Language of document : ECLI:EU:T:2012:351

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Lulju 2012 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Prodotti ta’ imballaġġ ikkorrugati — Għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika fejn tinħadem il-karta — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni — Ammissibbiltà — Legalità tal-mandat mogħti minn persuna ġuridika lill-avukati tagħha — Adozzjoni ta’ deċiżjoni fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari — Locus standi — Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati — Diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha — Artikolu 87(3)(a) KE — Artikolu 88(2) u (3) KE — Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikolu 44(5) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura”

Fil-Kawża T-304/08,

Smurfit Kappa Group plc, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn T. Ottervanger u E. Henny, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Martenczuk u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Propapier PM2 GmbH, li kienet Propapier PM2 GmbH & Co. KG, stabbilita f’Eisenhüttenstadt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H.‑J. Niemeyer u C. Herrmann, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 1107, tat-2 ta’ April 2008, li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna għal skopijiet reġjonali li l-awtoritajiet Ġermaniżi beħsiebhom jagħtu lil Propapier PM2 għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika fejn tinħadem il-karta f’Eisenhüttenstadt (reġjun ta’ Brandenburg — Nordost) (Għajnuna mill-Istat Nru 582/2007 — il-Ġermanja),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President tal-Awla, S. Frimodt Nielsen (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Smurfit Kappa Group plc, hija impriża internazzjonali li għandha s-sede tagħha fl-Irlanda. Hija teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-imballaġġ, prinċipalment fl-Ewropa u fl-Amerika Latina. Hija timmanifattura u tikkummerċjalizza prodotti tal-imballaġġ ikkorrugati (iktar ’il quddiem il-“prodotti CCM”), folji tal-kartun ikkorrugat u kartun oħxon, kaxxi tal-kartun ikkorrugat u tal-kartun oħxon, kartun grafiku u kartun speċjalizzat. Hija tipproċedi wkoll għat-tħaddim ta’ skart tal-karta riċiklabbli.

2        Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2007, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea l-intenzjoni tagħhom li jagħtu lil Propapier PM2 GmbH & Co. KG, sussidju għall-investiment fl-ammont ta’ EUR 82 509 500 (jiġifieri EUR 72 154 700 f’valur attwali) (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”), għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika fejn tinħadem il-karta u għal settijiet ta’ ġeneraturi f’Eisenhüttenstadt, fir-reġjun ta’ Brandenburg — Nordost (il-Ġermanja). Il-Kummissjoni rreġistrat din in-notifika bir-referenza Nru 582/2007.

3        Il-fabbrika fejn tinħadem il-karta ffinanzjata bl-għajnuna inkwistjoni kienet maħsuba li tipproduċi żewġ tipi ta’ prodotti CCM, jiġifieri, min-naħa, folji tal-kartun lixxi ta’ piż li jitla’ sa 150 g/m² u, min-naħa l-oħra, kartun bl-iskanalaturi mmanifatturati minn fibri rriċiklati. Il-kostruzzjoni tal-installazzjoni kellu jinfirex bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2007 u l-ewwel nofs tas-sena 2010.

4        Fid-9 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti ressqet ilment kunfidenzjali quddiem il-Kummissjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni.

5        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni addizzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu għal din it-talba għal informazzjoni permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Jannar 2008.

6        Fil-25 ta’ Jannar 2008, saret laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi, fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-intervenjenti.

7        Fid-29 ta’ Jannar 2008, żewġ ilmenti formali ġew irreġistrati mal-Kummissjoni u mibgħuta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-osservazzjonijiet.

8        Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

9        Permezz ta’ ittri tas-6 u tal-14 ta’ Frar 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet, rispettivament, għall-ilmenti msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq kif ukoll għat-talba għal informazzjoni msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq.

10      Fl-20 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni rċeviet it-tielet ilment formali. Peress li dan l-ilment kien ibbażat fuq l-istess argumenti tal-ewwel żewġ ilmenti, dan ma ġiex ikkomunikat lill-Istat Membru.

11      Fit-2 ta’ April 2008, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 1107, li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq komuni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx taqbeż il-limiti previsti fil-paragrafu 68 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mogħtija mill-Istat għall-perijodu 2007‑2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13 ), li jipprovdi kif ġej:

“F’każ li l-ammont totali tal-għajnuna li ġejja mis-sorsi kollha jaqbeż is-75 % tal-ammont massimu tal-għajnuna li investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi, skont il-limitu applikabbli għall-impriżi l-kbar skont il-mappa ta’ għajnuna reġjonali approvata fid-data tal-għoti tal-għajnuna, u f’każ:

(i)      li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu iktar minn 25 % tal-bejgħ tal-prodotti kkonċernati fis-swieq ikkonċernati qabel l-investiment jew iktar minn 25 %, wara dan l-investiment; jew

