iżda, dan l-istat tad-dritt internazzjonali li (allegatament) ma huwiex l-aħjar, fih innifsu mhux kapaċi jibdel id-dritt umanitarju internazzjonali kif inhu llum (106).

110. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li l-kunċett ta’ “att terroristiku” għandu tifsira idjaq fil-kuntest ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali milli jkollu fi żmien ta’ paċi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali la pprovaw u lanqas biss argumentaw li l-attakki u l-ħtif li ffurmaw il-bażi tal-inklużjoni tal-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3) ma kinux jikkostitwixxu, la għal kollox u lanqas parzjalment, ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. B’mod partikolari, ma kien hemm l-ebda suġġeriment li l-ebda azzjoni minn dawn ma kienet diretta kontra pajżana jew persuni oħrajn li ma kinux qed jieħdu sehem attiv fl-ostilitajiet bejn l-LTTE u l-Gvern ta’ Sri Lanka. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minflok jissottomettu li, billi l-LTTE kien involut f’kunflitt armat mhux internazzjonali fit-tifsira tad-dritt umanitarju internazzjonali, l-attivitajiet tiegħu fl-ebda ċirkustanza ma setgħu jitqiesu bħala “terroristiċi” (107). Għar-raġunijiet li spjegajt, dik is-sottomissjoni ma għandhiex tintlaqa’.

–       Id-dritt internazzjonali fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-teħid ta’ ostaġġi

111. Fir-rigward tad-dritt internazzjonali li jirregola l-ġlieda kontra t-terroriżmu, jiena ninnota l-ewwel nett li l-Konvenzjoni dwar it-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma għandhiex rabta apparenti mal-kawża prinċipali. Għalhekk, mhux ser nikkunsidraha f’dan li ġej. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tal-KtE ma torbotx lill-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha tagħha rrattifikawha. Għalhekk, dik il-konvenzjoni ma tifformax parti mir-regoli internazzjonali li għandhom jiggwidaw lill-Qorti tal-Ġustizzja meta tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001.

112. Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 jagħtu effett lir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) (108). Għalkemm l-Unjoni Ewropea nnifisha ma hijiex membru tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Unjoni Ewropea “fil-fatt għandha tagħti importanza partikolari għall-fatt li, skont l-Artikolu 24 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà, ta’ riżoluzzjonijiet taħt il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta tikkostitwixxi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà prinċipali li biha dan il-korp internazzjonali huwa investit sabiex iżomm, fuq il-livell dinji, il-paċi u s-sigurtà, responsabbiltà li, fil-kuntest tal-imsemmi Kapitolu VII, tinkludi s-setgħa li jiġi determinat dak li jikkostitwixxi theddida kontra l-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dawn jinżammu jew jerġgħu jiġu stabbiliti” (109). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, kemm jista’ jkun possibbli, tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 skont ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Madankollu, dik ir-riżoluzzjoni la tiddefinixxi “att terroristiku” u lanqas ma tillimita l-portata tiegħu fid-dawl tad-dritt umanitarju internazzjonali.

113. Il-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi torbot lill-Istati Membri kollha. Meta jiġu kkunsidrati l-elementi li ġiegħlu lill-Kunsill idaħħal l-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3), li tirreferi għall-“attakki” mil-LTTE (110), dik il-Konvenzjoni tista’ tkun rilevanti wkoll għall-kawża prinċipali. Il-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi għandha għalhekk tiġi kkunsidrata għall-interpretazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 (111).

114. Il-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “attivitajiet tal-forzi armati matul kunflitt armat”, li huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali (112). Madankollu, dak ma jfissirx li dawk l-atti jistgħu ma jikkwalifikawx bħala “atti terroristiċi” fit-tifsir tad-dritt umanitarju internazzjonali. Nissaħħaħ f’dik il-konklużjoni bl-aħħar premessa tal-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi, li tagħmilha ċara li “l-esklużjoni ta’ ċerti azzjonijiet mill-kopertura [tal-konvenzjoni] għalhekk ma tiskużax jew tillegalizza atti altrimenti illegali, jew tipprekludi l-prosekuzzjoni taħt liġijiet oħra […]”. Dik il-premessa tikkonferma dak li l-Kunsill juri b’mod korrett bħala n-natura kumplimentari tar-regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali eżaminat iktar ’il fuq ma’ ċerti regoli internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

