Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta' Novembru 2009 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-154/08)1

(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu − Sitt Direttiva tal-VAT − Artikoli 2 u 4(1), (2) u (5) − Armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ − Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima − Persuni taxxabbli − Attivitajiet jew operazzjonijiet imwettqa mir-'registradores de la propiedad' bħala likwidaturi li huma propretarji tal-uffiċċji ta'likwidazzjoni ta' distrett ipotekarju − Attivitajiet ekonomiċi − Attività mwettqa b'mod indipendenti − Korpi rregolati bid-dritt pubbliku li jwettqu attivitajiet fil-kuntest tal-eżerċzziju ta' servizzi pubbliċi − Ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lil qorti nazzjonali)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Afonso u F. Jimeno Fernández, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: J.M. Rodríguez Cárcamo, aġent)

Suġġett

Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 2 u 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1) - Persuni taxxabbli - Attivitajiet jew operazzjonijiet imwettqa mir-"registradores de la propriedad"

Dispożittiv

1)    Billi kkunsidra li s-servizzi pprovduti lil Komunità awtonoma mir-"registradores de la propiedad" bħala likwidaturi li huma proprjetarji ta' uffiċċju ta' likwidazzjoni ta' distrett ipotekarju ("oficina liquidadora de distrito hipotecario") mhumiex suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2 u 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima.

2)    Ir-Renju ta' Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 171, 05.07.2008