(j)      il-kapaċità ta’ produzzjoni maħluqa mill-proġett tirrappreżenta iktar minn 5 % tas-suq, imkejla bl-użu ta’ data ta’ konsum apparenti għall-prodott ikkonċernat, sakemm ir-rata medja ta’ tkabbir annwali tal-konsum apparenti tiegħu matul l-aħħar ħames snin ma tkunx inqas mir-rata medja ta’ tkabbir tal-PDG taż-Żona Ekonomika Ewropea,

il-Kummissjoni tawtorizza l-għajnuna għall-investiment reġjonali biss wara li tkun ivverifikat b’mod dettaljat, wara l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) [KE], jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa sabiex toħloq effett ta’ inċentiv għall-investiment u jekk il-vantaġġi tal-għajnuna jegħlbux id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li huma jġibu magħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, li tidher taħt il-paragrafu ċċitat iktar ’il fuq, huwa ppreċiżat li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li qabel id-dħul fis-seħħ tal-linji gwida, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2007, tfassal regoli ddettaljati oħra dwar il-kriterji li hija kienet beħsieba tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa jekk l-għajnuna kinitx neċessarja sabiex jinħoloq effett ta’ inċentiv għall-investiment u jekk il-vantaġġi tal-għajnuna kinux jegħlbu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li huma jġibu magħhom.

14      Fil-premessi 119 u 120 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti miġjuba fl-ilmenti li hija kienet irċeviet dwar l-għajnuna inkwistjoni (ara l-punti 4, 7 u 10 iktar ’il fuq) billi indikat li hija kienet marbuta mil-Linji Gwida, li, skontha, jeskluduha milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każijiet fejn il-limiti stipulati f’paragrafu 68 tal-imsemmija linji gwida ma jkunux inqabżu. F’dan ir-rigward, skont il-Kummissjoni, l-osservanza ta’ dawn il-limiti tas-sehem tas-suq u taż-żieda ta’ kapaċità tal-produzzjoni tiggarantixxi għal kull proġett issussidjat, minn naħa, li d-distorsjonijiet prevedibbli tal-kompetizzjoni ma jeċċedux il-vantaġġi mistennija, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li teżisti kontribuzzjoni suffiċjenti għall-iskop ta’ żvilupp reġjonali.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2008, Propapier PM2 GmbH & Co. KG, li fil-mori tal-kawża saret Propapier PM2 GmbH, talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tal-Kummissjoni. B’digriet tal-21 ta’ April 2009, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

17      Fl-14 ta’ Mejju 2009, l-intervenjenti kkontestat il-kompletezza tat-trażmissjoni tal-proċess tal-proċedura bil-miktub fir-rigward tagħha. B’ittra mir-Reġistru hija ġiet żgurata li kienet irċeviet komunikazzjoni sħiħa tal-atti tal-kawża bil-miktub u b’hekk ma ppersistietx fil-kontestazzjoni tagħha.

18      Peress li r-rikorrenti kienet talbet li ċerti partijiet min-noti skambjati fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub ikunu suġġetti għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti u peress li din kienet ikkontestat uħud minn dawn it-talbiet, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali, b’digriet tal-5 ta’ Lulju 2010, laqa’ parzjalment it-talbiet tar-rikorrenti. Konsegwentement, ċerta informazzjoni supplimentari ġiet ikkomunikata lill-intervenjenti u din ġiet awtorizzata żżid man-nota ta’ intervent tagħha.

19      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur inizjalment maħtur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, li lilha din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata. Peress li membru tal-Ewwel Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il‑President tal-Qorti Ġenerali nnomina Imħallef, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet.

24      It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-28 ta’ Novembru 2011.

25      Matul is-seduta, il-Kummissjoni u l-intervenjenti rrinunzjaw għall-kontestazzjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu previst fl-Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, fatt li tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

26      Mat-tmiem tas-seduta, il-Qorti Ġenerali tat lir-rikorrenti l-possibbiltà li, f’terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-proċess verbali tas-seduta, tipproduċi l-provi kollha li hija tqis li huma neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-legalità tal-mandat mogħti lill-avukati tagħha.

27      Id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti fit-terminu mogħti lilha ġew ikkomunikati għall-osservazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti. Fil-25 ta’ Jannar 2012, wara li rċeviet dawn l-osservazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali għalqet il-proċedura orali.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

28      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw, minn naħa, l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll, min-naħa l-oħra, il-locus standi tar-rikorrenti fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq ir-regolarità tal-mandat mogħti mir-rikorrenti lill-avukati tagħha

29      Skont l-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ir-rikorrenti tkun persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt privat, hija għandha tehmeż mar-rikors tagħha l-prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop. Skont l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, ir-Reġistratur għandu jiffissa terminu raġonevoli sabiex ir-rikorrenti tirregolarizza r-rikors tagħha jew sabiex tissottometti d-dokumenti msemmija hawn fuq. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni jew fin-nuqqas li jiġu sottomessi d-dokumenti fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.

30      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali huwa obbligat li jistieden lil persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt privat li tipproċedi għar-regolarizzazzjoni tar-rikors tagħha f’każ ta’ inadempjenza għall-obbligu tagħha li tipproduċi prova tar-regolarità tal-mandat mogħti lill-avukati tagħha u li huwa biss jekk ir-rikorrenti ma tikkonformax ruħha mal-istedina tar-Reġistratur fit-terminu mogħti lilha li l-Qorti Ġenerali għandha l-fakultà li tiddikjara r-rikors inammissibbli.

