Language of document : ECLI:EU:T:2010:505

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

9 ta’ Diċembru 2010(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja figurattiva Golden Elephant Brand – Trade mark nazzjonali figurattiva mhux irreġistrata GOLDEN ELEPHANT – Raġuni relattiva għal rifjut – Riferiment għad-dritt nazzjonali li jirregola t-trade mark preċedenti – Azzjoni taħt il-common law kontra l-abbuż mid-denominazzjoni (action for passing off) – Artikolu 74(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009] – Artikolu 8(4) u Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009] – Motivi ġodda – Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura”

Fil-Kawża T‑303/08,

Tresplain Investments Ltd, stabbilita fi Tsing Yi, Hong Kong (iċ-Ċina), irrappreżentata minn D. McFarland, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Novais Gonçalves, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Hoo Hing Holdings Ltd, stabbilita fi Romford, Essex (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Edenborough, barrister,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tas-7 ta’ Mejju 2008 (Każ R 889/2007-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Hoo Hing Holdings Ltd u Tresplain Investments Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjoni, minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Lulju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2008,

wara li rat it-talba sabiex din il-kawża tiġi magħquda mal-Kawża T-300/08 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, imressqa mill-intervenjenti permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Awwissu 2008,

wara li rat l-osservazzjoni tar-rikorrenti u tal-UASI dwar it-talba għal tgħaqqid, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ ittri, rispettivament, tal-10 ta’ Novembru u tal-14 ta’ Ottubru 2008,

wara li rat it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub u għall-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda ppreżentata mill-intervenjenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Awwissu 2009,

wara li rat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq din it-talba ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Settembru 2009,

wara li rat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi terminu għall-preżentata ta’ motivi ġodda,

wara li rat in-nota tal-intervenjenti li tippreżenta motivi ġodda ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2009,

wara li rat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-UASI dwar il-motivi l-ġodda ppreżentati mill-intervenjenti, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fit-13 u fit-18 ta’ Jannar 2010,

wara li rat in-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ xhar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

1        Fid-29 ta’ April 1996, ir-rikorrenti, Tresplain Investments Ltd, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqa’ fil-klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: “ross”.

4        Fl-4 ta’ Frar 1999, ir-rikorrenti kisbet ir-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark Komunitarja bin-Nru 241810 (iktar ’il quddiem it-“trade mark Komunitarja kkontestata”).

5        Fil-5 ta’ Awwissu 2005, l-intervenjenti, Hoo Hing Holdings Ltd, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-trade mark ikkontestata. L-ewwel nett, hija invokat l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 207/2009), kif applikabbli qabel l-10 ta’ Marzu 2004, data li fiha daħlet fis-seħħ il-verżjoni l-ġdida ta’ dan l-artikolu, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004, tad-19 ta’ Frar 2004, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 3). It-tieni nett, hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009]. It-tielet nett, hija invokat l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009], moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan l-istess regolament (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009). F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-regoli li jirregolaw l-abbuż mid-denominazzjoni (passing off) jagħtuha d-dritt, fir-Renju Unit, li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark Komunitarja kkontestata abbażi tat-trade mark figurattiva tagħha mhux irreġistrata sussegwenti, trade mark li hija użat fir-Renju Unit mill-1988 sabiex tindika r-ross (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”):

Image not found

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2007, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fir-rigward tar-raġuni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, hija tikkunsidra li d-data rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-intervenjenti kinitx kisbet dritt preċedenti skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 kienet id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkontestata, jiġifieri d-29 ta’ April 1996, u mhux id-data li fiha din tal-aħħar kienet, għall-ewwel darba, ġiet użata fir-Renju Unit. Hija tqis li l-intervenjenti kienet ipprovat suffiċjentement li kienet użat, f’din id-data, it-trade mark preċedenti fil-kummerċ u li l-użu tagħha ma kienx biss lokali. Madankollu, hija qieset li, fid-dawl tal-parti żgħira mis-suq tar-ross mibjugħ taħt it-trade mark preċedenti, l-intervenjenti ma kinitx stabbilixxiet li “goodwill” (jiġifieri l-forza li tiġbed il-klijentela, ara l-punt 101 iktar ’il quddiem) kienet ġiet marbuta mill-pubbliku rilevanti mal-prodotti li jikkonċernaw it-trade mark preċedenti. Għaldaqstant l-intervenjenti ma wrietx li s-sistema tal-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni kienet tippermettilha tipprojbixxi l-użu tat-trade mark Komunitarja kkontestata.

7        Fit-8 ta’ Ġunju 2007, l-intervenjenti appellat quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2008, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, iddikjara l-invalidità tat-trade mark Komunitarja kkontestata u kkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

9        Il-Bord tal-Appell qies li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, kienu ġew sodisfatti u ddikjara l-invalidità tat-trade mark Komunitarja kkontestata fuq din il-bażi.

10      Huwa rrileva li, sabiex azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni skont il-common law, kif żviluppata mill-ġurisprudenza Ingliża tkun fondata, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jipprova, l-ewwel nett, li huwa kiseb goodwill jew reputazzjoni fis-suq taħt it-trade mark mhux irreġistrata u li l-prodotti tiegħu huma rikonoxxuti minn element distintiv, it-tieni nett, li hemm preżentazzjoni għarrieqa (intenzjonali jew le) minn naħa tal-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja li twassal, jew li tista’ twassal, lill-pubbliku biex jemmen li l-prodotti offruti għal bejgħ mill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja huma dawk tal-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u, it-tielet nett, li huwa sofra jew għandu r-riskju li jsofri dannu minħabba l-konfużjoni kkawżata mill-preżentazzjoni għarrieqa mill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja.

11      Il-Bord tal-Appell ingħaqad mal-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li abbażi tagħha d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija d-data rilevanti li fiha d-drittijiet għas-sinjal preċedenti għandhom ikunu nkisbu.

12      Huwa enfasizza li l-provi prodotti mill-intervenjenti juru attività kummerċjali effettiva u serja li timplika l-importazzjoni fir-Renju Unit u l-bejgħ lil stabilimenti tal-ikel Ċiniż u tal-ikel Tajlandiż ta’ tipi speċjali ta’ ross taħt it-trade mark preċedenti. Għaldaqstant is-sinjal kien ġie użat fil-kummerċ skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

13      Il-Bord tal-Appell irrileva li mill-provi prodotti mill-intervenjenti kien irriżulta li t-trade mark preċedenti kienet intużat fir-Renju Unit (f’Londra u fil-Kontei ta’ Kent u ta’ Bedfordshire). Barra minn hekk, dikjarazzjoni solenni pprovduta mill-intervenjenti kienet ikkonfermat il-bejgħ tar-ross lil klijenti f’ibliet kbar oħra tar-Rejnu Unit (b’mod partikolari Manchester, Liverpool, Birmingham, Glasgow u Bristol). Għaldaqstant l-intervenjenti pprovat li l-użu tat-trade mark preċedenti ma kienx lokali biss skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

14      L-intervenjenti wriet li d-drittijiet inkwistjoni kienu nkisbu qabel id-data tal-preżentanta tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja skont l-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 207/2009].

15      Fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], li abbażi tagħha s-sinjal mhux irreġistrat għandu jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, il-Bord tal-Appell irrileva s-segwenti.

16      L-intervenjenti wriet l-eżistenza ta’ goodwill suffiċjenti, iġġenerata fl-impriża tagħha permezz tal-bejgħ ta’ tipi speċjali ta’ ross, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkontestata. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni stabbilixxiet limitu ogħla għad-dimostrazzjoni ta’ goodwill minn dak stabbilit mid-dritt Ingliż li jirregola l-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni.

17      Il-Bord tal-Appell barra minn hekk ikkunsidra li t-trade mark Komunitarja kkontestata kienet preżentazzjoni għarrieqa tat-trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, huwa rrileva li l-prodotti kkonċernati kienu identiċi. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-elementi verbali tat-trade marks ikkonċernati. Hemm identiċità fonetika u viżwali bejn dawn tal-aħħar, kif ukoll xebh viżiv kbir. Għaldaqstant huwa inevitabbli li l-pubbliku ma jkunx jista’ jiddistingwi s-sinjali inkwistjoni u li l-konsumaturi li ġew ikkonfrontati bit-trade mark preċedenti jidentifikaw ir-ross ikkummerċjalizzat mir-rikorrenti taħt it-trade mark Komunitarja kkontestata mar-ross ikkumerċjalizzat mill-intervenjenti.

18      Barra minn hekk, huwa qies li, peress li l-intervenjenti wriet l-eżistenza ta’ goodwill fir-Renju Unit fir-rigward tat-trade mark preċedenti, li kienet tixbah ħafna lit-trade mark Komunitarja kkontestata u li kienet tkopri prodotti identiċi, kien raġonevoli li jiġi konkluż li l-intervenjenti kienet f’riskju li ssofri dannu.

19      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inkwantu din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, f’“rimarka preliminari”, li din kienet inammissibbli. Fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ppreċiża li, peress li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ġiet ippreżentata fil-5 ta’ Awwissu 2005, il-verżjoni tar-Regolament Nru 40/94 li kienet applikabbli kienet dik li kienet tinkludi l-emendi magħmula għar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità mir-Regolament Nru 422/2004, u li l-Artikolu 51(1)(a) il-ġdid tar-Regolament Nru 40/94, li kien applikabbli, kien jirreferi biss għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009), relatat mar-raġunijiet assoluti għal rifjut, u mhux għall-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, relatat mal-proprjetarji ta’ trade marks Komunitarji.

20      Fl-aħħar, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma eżaminax l-argument tal-intervenjenti bbażat fuq l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

21      Fl-1 ta’ Awwissu 2008, l-intervenjenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ dan ir-rikors, hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Bord tal-Appell kien ikkonkluda li l-motif ibbażat fuq ir-raġuni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament 40/94 kien inammissibbli. Hija talbet wkoll il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata b’mod li l-motivi tagħha bbażati fuq ir-raġunijiet ta’ invalidità previsti, rispettivament, fl-Artikolu 51(1) (a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94 ikunu ddikjarati ammissibbli u fondati kif ukoll il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata b’mod li t-trade mark Komunitarja kkontestata tkun iddikjarata nulla abbażi ta’ waħda minn dawn il-motivi supplementari, jew abbażi tat-tnejn li huma.

