Language of document : ECLI:EU:T:2021:904

Kawża T565/19

Oltchim SA

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tal15 ta’ Diċembru 2021

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri ta’ appoġġ meħuda mir-Rumanija favur impriża petrokimika – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni, akkumulazzjoni u annullament ta’ djun pubbliku – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Bidu tad-dekorrenza – Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Interess ġuridiku – Eżistenza ta’ miżura waħda jew iktar – Riżorsi tal-Istat – Imputabbiltà lill-Istat – Applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat – Applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Data tal-pubblikazzjoni – Data li fiha l-att sar magħruf – Natura sussidjarja – Atti li, skont dispożizzjoni leġiżlattiva, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Terminu kkalkolat mid-data tal-pubblikazzjoni – Ċertezza legali – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikoli 4(9), 24(1) u 32(3))

(ara l-punti 33 sa 56, 67)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 72 sa 76)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġi imputabbli lill-Istat – Interventi konsekuttivi tal-Istat indissoċjabbli minħabba l-eżistenza bejniethom ta’ rabtiet stretti ħafna – Eżistenza ta’ miżura waħda jew iktar – Kriterji ta' evalwazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 94, 95, 99, 100, 103, 104, 107, 108, 111 sa 113, 116, 117, 120 sa 137)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat – Kunċett ta’ riżorsi tal-Istat – Maħfra parzjali tad-dejn mogħti minn impriża privata – Stat li għandu sehem minoritarju f’din il-kumpannija privata – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 147 sa 156)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġi imputabbli lill-Istat – Pjan ta’ riorganizzazzjoni ta’ impriża fi stralċ adottat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza – Prova tal-imputabbiltà lill-Istat tal-maġġoranza tal-voti meħtieġa għall-approvazzjoni tal-imsemmi pjan – Assenza – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 160 sa 215)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat – Kredituri privati u pubbliċi li jagħtu faċilitajiet ta’ ħlas lil impriża oħra – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 226 sa 248)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni u akkumulazzjoni ta’ krediti fil-konfront ta’ impriża f’diffikultà – Evalwazzjoni skont il-kriterju tal-kreditur privat – Assenza ta’ vantaġġ

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 253 sa 298)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Eżami tal-kriterju ta’ kreditur privat – Motivazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 330, 331)

Sunt

Oltchim SA, impriża Rumena attiva fil-manifattura ta’ prodotti petrokimiċi, rat is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tiddeterjora progressivament matul il-perijodu bejn l‑2007 u l‑2012.

F’Jannar 2013, Oltchim ressqet talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-kredituri ta’ Oltchim, entitajiet kemm pubbliċi kif ukoll privati, approvaw pjan ta’ riorganizzazzjoni li jipprevedi, fost oħrajn, annullament parzjali tad-dejn tagħha (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ riorganizzazzjoni”).

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2018 (1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li tliet miżuri distinti adottati favur Oltchim, meħuda flimkien jew separatament, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Il-miżuri previsti minn din id-deċiżjoni kienu jirrigwardaw, l-ewwel, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u l-akkumulazzjoni tad-djun mill-Autoritatea pentru Administrarea Activelor Atatului (l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Assi tal-Istat, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“AAAS”), bejn Settembru 2012 u Jannar 2013, it-tieni, il-kontinwazzjoni ta’ kunsinni mingħajr ħlas matul dan l-istess perijodu mill-impriża CET Govora, u, it-tielet, l-annullament tad-dejn imwettaq fil-kuntest tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni mill-AAAS, l-Administrația Națională Apele Române (l-Amministrazzjoni Nazzjonali Rumena tal-Ilma, iktar ’il quddiem l-“ANE”) u l-impriżi Salrom SA u Electrica SA (iktar ’il quddiem l-“annullament parzjali tad-dejn”).

Oltchim ippreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, li ntlaqa’ parzjalment mill-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali għamlet preċiżazzjonijiet dwar, b’mod partikolari, il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, kif ukoll l-evalwazzjoni ta’ miżuri li jikkonsistu f’nuqqas ta’ eżekuzzjoni, l-akkumulazzjoni u l-annullament ta’ krediti skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni bbażata fuq l-allegata tardività tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Oltchim.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li t-terminu li kellha tosserva Oltchim, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għall-preżentata tar-rikors għal annullament tagħha kien beda jiddekorri, mhux mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali, iżda minn meta saret taf b’din id-deċiżjoni.

