Language of document : ECLI:EU:T:2021:895

Kawża T693/16 P RENVRX

(pubblikazzjoni b’estratti)

HG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2021

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Assenjazzjoni f’pajjiż terz – Akkomodazzjoni ta’ daqs adatt għal familja mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-amministrazzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed jirrisjedi fiha mal-familja – Proċeduri dixxiplinari – Sanzjoni dixxiplinari ta’ sospensjoni ta’ avvanz fl-iskala – Kumpens għad-dannu mġarrab mill-Unjoni – Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal – Ċaħda tar-rikors fuq il-mertu – Annullament wara appell – Sentenza wara appell eżaminata mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja u annullata – Kawża mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali”

1.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Dmir ta’ lealtà – Portata – Konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Raġunijiet li mmotivaw l-aġir tal-uffiċjal – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11)

(ara l-punti 93 sa 98)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni sħiħa – Portata – Possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni motiv addizzjonali fir-rigward tal-att ikkontestat

(Regolamenti tal-Persunal, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 22 u l-Artikolu 91(1))

(ara l-punti 102, 104)

3.      Uffiċjali – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Kamp ta’ applikazzjoni – Vantaġġ in natura mogħti lill-uffiċjal – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

(ara l-punt 109)

4.      Uffiċjali – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Terminu ta’ preskrizzjoni – Invokazzjoni minn uffiċjal li wettaq nuqqas personali serju – Proċedura ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament u proċedura għall-kumpens tad-dannu mġarrab mill-Unjoni minħabba nuqqas personali serju mwettaq minn uffiċjal – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni differenti – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 22 u 85)

(ara l-punti 112, 113)

5.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Nuqqas li għandu jitqies għall-finijiet tal-proċedura dixxiplinari – Definizzjoni tan-nuqqas mill-amministrazzjoni – Tibdil tal-portata jew tan-natura tan-nuqqas matul il-fażi investigattiva – Ammissibbiltà fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 1 sa 3 u 12(1) u (2))

(ara l-punt 159)

6.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Proċedura – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Miżuri istruttorji mwettqa mid-dipartimenti inkarigati bl-investigazzjoni – Obbligu għall-amministrazzjoni li tinkludi dawn il-miżuri fil-fajl trażmess lill-Bord Dixxiplinari u lill-uffiċjal ikkonċernat

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(b); Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 13(1))

(ara l-punt 163)

7.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Sanzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra – Opinjoni tal-Bord Dixxiplinari – Possibbiltà ta’ kontestazzjoni tal-opinjoni mill-persuna kkonċernata meta tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ sanzjoni – Kundizzjonijiet – Teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni ta’ sanzjoni, tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord Dixxiplinari

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 3 u 11 sa 18)

(ara l-punt 170)

8.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Rwoli u setgħat rispettivi tal-Bord Dixxiplinari u tal-Awtorità tal-Ħatra – Bord Dixxiplinari – Setgħa li jistħarreġ ir-regolarità tal-proċedura ta’ investigazzjoni – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 17 u 18)

(ara l-punt 240)

9.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi –Dispożizzjonijiet partikolari u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni intiża għall-persunal – Akkomodazzjoni ta’ daqs adatt għall-bżonnijiet tal-familja tal-uffiċjal – Obbligu li jirrisjedi fiha mal-familja – Ksur – Nuqqas personali serju – Dannu subit mill-Unjoni li jikkorrispondi għall-kirjiet imħallsa għall-akkomodazzjoni intiża għall-persunal – Obbligu tal-uffiċjal li jikkumpensa dan id-dannu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 11 u 22; Anness X, Artikolu 5(1))

(ara l-punti 295, 300, 302)

10.    Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Termini – Obbligu tal-amministrazzjoni li taġixxi f’terminu raġonevoli – Evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 22 u 85; Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 966/2012, Artikolu 81)

(ara l-punti 307 sa 310)