115. Raġunament simili japplika għall-Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi, li hija rilevanti wkoll f’dawn il-proċeduri (113). Għalkemm din il-konvenzjoni ma torbotx formalment lill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri kollha huma parti fiha. L-iskop tal-Artikolu 12 tagħha huwa sempliċement li jiġi kkjarifikat il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi. Għalhekk, dik id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda impatt fuq il-prevenzjoni u r-ripressjoni tat-teħid ta’ ostaġġi li jkun hemm fil-kunflitti armati u għalhekk huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali (114). Għal darba oħra, dawn id-diversi settijiet ta’ regoli internazzjonali jidhru li huma kumplimentari.

116. Barra minn dan, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-azzjoni tal-Istati Membri bis-saħħa tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 fil-prinċipju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu. Dawk l-atti tal-UE fil-fatt iridu jiġġieldu kontra t-terroriżmu internazzjonali permezz ta’ miżuri finanzjarji speċifiċi immirati lejn persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi. Il-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu torbot ukoll lill-Istati Membri kollha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, kemm jista’ jkun possibbli, b’mod li ma jpoġġix f’riskju l-Istati Membri kollha bi ksur tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dik il-konvenzjoni.

117. Madankollu, xejn fil-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu ma jipprekludi azzjonijiet mill-forzi armati mhux tal-Istat f’kunflitti mhux internazzjonali milli jitqiesu bħala “atti terroristiċi”.

118. L-ewwel nett, kif qalet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (115), l-Artikolu 2(1)(b) tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu jipprevedi espressament il-possibbilta għal “atti terroristiċi” fit-tifsira ta’ dik il-konvenzjoni milli jitwettqu fil-kuntest ta’ kunflitt armat, iżda għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: (i) l-att għandu jkun intiż li jikkawża l-mewt jew offiża gravi fuq persuna u (ii) l-iskop tal-att, min-natura jew il-kuntest tiegħu, għandu jkun biex jintimida popolazzjoni, jew biex gvern jew organizzazzjoni internazzjonali jiġu mġegħlin jagħmlu jew jastjenu milli jagħmlu xi att. Għaldaqstant, meta jiġu rregolati l-atti terroristiċi bis-saħħa tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, il-partijiet tal-Istat (jew anki l-Unjoni Ewropea) jistgħu jinkludu, fid-definizzjoni ta’ “atti terroristiċi”, atti mwettqin matul kunflitt armat.

119. It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 21 jagħmilha ċara li l-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu ma taffettwax l-obbligi li jorbtu lill-individwi bħala riżultat tad-dritt umanitarju internazzjonali. Dawk l-obbligi jinkludu l-projbizzjoni assoluta fuq kull att msemmi fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u fl-Artikoli 4(2)(d) u 13(2) tal-Protokoll II.

120. Meta l-kunċett ta’ “att terroristiku” fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 jiġi interpretat bħala li jkopri azzjonijiet imwettqa minn forzi armati mhux tal-Istat f’kunflitt mhux internazzjonali jkun għalhekk mhux iktar inkonsistenti mal-atti tad-dritt internazzjonali fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-teħid tal-ostaġġi eżaminati iktar ’il fuq milli jkun mar-regoli rilevanti tad-dritt umanitarju internazzjonali.

121. Għalhekk nikkonkludi, b’risposta għall-punt (b) fit-tieni domanda, li azzjonijiet mill-forzi armati matul kunflitt armat mhux internazzjonali, irregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu “atti terroristiċi” fit-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, interpretati fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-teħid tal-ostaġġi.

122. Wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (116), jiena nikkunsidra, b’risposta għat-tielet u r-raba’ domandi, li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma żvelat l-ebda fattur tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 610/2010 għal dak li jirrigwarda l-LTTE. F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li tiġi kkunsidrata l-ħames domanda.

 Konklużjoni

123. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari mressqa mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

–        L-eċċezzjoni stabbilita fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994 fil-kawża TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, tapplika fir-rigward tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

–        Ma huwiex lil hinn minn kull dubju li, kieku A, B, C u D ikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010, tat-12 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1285/2009, sa fejn dak ir-regolament kien jirrigwarda lil-Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE), ir-rikors tagħhom kien ikun ammissibbli. Isegwi li A, B, C u D kienu ġġustifikati li jinvokaw l-invalidità ta’ dak ir-regolament quddiem il-qorti nazzjonali u li jitolbu li ssir talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

–        Azzjonijiet minn forzi armati matul kunflitt armat mhux internazzjonali rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali jistgħu jikkostitwixxu “atti terroristiċi” fit-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u tar-Regolament Nru 2580/2001, interpretati fid-dawl ta’ regoli rilevanti tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u t-teħid ta’ ostaġġi.