22      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli [digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2009, Hoo Hing vs UASI – Tresplain Investments (Golden Elephant Brand), T‑300/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra]. Il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat li, skont l-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009), Hoo Hing ma kellhiex locus standi biex tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, għaliex id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kienet kompletament laqgħet it-talbiet tagħha (digriet Golden Elephant Brand, iċċitat iktar ’il fuq, punt 37).

 It-talbiet tal-partijiet

23      Fit-talba tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

24      Fir-risposta tiegħu, l-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Fir-risposta tagħha, l-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        barra minn hekk, jew sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tikkonċerna l-konstatazzjoni li abbażi tagħha d-data adatta sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni dwar l-abbuż mid-denominazzjoni hija d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u mhux id-data tal-ewwel użu tat-trade mark Komunitarja;

–        barra minn hekk, jew sussidjarjament, tbiddel id-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonstata li d-data adatta sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni dwar l-abbuż mid-denominazzjoni hija d-data tal-ewwel użu tat-trade mark Komunitarja u mhux id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja;

–        tikkundanna lill-UASI jew lir-rikorrenti, jew sussidjarjament, lill-UASI u lir-rikorrenti in solidum, għall-ispejjeż.

26      Barra minn hekk, fir-risposta tagħha li tqajjem motivi ġodda, l-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu din ikkonkludiet li l-motiv ibbażat fuq ir-raġuni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 huwa inammissibbli;

–        barra minn hekk, jew sussidjarjament, tbiddel id-deċiżjoni kkontestata b’mod li l-motiv ibbażat fuq ir-raġuni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 ikun iddikjarat ammissibbli u fondat;

–        tbiddel id-deċiżjoni kkontestata b’mod li l-motiv ibbażat fuq ir-raġuni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ikun iddikjarat ammissibbli u fondat;

–        inkwantu d-deċiżjoni kkontestata tkun mibdula fis-sens tat-talba, tbiddilha wkoll b’mod li t-trade mark Komunitarja kkontestata tkun iddikjarata nulla abbażi ta’ wieħed minn dawn il-motivi supplementari, jew abbażi tat-tnejn;

–        tikkundanna lill-UASI jew lir-rikorrenti, jew sussidjarjament, lill-UASI u lir-rikorrenti in solidum għall-ispejjeż.

27      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fuq il-motivi l-ġodda, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad il-motivi ta’ liġi l-ġodda;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

28      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar il-motivi l-ġodda, l-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad il-motivi ta’ liġi l-ġodda bħala inammissibili;

–        sussidjarjament, tiċħad il-motivi ta’ liġi l-ġodda bħala infondati;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

29      Fir-rigward, l-ewwel nett, it-talba tal-intervenjenti li din il-kawża tingħaqad mal-Kawża T-300/08 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din it-talba tilfet l-għan tagħha minħabba ċ-ċaħda bħala inammissibbli tar-rikors fil-Kawża T-300/08 (digriet Golden Elephant Brand, punt 22 iktar ’il fuq).

1.     Fuq it-talbiet tar-rikorrenti

30      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009) u fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament Nru 40/94

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni fatti, provi u argumenti rilevanti, li hija kienet ipproduċiet fi żmien xieraq. B’hekk huwa kiser l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, u b’mod partikolari l-Artikolu 74(2) [li sar l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009).

32      B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-rikorrenti dwar:

–        il-kontestazzjoni tal-allegati “provi” prodotti mill-intervenjenti;

–        il-fatt li l-intervenjenti ma pproduċietx provi dwar il-piż u r-rilevanza tal-allegata reputazzjoni jew tal-goodwill miksuba permezz tal-użu;

–        in-nuqqas ta’ każijiet reali ta’ konfużjoni jew ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-fatt li l-intervenjenti (mhux inqas il-klijenti tagħha) qatt ma kkontestat lir-rikorrenti, għalkemm huwa aċċettat li kien hemm, mix-xahar ta’ Novembru 2003, kummerċjalizzazzjoni parallela fis-suq tar-Renju Unit tal-prodotti taż-żewġ partijiet, jiġifieri tar-ross, li kien mibjugħ taħt it-trade marks inkwistjoni.

33      Il-Bord tal-Appell kien irrifjuta wkoll li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi dwar in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni prodotti mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

34      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kien notament irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjoni tar-rikorrenti tat-3 ta’ Frar 2006, tal-31 ta’ Ottubru 2007 u tal-1 ta’ April 2008.

35      Il-Bord tal-Appell ma evalwax l-ishma tas-suq u ma kkunsidrax il-provi li hija kienet ipproduċiet u li minnhom jirriżulta li bħala medja 500 000 tunnellata ross hija importata ta’ kull sena fir-Renju Unit.

36      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li din il-parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. L-UASI b’mod partikolari jsostni li dan il-motiv huwa inammissibbli, għaliex ir-rikorrenti ma tindikax b’mod biżżejjed ċar liema huma l-argumenti jew il-provi, fost dawk imressqa jew prodotti matul il-proċedura amministrattiva, li ġew injorati mill-Bord tal-Appell. F’kull każ, din il-parti tal-ewwel motiv ma hijiex fondata, għaliex il-Bord tal-Appell kien eżamina l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati mill-partijiet

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

37      Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, is-“suġġett tal-kawża” u “sunt tar-raġunijiet imressqa”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 158(2) tal-imsemmija regoli “[e]bda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura”. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kull motiv li ma huwiex artikulat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T-209/01, Ġabra p. II-5527, punt 54).

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli huwa neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat, jirriżultaw, għall-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, jekk is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-punti essenzjali tal-argumenti fid-dritt, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu jinsabu fir-rikors stess. Minbarra dan, ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenzi Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009) jipprovdi li l-UASI għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess u li madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami għandu jkun ristrett għall-motivi invokati u għat-talbiet mressqa mill-partijiet. Skont l-Artikolu 74(2), l-UASI jista’ ma jikkunsidrax fatti li l-partijiet ma invokawx jew provi li huma ma produċewx fiż-żmien preskritt.

40      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kiser din id-dispożizzjoni proċedurali billi rrifjuta li jikkunsidra ċerti argumenti jew provi mressqa mir-rikorrenti, filwaqt li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 74(2) ma kinux sodisfatti, għaliex hija kienet ippreżentat dawn l-elementi kollha fiż-żmien preskritt.

41      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ċerti argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti tal-ewwel motiv ma ġewx ippreżentati b’mod suffiċjentement preċiż fir-rikors. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma spjegatx, fil-korp tar-rikors, liema kienu l-argumenti li hija kienet ppreżentat matul il-proċedura amministrattiva dwar il-kontestazzjoni tal-provi prodotti mill-intervenjenti. Hija lanqas ma indikat, fin-noti tagħha tat-3 ta’ Frar 2006, tal-31 ta’ Ottubru 2007 u tal-1 ta’ April 2008, liema kienu l-argumenti li l-Bord tal-Appell kien, fl-opinjoni tagħha, irrifjuta li jikkunsidra.

42      Xorta waħda, parti mill-argumenti invokati mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti tal-ewwel motiv ġew ippreżentati b’mod suffiċjentement ċar fir-rikors stess. Għaldaqstant, minn dan tal-aħħar jirriżulta li r-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma kkunsidrax l-argumenti tagħha li abbażi tagħhom l-intervenjenti ma kinitx ipproduċiet provi dwar il-piż u r-rilevanza tal-allegata reputazzjoni jew tal-goodwill akkwistata permezz tal-użu. Mir-rikors jirriżulta wkoll li r-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell rrifjuta li jikkunsidra l-argumenti tagħha li abbażi tagħhom ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti takkuża espliċitament lill-Bord tal-Appell li ma kkunsidrax l-argument tagħha li abbażi tiegħu, bħalda medja, kull sena 500 000 tunnellata ta’ ross hija importata fir-Renju Unit. Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, il-kontenut tal-argumentazzjoni jirriżulta, tal-inqas b’mod sommarju, mill-korp tar-rikors.

43      L-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell wettaq żball proċedurali billi rrifjuta li jikkunsidra parti mill-argumenti tar-rikorrenti mingħajr ma kienu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għal tali rifjut, ma tistax għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli fiha nnifisha. Biss xi argumenti mressqa insostenn ta’ din il-parti huma inammissibbli, għaliex dawn ma ġewx ippreżentati b’mod suffiċjentement ċar fil-korp tar-rikors (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

44      Abbażi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, għandu jiġi rrilevat is-segwenti. Hekk kif jenfasizza l-UASI, mid-deċiżjoni kkontestata jew mill-korrispondenza skambjata bejnu u r-rikorrenti bl-ebda mod ma jirriżulta li huwa kien irrifjuta li jikkunsidra fatti, provi u argumenti ppreżentati minn din tal-aħħar.

45      Għandu jiġi enfasizzat li l-Bord tal-Appell ġabar fil-qosor, fil-punti 3, 5, 14 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti li r-rikorrenti kienet ippreżentat, li jirriflettu n-noti kollha li hija kienet issottomettiet matul il-proċedura amministrattiva.

46      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet. Huwa biżżejjed li jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 30). Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-Bord tal-Appell ma rriproduċiex l-argumenti kollha ta’ waħda mill-partijiet jew ma weġibx għal kull wieħed minn dawn l-argumenti ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell rrifjuta li jikkunsidrhom.

47      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet sostniet li s-sehem mis-suq tal-intervenjenti kien żgħir wisq biex tiġi stabbilita goodwill u, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata huwa rrileva li r-rikorrenti kienet sostniet li l-intervenjenti ma kinitx ipproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ goodwill. Barra minn hekk, huwa ġabar fil-qosor l-argumenti tar-rikorrenti dwar is-sehem mis-suq żgħir tal-intervenjenti fil-punti 3 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata.

48      Fil-punti 40 sa 43 ta’ din tal-aħħar, il-Bord tal-Appell eżamina l-kwistjoni dwar jekk l-intervenjenti kinitx uriet l-eżistenza ta’ goodwill hekk kif mitlub mil-liġi, u xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kien irrifjuta li jikkunsidra l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

49      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax l-argumenti u l-provi li hija kienet ipproduċiet dwar in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat is-segwenti. Huwa veru li, fis-sommarju tal-argumenti tar-rikorrenti li jinstab fid-deċiżjoni kkontestata, ma hemm ebda argument dwar in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma ppreżentatx argumenti elaborati dwar in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Ir-rikorrenti llimitat ruħha tafferma, fin-nota tagħha tal-31 ta’ Ottubru 2007, wara li enfasizzat il-parti żgħira mis-suq tal-intervenjenti, li “ma [setax] ikun hemm goodwill, rappreżentazzjoni għarrieqa jew dannu”, li “ma kienx hemm rappreżentazzjoni għarrieqa u ebda dannu ma kien rriżulta minn dan” u, fin-nota tagħha tal-1 ta’ April 2008, li l-intervenjenti “ma [setgħetx] turi rappreżentazzjoni għarrieqa jew dannu”.