11.    Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Denunzja ta’ fatti li jistgħu jippermettu l-preżunzjoni li teżisti attività illegali jew nuqqas serju – Protezzjoni kontra proċeduri dixxiplinari – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a(1))

(ara l-punt 315)

12.    Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni sħiħa – Portata – Possibbiltà li jitnaqqas il-kumpens finanzjarju mitlub minn uffiċjal għal nuqqas personali serju – Kontribut tal-istituzzjoni għat-twettiq sħiħ tad-dannu tagħha

(Regolamenti tal-Persunal, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 22 u l-Artikolu 91(1))

(ara l-punti 318, 319)

Sunt

L-appellant, HG, ġie assenjat bħala konsulent fi ħdan delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’pajjiż terz bejn l-2008 u l-2013. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni poġġiet għad-dispożizzjoni tiegħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, appartament intiż għall-persunal mikri minnha, li jikkorrispondi għall-bżonnijiet tal-familja tiegħu, minn Settembru 2008, għal perijodu ta’ sentejn.

Issa, l-appellant okkupa dan l-appartament biss ftit jiem fil-ġimgħa, mingħajr il-familja tiegħu, ħaġa li huwa ġġustifika bil-persistenza ta’ problemi familjari u ta’ disturbi interni fl-appartament, li bihom huwa informa lill-Kap tal-Amministrazzjoni tad-Delegazzjoni minn Ottubru 2008.

Wara investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li kienet tirrakkomanda lill-Kummissjoni tibda proċedura dixxiplinari kontra l-appellant u tirkupra mingħandu l-kirjiet imħallsa għall-appartament, imbagħad wara investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u d-Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC), din tal-aħħar iddeċidiet, f’Lulju 2014, li tiftaħ ta’ tali proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari bl-għan ta’ sanzjoni għal nuqqas ta’ osservanza ta’ diversi obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u bl-għan li jiġu rrimborsati lilha l-kirjiet abbazi tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”, li jikkonċerna l-kumpens mill-uffiċjali tad-danni mġarrba mill-Unjoni minħabba fihom. Fl-aħħar ta’ Ottubru 2014, dan il-Bord ta opinjoni, li fiha ppropona lill-Kummissjoni tirkupra mingħand l-appellant il-kirjiet imħallsa għax-xhur ta’ Jannar 2009 sa Awwissu 2010 u li timponilu sanzjoni ta’ sospensjoni ta’ avvanz fl-iskala għal perijodu ta’ 18-il xahar.

Fi Frar 2015, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni adottat deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-deċiżjoni kontenzjuża”) li kienet konformi mal-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari.

Peress li l-ilment imressaq mill-appellant kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ġie miċħud, dan ressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rikors intiż b’mod partikolari għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont li kellu jiġi rrimborsat lill-Kummissjoni. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku madankollu ċaħad dan ir-rikors (1).