–        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma żvela l-ebda fattur tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 610/2010 sa fejn dak ir-regolament kien jirrigwarda l-LTTE.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 23.


3 – Geneva Convention for the Amelioration of the Condition of the Wounded and Sick in Armed Forces in the Field (Konvenzjoni ta’ Genève għat-Titjib tal-Kundizzjoni tal-Midruba u l-Morda fil-Forzi Armati fil-Kamp), tat-12 ta’ Awwissu 1949, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 31 (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Konvenzjoni ta’ Genève”); Geneva Convention for the Amelioration of the Condition of Wounded, Sick and Shipwrecked Members of Armed Forces at Sea (Konvenzjoni ta’ Genève għat-Titjib tal-Kundizzjoni tal-Midruba, il-Morda u l-Membri Nawfragi tal-Forzi Armati fuq il-Baħar), tat-12 ta’ Awwissu 1949, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 85 (iktar ’il quddiem it-“Tieni Konvenzjoni ta’ Genève”); Geneva Convention Relative to the Treatment of Prisoners of War (Konvenzjoni ta’ Genève dwar it-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra), tat-12 ta’ Awwissu 1949, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 135 (iktar ’il quddiem it-“Tielet Konvenzjoni ta’ Genève”); u Geneva Convention Relative to the Protection of Civilian Persons in Time of War (Konvenzjoni ta’ Genève dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Ċivili fiż-Żmien ta’ Gwerra) tat-12 ta’ Awwissu 1949, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 287 (iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève”).


4 – Protocol Additional to the Geneva Conventions of 12 August 1949, and Relating to the Protection of Victims of International Armed Conflicts (Protocol I) [Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, u dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi tal-Kunflitti Armati Internazzjonali (Protokoll I)], tat-8 ta’ Ġunju 1977, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1125, p. 3 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll I”); u l-Protocol Additional to the Geneva Conventions of 12 August 1949, and Relating to the Protection of Victims of Non-International Armed Conflicts (Protocol II) (Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, u dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Kunflitti Armati Mhux Internazzjonali), tat-8 ta’ Ġunju 1977, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1125, p. 609 (iktar ’il quddiem il-“Protocol II”); u Protocol Additional to the Geneva Conventions of 12 August 1949, and Relating to the Adoption of an Additional Distinctive Emblem (Protocol III) (Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, u dwar l-Adozzjoni ta’ Emblema Distintiva Addizzjonali (iktar ’il quddiem il-“Protokoll III”], tat-8 ta’ Diċembru 2005, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2404, p. 261.


5 – Ara, pereżempju, Il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“QIĠ”), Military and Paramilitary Activities in and against Nicaragua (Attivitajiet Militari u Paramilitari fi u kontra n-Nikaragwa) (In-Nikaragwa vs L-Istati Uniti), Merti, Sentenza, QIĠ Ġabra 1986, p. 14, punti 218 u 219; Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), Updated Commentary on the First Geneva Convention (Kummentarju Aġġornat dwar l-Ewwel Konvenzjoni ta’ Genève) (2016), disponibbli fi https://www.icrc.org (iktar ’il quddiem il-“Kummentarju ICRC tal-2016”), Artikolu 3 komuni, punt 155; u l-QIĠ, Legality of the Threat of Use of Nuclear Weapons (Il-Legalità tat-Theddida tal-Użu ta’ Armi Nukleari), Opinjoni Konsultattiva, QIĠ Ġabra 1996, p. 226 (iktar ’il quddiem l-“QIĠ, Armi Nukleari”), punti 78 u 79.


6 – Il-QIĠ iddeċidiet li r-regoli fil-Protokoll I, meta adottati, sempliċement esprimew id-dritt konswetudinarju li kien jeżisti qabel: QIĠ, Armi Nukleari, punt 84.


7 – Artikolu 4(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(ċ) u (d) tal-Protokoll II.


8 – Artikolu 6(5) tal-Protokoll II.


