Language of document : ECLI:EU:T:2008:71

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla ta’ l-Appell)

12 ta’ Marzu 2008

Kawża T-107/07 P

Francisco Rossi Ferreras

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2003 – Evalwazzjoni tal-fatti – Oneru u produzzjoni tal-prova – Appell inammissibbli – Appell infondat”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l‑Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) ta’ l-1 ta’ Frar 2007, Rossi Ferreras vs Il-Kummissjoni (F-42/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li jitlob l-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Francisco Rossi Ferreras għandu jbati l‑ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Sommarju

Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti ppreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-evalwazzjoni tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Oneru u produzzjoni tal-prova

(Artikolu 225A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

Mill-Artikolu 225A tat-Trattat KE u mill-Artikolu 11(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appell għandu jindika b’mod preċiż l‑elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l‑argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

Ma jissodisfax dan ir-rekwiżit appell li jkun limitat għal repetizzjoni jew riproduzzjoni testwali tal-motivi u l-argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, inklużi dawk ibbażati fuq fatti espressament imwarrba minn dik il-qorti.

L-appell jista’ jkun ibbażat biss fuq aggravji li jikkonċernaw il-ksur ta’ regoli ta’ dritt, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fatti. Il-qorti ta’ l-ewwel istanza hija l‑unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali ta’ l-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal‑proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem dik il-qorti, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

Madankollu, il-kwistjoni jekk ir-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal‑prova ġewx osservati tagħmel parti mill-kompetenza ta’ stħarriġ tal-qorti ta’ l-appell dwar il‑konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-qorti ta’ l-ewwel istanza. Għalhekk, aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-qorti ta’ l-ewwel istanza ċaħdet ilment, mingħajr ma qabel talbet lill-parti l-oħra li tressaq l-informazzjoni li setgħet turi l-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fir-rigward ta’ l-eżami dwar il-mertu ta’ tali aggravju, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-qorti ta’ l-ewwel istanza hija l-unika qorti li tiddeċiedi dwar l‑eventwali ħtieġa li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li jkollha quddiemha. Barra minn hekk, sabiex il-qorti ta’ l-appell tiġi konvinta fir-rigward ta’ allegazzjoni ta’ parti jew, għall-inqas, sabiex il-qorti ta’ l-appell tiddeċiedi li tagħmel intervent dirett fit‑tfittxija tal-provi, mhuwiex biżżejjed li jiġu invokati ċerti fatti in sostenn tal‑pretensjoni ta’ din il-parti; huwa meħtieġ ukoll li jingħataw indizji preċiżi, oġġettivi u koerenti biżżejjed ta’ natura li jsostnu l-kredibbiltà jew il‑verità ta’ dawn il-fatti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intervent tal-qorti fit‑tfittxija tal-provi favur l-appellanti għandu jkun limitat għal każijiet eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-appellanti jkollhom bżonn, sabiex jissostanzjaw l‑argumenti tagħhom, ta’ ċerti provi li jkunu fil-pussess ta’ l-appellata u jkun hemm diffikultajiet sabiex jinkisbu dawn il-provi, jekk mhux ukoll ċaħda min-naħa ta’ dik il-parti.

(ara l-punti 26 sa 31 u 36 sa 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il‑Kummissjoni, C‑19/95 P, Ġabra p. I‑4435, punt 37; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, C‑8/95 P, Ġabra p. I‑3175, punti 23 u 25; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewerbe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 93; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 113; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti ta’ l‑Awdituri, C‑315/99 P, Ġabra p. I‑5281, punt 19; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 108; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 39; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 25 ta’ Settembru 2002, Ajour et Il-Kummissjoni, T‑201/00 u T‑384/00, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑885, punt 75; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 12 ta’ Lulju 2007, Beau vs Il‑Kummissjoni, T‑252/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 45 sa 47