Fl-appell tal-appellant, il-Qorti Ġenerali tannulla s-sentenza tal-ewwel istanza, minħabba li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien żnatura l-proċess, wettaq żbalji ta’ liġi u kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni (2). Madankollu, meta ddeċiediet fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, essenzjalment, is-sanzjoni dixxiplinari deċiża fiha, filwaqt li naqqset l-ammont tal-kumpens finanzjarju dovut lill-Kummissjoni. Fis-sentenza tagħha, l-Qorti Ġenerali tippreċiża, b’mod partikolari, il-portata tad-dmir ta’ lealtà li għandhom l-uffiċjali, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà finanzjarja ta’ uffiċjal għal nuqqas personali serju kif ukoll ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri dixxiplinari.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, id-dmir ta’ lealtà li huwa impost fuq l-uffiċjali skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-evalwazzjoni tal-lealtà ta’ persuna hija ekwivalenti għall-evalwazzjoni tal-aġir tagħha fir-rigward tal-entità jew tal-persuna li għaliha din il-lealtà hija dovuta skont il-kuntest u li, konsegwentement, ir-raġunijiet li wasslu lil uffiċjal sabiex jadotta ċertu aġir għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx żleali fil-konfront tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-konklużjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li tikkonstata n-nuqqas ta’ lealtà tal-appellant, billi ppreċiżat li fil-każ ta’ uffiċjal li jkun talab akkomodazzjoni intiża għall-persunal ta’ daqs adatt għall-bżonnijiet tal-familja tiegħu, id-dmir ta’ lealtà jeżiġi li huwa jokkupa din l-akkomodazzjoni magħha jew li huwa jgħarraf li jirrinunzja għaliha meta diffikultajiet persistenti jimpedixxu lill-familja tiegħu, lil hinn minn terminu raġonevoli, milli tgħix hemmhekk.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali mbagħad tipproċedi bl-eżami tar-responsabbiltà finanzjarja possibbli tal-appellant skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi l-possibbiltà li uffiċjal jintalab jikkumpensa, totalment jew parzjalment, id-dannu subit mill-Unjoni minħabba nuqqasijiet personali serji li huwa jkun wettaq fil-qadi jew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

Hija tfakkar, preliminarjament, il-possibbiltà għall-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, meta teżerċita ġurisdizzjoni sħiħa fuq il-bażi tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tagħmel l-evalwazzjoni u l-motivazzjoni tagħha sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà finanzjarja ta’ uffiċjal, kif ukoll li żżid, fuq din il-bażi, motivi addizzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-klassifikazzjoni tal-aġir tal-appellant, jiġifieri l-użu irregolari fit-tul tal-appartament tiegħu intiż għall-persunal, lil hinn minn terminu raġonevoli, mingħajr ma ħa ebda passi fir-rigward tad-delegazzjoni sabiex ipoġġih lura għad-dispożizzjoni, bħala nuqqas personali serju tali li jagħti lok għar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, matul il-perijodu kollu tal-kirja, l-Unjoni ġarrbet dannu li jikkorrispondi għall-kirjiet kollha mħallsa għall-appartament intiż għall-persunal ta’ daqs adatt għal familja mogħti lill-appellant, mingħajr ma l-kirja ta’ tali appartament kienet iġġustifikata u mingħajr ma ħadet minnha xi utilità. Il-fatt, invokat mill-appellant, li l-kirja ma setgħetx tiġi xolta l-ewwel sena ma għandux effett fuq din il-konstatazzjoni.

Madankollu, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni, irrappreżentata f’dan il-każ fuq il-post mill-Kap tal-Amministrazzjoni tad-Delegazzjoni, ikkontribwixxiet għat-twettiq sħiħ tad-dannu li hija sofriet minkejja li setgħet tnaqqas il-portata tiegħu. Minn din il-perspettiva, il-Kap tal-Amministrazzjoni tad-Delegazzjoni kien messha talbet lill-appellant jitlaq mill-akkomodazzjoni tiegħu intiża għall-persunal, minflok ma sempliċement tfakkaru bl-irregolarità tas-sitwazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, il-Qorti Ġenerali tqis ex æquo et bono li l-kumpens, mill-appellant, għad-dannu mħarrab mill-Unjoni għandu jitnaqqas.

