Language of document : ECLI:EU:C:2021:404

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Mejju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal‑protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti ppreżentata mill-persuna kkonċernata fi Stat terz li kkonkluda mal-Unjoni Ewropea ftehim dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi li jippermettu li jiġi ddeterminat l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati partijiet f’dan il-ftehim – Deċiżjoni finali meħuda mir-Renju tan-Norveġja”

Fil-Kawża C‑8/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mix-Schleswig‑Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig‑Holstein, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura

L.R.

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Bundesrepublik Deutschland, minn A. Schumacher, bħala aġenta,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn G. Wils, A. Azéma u M. Condou‑Durande, sussegwentement minn G. Wils, A. Azéma u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-18 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn L.R. u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge – Außenstelle Boostedt (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, fergħa ta’ Boostedt, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li ċaħdet it-talba għal ażil tal-parti kkonċernata bħala inammissibbli.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2011/95/UE

3        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), għandha l-iskop li tistabbilixxi standards għall-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-refuġjati jew għall-persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja kif ukoll għall-kontenut ta’ din il-protezzjoni.

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

(b)      ‘benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali’ tfisser persuna li ngħatat status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja kif definiti f’punti (e) u (g);

(c)      ‘Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra’ tfisser il-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 relatata mal-Istatus tar-Refuġjati magħmula f’Ġinevra [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Volum 189, p. 150, no 2545 (1954)], kif emendata bill-Protokoll [dwar l-istatus tar-refuġjati konkluż fi] New York [fi]l-31 ta’ Jannar 1967;

(d)      ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

(e)      ‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

(f)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

(g)      ‘status ta’ protezzjoni sussidjarja’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

(h)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]”

 Id-Direttiva 2013/32

5        L-Artikolu 2(b), (e) u (q) tad-Direttiva 2013/32 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ jew ‘applikazzjoni’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qed tfittex stat ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-ambitu tad-Direttiva [2011/95], li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]

(e)      ‘deċiżjoni finali’ tfisser deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jingħatawx status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt id-Direttiva [2011/95] u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva irrispettivament jekk tali rimedju għandux l-effett li jippermetti applikanti jibqgħu fl-Istati Membri konċernati sal-eżitu tagħha;

[…]

(q)      ‘applikazzjoni sussegwenti’ tfisser applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1).”

6        Skont l-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)      il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

(b)      pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

(c)      pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

(d)      l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant;

(e)      persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

 Ir-Regolament Dublin III

7        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), li ssostitwixxa, skont l-Artikolu 24 tiegħu, il-konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati għand wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 1997, C 254, p. 1; iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Dublin”).

8        Fil-Kapitolu II tar-Regolament Dublin III, intitolat “Prinċipji Ġenerali u Salwagwardji”, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.”

9        Fil-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 18(1) tiegħu, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru Responsabbli”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“1.      L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]

(c)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

(d)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.”

10      L-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III, intitolat “Tmiem tar-responsabbilitajiet”, jipprovdi:

“L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18(1)(c) u (d), għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, meta mitlub li jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Istati Membri f’konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ordni ta’ tkeċċija li kien ħareġ wara l-irtirar jew ir-rifjut tal-applikazzjoni.

Applikazzjoni ddepożitata wara li sseħħ tkeċċija effettiva għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida u twassal għal proċedura ġdida għad-determinazzjoni tal-Istat Membur responsabbli.”

 Il-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja

11      Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażilju ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 78, iktar ’il quddiem il-“Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja”), ġie approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/258/KE tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76).

12      Skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim:

“1.      Id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Dublin, elenkati fil-Parti 1 ta’ l-Anness ta’ dan il-Ftehim u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat stabbiliti bl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Dublin elenkati fil-Parti 2 ta’ l-imsemmi l-Anness għandhom ikunu implimentati mill-Islanda u n-Norveġja u applikati fir-relazzjonijiet konġunti tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-Istati Membri, suġġett għall-paragrafu 4.

2.      L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1, suġġett għall-paragrafu 4, b’relazzjoni ma[r-Repubblika ta]l-Islanda u [mar-Renju ta]n-Norveġja.

