Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2020 – Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-388/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida, F. Laprévote, S. Rating u I. Metaxas-Maranghidis, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) tat-18 ta’ Mejju 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.56809 (2020/N) – Finland – COVID –19: Garanzija fuq is-self mill-Istat għal Finnair 1 , u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Ir-rikorrenti talbet ukoll li r-rikors jiġi ddeterminat taħt il-proċedura mħaffa kif imsemmi fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea applikat b’mod ħażin l-Artikolu 107(3)(b) TFUE billi qieset li l-għajnuna tindirizza disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża u billi kisret l-obbligu li tiżen l-effetti benefiċjali tal-għajnuna mal-effetti ħżiena fuq il-kundizzjonijiet fis-suq u ż-żamma tal-kompetizzjoni mhux distorta (jiġifieri, it-“test ta’ bbilanċjar”).

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TFUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-forniment liberu tas-servizzi u l-istabbiliment liberu, li kienu fil-bażi tal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni minn tmiem is-snin tmenin. Il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni ppermetta li jikbru kumpanniji tal-ajru low-cost verament pan-Ewropej. Il-Kummissjoni injorat id-dannu kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19 għal tali kumpanniji tal-ajru pan-Ewropej u r-rwol tagħhom fil-konnettività bl-ajru tal-Finlandja, billi awtorizzat lill-Finlandja tirriżerva l-għajnuna għal Finnair biss. L-Artikolu 107(3)(b) TFUE jipprovdi eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, iżda ma jipprovdix eċċezzjoni għar-regoli u l-prinċipji l-oħrajn tat-TFUE.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tniehdi proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet kbar u kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni.

____________

1 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) tat-18 ta’ Mejju 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.56809 (2020/N) – Finland – COVID –19: Garanzija fuq is-self mill-Istat għal Finnair (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).