Sa fejn l-appellant jinvoka l-preskrizzjoni ta’ ħames snin prevista mill-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ talba għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament u, sussidjarjament, dik prevista fir-Regolament dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni (3), il-Qorti Ġenerali tirrileva li, sabiex jirkupraw vantaġġ in natura, bħall-provvista ta’ appartament intiż għall-persunal, l-istituzzjonijiet jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi, jirrikorru jew għal azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament skont l-imsemmi Artikolu 85, jew inkella għall-proċedura prevista fl-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li tenfasizza li l-proċeduri previsti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma differenti kemm min-natura tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi u tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet inkwistjoni. Issa, peress li l-Kummissjoni użat, f’dan il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-preskrizzjoni ta’ ħames snin prevista fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tapplikax għaliha, u lanqas barra minn hekk dik prevista fir-Regolament dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fl-assenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni legali għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 22, il-Kummissjoni kienet obbligata biss, skont ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li tadottaha f’terminu raġonevoli, li kien il-każ, fil-każ ineżami, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrifjuta li tirrikonoxxi lill-appellant il-kwalità ta’ informatur fis-sens tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal bħala ċirkustanza attenwanti fir-rigward tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu. Fil-fatt, anki jekk l-appellant kien iddenunzja, ġustament, l-aġir frawdolenti ta’ kollega, huwa ma jistax jinvoka l-kwalità ta’ informatur, jekk jitqies li tali kwalità setgħet tinvoka ċirkustanza attenwanti, peress li l-fatti allegati kienu diġà magħrufa u ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-fatti allegati kontrih.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri dixxiplinari, il-Qorti Ġenerali tfakkar li n-nuqqas possibbli li huwa akkużat bih l-uffiċjal ma għandux jiġi ċċarat sa mill-fażi tal-investigazzjoni li tippreċedi l-proċedura dixxiplinari nnifisha, iżda li aġġustamenti f’dan ir-rigward jistgħu jsiru matul l-investigazzjoni fid-dawl tal-iżvolġiment tagħha. B’mod iktar partikolari, fil-każ ta’ proċedura dixxiplinari quddiem il-Bord Dixxiplinari, in-nuqqas attribwit lill-uffiċjal inkwistjoni huwa ddefinit fir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra li jakkumpanja r-riferiment għal dan il-Bord, li huwa sussegwenti għal din il-fażi ta’ investigazzjoni.

Kuntrarjament għal dak li sostna l-appellant, hija l-Awtorità tal-Ħatra — u, jekk ikun il-każ, il-qorti adita — li għandha tivverifika r-regolarità tal-proċedura ta’ investigazzjoni, u sussegwentement tal-proċedura dixxiplinari kollha, u mhux tal-Bord Dixxiplinari, li għandu jistħarreġ biss ir-regolarità tal-iżvolġiment tal-proċedura quddiemu. Madankollu, jekk dan tal-aħħar jikkunsidra l-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari insuffiċjenti, huwa għandu jikkompletaha permezz tad-domandi tiegħu stess, jew permezz ta’ investigazzjoni kontradittorja.

Għal dak li jikkonċerna l-miżuri istruttorji tad-dipartimenti inkarigati mill-investigazzjoni, il-Qorti Ġenerali teżiġi, għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li dawn ikunu parti mill-fajl mibgħut lill-Bord Dixxiplinari u lill-persuna kkonċernata, a fortiori meta l-Awtorità tal-Ħatra jew il-Bord Dixxiplinari jibbażaw ruħhom fuq ir-riżultat ta’ dawn il-miżuri.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li fil-każ ta’ rikors li jitlob biss l-annullament tad-deċiżjoni finali tal-Awtorità tal-Ħatra li timponi sanzjoni, il-motivi u l-ilmenti li l-uffiċjal ikkonċernat iqajjem kontra evalwazzjonijiet li jinsabu fl-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari ta’ qabel din id-deċiżjoni huma ineffettivi biss sa fejn id-deċiżjoni finali titbiegħed b’mod ċar minn dawn l-evalwazzjonijiet jew ċarament ma teħodhomx inkunsiderazzjoni.


1      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il-Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155).


2      Il-Qorti Ġenerali kienet diġà annullat is-sentenza tal-ewwel istanza, permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Lulju 2008, HG vs Il-Kummissjoni (T‑693/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492), minħabba li l-kulleġġ ġudikanti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien kompost b’mod irregolari. Madankollu, din l-ewwel sentenza wara appell ġiet, min-naħa tagħha, annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni (C‑542/18 RX II u C‑543/18 RX II, EU:C:2020:232), u l-appell ntbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.


3      Artikolu 81 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).