50      Fil-punti 44 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ rappreżentazzjoni għarrieqa. Peress li r-rikorrenti llimitat ruħha, waqt il-proċedura amministrattiva, tikkontesta l-imsemmija eżistenza, mingħajr ma żviluppat l-argumenti tagħha, il-fatt biss li l-Bord tal-Appell eżamina l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ rappreżentazzjoni għarrieqa jfisser li huwa kkunsidra l-argumenti tar-rikorrenti.

51      F’dak li jikkonċerna l-argument li l-Bord tal-Appell, b’mod partikolari, ma kkunsidrax il-fatt li l-intervenjenti (mhux inqas il-klijenti tagħha) qatt ma kienet ikkontestat lir-rikorrenti, filwaqt li kien hemm, mix-xahar ta’ Novembru 2003, kummerċjalizzazzjoni parallela fis-suq, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma bbażatx ruħha fuq dawn il-fatti fl-argumenti tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant ma tistax tkun kwistjoni ta’ rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

52      Fir-rigward tal-argument li l-importazzjonijiet tar-ross fir-Renju Unit kienu, bħala medja, ta’ 500 000 tunnellata fis-sena, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell espliċitament semma’ dan l-argument fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, huwa rrileva, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li anki l-impriżi ż-żgħar setgħu jkollhom goodwill. Minn dan jirriżulta li, skont il-Bord tal-Appell, ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit is-sehem mis-suq eżatt li l-intervenjenti kellha. Il-fatt li l-Bord tal-Appell ma kkalkulax is-sehem mis-suq tal-intervenjenti abbażi tal-provi pprodotti mir-rikorrenti fir-rigward tal-volum totali tas-suq għaldaqstant ma jfissirx li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jikkunsidra parti mill-argumenti jew provi prodotti mir-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94. In-nuqqas ta’ determinazzjoni tas-sehem mis-suq eżatt tal-intervenjenti huwa spejgat mill-fatt li dan tal-aħħar ma kienx ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata.

53      Mill-preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma rrifjutax li jikkunsidra l-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex fondati, b’mod li hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 73 u 74(1), in fine, tar-Regolament Nru 40/94

–       L-argumenti tal-partijiet

54      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq “fatti” allegati u fuq preżunzzjonijiet u dikjarazzjonijiet ta’ liġi li ma kinux ġew invokati jew sostnuti mill-partijiet. Għaldaqstant, huwa kien kiser l-Artikoli 73 u 74(1), in fine, tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76(1), in fine, tar-Regolament Nru 207/2009).

55      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell iddefinixxa, jew sussidjarjament, applika għal dan il-każ id-dritt Ingliż dwar l-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni b’mod inkorrett.

56      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell “ivvinta konklużjonijiet” u bbaża ruħu fuq spekulazzjonijiet u fuq ipoteżijiet biex isostni l-affermazzjonijiet tiegħu dwar l-allegata possibbiltà ta’ konfużjoni tat-trade marks inkwistjoni.

57      It-tielet nett, il-Bord tal-Appell kkonkluda b’mod żbaljat li kien hemm dannu, minkejja n-nuqqas ta’ prova jew ta’ affermazzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali dannu.

58      L-intervenjenti ma ppruvatx li kienet kisbet goodwill. Is-sehem tagħha mis-suq tar-ross fir-Renju Unit kien żgħir wisq biex tikseb goodwill.

59      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell wettaq żball billi naqas milli jikkunsidra d-differenzi anatomiċi, estetiċi u artistiċi tar-rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ ljunfant fit-trade marks inkwistjoni.

60      Il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-fatt li l-parti l-kbira tal-provi prodotti mill-intervenjenti ma jurux l-użu tat-trade mark preċedenti għar-ross fiż-żmien inkwistjoni. Pereżempju, ir-rollijiet tal-kaxxa tal-flus jirreferu biss għar-ross “G/E” jew “GE” u mhux għat-trade mark preċedenti.

61      Ir-rikorrenti tqis li l-argumenti tal-Bord tal-Appell, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, huma illoġiċi, inkwantu huwa qies li “d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni [kienet] stabbiliet limitu ogħla minn dak meħtieġ mid-dritt Ingliż li jirregola l-abbuż mid-denominazzjoni”, iżda ma wasalx għall-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li abbażi tagħha l-abbuż mid-denominazzjoni ma kinitx ippruvata.

62      Hija tqis li l-Bord tal-Appell ma kellu ebda bażi fattwali biex jikkonkludi, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien “ftit probabbli li r-rata ta’ żieda tal-bejgħ irreġistrata wara d-data tal-preżentata kienet tkun tali mingħajr l-eżistenza tal-goodwill iġġenerata mill-impriża f’din id-data”. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell naqas milli jkun preċiż billi uża l-espressjoni “goodwill iġġenerata mill-impriża”.

63      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li din il-parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

64      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat l-allegat ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, sabiex wara jiġi eżaminat dak tat-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li saret it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009).

65      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 74(1), in fine, tar-Regolament Nru 40/94, fi proċeduri li jikkonċernaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami huwa limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet mressqa mill-partijiet. L-Artikolu 74(1), in fine, tar-Regolament Nru 40/94 japplika wkoll għall-proċeduri għal annullament li jikkonċernaw raġuni relattiva ta’ invalidità skont l-Artikolu 52 tal-istess regolament [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Mejju 2005, TeleTech Holdings vs UASI – Teletech International (TELETECH GLOBAL VENTURES), T‑288/03, Ġabra p. II‑1767, punt 65]. Għaldaqstant, fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità dwar raġuni relattiva ta’ invalidità, hija l-parti li ressqet it-talba għal invalidità billi tibbaża ruħha fuq trade mark nazzjonali preċedenti li għandha turi l-eżistenza tagħha u, jekk ikun il-każ, il-portata tal-protezzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ), T‑318/03, Ġabra p. II‑1319, punt 33].

66      Min-naħa l-oħra, l-UASI għandu jeżamina jekk, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ invalidità invokata humiex sodisfatti. F’dan il-kuntest, huwa għandu jevalwa l-materjalità tal-fatti invokati u s-saħħa probatorja tal-provi prodotti mill-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ATOMIC BLITZ, punt 65 supra, punt 34).

67      L-UASI jista’ jintalab jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih hija protetta t-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’dan il-każ, huwa għandu jinforma ruħu ex officio, permezz tal-mezzi li huwa jqis l-iktar adatti għal dan l-għan, dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jekk tali informazzjoni hija neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ invalidità inkwistjoni u, partikolarment, dwar il-materjalità tal-fatti ppreżentati jew is-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami mwettaq mill-UASI ma teskludix li huwa jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti ppreżentati speċifikament mill-partijiet fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa mill-persuni kollha jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi li huma ġeneralment aċċcessibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ATOMIC BLITZ, punt 65 supra, punt 35).

68      L-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

69      Qabel kollox, fir-rigward tal-argument li l-Bord tal-Appell iddefinixxa jew, sussidjarjament, applika għal dan il-każ id-dritt Ingliż li jirregola l-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni b’mod inkorrett, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni jew applikazzjoni inkorretta tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru tista’ tikkostitwixxi żball ta’ liġi, iżda mhux ksur tal-Artikolu 74(1), in fine, tar-Regolament Nru 40/94. Peress li l-UASI huwa obbligat jevalwa ex officio jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ invalidità invokata humiex sodisfatti u li jinforma ruħu ex officio, jekk ikun il-każ, dwar id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, żball eventwali fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ma jistax ikun meqjus bħala trasgressjoni tal-limiti tal-kawża bejn il-partijiet.

70      F’dak li jikkonċerna, sussegwentement, l-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu l-Bord tal-Appell “ivvinta konklużjonijiet” u bbaża ruħu fuq spekulazzjonijiet u fuq ipoteżijiet biex isostni l-affermazzjonijiet tiegħu dwar l-allegata possibbiltà ta’ konfużjoni tat-trade marks inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej. Il-Bord tal-Appell eżamina, kif kellu jagħmel, fil-punti 44 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk waħda mill-kundizzjonijiet għal azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ preżentazzjoni għarrieqa tat-trade mark preċedenti, kinitx sodisfatta. F’dan ir-rigward, huwa qabel kollox ippreżenta, fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dritt nazzjonali, li huwa applika għal każ inkwistjoni fil-punti 45 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata.

71      Peress li kien il-Bord tal-Appell li kellu jeżamina jekk is-sinjal preċedenti invokat mill-intervenjenti kienx jippermetti li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti skont l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huwa kien obbligat jeżamina l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm preżentazzjoni għarrieqa li tista’ twassal lill-pubbliku jemmen li l-prodotti offruti għal bejgħ mir-rikorrenti kienu dawk tal-intervenjenti. Il-fatt li fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għamel konstatazzjonijiet bħal “huwa inevitabbli li l-pubbliku ma jkunx jista’ jiddistingwi r-ross u t-trade marks tagħhom” jew “hemm bla dubju ta’ xejn preżentazzjoni għarrieqa” ma jistax għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala trasgressjoni tal-limiti tal-kawża bejn il-partijiet. L-argumenti tar-rikorrenti fuq dan il-punt jirreferu, fir-realtà, mhux għal ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, iżda għal żball ta’ liġi li l-Bord tal-Appell wettaq fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

72      Fir-rigward tal-argument li l-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, ikkonkluda li kien jeżisti dannu minkejja n-nuqqas ta’ prova jew ta’ dikjarazzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali dannu, għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell kien obbligat jeżamina jekk il-kundizzjonjiet ta’ azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni fid-dritt tar-Renju Unit kinux sodisfatti. Għaldaqstant, il-fatt li fil-punt 49 huwa qies li kien raġonevoli li jiġi konkluż li l-intervenjenti kienet qed tirriskja li ssofri dannu fil-forma ta’ telf dirett jew indirett ta’ bejgħ, ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

73      Permezz tal-argument tagħha li abbażi tiegħu l-intervenjenti ma ppruvatx li kisbet goodwill u kellha sehem mis-suq żgħir wisq, ir-rikorrenti ssostni, fir-realtà, li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-goodwill u mhux li huwa wettaq ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 billi kkunsidra fatti jew provi li ma kinux ġew ippreżentati mill-partijiet.