[…]

4.      Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, referenzi fid-disposizzjonijiet koperti bl-Anness għal ‘l-Istati Membri’ għandhom ikunu jinftiehmu bħala li jinkludu [r-Repubblika ta]l-Islanda u [r-Renju ta]n-Norveġja.

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

 L-AsylG

13      L-Artikolu 26a tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), intitolat “Pajjiżi terzi siguri”, jipprovdi:

“(1)      Ċittadin barrani li daħal fit-territorju billi ġie minn pajjiż terz, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16a(2) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), (pajjiż terz sigur), ma jistax jinvoka l-Artikolu 16a(1) tal-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. […]

(2)      Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-Istati terzi siguri huma l-Istati elenkati fl-Anness I. […]”

14      L-Artikolu 29 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta:

[…]

5.      Fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 71 jew tat-tieni applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 71a, ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura ta’ ażil. […]”

15      L-Artikolu 71a tal-AsylG, intitolat “It-tieni applikazzjoni”, jipprovdi:

“(1)      Jekk barrani, wara li l-proċedura ta’ ażil tkun ingħalqet b’ċaħda f’pajjiż terz sigur (Artikolu 26a) li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet legali tal-[Unjoni] Ewropea li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ipproċessar tal-proċeduri ta’ ażil jew li miegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun ikkonkludiet trattat internazzjonali fuq dan is-suġġett, jippreżenta fit-territorju federali applikazzjoni għall-ażil (it-tieni applikazzjoni), ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura oħra ta’ ażil meta biss ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun responsabbli mill-ipproċessar tal-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) sa (3), tal-Verwaltungsverfahrensgesetz (VwVfG) (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva) ikunu ssodisfatti; l-eżami huwa obbligu tal-[Uffiċċju]. […]”

16      L-Anness I tal-Artikolu 26a tal-AsylG jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

“In-Norveġja

L-Isvizzera”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      Fit‑22 ta’ Diċembru 2014, L.R., ċittadin Iranjan, ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-Uffiċċju.

18      L-eżami ta’ din l-applikazzjoni wera li L.R. kien diġà ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fin-Norveġja.

19      Adit b’talba għal teħid ta’ responsabbiltà ta’ L.R., ir-Renju tan-Norveġja, permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2015, indika lill-Uffiċċju li, fl-1 ta’ Ottubru 2008, l-individwu kkonċernat kien ippreżenta applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtoritajiet Norveġiżi, li kienet ġiet miċħuda fil-15 ta’ Ġunju 2009, u li, fid-19 ta’ Ġunju 2013, dan kien intbagħat lill-awtoritajiet Iranjani. Ir-Renju tan-Norveġja rrifjuta li jassumi responsabbiltà għal L.R., minħabba li r-responsabbiltà tiegħu kienet waqfet, konformement mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III.

20      Għaldaqstant, l-Uffiċċju eżamina l-applikazzjoni għall-ażil ta’ L.R. u, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2017, ċaħadha bħala inammissibbli, skont il-punt 5 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG. L-Uffiċċju kkunsidra li din kienet it-“tieni applikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 71a tal-AsylG, u li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 51(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ proċedura ġdida tal-ażil ma kinux issodisfatti, peress li l-fatti mressqa minn L.R. insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ma dehrux kredibbli fl-assjem tagħhom.

21      L.R. ressaq azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni tal-Uffiċċju, intiża għall-għoti, prinċipalment, tal-istatus ta’ refuġjat, sussidjarjament, tal-“protezzjoni sussidjarja” u, iktar sussidjarjament, għall-konstatazzjoni ta’ projbizzjoni ta’ tneħħija, skont id-dritt Ġermaniż. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn L.R., irrikonoxxiet l-effett sospensiv ta’ din l-azzjoni.

22      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima pendenti quddiemha, hija teħtieġ kjarifiki dwar il-kwistjoni ta’ jekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, meta l-ewwel proċedura li wasslet għaċ-ċaħda ta’ tali applikazzjoni ma tkunx saret fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, iżda fi Stat terz, jiġifieri fin-Norveġja.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minkejja li r-risposta għal din id-domanda tħalliet miftuħa f’sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), tal-14 ta’ Diċembru 2016, hija tqis li din tista’ tkun “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, sa fejn l-ewwel proċedura li wasslet għaċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata seħħet fi Stat Membru ieħor.

