Language of document :

Appell imressaq fis-16 ta' April 2007 minn Francisco Rossi Ferraras kontra s-sentenza mogħtija fl-1 ta' Frar 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-42/05, Francisco Rossi Ferreras vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-107/07 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Francisco Rossi Ferraras (Lussemburgu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Frabetti, avocat)

Il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunatijiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

li tiġi annullata s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-1 ta' Frar 2007 fil-kawża F-42/05;

li jintlaqgħu t-talbiet imressqa mir-rikorrent fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, b'mod prinċipali, li r-rikors fil-kawża F-42/05 jiġi ddikjarat ammissibbli u fondat;

sussidjarjament, li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

li ssir deċiżjoni fuq l-ispejjeż u l-onorarji, u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbatihom.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-appell tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tiċħad ir-rikors li permezz tiegħu huwa talab l-annullament tar-rapport ta' l-iżvilupp tal-karriera tiegħu għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2003, kif ukoll l-ordni sabiex il-Kummissjoni tikkumpensah għad-danni li huwa jallega li sofra.

In sostenn ta' l-appell tiegħu, ir-rikorrent jgħid li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq diversi żbalji ta' dritt waqt l-evalwazzjoni taż-żewġ motivi invokati fl-ewwel istanza.

____________