74      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu l-Bord tal-Appell wettaq żball billi naqas milli jikkunsidra d-differenzi anatomiċi, estetiċi u artistiċi tar-rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ ljunfant fit-trade marks inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument jirreferi, fir-realtà, għal żball ta’ liġi li l-Bord tal-Appell wettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ preżentazzjoni għarrieqa u mhux għal ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

75      Permezz tal-argument tagħha li abbażi tiegħu l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-fatt li l-parti l-kbira tal-provi prodotti mill-intervenjenti ma jurux l-użu tat-trade preċedenti għar-ross fiż-żmien inkwistjoni, ir-rikorrenti, fir-realtà, tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma evalwax il-provi prodotti mill-intervenjenti b’mod korrett. Tali argument jikkonċerna żball ta’ evalwazzjoni li wettaq il-Bord tal-Appell u mhux ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

76      L-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu l-argument tal-Bord tal-Appell huwa illoġiku (ara l-punt 61 iktar ’il fuq) jirreferi wkoll għal allegat żball ta’ liġi u mhux għal ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

77      F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu l-Bord tal-Appell ma bbaża ruħu fuq ebda fatt biex jikkonkludi, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien “ftit probabbli li r-rata ta’ żieda tal-bejgħ irreġistrata wara d-data tal-preżentata kienet tkun tali mingħajr l-eżistenza tal-goodwill iġġenerata mill-impriża f’din id-data”, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. Il-Bord tal-Appell għandu jiddetermina jekk l-intervenjenti kinitx kisbet goodwill kif meħtieġ fid-dritt tar-Renju Unit fil-kuntest ta’ azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni. Fil-każ fejn il-Bord tal-Appell ikun ikkonkluda li teżisti goodwill mingħajr bażi fattwali suffiċjenti, dan jikkostitwixxi żball ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti ma ssostnix li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq fatti li ma kinux ġew ippreżentati mill-partijiet, iżda li dan tal-aħħar silet konklużjonijiet inġustifikati mill-punti ta’ fatt li ġew ippreżentati quddiemu.

78      Fl-aħħar fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu l-Bord tal-Appell naqas milli jkun preċiż billi uża l-espressjoni “goodwill iġġenerata mill-impriża”, għandu jiġi rrilevat li dan jikkonċerna, fir-realtà, żball ta’ liġi li l-Bord tal-Appell wettaq.

79      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti ma jirreferux, fir-realtà, għal ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, iżda għal żbalji ta’ liġi li l-Bord tal-Appell wettaq fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali jew għal żbalji ta’ evalwazzjoni. Għalhekk dawn l-argumenti ser ikunu eżaminati fil-kuntest tat-tieni motiv.

80      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet li fuqhom il-partijiet kellhom il-possibbiltà jieħdu pożizzjoni.

81      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li l-evalwazzjoni tal-fatti tikkonċerna l-att deċiżjonali. Issa, id-dritt għal smigħ jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, Ġabra p. II‑1917, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jisma’ lir-rikorrenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa għażel li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu. Għalhekk huwa ma wettaqx ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

82      Minn dan kollu li jippreċedi jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

83      Ir-rikorrenti ssostni li huwa żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-goodwill hija meqjusa żgħira biss meta l-impriża ma hijiex ta’ natura sedentarja. Barra minn hekk, huwa kkunsidra b’mod żbaljat li l-livell ta’ prova meħtieġ fid-dritt Ingliż huwa l-istess biss għall-karattru distintiv miksub permezz tal-użu. Hija tqis li l-livell ta’ prova meħtieġ fid-dritt Ingliż huwa l-istess għall-kawżi ċivili kollha.

84      Il-Bord tal-Appell injora jew interpreta ħażin il-fatt li l-intervenjenti kien imissha ppruvat kif meħtieġ mil-liġi kull element tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni. Il-Bord tal-Appell illimita ruħu, fil-punti 47 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, jifformula dikjarazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u ta’ dannu, filwaqt li dawn ma kienu ġew sostnuti minn ebda prova.

85      Fuq kollox, il-Bord tal-Appell wettaq żball jew wera nuqqas ta’ ftehim fir-rigward tan-natura tal-prodott. It-trade mark Komunitarja kkontestata hija rreġistrata għar-ross, mingħajr ma huwa speċifikat it-tip ta’ ross. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell jirreferi diversi drabi għall-fatt li l-intervenjenti kienet tipprovdi tipi speċjali ta’ ross. Madankollu, huwa sussegwentement ikkunsidra li l-intervenjenti kienet proprjetarja ta’ drittijiet għar-ross u li l-prodotti protetti mit-trade marks inkwistjoni kienu identiċi. Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat ikkonkluda li l-attività tal-intervenjenti kienet attività żgħira li tikkonċerna tipi speċjali ta’ ross fid-dawl ta’ ċerti elementi tal-kawża, filwaqt li, f’partijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata, huwa qies li l-prodott u s-suq ikkonċernat kienu dawk tar-ross inġenerali.

86      It-trade marks inkwistjoni għandhom differenzi viżivi u kunċettwali biżżejjed fir-rigward tad-disinn tal-iljunfant, u l-Bord tal-Appell kien imissu kkunsidrahom.

87      Barra minn hekk, it-trade marks inkwistjoni kienu eżistew flimkien b’mod paċifiku fis-suq għal diversi snin mingħajr ma ebda każ ta’ konfużjoni ma kien attira l-attenzjoni tal-partijiet.

88      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li t-tieni motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Osservazzjonijiet preliminari

89      Skont l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata invalida, wara li titressaq talba lill-UASI, meta jeżisti dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu jkunu sodisfatti. Bis-saħħa tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tagħha ma hijiex biss lokali, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija rrifjutata, meta u safejn, skont id-dritt tal-Istat Membru applikabbli għal dan is-sinjal, drittijiet għal dan is-sinjal inkisbu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u meta dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

90      Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata li l-portata tagħha ma hijiex biss lokali jista’ jikseb l-annullament ta’ trade mark Komunitarja iktar reċenti, meta u sa fejn, skont id-dritt tal-Istat Membru applikabbli, minn naħa, drittijiet fuq dan is-sinjal inkisbu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u, min-naħa l-oħra, dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

91      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell għandu jikkunsidra kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bis-saħħa tar-riferiment li tagħmel din id-dispożizzjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li dan jippermetti li jiġi prekluż l-użu ta’ trade mark iktar reċenti [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2009, Last Minute Network vs UASI – Last Minute Tour (LAST MINUTE TOUR), T‑114/07 u T‑115/07, Ġabra p. II‑1919, punt 47; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUDWEISER), T‑53/04 sa T‑56/04, T‑58/04 u T‑59/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74].

92      Fil-każ preżenti, id-dritt tal-Istat Membru applikabbli għat-trade mark nazzjonali mhux irreġistrata huma t-Trade Marks Act, 1994 (Liġi tar-Renju Unit dwar it-trade marks), li l-Artikolu 5(4) tagħha jipprovdi:

“Trade mark ma tistax tiġi rreġistrata jekk, jew sa fejn, l-użu tagħha fir-Renju Unit jista’ jiġi pprojbit:

minħabba kwalunkwe regola tad-dritt [b’mod partikolari taħt id-dritt li jirrigwarda l-abbuż mid-denominazzjoni (law of passing off)] li tipproteġi trade mark mhux irreġistrata jew kull sinjal ieħor użat fil-kummerċ […]”

93      Minn dan it-test jirriżulta li, hekk kif interpretat mill-qrati nazzjonali [Reckitt & Colman Products Ltd v Borden Inc. & Ors (1990) R.P.C. 341 HL], sabiex fil-każ preżenti jinkiseb l-annullament tat-trade mark Komunitarja kkontestata għall-finijiet tal-protezzjoni tat-trade mark nazzjonali mhux irreġistrata tagħha, l-intervenjenti għandha tistabbilixxi, b’mod konformi mas-sistema legali tal-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni prevista mid-dritt tar-Renju Unit, li tliet kundizzjonijiet huma sodisfatti, dwar il-goodwill miksub, il-preżentazzjoni għarrieqa u d-dannu kkawżat lill-goodwill.

94      Il-Bord tal-Appell stabbilixxa dawn it-tliet kundizzjonijiet fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) u r-rikorrenti tikkonċedi, qabel kollox, li huwa korrettament identifika l-approċċ teoriku dwar l-azzjonijiet kontra l-abbuż mid-denominazzjoni.

95      Hija tqis madankollu li, għal kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord tal-Appell ma applikax korrettament għal dan il-każ dan l-approċċ teoriku. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, għal kull waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet, jekk il-Bord tal-Appell stabbilixxiex korrettament li dawn kienu sodisfatti f’dan il-każ.

–       Fuq il-goodwill

96      Ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Bord tal-Appell li kkonkluda li kien hemm goodwill minkejja l-preżenza żgħira tal-intervenjenti fis-suq tar-ross fir-Renju Unit.

97      Qabel kollox għandha tiġi ddeterminata, id-data rilevanti li fiha l-intervenjenti kellha tipprova li kisbet goodwill. Il-Bord tal-Appell qies li d-data rilevanti kienet id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkontestata, jiġifieri d-29 ta’ April 1996. L-intervenjenti ssostni li, skont id-dritt tar-Renju Unit, id-data rilevanti hija dik tal-ewwel użu fis-suq tat-trade mark Komunitarja kkontestata, jiġifieri, f’dan il-każ, is-sena 2003.

98      Huwa veru li, hekk kif tenfasizza l-intervenjenti, mill-ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li, fis-sistema tal-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni, il-goodwill għandha tintwera fid-data li fiha l-konvenut fl-azzjoni beda joffri l-prodotti jew is-servizzi tiegħu [Cadbury Schweppes vs Pub Squash (1981) R.P.C. 429].