31      Ir-rikors preżenti ġie ppreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2008, f’isem ir-rikorrenti, minn T. Ottervanger u E. Henny, avukati membri tal-Kamra tal-Avukati ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Ir-rikorrenti annettiet mar-rikors tagħha, mandat li jawtorizza lill-imsemmija avukati jippreżentaw ir-rikors preżenti. Dan il-mandat ingħata minn M. O’Riordan, li kien qed jaġixxi fil-kwalità ta’ Segretarju Ġenerali tal-grupp.

32      Skont l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur ta lir-rikorrenti terminu sabiex tipproduċi l-provi li l-awtur ta’ dan il-mandat kellu l-kompetenza li jassumi dan l-att f’isem il-kumpannija. Fit-terminu hekk mogħti lilha, ir-rikorrenti, filwaqt li sostniet li s-segretarju ġenerali tal-grupp kien kompetenti, skont il-liġi Irlandiża, li jagħti mandat lill-avukati sabiex jaġixxu ġuridikament f’isem il-kumpannija, ippreżentat it-tieni mandat, datat 28 ta’ Awwissu 2008 u mogħti minn G. McGann, li kien qed jaġixxi fil-kwalità ta’ Direttur.

33      Peress li l-intervenjenti u l-Kummissjoni kkontestaw kemm il-kompetenza ta’ O’Riordan kif ukoll dik ta’ McGann, ir-rikorrenti pproduċiet, qabel l-għeluq tal-proċedura orali, riżoluzzjoni adottata fit-8 ta’ Diċembru 2011 mill-bord tad-diretturi tal-kumpannija, li tikkonferma li McGann, inkwantu Direttur Ġenerali u wieħed mid-diretturi tal-kumpannija, kien kompetenti sabiex jagħti t-tieni mandat.

34      Fl-ewwel lok, l-intervenjenti tikkontesta, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu previst fl-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni fil-mori tal-kawża. Tali allegazzjoni tista’ biss tiġi miċħuda, peress li l-possibbiltà ta’ tali regolarizzazzjoni hija prevista fl-Artikolu 44(6) tal-istess Regoli, li jipprovdi li r-Reġistratur jagħti terminu għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni tar-rikors u li, fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa jekk din iċ-ċirkustanza twassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

35      F’dan il-każ, kif imfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti pproduċiet it-tieni mandat fit-terminu li kien ingħatalha mir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk it-tieni mandat jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura.

36      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu li l-Artikoli 66 u 68 tal-istatut ta’ assoċjazzjoni, anness mar-regolarizzazzjoni tar-rikors, li fir-rigward tiegħu huma ma humiex qed jikkontestaw iktar li huwa l-istatut ta’ assoċjazzjoni tar-rikorrenti, jipprevedu li d-deċiżjoni li tinbeda azzjoni ġudizzjarja u li jingħata mandat lill-avukati f’isem il-kumpannija taqa’ taħt ir-responsabbiltà kollettiva tal-Bord tad-Diretturi u li din tista’ tiġi ddelegata lil direttur wieħed jew iktar. Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jargumentaw, konsegwentement, li, fin-nuqqas li tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi li tiddeċiedi li tinnomina lil T. Ottervanger u E. Henny sabiex jippreżentaw talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew riżoluzzjoni li tiddelega din is-setgħa lil McGann, ir-rikorrenti naqset milli tosserva l-obbligu previst fl-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura.

37      Issa, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma tistax issostni b’ċertezza, fil-każ fejn ir-rikorrenti tonqos milli tipproduċi riżoluzzjoni preċedenti tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija li tawtorizza l-preżentata tar-rikors preżenti jew li tagħti lil McGann is-setgħa li jibda dawn l-azzjonijiet ġudizzjarji, li McGann kien għalhekk abilitat li jippreżenta t-tieni mandat, madankollu hemm lok, f’kull każ, li jiġi kkonstatat li l-Bord tad-Diretturi, b’riżoluzzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2011, iddikjara l-konferma li McGann, Direttur Ġenerali u Amministratur tal-kumpannija, kien kompetenti għal dan l-iskop (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

38      Għalkemm huwa wkoll minnu, kif issottomettiet l-intervenjenti, li din il-konferma ngħatat iktar minn tliet snin wara l-preżentata tar-rikors preżenti u li huwa possibbli li l-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija nbidel wara d-data tat-tieni mandat, min-naħa l-oħra ma hemm l-ebda dubju dwar l-intenzjoni tar-rikorrenti, legalment marbuta fir-rigward ta’ terzi mir-riżoluzzjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tagħha, li tara li r-rikors preżenti jimxi.

39      Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-intervenjenti u mill-Kummissjoni u bbażata fuq il-fatt li r-rikors ma kienx jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Mejju 1989, Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 193/87 u 194/87, Ġabra p. 1045, punti 33 u 34).

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

40      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, targumenta li r-rikorrenti, għalkemm hija parti interessata, ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, hija ma għandhiex locus standi li tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet marbuta mal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni li jifformaw parti mid-deċiżjoni kkontestata. Issa, l-argumenti kollha ppreżentati fir-rikors donnhom huma iktar intiżi li jqajmu dubju dwar il-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni u mhux li jsostnu li d-drittijiet proċedurali li r-rikorrenti għandha abbażi tal-Artikolu 88(2) KE ġew miksura.

41      Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, it-tul tal-proċedura amministrattiva juri l-preżenza ta’ diffikultajiet serji li kienu jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, ġiet ippreżentata għall-ewwel darba fir-replika u hija, għalhekk, ukoll inammissibbli. Minn dan isegwi li l-ebda motiv tar-rikors ma huwa ammissibbli.