9 – Ara t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex‑Jugoslavja, Awla tal-Appell, Il-Prosekutur vs Stanislav Galić, sentenza, IT-98/29-A (30 ta’ Novembru 2006), punti 86, 90 u 98 [kien hemm l-istess konklużjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 51(2) tal-Protokoll I]; Qorti Speċjali għal Sierra Leone, Awla tal-Prim’Istanza II, Il-Prosekutur vs Brima et, sentenza, SCSL-04-16-T (20 ta’ Ġunju 2007), punti 662 sa 666. Ara wkoll Kummentarji ICRC 2016 (Kummentarju ICRC), Artikolu 3 komuni, punt 525.


10 – S/RES/1373 (2001).


11 – Ara l-punt 20 iktar ’l isfel.


12 – Qed isiru tentattivi biex jiġi nnegozjat Abbozz ta’ Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali fil-Kumitat Ad Hoc stabbilit mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 51/210 tas-17 ta’ Diċembru 1996. Madankollu, l-affarijiet qed jimxu bil-mod, parti mir-raġuni minħabba d-diffikultà li jintlaħaq ftehim fuq id-definizzjoni ta’ terroriżmu u jekk għandhiex tkopri attivitajiet ta’ forzi armati matul kunflitt bl-armi li huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali u tal-movimenti ta’ liberazzjoni nazzjonali. Ara b’mod partikolari s-Sitt Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tal-NU, Minuti fil-qosor tal-laqgħat tiegħu fis-sebgħin sessjoni tiegħu, A/C.6/70/SR.1, 2, 3, 4, 5, 27 u 29.


13 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti., Vol. 2149, p. 256.


14 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti., Vol. 2178, p. 197.


15 –      Dik il-lista tinkludi, inter alia, il-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Teħid ta’ Ostaġġi (ara iktar il-punt 25 iktar ’l isfel) (punt 4) u l-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi (punt 9).


16 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti., Vol. 2445, p. 89.


17 – L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit.


18 – CETS Nru 196.


19 – Dawn it-22 Stat Membru li ġejjin huma partijiet fil-konvenzjoni: l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, u l-Isvezja.


20 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1316, p. 205.


21 – ĠU 2012 C 326, p. 391.


22 – Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), kif emendata.


23 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207) kif l-aħħar emendat.


24 – Ara l-punt 38 iktar ’l isfel.


25 – Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.


26 – L-Artikoli 5 u 6 jirrigwardaw iż-żieda ta’ mgħax dovuta għal kontijiet iffriżati; awtorizzazzjonijiet speċifiċi sabiex jintużaw u jsiru ħlasijiet minn kontijiet iffriżati; u awtorizzazzjonijiet speċifiċi biex ma jibqgħux iffriżati l-fondi, assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi oħra, sabiex dawn l-assi u r-riżorsi jkunu disponibbli u sabiex jingħataw servizzi finanzjarji.


27 – Ara wkoll il-premessa 12.


28 – Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18), kif emendata.


29 – Kien il-Parlament Ewropew li rrakkomanda li tiżdied premessa li tiddistingwi gruppi terroristiċi minn gruppi fl-Unjoni Ewropea li jirreżistu reġimi totalitarji u r-ripressjoni f’pajjiżi terzi jew li jappoġġjaw din ir-reżistenza. L-għan kien sabiex jiġi żgurat li dawn tal-aħħar ma jiġux iddefiniti bħala terroristi filwaqt li ma jiġux preklużi milli jiġu suġġetti għal prosekuzzjoni u pieni għal reati taħt il-liġijiet kriminali nazzjonali: ara l-Parlament Ewropew, Rapport dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni kwadru [qafas] tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (COM(2001) 521).


30 –      Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.


31 – Pożizzjoni Komuni tad-29 ta’ Mejju 2006, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2006/231/PESK (ĠU 2006 L 294M, p. 172).


32 – Deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 294M, p. 169).


33 – Regolament ta’ Implimentazzjoni, tat-12 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 (ĠU 2010 L 178, p. 1). Ara l-Artikolu 1 u l-punt 2.17 tal-lista stabblita fl-Anness.


34 – Regolament ta’ Implimentazzjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2015, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1325 (ĠU 2015 L 334, p. 1).


35 – Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.


