Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' April 2007 - BVGD vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-104/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Belgische Vereniging van handelaars in- en uitvoerders geslepen diamant (Antwerp, Il-Belġju) (irrappreżentanta minn: G. Vandersanden, L. Levi u C. Ronzi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitjiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

l-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta' Jannar 2007 li fiha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet l-ilment imressaq minn BVGD minħabba li ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti li tittieħed azzjoni fuqu (Kawża COMP/39.221/B-2-BVDG vs De Beers);

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2007 fil-kawża ta' kompetizzjoni COMP/39.221/B-2 - BVGD vs De Beers, li fiha l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti rigward ksur ta' l-Artikoli 81 u 82 KE relatata mas-sistema ta' Fornitur Magħżul applikata minn De Beers Group għad-distribuzzjoni ta' djamanti mhux maħdumin, minħabba li m'hemmx interess Komunitarju suffiċjenti sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri fuq l-ilment tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti tallega li De Beers - produttriċi ta' djamanti mhux maħdumin li, skond ir-rikorrenti, kienet prinċipalment involuta fis-sors bil-bejgħ ta' djamanti mhux maħdumin - qeda tipprova permezz tas-sistema tagħha ta' Fornitur Magħżul testendi l-kontroll tagħha tas-suq sabiex tiġi koperta r-rotta kollha tad-djamant mill-minjiera sal-konsumatur, i.e. inklużi s-swieq finali.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni fl-ewwel lok ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha bħala rikorrenti. Ir-rikorrenti tallega i) li l-Kummissjoni ċaħditha milli teżerċita d-dritt tagħha li jkollha aċċess taħt l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 773/20041 għad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-eżami provviżorju tagħha, ii) li l-Kummissjoni għamlet pressjoni indebita fuq ir-rikorrenti bil-mod kif mexxiet it-termini tal-każ, iii) li l-Kummissjoni ħolqot, fil-korrispondenza tagħha mar-rikorrenti, konfużjoni fir-rigward ta' l-istadju tal-proċediment, u iv) li l-Kummissjoni ma assoċjatx r-rikorrenti mill-viċin mal-proċediment.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-kunċett ta' interess Komunitarju u wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, żbaljat fil-liġi u kisret l-obblilgu ta' motivazzjoni tagħha.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU 2004 L 123, p. 18)