42      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minkejja d-dħul fis-seħħ fil-mori tal-kawża, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2009, tal-Artikolu 263 TFUE, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi deċiża biss fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Settembru 2010, Norilsk Nickel Harjavalta u Umicore vs Il‑Kummissjoni, T‑532/08, Ġabra p. II‑3959, punti 68 sa 75, u Etimine u Etiproducts vs Il‑Kummissjoni, T‑539/08, Ġabra p. II‑4017, punti 74 sa 81), fatt li huwa paċifiku bejn il-partijiet.

43      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss fil-każ li din id-deċiżjoni taffetwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analoga għal kif ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 20; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 14; tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 33, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619, punt 36).

45      Peress li r-rikors preżenti jikkonċerna deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 88(3) KE li għandha biss l-għan li tippermetti li l-Kummissjoni tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi tal-investigazzjoni, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, punt 44 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata.

46      Minn dan jirriżulta li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza ta’ din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, din il-qorti tiddikjara li rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, imressaq minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ifittex, bl-introduzzjoni tiegħu, li jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara s-sentenza Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, punt 44 iktar ’il fuq, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), il-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE huma b’mod partikolari, kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri partikolarment l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Fi kliem ieħor, skont il-ġurisprudenza, qed nitkellmu dwar grupp indeterminat ta’ destinatarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, Ġabra p. I‑4441, punt 63; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 16).

48      Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies li hija interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jitqies li huwa ammissibbli. Hija għandha għalhekk turi li tibbenefika minn status partikolari fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrenti tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, s-sentenza Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, punt 44 iktar ’il fuq, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fir-rigward tal-kundizzjoni li tirrikjedi li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq ikkonċernat tkun sostanzjalment affettwata, iċ-ċirkustanza li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma hijiex, waħedha, biżżejjed. Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha turi wkoll li hija tinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt li tindividwalizzaha b’mod analogu għal kif inhu individwalizzat id-destinatarju. (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punti 32 u 33, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punti 47 u 48).

50      Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Unjoni li tinterpreta rikors li jikkontesta biss il-fondatezza ta’ deċiżjoni li tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni bħala li fir-realtà huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet proċedurali li r-rikorrenti għandha abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, meta r-rikorrenti ma tkunx espressament ippreżentat motiv li għandu dan l-għan. F’ipoteżi bħal din, l-interpretazzjoni tal-motivi tar-rikors fil-fatt twassal għal kwalifika mill-ġdid tas-suġġett tar-rikors (sentenza Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 47 iktar ’il fuq, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).

51      Madankollu, tali limitu għas-setgħa ta’ interpretazzjoni tal-motivi tar-rikors ma għandux bħala effett li jċaħħad lill-Qorti tal-Unjoni milli teżamina l-argumenti fuq il-mertu mressqa mir-rikorrenti sabiex jiġi aċċertat jekk jistgħux jistabbilixxu l-fondatezza ta’ motiv intiż espliċitament sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE. (sentenza Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 47 iktar ’il fuq, punt 56).

52      Fil-fatt, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk hija kisret id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li għandha l-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura notifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. L-użu ta’ tali argumenti madankollu ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, Ġabra p. I‑10707, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni proċedurali tar-rikorrenti.

54      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi ppreċiżat, kif maqbul mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti, li r-rikorrenti hija parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE. Hija ssostni infatti, mingħajr ma ġiet kontradetta la mill-Kummissjoni, la mill-intervenjenti u lanqas minn xi att tal-proċess, li hija kompetitriċi diretta tal-intervenjenti. Il-partijiet ma jaqblux, min-naħa l-oħra, dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata u jekk, f’dan il-kuntest, għandhiex locus standi li tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni li hija inkluża fid-deċiżjoni kkontestata, indipendentement mill-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tagħha.

55      Issa, għalkemm ir-rikorrenti rnexxielha tipprovdi biżżejjed elementi li juru li s-sitwazzjoni kompetittiva tagħha setgħet tiġi affettwata mill-għajnuna inkwistjoni, hija min-naħa l-oħra għadha ma stabbilixxietx li l-pożizzjoni tagħha fis-suq hija sostanzjalment affettwata fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq.

56      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva, minħabba li ressqet ilment ta’ natura kunfidenzjali wara n-notifika tal-għajnuna inkwistjoni. Madankollu, il-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-fażi ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, lanqas ma’ tista’ tistabbilixxi li din hija, biss fil-kwalità tagħha ta’ awtriċi ta’ ilment, individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni adottata fl-aħħar ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, Ġabra p. I‑5963, punti 94 u 95).

57      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li s-suq tal-prodotti CCM huwa wieħed integrat u li kull għajnuna mill-Istat mogħtija lil xi produttur tħalli effetti fuq il-kumplament tal-kompetituri tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Madankollu mill-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fl-ilment kunfidenzjali jirriżulta li s-settur tal-prodotti CCM fiż-ŻEE jiġbor fih madwar 130 kumpannija. Dan l-argument tar-rikorrenti għalhekk jesponi l-fatt li l-għajnuna mogħtija għandha taffettwa r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi, iżda ma huwiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxi li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ser tkun sostanzjalment affettwata f’dak li jirrigwarda l-pożizzjoni kompetittiva tagħha u li tali sitwazzjoni tiddistingwiha mill-ġeneralità ta’ operaturi.