36 – Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 83). Il-preżentata tar-rikorsi mil-LTTE fil-Qorti Ġenerali (fil‑11 ta’ April u t-28 ta’ Settembru 2011 rispettivament) tiġi wara ż-żewġ ordnijiet ta’ tismija (tat-8 ta’ Ġunju 2010) u d-deċiżjonijiet ikkontestati (tal-25 ta’ Novembru 2010, tat-8 ta’ Diċembru 2010 u tal-10 ta’ Jannar 2011).


37 – Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P (għadha pendenti fil-Qorti tal-Ġustizzja), fejn ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fit-22 ta’ Settembru 2016.


38 – Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza, tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck, C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.


39 – Inkella dik id-domanda tkun ipotetika.


40 – Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, (C‑494/09, EU:C:2011:87, punt 21).


41 – Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756),(iktar ’il quddiem is-“sentenza Pringle”), punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.


42 – Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punti 14 u 15). Ara wkoll is-sentenzi, tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 27 u 30, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Inuit I”), punt 95.


43 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90) (iktar ’il quddiem is-“sentenza TWD”), punti 17 u 18. Dik il-kawża kienet tinvolvi deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lil Stat Membru li kienet tirriferi espressament għad-destinatarju tal-għajnuna individwali (TWD); l-Istat Membru kien ikkomunika d-deċiżjoni lil dak id-destinatarju.


44 – Ara s-sentenza Pringle, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.


45 – Ara s-sentenza, tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46 – Sentenza TWD, punt 16.


47 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, [C‑550/09, EU:C:2010:382 (iktar ’il quddiem is-“sentenza E u F”)].


48 – Sentenza E u F, punti 49 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49 – Sentenza Inuit I, punti 70 u 71.


50 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il-Kummissjoni (C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punt 41); tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il-Parlament (C‑486/01 P, EU:C:2004:394, punt 34); tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il-Kummissjoni (C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas-17 ta’ Settembru 2015, Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et (C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, EU:C:2015:616, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51 – Sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284) (iktar ’il quddiem is-“sentenza T & L Sugars”), punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.


52 – Sentenza Inuit I, punti 55 sa 57; ara wkoll il-punti 70 u 71.


53 – Sentenza T & L Sugars, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni [C‑274/12 P, EU:C:2013:852 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Telefónica”), punt 27]. Ara wkoll ir-“Rapport finali taċ-ċirku ta’ diskussjoni dwar il-Qorti tal-Ġustizzja”, CONV 636/03, punt 21.


54 – Sentenza Pringle, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punti 46 sa 49) (ir-raġunament hemmhekk jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament aċċettat l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni TWD fir-rigward tat-tielet parti).


55 – Sentenza Pringle, punt 42. Il-kwistjoni kienet jekk dik id-deċiżjoni kinitx jew kellhiex tiġi adottata skont il-proċedura ta’ reviżjoni simplifikata fl-Artikolu 48(6) TUE.


56 – Sentenza Inuit I, punti 75 u 76.


57 – Bħall-persuni u l-entitajiet imsemmijin fil-lista tal-Artikolu 2(3).


58 – Sentenza Inuit I, punt 60.


59 – Artikolu 289(3) TFUE.


60 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1993, Abertal et vs Il-Kummissjoni (C‑213/91, EU:C:1993:238, punt 19).


61 – Ara l-punti 36 u 37 iktar ’il fuq. Ara wkoll is-sentenza E u F, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.


62 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 241 sa 244) u tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 56.


63 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1984, Commune de Differdange et vs Il-Kummissjoni (222/83, EU:C:1984:266, punti 10 sa 12).


64 – Sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 31).


65 – Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza Telefónica, punti 27 sa 29.


66 – Ara l-punti 40 sa 42. Il-mekkaniżmu inkwistjoni huwa stabbilit fil-punt 3 tas-sentenza, li jirriproduċi l-punti 39 sa 45 tas-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali. T & L kienu sostnew li l-uniku rwol li fadlilhom l-Istati Membri kien li jaġixxu sempliċiment bħala “kaxxa tal-ittri” (punt 18). Il-Kummissjoni sostniet li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni kienu importanti u neċessarji (punt 24).


67 – Ara l-punti 30 u 31.


68 – Ta’ min jinnota f’dak ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza T & L Sugars li billi r-rikorrenti ma kinux inklużi speċifikament fil-partijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet tapplika (ir-rikorrenti kienu jirraffinaw iz-zokkor tal-kannamieli u l-leġiżlazzjoni kienet tkopri l-produtturi taz-zokkor) is-sitwazzjoni tagħhom ma kinitx affettwata direttament mil-leġiżlazzjoni u ma kinitx ta’ interess dirett għalihom (ara l-punt 37).


