Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ April 2016 – NF vs Il-Kunsill Ewropew

(Kawża T-192/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: NF (Lesvos, il-Greċja) (rappreżentant: B. Burns, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill Ewropew

Talbiet

tannulla l-ftehim bejn il-Kunsill Ewropew u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 intitolat “Dikjarazzjoni UE-Turkija, 18 ta’ Marzu 2016”;

tordna l-ħlas tal-ispejjeż legali tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-ftehim bejn il-Kunsill Ewropew u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 bit-titolu “Dikjarazzjoni UE-Turkija, 18 ta’ Marzu 2016”, huwa inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 18 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-Turkija ma hijiex pajjiż terz bla perikolu fis-sens tal-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168).

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li kellha tiġi implementata d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 162).

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li dan il-ftehim ikkontestat huwa fir-realtà trattat vinkolanti jew “att” li għandu effetti legali fuq ir-rikorrent u li n-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 218 TFUE u/jew l-Artikolu 78(3) TFUE, flimkien jew separatament, jirrendi l-ftehim ikkontestat invalidu.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-projbizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi fis-sens tal-Artikolu 19(1) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________