99      L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jimponi madankollu li wieħed jeżamina s-sitwazzjoni mhux f’din id-data, iżda f’dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, peress li dan jeżiġi mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark li huwa jkun kiseb drittijiet fuq it-trade mark nazzjonali mhux reġistrata tiegħu qabel id-data ta’ din il-preżentata (sentenza LAST MINUTE TOUR, punt 91, supra, punt 21), jiġifieri, fil-każ preżenti, id-29 ta’ April 1996. Hekk kif il-Bord tal-Appell enfasizza, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kliem tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 huwa ċar f’dan ir-rigward.

100    Għaldaqstant huwa ġustament li l-Bord tal-Appell eżamina jekk l-intervenjenti kinitx ipprovuat li kisbet goodwill fid-29 ta’ April 1996.

101    Il-Bord tal-Appell ġustament irrileva, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-goodwill kienet ġiet deskritta bħala l-forza li tiġbed il-klijentela [IRC vs Muller & Co’s Margarine (1901) A.C. 217, 224, H.L.].

102    Il-Bord tal-Appell barra minn hekk qies li l-eżistenza ta’ goodwill kienet bħala regola ġenerali stabbilita bil-produzzjoni tal-prova ta’ attivitajiet kummerċjali u ta’ reklamar, ta’ kontijiet ta’ klijenti, eċċ. Il-prova ta’ attivitajiet kummerċjali serji li jwasslu għall-akkwist ta’ reputazzjoni u għall-iżvilupp ta’ klijentela hija ġeneralment biżżejjed biex tiġi stabbilita goodwill (deċiżjoni kkontestata, punt 25).

103    Fir-rigward tal-provi prodotti mill-intervenjenti, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

104    L-intervenjenti b’mod partikolari pproduċiet dikjarazzjoni solenni mingħand id-Direttur tagħha tat-13 ta’ Diċembru 1998, li tindika t-tunnellaġġ fis-sena ta’ ross mibjugħ mill-1988 sa l-1997. Skont din id-dikjarazzjoni, l-intervenjenti biegħet 84 tunnellata ta’ ross taħt it-trade preċedenti fir-Renju Unit fl-1995, 52 tunnellata fl-1996 u bejn 42 u 68 tunnellata fis-sena bejn l-1988 u l-1994.

105    Hekk kif il-Bord tal-Appell kkonstata fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontenut tad-dikjarazzjoni solenni huwa kkorraborat mill-bqija tal-provi prodotti mill-intervenjenti. Għalkemm huwa veru li l-parti l-kbira tal-provi prodotti mill-intervenjenti jikkonċernaw perijodu sussegwenti għad-29 ta’ April 1996, xorta jibqa’ l-fatt li parti mill-provi prodotti jirreferu għal perijodu preċedenti għal din id-data. Pereżempju, hekk kif il-Bord tal-Appell irrileva fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, l-intervenjenti pproduċiet tmien fatturi redatti bejn l-1992 u d-29 ta’ April 1996 u ppreżentati lil klijenti li jinsabu f’Londra, f’Kent u f’Middlesex (ir-Renju Unit) li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ ross bil-kliem “Golden Elephant”.

106    Barra minn hekk, l-intervenjenti pproduċiet rollijiet tal-kaxxa tal-flus li juru bejgħ ta’ ross f’diversi dati tax-xhur ta’ Marzu u April 1993, ta’ Diċembru 1994 u ta’ Jannar, Frar u Marzu 1995. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li r-rollijiet tal-kaxxa tal-flus jirreferu biss għar-ross “G/E” jew “GE” u mhux għat-trade mark preċedenti. Madankollu, għandu jitqies li dan il-fatt biss ma huwiex biżżejjed biex titneħħilhom kull saħħa probatorja. Fil-fatt, hekk kif il-Bord tal-Appell irrileva fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa komuni li l-prodotti mibjugħa jkunu deskritti taħt forma mqassra fuq ir-rollijiet tal-kaxxa tal-flus. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li dawn ma humiex l-uniċi provi prodotti mill-intervenjenti sabiex turi l-bejgħ ta’ ross taħt it-trade mark preċedenti fir-Renju Unit. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-Bord tal-Appell huwa obbligat jipproċedi għal evalwazzjoni globali tal-provi kollha prodotti quddiem l-UASI. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li numru flimkien ta’ provi jippermettu li jiġu stabbiliti l-fatti li għandhom jiġu murija, filwaqt li kull waħda minn dawn il-provi, meħuda waħeda, ma tkunx biżżejjed biex tipprova l-eżattezza ta’ dawn il-fatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008, Ferrero Deutschland vs UASI u Cornu, C‑108/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36). Il-Bord tal-Appell, korrettament, ikkunsidra r-rollijiet tal-kaxxa tal-flus bħala provi li jikkorraboraw il-kontenut tad-dikjarazzjoni solenni.

107    F’kull każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, anki jekk l-imsemmija rollijiet tal-kaxxa tal-flus ma kellhomx saħħa probatorja, il-fatt li l-intervenjenti biegħet ir-ross taħt it-trade mark preċedenti fir-Renju Unit f’perijodu preċedenti għall-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkontestata huwa ppruvat biżżejjed mill-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni solenni flimkien ma’ diversi fatturi.

108    Huwa veru li l-bejgħ li tiegħu tagħti prova d-dikjarazzjoni solenni għandu jiġi kkunsidrat bħala żgħir meta mqabbel mas-suq totali tar-ross importat fir-Renju Unit. Fil-fatt, skont id-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tar-Ross (Rice Association), li r-rikorrenti pproduċiet quddiem l-UASI, l-ammont totali tal-importazzjonijiet tar-ross fir-Renju Unit kien ta’ madwar 500 000 tunnellata fis-sena bejn l-2000 u l-2004, fatt li jagħti x’jifhem li l-importazzjonijiet bejn l-1988 u l-1996 kienu ta’ natura simili. Fuq il-preżenzjoni li s-suq totali kien ta’ 500 000 tunnellata fl-1995, is-sehem mis-suq tal-intervenjenti kien ta’ 0.0168 %.

109    Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell korrettament qiesx li l-attività kummerċjali tal-intervenjenti kienet madankollu biżżejjed biex tikseb goodwill.

110    Il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li ankli l-impriżi ż-żgħar setgħu jkollhom goodwill. Din il-konstatazzjonji hija bbażata fuq il-ġurisprudenza nazzjonali, ġustament iċċitata mill-Bord tal-Appell, jiġifieri l-kawża Stannard vs Reay, [1967] R.P.C. 589. F’din il-kawża, kien ġie deċiż li negozju tal-fish and chips li jivvjaġġa minn post għall-ieħor, b’dħul mill-bejgħ ta’ bejn 129 u 138 Lira Sterlina fil-ġimgħa, kien kiseb goodwill wara attività ta’ madwar tliet ġimgħat.

111    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li, fil-kuntest tal-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni, sabiex tiġi stabbilita goodwill, għandha tiġi prodotta l-prova ta’ attività kummerċjali li teċċedi livell minimu, għandu jiġi enfasizzat li l-UASI ġustament josserva li l-parti tat-test legali akkademiku u l-ġurisprudenza ċċitati fir-rikors, f’dan ir-rigward, jikkonċernaw ir-riskju ta’ għerq. Madankollu, mill-ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li bejgħ taħt livell minimu ma huwiex biżżejjed [Anheuser-Busch Inc vs Budejovicky Budvar Narodni Podnik (1984) F.S.R. 413, 457 CA]. F’din il-kawża, ġie deċiż li l-bejgħ ta’ kwantitajiet żgħar ta’ birra importati fir-Renju Unit f’bagalja u mibjugħa f’ristorant ta’ stil Amerikan f’Canterbury (ir-Renju Unit) kien jinsab taħt il-livell minimu.

112    F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-bejgħ ta’ ross taħt it-trade mark preċedenti mwettaq mill-intervenjenti qabel id-data rilevanti kien jinsab ’il fuq minn dan il-livell minimu. Fil-fatt, dan ma huwiex bejgħ okkażjonali ta’ kwantitajiet żgħar ħafna. L-intervenjenti kienet kostantament biegħet ross taħt it-trade mark preċedenti fir-Renju Unit mill-1988, jiġifieri għal matul perijodu ta’ tmien snin qabel id-data tal-preżentata mir-rikorrenti tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkontestata. Il-kwantita ta’ ross mibjugħ, ta’ madwar 42 u 84 tunnellata fis-sena mill-1988 sa l-1996, ma tistax tiġi meqjusa bħala kompletament insinjifikanti.

113    Is-sempliċi fatt li l-parti mis-suq tal-intervenjenti kienet żgħira wisq meta mqabbla mal-ammont totali tal-importazzjonijiet ta’ ross fir-Renju Unit ma huwiex biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li l-bejgħ tar-ross kien jinsab taħt il-livell minimu.

114    Pereżempju, fil-kawża Jian Tools for Sales vs Roderick Manhattan Group [(1995) F.S.R. 924, 933 (Knox J.)], il-bejgħ ta’ 127 kompjuter minn impriża Amerikana fis-suq tar-Renju Unit ma kienx ikkunsidrat bħala taħt il-livell minimu.

115    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-qrati tar-Renju Unit huma retiċenti ħafna li jiddeċiedu li impriża jista’ jkollha klijenti iżda mhux goodwill (Wadlow, C., The law of passing-off, Sweet and Maxwell, London, 2004, punt 3.11). Il-Bord tal-Appell għaldaqstant ġustament irrileva li anki impriżi żgħar jistgħu jkollhom goodwill.

116    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li huwa żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-goodwill hija meqjusa bħala żgħira biss meta l-impriża ma hijiex ta’ natura sedentarja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni ma hijiex importanti ħafna fil-kuntest tal-argumenti tal-Bord tal-Appell. Dan ġustament ikkonkluda li l-attivitajiet kummerċjali tal-intervenjenti, li kienu jikkonsistu fil-bejgħ ta’ ross taħt it-trade mark preċedenti fir-Renju Unit, kienu biżżejjed biex tinkiseb goodwill qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkontestata. Anki fuq l-assunzjoni li din il-goodwill għandha tiġi kkunsidrata bħal żgħira minħabba l-kwantita limitata tal-bejgħ, din ma tistax f’kull każ tiġi kkunsidrata bħala ineżistenti.