69 – Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.


70 – Dik id-dispożizzjoni, li tirrigwarda relazzjonijiet bejn il-PESK u kompetenzi oħra tal-UE, ma hijiex rilevanti f’din il-kawża.


71 – Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Rosneft (C‑72/15, EU:C:2016:381, punti 38 u 62 sa 66).


73 – Artikolu 21(1) TUE.


74 –      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Rosneft, C‑72/15, EU:C:2016:381, punti 73 sa 76.


75 – Ara s-sentenzi Inuit I, punt 50, u Pringle, punt 135.


76 – Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2580/2001.


77 – Ara s-sentenza, tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Al-Aqsa”), punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata.


78 – Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.


79 – Premessa 6 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475; ara wkoll l-Artikolu 1(1).


80 – Ara s-sentenza Al-Aqsa, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata.


81 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 73). Kif għedt, il-Kunsill ma appellax dak il-punt (ara l-punt 51 iktar ’il fuq).


82 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


83 –      Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-21 Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).


84 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici (C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Diakite (C‑285/12, EU:C:2013:500, punti 23 u 24).


85 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑61/94, EU:C:1996:313, punti 52 sa 58, u tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C‑286/02, EU:C:2004:212, punt 33).


86 – Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Evans (C‑179/13, EU:C:2015:12, punt 35).


87 – Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, The International Association of Independent Tanker Owners et (C‑308/06, EU:C:2008:312).


88 – Punt 52.


89 – L-istħarriġ tal-validità tad-dritt sekondarju tal-UE għal raġunijiet ta’ dritt internazzjonali (kemm ftehim internazzjonali jew regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali) jibqa’ eċċezzjonali billi huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti ħafna. Fir-rigward ta’ ftehimiet internazzjonali, ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016 (C & J Clark International, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 84). Dwar ir-regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali, ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 101, 102 u 107).


90 – Ara l-punt 4 iktar ’il fuq.


91 – Ara l-punt 100 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata.


92 – Artikolu 3(1)(a) u (b) komuni. Fis-sentenza tagħha, tas-27 ta’ Ġunju 1986, Nikaragwa vs L-Istati Uniti, il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali ddeċidiet li r-regoli li hemm fl-Artikolu 3 komuni “jikkostitwixxu kriterju minimu, flimkien mar-regoli elaborati li għandhom japplikaw ukoll għall-kunflitti internazzjonali” u li jirriflettu “kunsiderazzjonijiet elementari ta’ umanità” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (QIĠ Ġabra, 1984, p. 392, punt 218).


93 – Ara, f’dak ir-rigward, Gasser, H.-P., “Acts of terror, ‘terrorism’ and international humanitarian law”, International Review of the Red Cross, 2002, p. 560.


94 – Fir-rigward ta’ kunflitt bl-armii internazzjonali, ara l-Artikolu 51(2) tal-Protokoll I u l-Artikolu 33(1) tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève.


95 – Ara l-Artikolu 1(3), li jirreferi għall-Artikolu 2 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève.


96 – Dan ikun hekk jekk il-kunflitt kien jikkostitwixxi kunflitt bl-armi fejn “il-popli [kienu] qed jiġġieldu kontra dominazzjoni kolonjali u okkupazzjoni aljena u kontra reġimi razzisti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ awtodeterminazzjoni” (Artikolu 1(4) tal-Protokoll I).


97 – Artikolu 51(2) tal-Protokoll I.


98 – Pfanner, T., “Scope of Application, Perpetrators of Terror, and International Humanitarian Law”, fi: Fernández-Sánchez (Ed.), International Legal Dimensions of Terrorism (Martinus Nijhoff Publishers, 2009), p. 289.