Issa, billi tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hija l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fil-Ġurnal Uffiċjali li tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament minn parti mhux destinatarja tagħha, bħal Oltchim, anki jekk din il-pubblikazzjoni ma teffettwax id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni u ma hijiex prevista mit-Trattat FUE.

Fir-rigward tal-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprevedi li r-rikorsi għal annullament għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att, jew min-notifika tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skont il-każ, il-Qorti Ġenerali tirrileva li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma turi li l-awturi tat-Trattat xtaqu jirrestrinġu l-kunċett ta’ pubblikazzjoni tal-att għall-unika ipoteżi fejn il-pubblikazzjoni tikkundizzjona l-applikabbiltà tal-att inkwistjoni u hija prevista mit-Trattat FUE. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kuntest tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri dak tar-regoli intiżi sabiex jiggarantixxu d-dritt tal-partijiet f’kawża li jressqu kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni, din tal-aħħar ma tistax tagħti interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ pubblikazzjoni tal-att li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fl-aħħar, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li hija intiża sabiex tipproteġi ċ-ċertezza legali, jimponi li tiġi pprivileġġata d-data tal-pubblikazzjoni tal-att, fuq dik ta’ meta wieħed ikun sar jaf bl-att, bħala l-punt tat-tluq ċert, prevedibbli u faċilment verifikabbli tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament.

Anki jekk ma huwiex eskluż li parti interessata fi proċedura ta’ għajnuna mill-Istat tirċievi komunikazzjoni ta’ deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ħafna qabel il-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali u tista’ tibbenefika, minħabba dan il-fatt, minn terminu itwal minn dak li għandu l-Istat Membru kkonċernat sabiex jippreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, l-iffissar tad-data ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ dan ir-rikors ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet f’kawża quddiem il-liġi. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi tevita, sa fejn ikun possibbli, diskrepanza fiż-żmien bejn il-komunikazzjoni lill-partijiet interessati ta’ deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Oltchim, il-Qorti Ġenerali tippreċiża, qabel kollox, li, fid-dawl tad-differenzi ta’ suġġett, ta’ natura u ta’ skop tal-miżuri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll tal-kronoloġija tagħhom, fil-kuntest tagħhom u tas-sitwazzjoni ta’ Oltchim fil-mument tal-implimentazzjoni tagħhom, u tal-fatt li dawn il-miżuri ma kinux previsti jew prevedibbli fil-mument tal-ewwel intervent u li l-persuni li jagħtu dawn il-miżuri huma differenti, l-imsemmija miżuri għandhom jitqiesu bħala tliet interventi distinti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Fir-rigward tal-annullament parzjali tad-dejn, il-Qorti Ġenerali tirrileva, sussegwentement, li dan ma kienx jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat sa fejn dan kien ingħata mill-kumpannija Electrica. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-maġġoranza tal-ishma ta’ Electrica kienu privati u li ebda element tal-proċess ma kien jippermetti li jiġi konkluż li r-riżorsi tagħha huma kontinwament taħt il-kontroll tal-Istat jew għad-dispożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, anki jekk il-Kummissjoni kienet weriet li l-voti ta’ AAAS u ta’ ANE favur il-pjan ta’ riorganizzazzjoni kienu imputabbli lill-Istat Rumen, hija ma kinitx weriet li, fid-dawl tar-regoli nazzjonali applikabbli, l-imsemmija voti kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza meħtieġa sabiex tiġi approvata jew imblokkata l-approvazzjoni ta’ dan il-pjan. Għalhekk, peress li l-annullament parzjali tad-dejn ma huwiex, kollu kemm hu, imputabbli lill-Istat, din il-miżura għalhekk ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

Fl-aħħar, fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u tal-akkumulazzjoni tad-djun mill-AAS kif ukoll tal-kunsinni mingħajr ħlas mill-impriża CET Govora, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx applikabbli għal dawn il-miżuri. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan u tan-natura essenzjalment ekonomika tagħhom, u fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tal-miżuri, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet legali li għalihom huma suġġetti, l-imsemmija miżuri jaqgħu fl-isfera ekonomika u kummerċjali u ma humiex marbuta mal-eżerċizzju mill-Istat ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika. Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u tal-akkumulazzjoni tad-djun mill-AAS, ma setax jiġi eskluż li kreditur privat ipotetiku li jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-AAAS kien jaġixxi bħal din. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, fl-assenza ta’ prova min-naħa tal-Kummissjoni li l-imsemmija miżura tagħti vantaġġ lil Oltchim, din lanqas ma tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1144 dwar l-għajnuna mill-istat SA.36086 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mir-Rumanija għal Oltchim SA (ĠU 2019, L 181, p. 13).