117    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-livell ta’ prova meħtieġ fid-dritt Ingliż [kien] l-istess biss għal, pereżempju, il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu” u li l-livell ta’ prova meħtieġ fid-dritt Ingliż huwa l-istess fil-kawżi ċivili kollha, filwaqt li tibbaża ruħha fuq ibbilanċjar tal-probabbiltajiet, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. Is-sentenza tad-deċiżjoni kkontestata ċċitata iktar ’il fuq ma tirreferix għal-livell ta’ prova fis-sens tal-livell ta’ konvinzjoni tal-qorti li huwa neċessarju. Dan il-fatt jirriżulta mis-senteza segwenti tad-deċiżjoni kkontestata, li abbażi tagħha “impriża tista’ toħloq valur miżjud u goodwill mingħajr ma tkun laħqet il-livell ta’ konoxxenza neċessarju sabiex tistabbilixxi karattru miksub permezz tal-użu jew reputazzjoni skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94”. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ċċitata minnu insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, jiġifieri s-sentenza Phones4U Ltd vs Phone4u.co.uk Internet Ltd [(2007) R.P.C. 5, 83, 96] tikkonferma li l-livell meħtieġ biex jiġi ppruvat il-karattru distintiv għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark huwa ħafna għola minn dak meħtieġ sabiex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ goodwill.

118    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ma kienx neċessarju għall-intervenjenti tipprovdi studju tas-suq fuq il-livell ta’ konoxxenza li l-pubbliku kellu tat-trade mark preċedenti, kontrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

119    Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-argumenti tal-Bord tal-Appell, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, huma illoġiċi inkwantu huwa qies li “d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni [kienet] stabbiliet limitu ogħla minn dak meħteiġ mid-dritt Ingliż li jirregola l-abbuż mid-denominazzjoni”, iżda ma wasalx għall-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li abbażi tagħha l-abbuż mid-denominazzjoni ma kinitx ippruvata. Peress li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet stabbiliet, bi żball, livell għoli wisq biex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ goodwill, huwa kompletament normali li huwa ma wasalx għall-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

120    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien ftit probabbli li r-rata ta’ żieda tal-bejgħ irreġistrata wara d-data tal-preżentata kienet tkun tali mingħajr l-eżistenza tal-goodwill iġġenerata mill-impriża f’din id-data, u li l-Bord tal-Appell naqas milli jkun preċiż billi uża l-espressjoni “goodwill iġġenerata mill-impriża”, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-punt 43 jikkostitwixxi motiv abbundanti ħafna tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-intervenjenti kienet suffiċjentement ipprovat l-eżistenza ta’ goodwill fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkontestata, anki jekk ma tiġix ikkunsidrata r-rata ta’ żieda fil-bejgħ wara din id-data.

121    Fir-rigward tal-argumenti li l-Bord tal-Appell naqas milli jkun preċiż billi uża l-espressjoni “goodwill iġġenerata mill-impriża”, u li l-intervenjenti kien imissha ppruvat il-goodwill konnessa mal-isem jew mat-trade mark inkwistjoni, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li l-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni ma tipproteġix il-goodwill marbuta ma’ trade mark bħala tali, iżda dritt għal proprjetà marbut mal-impriża jew mal-goodwill li fir-rigward tagħha t-trade mark ġiet użata (Wadlow, C., The law of passing-off, Sweet and Maxwell, London, 2004, punt 3.4). It-terminoloġija użata mill-Bord tal-Appell ma tistax għaldaqstant tiġi kkritikata.

122    F’kull każ, fil-każ fejn l-argumenti tar-rikorrenti kellhom jiġu mifhuma fis-sens li din tikkritika lill-Bord tal-Appell li kkunsidra l-attività kummerċjali kollha tal-intervenjenti sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ goodwill, għandu jiġi kkonstatat li tali argumenti ma humiex fondati. Fil-fatt il-Bord tal-Appell irrefera għall-attività kummerċjali tal-intervenjenti li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ ross taħt it-trade mark preċedenti fis-suq tar-Renju Unit sabiex jistabbilixxi l-goodwill tagħha u mhux għall-attività kummerċjali kollha tal-intervenjenti.

–       Fuq il-preżentazzjoni għarrieqa

123    Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark Komunitarja kkontestata kienet preżentazzjoni għarrieqa tat-trade mark preċedenti (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

124    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li bbaża ruħu fuq ipoteżijiet li ma kienu sostnuti minn ebda prova. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, huwa kien imissu jikkunsidra l-koeżistenza paċifika tat-trade marks inkwistjoni fis-suq mingħajr ma ebda każ ta’ konfużjoni ma kien attira l-attenzjoni tal-partijiet. Il-Bord tal-Appell kien obbligat jikkunsidra n-nuqqas ta’ konfużjoni u l-kunsens tal-intervenjenti. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell kien naqas milli jikkunsidra d-differenzi fir-rappreżentazzjoni tal-irjus ta’ ljunfant fit-trade marks inkwistjoni.

125    Qabel kollox għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-koeżistenza paċifika tat-trade marks inkwistjoni, fin-nuqqas ta’ każ ta’ konfużjoni bejnithom, u fuq il-kunsens tal-intervenjenti.

126    L-UASI ġustament jenfasizza li dawn l-argumenti ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, is‑sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal‑kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell.

127    Għandu wkoll jitfakkar li, skont l-Artikolu 74(1) in fine tar-Regolament Nru 40/94, applikabbli għall-proċeduri għal annullament li jikkonċernaw raġuni relattiva ta’ invalidità, l-eżami tal-UASI kien f’dan il-każ limitat għall-motivi invokati u għall-provi prodotti mill-partijiet (ara l-punt 65 iktar ’il fuq).

128    L-allegat kunsens tal-intervenjenti dwar l-użu tat-trade mark Komunitarja kkontestata mir-rikorrenti jikkostitwixxi motiv ta’ difiża li din tal-aħħar ma ppreżentatx quddiem l-UASI u li l-UASI ma kiex obbligat jeżamina ex officio, skont l-Artikolu 74(1) in fine, tar-Regolament Nru 40/94. Dan l-argument huwa għalhekk inammissibbli, għaliex huwa intiż sabiex jemenda s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell.

129    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Bord tal-Appell kien imissu, fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ preżentazzjoni għarrieqa, ikkunsidra l-fatt li l-intervenjenti ma kinitx ressqet il-prova ta’ ebda każ ta’ konfużjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-UASI huwa obbligat jinforma ruħu ex officio fuq id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jekk tali informazzjoni hija neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ invalidità u, b’mod partikolari, tal-materjalità tal-fatti ppreżentati jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati (ara l-punt 67 iktar ’il fuq). Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-intervenjenti ma kkontestatx matul il-proċedura amministrattiva li r-rikorrenti kienet bdiet tuża t-trade mark Komunitarja kkontestata fir-Renju Unit f’Novembru 2003.

130    Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li d-dritt tar-Renju Unit jeħtieġ f’tali sitwazzjoni li, fil-kuntest ta’ azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni, ir-rikorrent jipproduċi l-prova tal-każijiet konkreti ta’ konfużjoni li seħħew, sabiex jipprova l-preżentazzjoni għarrieqa. Dan l-argument għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli, għaliex – fuq l-assunzjoni li l-interpretazzjoni tad-dritt tar-Renju Unit mir-rikorrenti hija korretta – il-Bord tal-Appell kien imissu eżamina jekk l-intervenjenti kinitx pproduċiet il-prova ta’ każijiet konkreta ta’ konfużjoni. Il-kwistjoni dwar jekk l-interpretazzjoni tad-dritt tar-Renju Unit mir-rikorrenti hijiex korretta hija kwistjoni relatata mal-fondatezza ta’ dan l-argument, u mhux ta’ ammissibbiltà.

131    Fuq il-fondatezza, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tiġi evalwata n-natura għarrieqa tal-preżentazzjoni inkwistjoni, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-offerta ta’ ross fir-Renju Unit taħt it-trade mark Komunitarja inkwistjoni tistax twassal lill-pubbliku jattribwixxi l-oriġini kummerċjali ta’ dan il-prodott lill-intervenjenti.

132    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, abbażi ta’ bbilanċjar ta’ probabbiltajiet, huwiex probabbli li numru sostanzjali ta’ membri tal-grupp ta’ persuni rilevanti jkun imwassal jixtra bi żball il-prodott tar-rikorrenti bil-preżunzjoni li jkun il-prodott tal-intervenjenti (ara, f’dan is-sens Reckitt & Colman Products Ltd vs Borden Inc. & Ors, punt 93 supra, 407). Barra minn hekk mill-ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li n-natura qarrieqa tal-preżentazzjoni tal-prodotti tal-konvenut fl-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-klijenti tar-rikorrenti fl-azzjoni u mhux tal-pubbliku inġenerali (Reckitt & Colman Products Ltd vs Borden Inc. & Ors, punt 93 supra; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza LAST MINUTE TOUR, punt 91 supra, punt 60).

133    F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi. Fil-fatt it-trade mark Komunitarja kkontestata hija rreġistrata għar-ross u t-trade mark preċedenti kienet ġiet użata għal dan l-istess prodott. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li t-trade mark preċedenti ġiet użata għal tipi speċjali ta’ ross, għandu jiġi enfasizzat li t-tipi speċjali ta’ ross jiffurmaw parti mill-prodott “ross” li għalih t-trade mark Komunitarja kkontestata hija rreġistrata. Il-fatt li l-intervenjenti ma kkumerċalizzatx it-tipi kollha ta’ ross ma jqiegħedx f’dubju l-konstatazzjoni tal-identità tal-prodotti.

134    Il-Bord tal-Appell barra minn hekk irrileva, mingħajr ma kien ikkontradixxut fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-element verbali tas-sinjali inkwistjoni huwa identiku. Hekk kif il-Bord tal-Appell irrileva, il-kelma “brand” (ditta) fit-trade mark Komunitarja kkontestata tikkostitwixxi żieda li ma hijiex distintiva. Iż-żewġ sinjali huma komposti, essenzjalment, mill-element “golden elephant”, li fuqu hemm it-traduzzjoni tiegħu biċ-Ċiniż, u r-rapreżentazzjoni ta’ ras ta’ ljunfant.