58      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna inkwistjoni ser tippermetti l-bini tal-ikbar fabbrika tal-prodotti CCM fl-Ewropa u li d-dħul fis-servizz ta’ din l-installazzjoni bilfors ser ikollu impatt sinjifikattiv fuq il-livell tal-prezzijiet. L-istess bħal dik preċedenti, din l-allegazzjoni, li barra minn hekk hija kkontestata mill-intervenjenti, hija, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti sabiex turi li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li ma tibbaża fuq l-ebda karatteristika partikolari tas-sitwazzjoni tagħha li tista’ tistabbilixxi li hija ser tiġi affettwata mill-ftuħ ta’ din il-fabbrika sal-punt li tiddistingwiha mill-ġeneralità ta’ kompetituri oħra tal-intervenjenti.

59      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tindika li s-suq tal-prodotti CCM huwa suġġett għal żbilanċ strutturali kkaratterizzat minn kapaċitajiet ta’ produzzjoni żejda u hija sabet ruħha kostretta li tagħlaq numru kbir ta’ installazzjonijiet tagħha stess. Madankollu, kif jargumentaw l-intervenjenti u l-Kummissjoni, l-għeluq ta’ installazzjonijiet jista’ jiġi spjegat mill-fatt li r-rikorrenti ħadet deċiżjonijiet awtonomi ta’ ġestjoni, bħall-adattament tal-installazzjonijiet eżistenti għall-progress tekniku jew ir-razzjonalizzazzjoni tat-tagħmir ta’ produzzjoni tagħha, u r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda element ta’ prova sabiex turi li hija ma għalqitx l-installazzjonijiet tagħha minħabba li kienu antikwati. Fi kwalunkwe każ, u anki jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti sabet ruħha mġiegħla tnaqqas il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha minħabba żbilanċ strutturali bejn il-provvista u d-domanda ta’ prodotti CCM, il-kawża ta’ tali ċirkustanza ma tinsabx fl-installazzjoni ssussidjata mill-għajnuna inkwistjoni u ma hijiex, waħedha, ta’ natura li tiddistingwi lir-rikorrenti mill-kompetituri l-oħra tal-intervenjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Novembru 2009, Scheucher-Fleisch et vs Il‑Kummissjoni, T‑375/04, Ġabra p. II‑4155, punti 59 u 60).

60      Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija għandha sitt installazzjonijiet f’żona b’raġġ ta’ 800 sa 1 000 km madwar l-installazzjoni ssussidjata mill-għajnuna inkwistjoni, u li dan ser ikollu l-effett li jagħmel lill-intervenjenti l-kompetitriċi prinċipali diretta tagħha, jidher prima facie kontradittorju mat-tieni argument tagħha, li jgħid li peress li s-suq tal-prodotti CCM huwa perfettament kompetittiv u integrat, kull sussidju mogħti lil kwalunkwe produttur neċessarjament ser jaffettwa l-livell tal-prezz tal-kompetituri kollha tiegħu fiż-ŻEE. Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti għandha sitt installazzjonijiet fil-viċinanzi tal-installazzjoni ssussidjata u li l-għajnuna inkwistjoni tippermetti li l-intervenjenti ttella’ l-produzzjoni ta’ prodotti CCM għal madwar miljun tunnellata kull sena, filwaqt li, b’kuntrast, il-produzzjoni tar-rikorrenti f’dawn is-sitt fabbriki tagħha tilħaq kapaċità totali annwali ta’ madwar [kunfidenzjali] (1) ma jippermettix li minn dan jiġi konkluż li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq ser tkun sostanzjalment affettwata. Fil-fatt l-intervenjenti targumenta, mingħajr ma hija kontradetta, li r-rikorrenti ma hijiex il-kompetitriċi l-iktar diretta tagħha, li hija u r-rikorrenti jindirizzaw swieq ġeografiċi differenti u li, jekk jitqies li l-kriterju tal-viċinanza ġeografika tal-installazzjonijiet huwa l-iktar wieħed rilevanti, kompetituri oħra għajr ir-rikorrenti għandhom installazzjonijiet eqreb minn dik li għandha tinbena f’Eisenhüttenstadt.

61      Mis-suespost jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-għajnuna inkwistjoni tista’ taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ parti interessata, għandha locus standi biss sabiex titlob il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali mogħtija lilha mill-Artikolu 88(2) KE u sabiex tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, iżda mhux sabiex tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq komuni. Huwa għalhekk meħtieġ, peress li l-Kummissjoni u l-intervenjenti jargumentaw li ebda wieħed mill-motivi tar-rikors preżenti ma huwa intenzjonat għall-ħarsien tad-drittijiet proċedurali ta’ parti interessata, li tiġi eżaminata n-natura tal-motivi mressqa mir-rikorrenti.