99 – Dak li huwa meħtieġ li jagħmlu l-awtoritajiet li qegħdin fis-setgħa huwa li jippruvaw jagħtu lil dawk il-parteċipanti l-amnestija l-iktar wiesgħa possibbli fl-aħħar tal-ostilitajiet [Artikolu 6(5) tal-Protokoll II]. “F’kunflitti bl-armi mhux internazzjonali, l-istatus ta’ kombattent u ta’ priġunier tal-gwerra ma huwiex ipprevedut, għaliex l-Istati ma humiex lesti li jagħtu lil membri tal-gruppi ta’ oppożizzjoni armati l-immunità mill-prosekuzzjoni taħt id-dritt domestiku talli rrikorrew għall-ġlied bl-armi” (ICRC, “The relevance of IHL in the context of terrorism” [Ir-rilevanza tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-kuntest tat-terroriżmu], www.icrc.org/eng/resources/documents/faq/terrorism-ihl-210705.htm, ikkonsultata fl-4 ta’ Lulju 2016).


100 – L-Artikolu 3(1) tal-Protokoll II jgħid li “xejn [f’dak il-Protokoll] ma għandu jiġi invokat għall-iskop li tiġi affettwata s-sovranità ta’ Stat jew ir-responsabbiltà tal-gvern, bil-mezzi leġittimi kollha, sabiex tinżamm jew terġa’ tiġi stabbilita l-legalità u l-ordni fl-Istat jew biex tiġi difiża l-unità nazzjonali u l-integrità territorjali tal-Istat”.


101 – Dawk il-miżuri jistgħu jindirizzaw azzjonijiet li l-Istat jikkunsidra bħala terroriżmu imma mhux dawk l-azzjonijiet biss (pereżempju, it-tradiment kontra l-Istat jew l-ispjunaġġ jistgħu jkunu fil-mira wkoll).


102 – Ara wkoll il-Kummentarju ICRC tal-2016, Artikolu 3 komuni, punt 514, u punti 111 sa 121 iktar ’l isfel.


103 – Ara, inter alia, Pejic, J., “Terrorist Acts and Groups: A Role for International Law?”, British Yearbook of International Law, 2004, p. 75 u 76, u Sassóli, M., “Terrorism and War”, Journal of International Criminal Justice, 2006, p. 970. Kif jinnota Sassóli, “jekk kull att kommess kontra l-forzi tal-istat huwa ‘terroristiku’, kif jissuġġġerixxu xi wħud, dan idgħajjef [lid-dritt umanitarju internazzjonali] u r-rieda tal-gruppi armati li jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali”. Ara Sassóli, M., “The Role of Human Rights and International Humanitarian Law in New Types of Armed Conflicts”, fi: Ben-Naftali, O. (Ed.), International Humanitarian law and International Human Rights Law (Oxford, OUP 2011, p. 37).


104 – B’dik l-espressjoni, irrid infisser li d-dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi għanijiet u għalhekk ma timmirax biex toħloq drittijiet jew obbligi għall-individiwi.


105 – Il-Konferenza Diplomatika li adottat il-Protokoll II ma laqgħetx il-proposta li għamel il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) li l-qrati, fil-każ ta’ prosekuzzjonijiet li jsiru kontra l-parteċipanti f’kunflitt bl-armi mhux internazzjonali, jieħdu inkunsiderazzjoni, bl-iktar mod possibbli, il-fatt li l-persuna akkużata rrispettat id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll II. Ara ICRC, Abbozz ta’ Protokolli Addizzjonali tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949, Kummentarju, Genève, 1973, p. 141 [Artikolu 10(5)].


106 – Ara l-punt 107.


107 – Iżda, għall-kuntrarju, dawn jistgħu (teoretikament) jitqiesu bħala reati tal-gwerra. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jesprimu wkoll fil-qosor dubju li l-LTTE kien effettivament responsabbli għal dawn l-attakki u l-ħtif. Madankollu, ma jipproponu l-ebda element speċifiku li jista’ jpoġġi l-pożizzjoni tal-Kunsill fid-dubju.


108 – Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


109 – Sentenza, tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 294).


110 – Ara l-punt 48 iktar ’il fuq.


111 – Ara l-punt 100 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata.


112 – Artikolu 19(2).


113 – L-LTTE kien idaħħal fil-lista tal-UE bħala riżultat ta’, inter alia, dak li l-Kunsill sejjaħ “ħtif” bejn l-2005 u l-2009: ara l-punt 48 iktar ’il fuq. Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, ma nara ebda differenza sinjifikattiva bejn dik l-espressjoni u t-terminu “teħid ta’ ostaġġi” kif użat fil-Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi.


114 – Ara l-Artikolu 3(1)(b) komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u tal-Artikolu 4(2)(c) tal-Protokoll II.


115 – T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 64.


116 – Ara b’mod partikolari l-punt 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.