135    Huwa veru li, hekk tif tenfasizza r-rikorrenti, hemm differenzi kunsiderevoli fir-rappreżentazzjoni konkreta tal-irjus tal-iljunfant. Fil-fatt, it-trade mark preċedenti turi ras ta’ ljunfant minn quddiem. Hemm kuruna fuq ras l-iljunfant, li għandu t-tromba ’l isfel u li huwa mdawwar b’diska ddekorata b’disinn ta’ bnadar f’forma ta’ trijangli li jifformaw ċirku. Min-naħa l-oħra, it-trade mark Komunitarja kkontestata turi ras ta’ ljunfant iddisinjata b’mod iktar stilizzat, murija mill-ġenb. L-iljunfant għandu xedd ornamentali dekorattiv ċatt magħmul mid-drapp u t-tromba tiegħu hija l-fuq.

136    F’dan il-każ, huwa probabbli ħafna li parti sinjifikattiva tal-klijenti tal-intervenjenti jippreżumu, meta jkunu kkonfrontati bir-ross kopert b’trade mark li tinkludi l-element verbali “golden elephant” bl-Ingliż u biċ-Ċiniż u r-rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ ljunfant, li dan huwa r-ross ikkummerċjalizzat mill-intervenjenti. Id-differenzi biss fid-disinn tal-irjus tal-iljunfant ma humiex biżżejjed biex qiegħdu f’dubju l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ preżentazzjoni għarrieqa. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li klijent tipiku ma huwiex f’pożizzjoni li jiftakar eżattament id-dettalji kollha ta’ trade mark (Wadlow, C., The law of passing-off, Sweet and Maxwell, London, 2004, punt 8.41).

137    Barra minn hekk, anki fuq il-preżnunzjoni li l-klijenti tal-intervenjenti jagħrfu d-differenza fid-disinn tal-iljunfant, huwa probabbli ħafna li huma jaħsbu li din hija biss differenza ornamentali. Għaldaqstant, ġiet milqugħa t-talba tar-rikorrenti f’azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni, f’kawża li fiha l-konvenuti kienu użaw, għall-ħajt, tikketta li tirrappreżenta żewġ iljunfanti li għandhom bandiera, bħat-tikketti użati mir-rikorrenti għal prodotti identiċi. Id-differenzi fid-disinn tal-iljunfanti fiż-żewġ trade marks ġew ikkunsidrati bħala li ma kinux deċiżivi, għaliex ġie deċiż li anki l-persuni li jistgħu jagħrfu d-differenzi bejn iż-żewġ tikketti probabbilment iqisu li dawn huma differenzi ta’ natura kummerċjali, li ma jbiddlux b’mod sostanzjali s-simbolu distintiv u karatteristiku, u li r-rikorrenti fl-azzjoni kienu pproċedew huma stess għall-bidla tat-trade mark [Johnston v Orr-Ewing (1882) 7 App.Cas. 219, 225, HL]. Bl-istess mod, huwa probabbli ħafna li klijent tal-intervenjenti, jekk jagħraf differenzi fid-disinn tal-iljunfanti, iqis li t-trade mark Komunitarja kkontestata hija sempliċi varjant jew bidla fit-trade mark preċedenti.

138    Għandu jiġi rrilevat li l-element verbali tat-trade marks inkwistjoni huwa distintiv, għaliex huwa fantazjist u bl-ebda mod ma jiddeskrivi r-ross. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-riskju huwa inevitabbli li l-klijenti tal-intervenjenti, ikkonfrontati b’ross kopert b’trade mark li tinkludi l-istess element verbali u d-disinn ta’ ras ta’ iljunfant, jattribwixxu l-oriġini kummerċjali ta’ dan ir-ross għall-intervenjenti, minkejja differenzi fid-disinn tal-iljunfanti.

139    Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Bord tal-Appell kien kompletament injora d-differenzi bejn iż-żewġ disinni li jirrappreżentaw ras ta’ iljunfant. Għalkemm huwa veru li l-Bord tal-Appell ma pproċediex għal analiżi espressa tad-differenzi bejn dawn id-disinni, għandu jiġi enfasizzat li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax li t-trade marks inkwistjoni kienu identiċi mil-lat viżiv, iżda biss li kien hemm “xebh viżiv kbir” (punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-konstatazzjoni hija ġġustifikata fid-dawl tal-preżenza ta’ element verbali identiku bl-Ingliż u biċ-Ċiniż u tal-preżenza tad-disinn li jirrappreżenta ras ta’ iljunfant.

140    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-intervenjenti kien imissha pproduċiet il-prova ta’ każijiet konkreta ta’ konfużjoni, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. Skont id-dritt tar-Renju Unit, hija l-qorti li għandha tiddetermina jekk hemmx riskju li l-pubbliku rilevanti jkun imwassal għal żball. Eżempju ta’ każijiet konkreti ta’ konfużjoni jistgħu jkunu utli, iżda d-deċiżjoni tal-qorti ta’ tiddependix biss jew essenzjalment fuq l-eżami ta’ tali provi [Parker-Knoll Ltd v Knoll International Ltd (1962) R.P.C. 265, 285, 291 HL].

141    In-nuqqas ta’ prova ta’ każijiet konkreti ta’ konfużjoni jista’ jkollu rwol fis-sens li huwa possibbli li dan il-fatt ikun ta’ żvantaġġ għar-rikorrent f’azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni jekk il-prodotti tal-konvenut f’din l-azzjoni kienu ġew viżibbilment ippreżentati fis-suq għal perijodu twil [Wadlow, C., The law of passing-off, Sweet and Maxwell, London, 2004, punt 10‑13]. Madanakollu, in-nuqqas ta’ prova ta’ każijiet konkreti ta’ konfużjoni jista’ ta’ spiss ikun faċilment spjegat u rari jkun fattur determinanti Harrods Ltd v Harrodian School Ltd (1996) R.P.C. 697, 716 CA].

142     Jista’, ċertament, ikun hemm kawżi talment problematiċi li l-qorti ma tkunx f’pożizzjoni li tasal għal konklużjoni mingħajr prova tal-eżistenza ta’ preżentazzjoni għarrieqa [ara, f’dan is-sens, AG Spalding & Bros vs AW Gamage Ltd (1915) R.P.C. 273, 286].

143    Madankollu, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra, fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien inevitabbli li l-konsmaturi kkonfrontati bit-trade mark preċedenti jidentifikaw ir-ross mibjugħ taħt it-trade mark Komunitarja kkontestata mar-ross iddistribwit mill-intervenjenti. Fid-dawl tal-identità tal-element verbali u tal-fatt li l-element figurattiv tat-trade marks inkwistjoni jirrappreżenta ras ta’ ljunfant, din il-konklużjoni tista’ tkun misluta abbażi tal-paragun biss ta’ dawn tal-aħħar. F’tali sitwazzjoni, in-nuqqas ta’ prova ta’ każijiet konkreti ta’ konfużjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala fattur determinanti.

144    Minn dan li jippreċedi jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li kien hemm preżentazzjoni għarrieqa u ma kienx neċessarju għall-intervenjenti tipproduċi provi ta’ każijiet konkreti ta’ konfużjoni.

–       Fuq id-dannu jew ir-riskju ta’ dannu

145    Il-Bord tal-Appell kkonstata, fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li, peress li l-intervenjenti kienet uriet l-eżistenza ta’ goodwill fir-Renju Unit għal trade mark li tippreżenta xebh qawwi mat-trade mark Komunitarja kkontestata u li tkopri prodotti identiċi, kien raġonevoli li jiġi konkluż li kien hemm riskju li l-intervenjenti ssofri dannu.

146    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell żbaljatament ikkunsidra li kien hemm dannu, minkejja n-nuqqas ta’ prova jew ta’ dikjarazzjoni dwar tali dannu. Il-Bord tal-Appell illimita ruħu jifformula dikjarazzjonijiet fuq dan il-punt.

147    Għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li, fil-kuntest ta’ azzjoni kontra l-abbuż ta’ denominazzjoni, l-applikant ma huwiex obbligat jipprova li sofra dannu. Huwa biżżejjed li tali dannu jkun probabbli.

148    Preżentazzjoni għarrieqa, li twassal lill-pubbliku rilevanti jemmen li l-prodotti tal-konvenut fl-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni huma dawk tar-rikorrent fl-azzjoni, tista’ intrinsikament tikkawża dannu lir-rikorrent fil-każ fejn il-kampijiet ta’ attivitajiet kummerċjali tar-rikorrent u tal-konvenut huma raġonevolment qrib (Wadlow, C., The law of passing-off, Sweet and Maxwell, London, 2004, punt 4.13).

149    F’dan il-każ, ġie kkonstatat li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi u li parti sinjifikattiva tal-klijenti tal-intervenjenti tqis li r-ross mibjugħ mir-rikorrenti taħt it-trade mark Komunitarja kkontestata kien joriġina mill-intervenjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskju li l-intervenjenti tonqos mill-bejgħ, għaliex il-klijenti, li jixtiequ jixtru r-ross tagħha, bi żball jixtru dak tar-rikorrenti, jeżisti tassew.

150    Il-Bord tal-Appell għaldaqstant ġustament ikkunsidra li kien hemm riskju ta’ dannu.

151     Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud, u għaldaqstant, ir-rikors tar-rikorrenti fl-intier tiegħu.

2.     Fuq it-tieni u t-tielet kapijiet tat-talbiet tal-intervenjenti

152    Permezz tat-tieni u tat-tielet kapijiet tat-talbiet tagħha, l-intervenjenti titlob barra minn hekk, jew sussidjarjament, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Bord tal-Appell jindika fiha li d-data adatta biex tiġi deċiża l-kwistjoni dwar l-abbuż mid-denominazzjoni hija d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u, min-naħa l-oħra, il-bidla ta’ din id-deċiżjoni, b’mod li jiġi kkonstatat li d-data adatta biex tiġi deċiża din il-kwistjoni hija d-data tal-ewwel użu ta’ din it-trade mark.

153    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 97 sa 100 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien korrett meta kkunsidra li d-data rilevanti li fiha l-intervenjenti kellha tipprova li kienet kisbet goodwill hija d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tal-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 40/94 li d-drittijiet għas-sinjal preċedenti kellhom ikunu ġew miksuba qabel din id-data.