62      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 50 sa 52 iktar ’il fuq, il-fatt li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ser tkun sostanzjalment affettwata mill-għajnuna inkwistjoni ma jipprekludix li, sabiex turi li l-Kummissjoni jmissha kellha jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, ir-rikorrenti tippreżenta argumenti fuq il-mertu tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, sakemm madankollu minn tal-inqas motiv wieħed tar-rikors tagħha jkun ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba matul il-proċedura ta’ eżami preliminari, hija tibqa’ kkonfrontata b’diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkunsidrata. Dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-Artikolu 88(3) KE kif ġie interpretat mill-ġurisprudenza, kif ukoll mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara evalwazzjoni preliminari, li l-miżura illegali tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 328).

63      Issa r-rikorrenti tippreċiża, preliminarjament, li hija tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni emmnet li setgħet tadotta deċiżjoni pożittiva mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Ir-rikorrenti tikkundsidra b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma setgħatx tinħeba wara l-limiti li hija stabbilixxiet fil-linji gwida tagħha dwar l-għajnuna reġjonali sabiex tirrifjuta li tipproċedi għal evalwazzjoni konkreta tal-effetti tal-miżura inkwistjoni. Issa, dan l-ibbilanċjar tal-effetti kkawżati mill-miżura kkontestata kien jeħtieġ il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li n-nuqqas tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ostakolaha milli teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha.

64      F’dan ir-rigward, l-ewwel motiv tar-rikors huwa bbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tosserva l-obbligu li hija għandha f’dan il-każ li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bi ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

65      Għalhekk, minn tal-inqas wieħed mill-motivi tar-rikors huwa espressament intiż għall-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-intervenjenti, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti, għalkemm jirrigwardaw il-mertu tal-evalwazzjonijiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, għandhom jiġu eżaminati biss sa fejn dawn jippruvaw juru li l-Kummissjoni naqset milli tegħleb id-diffikultajiet serji li bihom hija kienet ikkonfrontata matul il-fażi ta’ eżami preliminari (ara l-punt 52 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikors sħiħ ma tistax tiġi milqugħa, iżda li l-ammissibbiltà tal-motivi mressqa mir-rikorrenti u tal-argumenti magħmula fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi għandha tiġi eżaminata każ b’każ.

 Fuq il-mertu

66      L-ewwel motiv tar-rikors huwa bbażat fuq nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tosserva l-obbligu li hija għandha f’dan il-każ li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bi ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999. Għalkemm ma kienx formalment artikolat f’żewġ partijiet, dan il-motiv ikopri żewġ ilmenti separati. Minn naħa, ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ liġi meta hija ddeduċiet mill-paragrafu 68 tal-Linji Gwida li, jekk il-limiti previsti hemmhekk ma kinux inqabżu, hija kienet fondata li tikkonkludi li l-għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli u li hija setgħet ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tagħmel numru ta’ argumenti ta’ natura li juru li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet ta’ evalwazzjoni tal-kriterji previsti fil-paragrafu 68 tal-Linji Gwida li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

67      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv, minħabba li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti tinvoka argumenti intiżi li jikkontestaw il-mertu tal-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

68      Madankollu għandu jitfakkar, li r-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ parti interessata, hija ammissibbli li ssostni li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti hija wkoll ammissibbli li tressaq, insostenn ta’ tali motiv, argumenti ta’ natura li juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li kellha l-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna inkwistjoni, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, punt 52 iktar ’il fuq, punt 50).

69      Issa, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni poġġiet piż determinanti fuq il-fatt li l-limiti previsti fil-paragrafu 68 tal-Linji Gwida ma nqabżux.

70      B’konsegwenza, ir-rikorrenti hija għalhekk ammissibbli, sabiex tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha, li tikkontesta l-iżball ta’ liġi li, skontha, wettqet il-Kummissjoni meta ddeduċiet il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni abbażi tal-fatt li l-limiti previsti fil-paragrafu 68 tal-Linji Gwida ma nqabżux, l-istess bħalma hija ammissibbli sabiex tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali li ppermettew lill-Kummissjoni tikseb iċ-ċertezza li dawn il-limiti ma kellhomx jintlaħqu f’dan il-każ.

71      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha raġun li ssostni li l-ilment, ippreżentat għall-ewwel darba fir-replika, ibbażat fuq it-tul tal-fażi ta’ eżami preliminari huwa ilment ġdid u ma jistax jintrabat mal-argumenti li jinsabu fir-rikors. B’konsegwenza, dan l-ilment tal-aħħar huwa inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

72      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, ħlief fir-rigward tal-ilment dwar it-tul tal-fażi ta’ eżami preliminari.

 Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

73      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li mill-Artikolu 88(2) KE u mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali meta ma jirnexxilhiex telimina d-dubji kollha dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni fil-kuntest tal-eżami preliminari previst fl-Artikolu 88(3) KE. Issa, skontha, il-kompatibbiltà tal-miżura kkontestata mas-suq komuni ma kinitx evidenti u ċerti diffikultajiet ta’ evalwazzjoni kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, investigazzjoni iktar profonda u r-riċerka ta’ iktar informazzjoni kienet neċessarja.

