Language of document : ECLI:EU:F:2008:81

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Qorti Plenarja)

24 ta’ Ġunju 2008

Kawża F-15/05

Carlos Andres et

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Remunerazzjoni – Konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal tal-BĊE – Metodu tal-kalkolu tal-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet – Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti Komunitarja – Retroattività”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu C. Andres u tmien rikorrenti oħra jitolbu, b’mod partikolari, l-annullament tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tagħhom tax-xahar ta’ Lulju 2004, sa fejn dawn jinkludu żieda fis-salarju stabbilita skont metodu ta’ aġġustament annwali tas-salarji allegatament illegali u fejn din iż-żieda ma hijiex applikata retroattivament għas-snin 2001, 2002 u 2003 kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Rappreżentazzjoni – Kumitat tal-Persunal – Konsultazzjoni

(Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 3/2004, Artikolu 4(4); Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 45 u 46)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Rappreżentazzjoni – Kumitat tal-Persunal – Konsultazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 45 u 46)

3.      Uffiċjali – Rikors – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni

(Artikolu 233 KE)

1.      Mill-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew jirriżulta li l-Kumitat tal-Persunal għandu jiġi kkonsultat qabel kull tibdil li jista’ jsir f’dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fir-regoli applikabbli għall-persunal jew fir-rigward ta’ kull kwistjoni li tista’ tkun konnessa magħhom, fosthom dawk li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni. Billi jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq dan l-Artikolu, il-Memorandum ta’ Ftehim fuq ir-Relazzjonijiet bejn l-Amministrazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kumitat tal-Persunal jikkonkretizza d-dritt li l-Kumitat tal-Persunal għandu li jiġi kkonsultat u b’mod partikolari jipprovdi l-proċedura li għandha tiġi segwita billi jibda mill-obbligu li l-Bank Ċentrali Ewropew jipprovdi informazzjoni kompleta. Peress li d-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tax-xogħol, id-dispożizzjonijiet tal-memorandum ta’ ftehim għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-imsemmi prinċipju.

Il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-Kumitat tal-Persunal għandha tiġi evalwata skont in-natura tal-informazzjoni. Fil-fatt, fir-rigward ta’ informazzjoni pprovduta minn terzi għall-ħtiġijiet tal-aġġustamenti ġenerali annwali tas-salarji tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, dwar il-perċentwali ta’ żieda fis-salarji u ċ-ċifri ta’ persuni impjegati mill-banek ċentrali nazzjonali, l-istituzzjonijiet Komunitarji u ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jikkonforma ruħu mar-regola tal-awtur, ipprovduta fl-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni BCE/2004/3 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tiegħu, u jirrifjuta li jikkomunikaha lill-membri kollha tal-Kumitat tal-Persunal. Il-Bank Ċentrali Ewropew jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni meta jagħti aċċess għaliha lil rappreżentanti debitament mogħtija mandat mill-Kumitat tal-Persunal, billi jsegwi b’hekk proposta ta’ dan tal-aħħar.

(ara l-punti 58 sa 60, 64, 65, 67 u 68)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra p. II‑813, punt 105

2.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal għall-aġġustament ġenerali annwali tas-salarji tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, ma huwiex illegali l-fatt li jiġu organizzati laqgħat ad hoc mar-rappreżentanti ta’ dan il-kumitat debitament mogħtija mandat, għall-finijiet tal-konsultazzjoni, u mhux mal-Kumitat tal-Persunal fil-formazzjoni plenarja tiegħu, sakemm il-Kumitat tal-Persunal huwa informat bir-riżultati tal-imsemmija laqgħat u li r-relazzjonijiet bejnu u l-Bank Ċentrali Ewropew huma bbażati fuq livell għoli ta’ fiduċja reċiproka u fuq komunikazzjoni miftuħa li tista’ tiġġustifika l-karattru informali ta’ ċerti laqgħat.

(ara l-punti 77 sa 81)

3.      Meta jkun hemm diffikultajiet partikolari għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tieħu kull deċiżjoni li tkun ta’ natura tali li tikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġi li jkunu esposti għalihom il-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni annullata. F’dan il-kuntest, l-amministrazzjoni tista’ tibda diskussjonijiet magħhom sabiex tipprova tasal għal ftehim li joffrilhom kumpens ekwu għall-illegalita li tagħha huma kienu vittmi.

Fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tiddikjara illegali l-proċedura tal-aġġustament tas-salarji tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew għal sena speċifika, minħabba n-nuqqas ta’ konsultazzjoni regolari u xierqa tal-Kumitat tal-Persunal, l-adozzjoni ta’ kompromess li jikkonsisti, minn naħa, fl-estensjoni tal-konsultazzjoni għas-snin sussegwenti fejn din kienet nieqsa wkoll, u min-naħa l-oħra, l-estensjoni taż-żieda tas-salarji li tirriżulta mill-imsemmija konsultazzjoni għall-persunal kollu u mhux biss għar-rikorrenti, minkejja li diffikultajiet partikolari jipprekludu li jingħata effett retroattiv għaż-żidiet ikkonstatati, hija soluzzjoni ekwa u raġonevoli.

(ara l-punti 121 u 132 sa 136)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Ġunju 1996, De Nil u Impens vs Il‑Kunsill, T‑91/95, ĠabraSP p. I‑A‑327 u II‑959, punt 34; 10 ta’ Lulju 1997, Apostolidis et vs Il‑Kummissjoni, T‑81/96, ĠabraSP p. I‑A‑207 u II‑607, punt 42; 10 ta’ Mejju  2000, Simon vs Il‑Kummissjoni, T‑177/97, ĠabraSP p. I‑A‑75 u II‑319, punt 23