154    Għaldaqstant hemm lok li jiġu miċħuda t-tieni u t-tielet kapijiet tat-talbiet tal-intervenjenti, mingħajr ma huwa neċessarju għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn humiex ammissibbli minkejja l-fatt li dawn ma jikkonċernawx emenda tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

3.     Fuq it-talbiet tal-intervenjenti li jirreferu għar-raġunijiet ta’ invalidità previsti, rispettivament, fl-Artikolu 51(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94

155    Għandu jitfakkar li, fin-nota tagħha li tippreżenta motivi ġodda, l-intervenjenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din kkonkludiet li l-motiv ibbażat fuq ir-raġuni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 huwa inammissibbli. Hija talbet ukoll li d-deċiżjoni kkontestata tiġi mibdula, b’mod li l-motivi tagħha bbażati fuq ir-raġunijiet ta’ invalidità previsti, rispettivament, fl-Artikolu 51(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94 jkunu ddikjarati ammissibbli u fondati, b’mod li t-trade mark Komunitarja kkontestat tkun iddikjarata inammissibbli abbażi ta’ wieħed minn dawn il-motivi addizzjonali, jew tat-tnejn li huma (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

156    F’dan ir-rigward, l-intervenjenti ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ma tahiex raġuni fuq dawn iż-żewġ punti u li huwa kien imissu ddikjara l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni abbażi ta’ dawn iż-żewġ raġunijiet addizzjonali.

157    Dawn il-motivi u talbiet ġodda ġew introdotti mill-intervenjenti wara ċ-ċaħda bħala inammissibbli, permezz tad-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra, tar-rikors separat li hija kienet ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata. L-intervenjenti tqis li l-motivi l-ġodda huma ammissibbli, għaliex huma bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu waqt il-proċedura skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Skontha, id-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra, jikkostitwixxi tali punt ta’ fatt u ta’ liġi ġdid.

158     Ir-rikorrenti u l-UASI jitolbu li dawn il-motivi jiġu miċħuda. Ir-rikorrenti tqis b’mod partikolari li dawn ma humiex “raġunijiet ġodda” skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għaliex dawn huma l-istess motivi ta’ dritt bħal dawk li ġew invokati minn Hoo Hing fil-kuntest tal-kawża li wasslet għad-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra, u li ġew miċħuda. Skont ir-rikorrenti, dan id-digriet ma jistax ikun utilment ibbażat fuq argument li hija kienet ħolqot “bidla ta’ liġi jew ta’ fatt” suffiċjenti u rilevanti, li “ħarġet” f’ċirkustanzi li jistgħu legalment jiġġustifikaw il-ftuħ mill-ġdid tal-kwistjoni. L-UASI b’mod partikolari jsostni li l-motivi l-ġidda ġew ippreżentati tard u li dawn għaldaqstant huma inammissibbli.

159    Qabel kollox hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-kuntest tal-kontenzjuz dwar id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, l-intervenjenti għandhom l-istess drittijiet proċedurali bħall-partijiet prinċipali u jistgħu, b’mod partikolari, jifformulaw talbiet u motivi awtonomi fir-rigward ta’ dawk tal-partijiet prinċipali. Skont l-Artikolu 134(3) ta’ dan ir-Regolament, intervenjenti tista’ fir-risposta tagħha, tifformula talbiet intiżi għall-annullament jew il-bdil tad-deċiżjoni kkontesta fuq kap li ma jkunx tqajjem fit-talba u tippreżenta argumenti li ma jkunux tqajmu fit-talba.

160    F’dan il-każ, l-intervenjenti ma ppreżentatx il-motivi inkwistjoni fir-risposta tagħha, kif previst fl-Artikoli 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

161    Skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura u l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-motiv tibqa’ rriżervata għas-sentenza li ttemm il-kawża.

162    Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, hemmx tali punt ta’ liġi jew ta’ fatt ġdid li jippermetti l-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda mill-intervenjenti matul il-kawża.

163    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, xejn ma kien oġġettivament jimpedixxi lill-intervenjenti milli tippreżenta, fl-istadju tar-risposta tagħha, il-motivi li hija qajmet fir-risposta tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2009. L-intervenjenti naqset milli tippreżentahom minħabba l-fatt li hija kienet sostniet l-istess motivi fil-kuntest tar-rikors separat li hija kienet ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża li wasslet għad-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra.

164    Għaldaqstant, l-avukat tal-intervenjenti seta’ jkun jaf li r-rikors li huwa kien ippreżenta kien inammissibbli.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-intervenjenti tinvoka, l-ewwel nett, il-fatt li, fid-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li parti li talbet li trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata invalida abbażi ta’ diversi motivi, u li t-talba tagħha ġiet milqugħa fuq motiv wieħed biss, ma għandhiex locus standi biex tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu għandu jiġi enfasizzat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dan id-digriet kien ibbażat fuq ġurisprudenza stabbilita, jiġifieri d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2006 TeleTech Holdings vs UASI – Teletech International (TELETECH INTERNATIONAL) (T‑194/05, Ġabra p. II‑1367), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI – Elleni Holding (VIPS)(T‑215/03, Ġabra p. II‑711).

166    It-tieni nett, l-intervenjenti ssostni li, fil-punt 40 tad-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li hija kellha l-possibbiltà tinvoka, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-mezzi mqajjma fil-kuntest tal-kawża li tat lok għal dan id-digriet. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 40 tad-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha tispjega l-kontenut tal-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex twieġeb għall-argument imqajjem minn Hoo Hing, li abbażi tiegħu hija obbligata tippreżenta hija stess rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, għaliex ma jeżistux dispożizzjonijiet li jawtorizzaw parti li rebħet tippreżenta kontra appell quddiem il-Qorti Ġenerali barra mit-terminu li fih il-parti li tilfet għandha tippreżenta appell (ara d-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra, punti 22, 39 u 40).

167    Huwa veru li, fil-mument li fih l-intervenjenti introduċiet ir-risposta tagħha, il-Qorti Ġenerali ma kinitx għadha ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors separat ippreżentat mill-intervenjenti. Madankollu, anki jekk wieħed jippreżumi li l-intervenjenti kellha għarfien dwar is-sitwazzjoni legali biss wara n-notifika tad-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra, dan il-fatt ma jistax jikkostitwixxi punt ta’ fatt jew ta’ liġi ġdid. Fil-fatt, il-fatt li parti kellha għarfien ta’ kwistjoni fattwali matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jfissirx li din il-kwistjoni tikkostitwixxi punt ta’ fatt li ħareġ matul il-proċedura. Huwa wkoll neċessarju li l-parti ma kinitx f’pożizzjoni li jkollha għarfien ta’ din il-kwistjoni preċedentement (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, T-139/99, Ġabra p.II-2849, punt 62). Iktar u iktar, il-fatt li parti kellha għarfien tas-sitwazzjoni legali biss matul il-proċedura ma jistax jikkostitwixxi punt ta’ fatt jew ta’ liġi ġdid fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

168    F’dan il-każ, l-avukat tal-intervenjenti seta’ jkun jaf, waqt ir-redar tar-risposta, li r-rikors separt li huwa kien ippreżenta kien inammissibbli, u huwa wkoll seta’ jkun jaf id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura.

169    Għaldaqstant ma hemmx punt ta’ liġi jew ta’ fatt ġdid, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jista’ jiġġustifika l-preżentata ta’ motivi ġodda mill-intervenjenti.

170    Mill-preċedenti jirriżulta li hemm lok li jiġu miċħuda bħala inammissibbli l-motivi l-ġodda mqajjma mill-intervenjenti kif ukoll it-talbiet relatati tagħha.

171    Fir-rigward tal-proposta tal-intervenjenti li tqajem ex officio l-motivi relatati mar-raġunijiet ta’ invalidità previsti, ripsettivament, fl-Artikolu 51(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għall-Qorti Ġenerali li tqajjem ex officio motivi hija limitata għal motivi ta’ ordni pubbiku (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 126). Il-motivi inkwistjoni f’dan il-każ jikkonċernaw il-mertu u ma jikkostitwixxux motivi ta’ ordni pubbliku.

 Fuq l-ispejjeż

172    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(3) ta’ dawn l-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

173    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, u l-intervenjenti rebħet fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha u tilfet fir-rigward tat-tieni u tat-tielet kapijiet tat-talbiet tagħha kif ukoll fir-rigward tat-talbiet tagħha relatati mar-raġunijiet ta’ invalidità previsti, rispettivament, fl-Artikolu 51(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94.

174    Għandu jiġi rrilevat li l-kapijiet tat-talbiet tal-intervenjenti li fir-rigward tagħhom hija tilfet huma ta’ importanza sekondarja meta mqabbla mat-talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u mal-ewwel kap tat-talbiet tal-intervenjenti intiż għaċ-ċaħda tar-rikors.

175    Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda t-talba tal-intervenjenti intiża sabiex l-UASI jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, għaliex dan tal-aħħar rebaħ.

176    Fid-dawl ta’ dan li jippreċedi, il-Qorti Ġenerali tqis li tkun saret evalwazzjoni ġusta tal-fatti tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-UASI u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti u li l-intervenjenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

177    Fl-aħħar, fir-rigward tat-talba tal-intervenjenti li jiġu rriżervati l-ispejjeż relatati mal-kawża li tat lok għad-digriet Golden Elephant Brand, punt 22 supra, sad-deċiżjoni definittiva fuq il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, meħuda fl-intier tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż relatati ma’ din il-kawża diġà ttieħdet fl-imsemmi digriet u li din id-deċiżjoni saret definittiva, peress li ebda parti ma ppreżentat appell. Għaldaqstant hemm lok li din it-talba tal-intervenjenti tiġi miċħuda.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      It-talbiet ta’ Hoo Hing Holdings Ltd intiżi għall-annullament parzjali u għall-bidla tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-7 ta’ Mejju 2008 (Każ R 889/2007-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Hoo Hing Holdings Ltd u Tresplain Investments Ltd, huma miċħuda.

3)      Tresplain Investments għandha tbati l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-UASI kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti minn Hoo Hing Holdings. Hoo Hing Holdings għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Firem

Werrej

Il-fatti

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talbiet tar-rikorrenti

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament Nru 40/94

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 73 u 74(1), in fine, tar-Regolament Nru 40/94

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Osservazzjonijiet preliminari

–  Fuq il-goodwill

–  Fuq il-preżentazzjoni għarrieqa

–  Fuq id-dannu jew ir-riskju ta’ dannu

2.  Fuq it-tieni u t-tielet kapijiet tat-talbiet tal-intervenjenti

3.  Fuq it-talbiet tal-intervenjenti li jirreferu għar-raġunijiet ta’ invalidità previsti, rispettivament, fl-Artikolu 51(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.