74      B’mod partikolari, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, minn naħa, li ċ-ċirkustanza li l-limiti previsti fil-paragrafu 68 tal-Linji Gwida ma nqabżux kienet tipprekludi l-bidu ta’ investigazzjoni fil-fond tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, li hija kienet marbuta minn din l-interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami preliminari tal-għajnuna mill-Istat ippjanata, dan l-eżami għandu l-għan li jippermettilha tifforma l-ewwel opinjoni dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista mill-Artikolu 88(2) KE hija, min-naħa tagħha, intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet ta’ terzi interessati u barra minn hekk għandha tippermetti li l-Kummissjoni tkun kompletament informata bil-fatti kollha tal-kawża qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari billi tirċievi l-osservazzjonijiet ta’ terzi interessati u tal-Istati Membri. Għalkemm is-setgħa tagħha hija limitata f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tinfetaħ din il-proċedura, il-Kummissjoni għandha madankollu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-identifikazzjoni u l-eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. Skont l-għan tal-Artikolu 88(3) KE u skont l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tiftaħ djalogu mal-Istat li nnotifika l-għajnuna jew ma’ terzi sabiex tegħleb, matul il-proċedura ta’ eżami preliminari, id-diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, T‑388/03, Ġabra p. II‑199, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE hija indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni (ara s-sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi għall-kawża, jekk id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom waqt l-eżami tal‑kompatibbiltà tal-għajnuna jeħtiġux il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Din l-evalwazzjoni għandha tosserva tliet rekwiżiti (ara s-sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 89, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      L-ewwel nett, l-Artikolu 88 KE jillimita s-setgħa tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni wara t-tmiem tal-proċedura ta’ eżami preliminari biss għal dawk il-miżuri li ma jqajmu l-ebda diffikultà serja, b’tali mod li dan il-kriterju għandu natura esklużiva. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interessi ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet tal-ekonomija tal-proċedura u kull raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva jew politika (ara s-sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      It-tieni nett, meta l-Kummissjoni tiffaċċja diffikultajiet serji, hija għandha tiftaħ il-proċedura formali u, f’dan ir-rigward, ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali. (sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 91).

80      It-tielet nett, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, imur, minn natura tiegħu stess, lil hinn mill-verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Meta l-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni fid-dawl tad-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) KE, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess Komunitarju u ma tistax toqgħod lura milli tevalwa l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq is-suq jew is-swieq rilevanti fiż-ŻEE kollha. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha mhux biss tivverifika li dawn il-miżuri huma tali li jikkontribwixxu effettivament għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni kkonċernati, iżda wkoll tevalwa l-impatt ta’ din l-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, tevalwa r-riperkussjonijiet settorjali li din tista’ toħloq fuq livell Komunitarju. (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑113/00, Ġabra p. I‑7601, punt 67).

83      Il-Kummissjoni tgawdi, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni kif ukoll għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti invokati u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter (ara s-sentenza Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, punt 44 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Madankollu, bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, skont il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma t-trattament ugwali jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sakemm ma tagħtix raġunijiet li jiġġustifikaw, fid-dawl ta’ dawn l-istess prinċipji, li hija titbiegħed mir-regoli tagħha stess (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211, u Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, punt 44 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-paragrafu 68 tal-Linji Gwida jistabbilixxi limitu f’ishma tas-suq (25 %) u, għas-setturi fejn ir-rata tat-tkabbir ma hijiex fit-tul ogħla mir-rata ta’ tkabbir medja tal-Prodott Gross Domestiku taż-ŻEE, bħal dik tal-kartun ikkorrugat, jistabbilixxi limitu tat-tkabbir fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni (5 %) li l-qbiż tiegħu jġiegħel lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

86      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni emmnet li minn din id-dispożizzjoni setgħet tiddeduċi li, peress li kienet sabet li fil-każ preżenti l-limiti inkwistjoni ma kellhomx jinqabżu, hija kellha tikkunsidra l-għajnuna inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, kif sostniet ir-rikorrenti, billi għamlet dan il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi li jista’ jostakola t-tneħħija tad-dubji kollha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

87      Il-Kummissjoni, kif ikkonfermatu wkoll matul is-seduta, ikkunsidrat li kienet obbligata li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’dan il-każ, minħabba l-fatt li l-limiti ffissati fil-paragrafu 68 tal-Linji Gwida ma nqabżux. Għal din l-istess raġuni, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-argumenti ta’ dawk li ressqu l-ilment, kellhom, f’kull każ, jiġu miċħuda.

88      Issa, għalkemm il-paragrafu 68 tal-Linji Gwida jistabbilixxi obbligu proċedurali mingħajr eċċezzjonijiet fuq il-Kummissjoni, li hija kostretta tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE meta l-limiti jinqabżu, u dan anki jekk, a priori, hija temmen li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq komuni, madankollu, mill-paragrafu 68 ma jirriżultax li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tiġi eskluża meta dawn il-limiti ma jinqabżux. Effettivament, din id-dispożizzjoni għandha bħala uniku effett li ġġiegħel lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każ li jinqabżu l-limiti, u mhux l-effett li jipprekludiha milli tagħmel dan fil-każijiet fejn il-limiti inkwistjoni ma jintlaħqux. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha ċertament, il-fakultà li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, iżda hija ma tistax tiġġustifika din id-deċiżjoni billi ssostni li hija kostretta mill-paragrafu 68 tal-Linji Gwida.

89      Billi ddeduċiet li l-għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-fatt li l-limiti previsti fil-paragrafu 68 tal-Linji Gwida ma kinux inqabżu, il-Kummissjoni kienet għalhekk żbaljata dwar il-portata ta’ dan il-paragrafu.