24      Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b), (e) u (q) tagħha, kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, jirriżulta li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” biss jekk id-“deċiżjoni finali” li tkun ċaħdet “applikazzjoni preċedenti” tal-istess applikant tkun ġiet adottata minn Stat Membru. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(b) u (e) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li tali “applikazzjoni preċedenti”, kif ukoll id-deċiżjoni finali adottata fir-rigward tagħha, għandha tikkonċerna l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2011/95, li hija indirizzata biss lill-Istati Membri.

25      Madankollu, hija inklinata taħseb li din id-direttiva għandha tiġi interpretata b’mod iktar wiesa’ fil-kuntest tas-sħubija tar-Renju tan-Norveġja mas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, kif tirriżulta mill-Ftehim bejn l-Unjoni, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja. Ċertament, ir-Renju tan-Norveġja ma huwiex marbut bid-Direttivi 2013/32 u 2011/95, iżda s-sistema tal-ażil Norveġiża hija, kemm mill-perspettiva sostantiva kif ukoll mill-perspettiva proċedurali, ekwivalenti għal dik prevista fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-għan u għall-iskop tas-sistema tal-ażil Ewropea komuni, kif ukoll għall-assoċjazzjoni tar-Renju tan-Norveġja magħha, li l-Istati Membri jiġu obbligati jmexxu l-ewwel proċedura ta’ ażil kompleta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ix-Schleswig‑Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig‑Holstein, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi miċħuda bħala applikazzjoni sussegwenti li hija inammissibbli, hija kompatibbli mal-Artikolu 33(2)(d) u mal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva [2013/32], jekk l-ewwel proċedura għal ażil li tkun ġiet miċħuda tkun saret mhux fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, iżda fin-Norveġja?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li applikazzjoni preċedenti tagħha intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, ippreżentata lil Stat terz bl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III konformement mal-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja, kienet ġiet miċħuda minn dan l-Istat terz.

28      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju telqet mill-premessa li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, japplika għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru wara ċ-ċaħda, f’“deċiżjoni finali”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, ta’ applikazzjoni preċedenti, ippreżentata mill-istess applikant lil Stat Membru ieħor. Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż jaqbel ma’ tali approċċ.

29      Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, biss jekk tiġi ppreżentata lill-Istat Membru li l-korpi kompetenti tiegħu ċaħdu, permezz ta’ deċiżjoni finali, applikazzjoni preċedenti ppreżentata mill-istess applikant.

30      Madankollu, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti ppreżentata mill-istess applikant lil Stat terz li huwa parti fil-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja, huwa neċessarju biss, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li jiġi ddeterminat jekk tali applikazzjoni tikkostitwixxix “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32.

31      B’dan premess, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Skont il-qorti tar-rinviju, huwa biss l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 li jista’ jiġġustifika ċ-ċaħda, bħala inammissibbli, ta’ applikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta din tkun tikkostitwixxi applikazzjoni sussegwenti li fiha ma jkun hemm jew ma jkun ġie ppreżentat mill-applikant ebda element jew fatt ġdid relatat mal-eżami sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95.

34      Il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 bħala li jirreferi għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti.

35      Din id-definizzjoni tirriproduċi għalhekk il-kunċetti ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” u ta’ “deċiżjoni finali”, iddefiniti wkoll fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, fil-punt (b) u fil-punt (e) tiegħu, rispettivament.

36      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jew ta’ “applikazzjoni”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32 bħala li jirreferi għal applikazzjoni għal protezzjoni “magħmula lil Stat Membru” minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, li tista’ tinftiehem bħala intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tad-Direttiva 2011/95.

37      Għalhekk mill-kliem ċar ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li applikazzjoni indirizzata lil Stat terz ma tistax tinftiehem bħala “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jew “applikazzjoni”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

38      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “deċiżjoni finali”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32 bħala li jkopri kull deċiżjoni li tistabbilixxi jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida tingħatax l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva 2011/95 u li ma tistax iktar tkun is-suġġett ta’ proċedura legali mressqa fil-kuntest tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32.