90      Barra minn hekk, kif ġustament issostni r-rikorrenti, b’konsegwenza ta’ dan l-iżball, il-Kummissjoni ma eżerċitatx fil-milja tagħha s-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, kif hija obbligata li tagħmel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, T‑357/02 RENV, Ġabra p. II‑5415, punt 45).

91      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza (ara punti 82 u 83 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni hija kostretta teżerċita s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija f’reġjun f’diffikultà, mogħtija lilha mill-Artikolu 87(3) KE, sabiex tqis jekk il-vantaġġi mistennija f’termini ta’ żvilupp reġjonali jegħlbux id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti tal-proġett issussidjat fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

92      Issa, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li, sabiex tasal għall-konklużjoni li tgħid li l-għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni kienet effettivament wettqet din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija kienet obbligata li ma tipproċedix b’analiżi fil-fond ta’ jekk il-vantaġġi ta’ miżura għall-għajnuna jegħlbux id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li din tista’ toħloq meta l-limiti previsti fil-punt 68 tal-Linji Gwida ma jkunux intlaħqu. Barra minn hekk, fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rispett tal-linji gwida jiggarantixxi fih innifsu l-kontribuzzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp reġjonali.

93      F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet ivverifikati bl-applikazzjoni tal-linji gwida, minbarra l-osservanza tal-limiti relatati mal-ishma tas-suq u mat-tkabbir tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni previst fil-paragrafu 68, jirrigwardaw biss dawn l-elementi li ġejjin: fl-ewwel lok, il-fatt li r-reġjun fejn jinsab il-proġett issussidjat huwa tabilħaqq eliġibbli għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat “maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impieg” [Artikolu 87(3)(a) KE]; fit-tieni lok, l-osservanza tal-limitu ta’ intensità massima tal-għajnuna tiddependi mill-grad tal-iżvantaġġ reġjonali; fl-aħħar nett, fit-tielet lok, l-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet komportamentali, bħall-preżentazzjoni mill-benefiċjarju ta’ talba ta’ sussidju qabel il-bidu tax-xogħlijiet kif ukoll l-impenn tal-benefiċjarju li jopera l-installazzjoni ssussidjata għal perijodu ta’ mhux inqas minn ħames snin. Madankollu għandu jiġi nnotat li l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex suffiċjenti sabiex turi li kull miżura konformi magħhom ser ikollha effett pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali.

94      Setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandha ċertament tiġi rikonoxxuta lill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda t-tfittxija u l-eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġi ddeterminat jekk għajnuna mill-Istat tistax tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni (ara s-sentenza Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, punt 44 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-Kummissjoni f’dan il-każ limitat ruħha li tivverifika jekk l-inkonvenjenzi kkawżati mill-proġett issussidjat, f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, kinux ser jinżammu fuq livell limitat, iżda mhux jekk il-benefiċċji f’termini ta’ żvilupp reġjonali kellhomx jegħlbu l-iżvantaġġi tiegħu, anki jekk huma żgħar.

95      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb tadotta qabel l-1 ta’ Jannar 2007, regoli ddettaljati oħra sabiex tissupplimenta dawk li jinsabu fil-linji gwida, li fihom hija kellha tindika l-kriterji li kien beħsiebha tieħu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk l-għajnuna eżaminata kinitx neċessarja sabiex jinħoloq inċentiv fuq l-investiment u jekk il-vantaġġi tal-għajnuna jegħlbux id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara punt 13 iktar ’il fuq).

96      Għalhekk, ir-rikorrenti hija fondata li ssostni li l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux fihom infushom jippermettu li l-Kummissjoni telimina kull dubju f’dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni fid-dawl tad-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) KE. Effettivament, kif ġie rrilevat fil-punt 91 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni ta’ din id-deroga tassumi li l-vantaġġi tal-miżura jegħlbu l-iżvantaġġi tagħha, ikunu kemm ikunu limitati dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 82 iktar ’il fuq, punt 67).

97      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ddeduċiet li l-għajnuna inkwistjoni kienet tosserva l-linji gwida, mingħajr ma evalwat l-importanza tal-proġett issussidjat f’dak li huwa żvilupp reġjonali, li dan kien kompatibbli mas-suq komuni u li hija kienet obbligata li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni, mhux biss talli żbaljat fuq il-portata tal-linji gwida, iżda talli, barra minn hekk, naqset milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għalhekk, ir-rikorrenti hija fondata li ssostni, li, peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji li kienu meħtieġa għall-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma poġġietx ruħha f’pożizzjoni li tegħleb kull dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

98      B’riżultat ta’ dan, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi evalwata l-ammissibbiltà tal-argumenti l-oħra tar-rikors jew li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tagħhom għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

99      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 1107, tat-2 ta’ April 2008, li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna għal skopijiet reġjonali li l-awtoritajiet Ġermaniżi beħsiebhom jagħtu lil Propapier PM2 għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika fejn tinħadem il-karta f’Eisenhüttenstadt (reġjun ta’ Brandenburg-Nordost) (Għajnuna mill-Istat Nru 582/2007 — il-Ġermanja) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea u Propapier PM2 GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż.

Azizi

Frimodt Nielsen

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Lulju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 —      Informazzjoni kunfidenzjali ommessa.