39      Issa, deċiżjoni meħuda minn Stat terz ma tistax taqa’ taħt din id-definizzjoni. Fil-fatt, id-Direttiva 2011/95, li hija indirizzata lill-Istati Membri u li ma tikkonċernax l-Istati terzi, ma tipprevedix biss l-istatus ta’ refuġjat, kif stabbilit fid-dritt internazzjonali, jiġifieri fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, iżda tistabbilixxi wkoll l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, li, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, tikkompleta r-regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat.

40      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u bla ħsara għall-kwistjoni distinta dwar jekk il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” japplikax għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru wara ċ-ċaħda, permezz ta’ deċiżjoni finali, ta’ applikazzjoni preċedenti minn Stat Membru ieħor, mill-qari flimkien tal-punti (b), (e) u (q) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” jekk din tkun ġiet ippreżentata wara li l-applikant ikun ġie rrifjutat milli jingħata l-istatus ta’ refuġjat minn Stat terz.

41      Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ Stat terz, li ċaħdet applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, kif dan tal-aħħar huwa previst mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, ma tippermettix li tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2011/95, ippreżentata mill-persuna kkonċernata lil Stat Membru wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni preċedenti.

42      Ebda konklużjoni oħra ma tista’ tiġi dedotta mill-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja.

43      Ċertament, skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim, ir-Regolament Dublin III huwa implimentat mhux biss mill-Istati Membri, iżda wkoll mir-Repubblika tal-Islanda u mir-Renju tan-Norveġja. Għalhekk, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna kkonċernata tkun ippreżentat applikazzjoni sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat lil wieħed minn dawn iż-żewġ Stati terzi, Stat Membru li fih din il-persuna kkonċernata tkun ippreżentat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jista’, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, jitlob lir-Repubblika tal-Islanda jew lir-Renju tan-Norveġja jieħu lura l-imsemmija persuna kkonċernata.

44      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li, meta tali teħid lura ma jkunx possibbli jew ma jseħħx, l-Istat Membru kkonċernat għandu d-dritt li jikkunsidra li l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali li l-istess persuna kkonċernata tkun ippreżentat quddiem il-korpi tiegħu stess tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32.

45      Fil-fatt, għalkemm il-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja jipprevedi, essenzjalment, l-implimentazzjoni, mir-Repubblika tal-Islanda u mir-Renju tan-Norveġja, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III u jistabbilixxi, fl-Artikolu 1(4) tiegħu, li, għal dan il-għan, ir-riferimenti għall-“Istati Membri” li jinsabu fid-dispożizzjonijiet riprodotti fl-anness ta’ dan il-ftehim huma meqjusa li jinkludu wkoll lil dawn iż-żewġ Stati terzi, xorta jibqa’ l-fatt li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/95 jew tad-Direttiva 2013/32 ma hija riprodotta f’dan l-anness.

46      Jekk jiġi preżuppost li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, is-sistema tal-ażil Norveġiża tipprevedi livell ta’ protezzjoni tal-applikanti għall-ażil ekwivalenti għal dak previst fid-Direttiva 2011/95, dan il-fatt ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti.

47      Minbarra l-fatt li mill-formulazzjoni univoka tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, Stat terz ma jistax jiġi assimilat ma’ Stat Membru għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tagħha, tali assimilazzjoni ma tistax tiddependi, bir-riskju li tiġi affettwata ċ-ċertezza legali, fuq evalwazzjoni tal-livell konkret tal-protezzjoni tal-applikanti għall-ażil fl-Istat terz ikkonċernat.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li talba preċedenti tagħha sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat, ippreżentata lil Stat terz bl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III konformement mal-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja, tkun ġiet miċħuda minn dan l-Istat terz.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li talba preċedenti tagħha sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat, ippreżentata lil Stat terz bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, konformement mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażilju ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja, tkun ġiet miċħuda minn dan l-Istat terz.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.